Proċedura : 2013/2882(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0072/2014

Testi mressqa :

B7-0072/2014

Dibattiti :

PV 05/02/2014 - 20
CRE 05/02/2014 - 20

Votazzjonijiet :

PV 06/02/2014 - 9.11

Testi adottati :

P7_TA(2014)0104

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 178kWORD 121k
28.1.2014
PE527.281v01-00
 
B7-0072/2014

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-Rapport ta’ Progress 2013 dwar il-Montenegro (2013/2882(RSP))


Charles Tannock f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2013 dwar il-Montenegro (2013/2882(RSP))  
B7‑0072/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro, min-naħa l-oħra, tad-29 ta' Marzu 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-anness tagħhom bl-isem 'L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: nimxu lejn l-integrazzjoni Ewropea',

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-9 ta' Novembru 2010 dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Montenegro biex jissieħeb fl-Unjoni Ewropea (COM(2010)0670),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar il-progress tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi (COM(2012)0222), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012 li ddeċidew li jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro fid-29 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali dwar it-tkabbir u l-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni tal-11 ta’ Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Strateġija ta’ Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014’ tas-16 ta’ Ottubru 2013 (COM(2013)0700), akkumpanjat mid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2013)0411) bit-titolu ‘Rapport ta’ Progress 2013 dwar il-Montenegro’,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tas-Sitt Laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni Unjoni Ewropea-Montenegro (SAPC), tat-29 u l-30 ta' April 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar it-Tkabbir: politiki, kriterji u l-interessi strateġiċi tal-UE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar il-ġestjoni baġitarja tal-fondi tal-Unjoni Ewropea ta’ qabel l-adeżjoni fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati u l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-Montenegro(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-adeżjoni fl-UE għandha tibqa’ l-ixprun ewlieni għat-tkomplija tar-riformi politiċi, soċjali u ekonomiċi;

B.  billi l-UE poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-proċess ta’ tkabbir tagħha;

C.  billi l-Montenegro għamel progress lejn l-integrazzjoni fl-UE, b’entużjażmu għall-proġett Ewropew kondiviż fl-ispettru politiku u s-soċjetà ġenerali; billi l-pajjiż irnexxielu jagħlaq proviżjonalment il-Kapitoli 25 u 26;

D.  billi l-infurzar tal-istat tad-dritt, notevolment permezz tar-riforma ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma prijoritajiet ewlenin; billi l-proċess tal-eżami analitiku fuq il-Kapitoli kollha ġie konkluż; billi n-negozjati tal-Kapitoli 23 u 24 infetħu f’Diċembru 2013 f’konformità mal-'Approċċ il-Ġdid' tal-Kummissjoni biex ir-riformi ġudizzjarji u l-affarijiet interni jiġu indirizzati kemm jista’ jkun kmieni fil-proċess ta’ adeżjoni;

E.  billi r-riformi kostituzzjonali riċenti, ladarba jidħlu fis-seħħ bis-sħiħ, għandhom isaħħu l-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura;

F.  billi l-korruzzjoni finanzjarja u l-kriminalitá organizzata, inkluż fl-istituzzjonijiet, kif ukoll l-imġiba ħażina elettorali, jibqgħu ta’ tħassib serju; billi l-Montenegro jeħtieġ li jindirizzahom u jiżviluppa rekord b’saħħtu fil-qasam tal-istat tad-dritt;

G.  billi s-soċjetà ċivili għandha rwol importanti fil-proċess ta’ riforma u ta’ adeżjoni fl-UE;

H.  billi l-kooperazzjoni reġjonali hija importanti ħafna għall-istabilitá politika u għall-iżvilupp tas-sigurtá u dak ekonomiku fil-Montenegro u r-reġjun kollu;

Negozjati tal-adeżjoni

1.  Jilqa’ l-ftuħ ta’ ħames kapitoli ġodda ta’ negozjati f’Diċembru 2013 ; iħeġġeġ il-kontinwazzjoni rapida tan-negozjati ta’ adeżjoni, sakemm ir-riformi jkunu segwiti u implimentati, u jintlaħqu riżultati konkreti;

