Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0471/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0471/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sospensjoni tal-ftehim SWIFT b'riżultat tas-sorveljanza mill-NSA

16.10.2013 - (2013/2831(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jan Philipp Albrecht f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0468/2013

Proċedura : 2013/2831(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0471/2013
Testi mressqa :
B7-0471/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7-0471/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-ftehim SWIFT b'riżultat tas-sorveljanza mill-NSA

(2013/2831(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 87 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 226 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 234 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-programmi ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE[2],

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/412/UE tat-13 ta' Lulju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[3], u d-dikjarazzjonijiet li jakkumpanjawha mill-Kummissjoni u l-Kunsill,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-ftehim internazzjonali previst biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu[4],

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data ta’ Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[5],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu[6],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar l-abbożż ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu[7], u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tat-30 ta' Marzu 2011 (SEC(2011)0438) u tal-14 ta' Diċembru 2012 (SWD(2012)0454) dwar ir-rieżami konġunt tal-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Marzu 2011 dwar l-ispezzjoni tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Europol tal-Ftehim TFTP, li twettqet f'Novembru 2010 mill-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni pubblika tal-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol tal-14 ta' Marzu 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim TFTP,

–   wara li kkunsidra l-valutazzjoni tat-18 ta' Marzu 2013 mill-Korp ta' Sorveljanza Konġunta tal-Europol b'rabta mal-eżitu tat-tielet spezzjoni tiegħu tal-implimentazzjoni min-naħa tal-Europol tal-kompiti li għandu taħt il-Ftehim TFTP,

–   wara li kkunsidra l-ittra tat-18 ta' April 2011 mingħand Paul Breitbarth mill-Awtorità Olandiża tal-Protezzjoni tad-Data, lill-kap tad-delegazzjoni tal-Grupp tal-UE ta' verifika konġunta tat-TFTP,

–   wara li kkunsidra l-ittra tas-7 ta' Ġunju 2011 mingħand Jacob Kohnstamm, f'isem il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, lis-Sa Melissa A. Hartman, Deputat Assistent Segretarju, Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Diċembru 2012 mingħand Jacob Kohnstamm, f'isem il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, lis-Sur Juan Fernando López Aguilar, President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–   wara li kkunsidra l-ittra tat-12 ta' Settembru 2013 mingħand il-Kummissarju Malmström lis-Sur David Cohen, Sotto Segretarju tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għat-Terroriżmu u l-Intelligence Finanzjarju, u r-risposta tas-Sotto Segretarju Cohen tat-18 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2011 bit-titolu ‘Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli’ (COM(2011)0429),

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet bil-Miktub E-11200/2010, E-2166/2011, E-2762/2011, E‑2783/2011, E-3148/2011, E-3778/2011, E-3779/2011, E-4483/2011, E-6633/2011, E‑8044/2011, E-8752/2011, E-617/2012, E-2349/2012, E-3325/2012, E-7570/2012 u E-000351/2013,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim') daħal fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2010;

B.  billi rapporti tal-istampa jindikaw li n-National Security Agency (NSA) tal-Istati Uniti kellha aċċess dirett għas-sistemi tal-IT ta' għadd ta' kumpaniji privati u kisbet aċċess dirett għal messaġġi ta' pagamenti finanzjarji li jirreferu għal trasferimenti finanzjarji u data relatata minn fornitur ta' servizzi ta' messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali li huma attwalment koperti mill-Ftehim;

C. billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE, il-Parlament ta istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex iwettaq inkjesta fid-dettall dwar il-kwistjoni, f'kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u l-grupp ta' esperti UE-Stati Uniti stabbilit mill-Kummissjoni, u jippreżenta rapport sal-aħħar tas-sena;

D. billi, wara li ċaħdu l-Ftehim temporanju TFTP, sfortunatament il-maġġoranza fi ħdan il-Parlament Ewropew taw biss il-kunsens tagħhom għall-Ftehim TFTP attwali anke jekk dan ma kienx jipprovdi salvagwardji biex tkun żgurata l-prevenzjoni tat-trasferiment ta' data bil-massa u ma kellux kontroll ġudizzjali indipendenti;

E.  billi t-Teżor tal-Istati Uniti kklassifika kwantità kbira ta' informazzjoni rilevanti b'rabta ma' dan il-Ftehim bħala 'Sigriet tal-UE';

F.  billi, skont il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Artikolu 29 relatat mal-Protezzjoni tad-Data, il-proċedura attwali għall-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess tista' ma tkunx adegwata u fil-prattika jista' ma jkunx possibbli li jiġi eżerċitat id-dritt ta' rettifika, tħassir u imblukkar;

G. billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sistema li tippermetti li l-estrazzjoni tad-data ssir fit-territorju tal-UE;

H. billi l-Kummissjoni kienet mistiedna tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill qafas ġuridiku u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awwissu 2011;

I.   billi, minflok ma ressqet qafas ġuridiku u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE, fit-13 ta' Lulju 2011 il-Kummissjoni ppreżentat deskrizzjoni tal-passi differenti li ħadet biex tersaq lejn l-istabbiliment ta' qafas ġuridiku u tekniku tali, filwaqt li kkomunikat ir-riżultati preliminari u xi għażliet teoretiċi għal sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu, mingħajr ma daħlet fid-dettall;

1.  Huwa tal-fehma li, billi l-għan ewlieni tal-UE huwa li tippromwovi l-libertà tal-individwu, għandu jkun hemm impenn, permezz tal-istat tad-dritt, lejn miżuri ta' sigurtà, inklużi miżuri kontra t-terroriżmu, bħala appoġġ għal dik il-libertà u għandhom ikunu suġġetti għal obbligi tad-drittijiet fundamentali inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data;

2.  Itenni l-oġġezzjoni tiegħu għall-Ftehim billi dan ma jipprovdix biżżejjed salvagwardji kontra t-trasferiment bil-massa ta' data personali jew is-sorveljanza indipendenti;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ftehimiet mal-Istati Uniti dwar l-iskambju tad-data jkunu bbażati fuq qafas koerenti u ġuridiku dwar il-protezzjoni tad-data li joffri standards legalment vinkolanti għall-protezzjoni tad-data personali, inkluż dwar il-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data, l-informazzjoni, l-aċċess, il-korrezzjoni, it-tħassir u r-rimedju;

4.  Jifhem, mill-interpretazzjoni tiegħu, li l-interċettazzjoni ta' data ta' SWIFT mill-NSA barra mill-Ftehim tista' minnha nnifisha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 4 tal-Ftehim, u għalhekk awtomatikament għandha twassal għal terminazzjoni tal-Ftehim;

5.  Jiddeplora l-fatt li lanqas Stat Membru wieħed ma talab l-għajnuna tal-unità tal-Europol għaċ-ċiberkriminalità fit-twettiq ta' investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kellhom aċċess mhux awtorizzat jew li ħolqu mezzi klandestini possibbli ta' aċċess għas-servers SWIFT;

6.  Jinsab konvint li, b'mod ġenerali, il-Ftehim ma ġiex implimentat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari kif stabbilit fl-Artikoli 4, 12, 13, 15 u 16 tiegħu, u għalhekk naqas milli jirrispetta l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad-data, jiġifieri l-limitazzjoni tal-iskop, in-neċessità u l-proporzjonalità;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji sabiex ittemm il-Ftehim immedjatament;

8.  Jistenna li l-Kummissjoni tressaq mingħajr aktar dewmien, proposta għal qafas ġuridiku u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE; jistenna li din il-proposta tiggarantixxi:

     (a) konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data;

(b) li ma tiġi estratta l-ebda data dwar iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) jew data finanzjarja nazzjonali, irrispettivament mis-sistema li biha tiġi pproċessata jew estratta;

(c) li l-ebda data ma tiġi estratta jew miżmuma mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel;

(d) li l-verifika abbażi ta' każ b'każ dwar jekk it-talbiet għall-estrazzjoni tad-data humiex ġustifikati skont id-dispożizzjonijiet tal-proposta ssir minn awtorità ġudizzjali indipendenti minflok mill-Europol;

9.  Jitlob li l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha, inkluża l-intelligence sottostanti, ikunu immedjatament disponibbli lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew għal skopijiet ta' eżami;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Europol.