2.  Jilqa’ l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-gvern fuq il-Kapitoli 23 u 24, li jistabbilixxu aġenda ta’ riforma komprensiva u jikkostitwixxu l-punt ta’ riferiment għall-ftuħ ta’ dawn il-kapitoli;

3.  Ifaħħar l-inklużjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fl-istrutturi tan-negozjati; jinnota, madankollu, is-sejħa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetá ċivili biex il-gvern juri l-akbar trasparenza possibbli matul il-proċess ta' negozjar u adeżjoni, inkluż bl-involviment ta’ għażla usa’ ta’ organizzazzjonijiet fil-gruppi ta' ħidma u bit-twettiq ta' konsultazzjonijiet estensivi man-nazzjon kollu;

4.  Jenfasizza r-responsabbiltá kemm tal-gvern u tal-parlament biex itejbu l-komunikazzjoni mal-pubbliku u jinfurmaw lill-partijiet interessati kollha, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetá ċivili u l-pubbliku ġenerali b’mod trasparenti u f’waqtu dwar l-iżviluppi fin-negozjati ta’ adeżjoni u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni wiesgħa tagħhom f'dan il-proċess;

Kriterji politiċi

5.  Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha, fil-gvern u fl-oppożizzjoni, kif ukoll lill-atturi soċjali u ekonomiċi ewlenin, biex jibqgħu ffukati, permezz ta’ djalogu sostenibbli u kooperazzjoni kostruttiva, fuq l-aġenda ta’ integrazzjoni tal-pajjiż fl-UE;

6.  Jilqa’ t-tisħiħ tar-rwol ta’ sorveljanza tal-Parlament Montenegrin, inkluż permezz ta’ seduti ta’ kontroll u konsultattivi; jitlob, madankollu, is-segwitu msaħħaħ tal-konklużjonijiet tas-seduti, sorveljanza aktar b’saħħitha tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata u involviment parlamentari aktar attiv fin-negozjati; jilqa’ r-riżoluzzjoni fuq il-metodu, il-kwalitá u d-dinamika tal-proċess ta’ integrazzjoni tal-Montenegro fl-UE, adottata mill-Parlament tal-Montenegro fis-27 ta’ Diċembru 2013; jemmen li jeħtieġ l-proċess ta’ integrazzjoni jinvolvi bis-sħiħ lill-parlament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jgawdi minn appoġġ demokratiku aktar wiesa’;

7.  Jiddispjaċih mill-fatt li, wara l-“Affari tar-Reġistrazzjonijiet tal-Awdjo” notorja ta’ din is-sena, kumitat ta’ inkjesta ffurmat biex jinvestiga l-allegat użu ħażin tal-fondi pubbliċi għal finijiet politiċi partitarji naqas milli jasal għal konklużjonijiet politiċi fir-rapport finali tiegħu, u li s-segwitu ġudizzjarju baqa’ mhux komplut f’dan ir-rigward; jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata investigazzjoni bir-reqqa u adegwata jekk ikun hemm bżonn; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Montenegrini responsabbli, għalhekk, biex jaslu għal konklużjoni rapida, libera u ġusta għall-proċess ġudizzjarju, bil-kooperazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha, li tindirizza kull reat b’attenzjoni, b’mod oġġettiv u f’konformità sħiħa mal-liġi; jilqa', barra minn hekk, l-inkjesta mħabbra riċentament dwar l-affari tar-reġistrazzjonijiet tal-vidjo f’Cetinje, fejn kull min jinstab li jkun kiser il-liġi elettorali jiffaċċja s-sanzjonijiet xierqa skont proċess ġust;

8.  Jenfasizza l-bżonn li titjieb il-kunfidenza pubblika fis-sistema elettorali u l-istrutturi demokratiċi u jistieden lill-Parlament iħaffef ir-riforma elettorali billi jemenda s-sett ta' liġijiet li jirregolaw l-elezzjonijiet u l-finazjament tal-partiti politiċi, inklużi l-abbozz ta' liġi dwar lista unika tal-votanti u l-abbozz ta' emendi għal-liġi dwar il-karta tal-identità personali; jenfasizza l-bżonn għal reġistru tal-votanti uniku biex ikun totalment trasparenti u affidabbli; jinsisti li dawn ir-riformi jeħtieġ isiru f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet li ilhom jeżistu tal-OSCE/ODIHR u bi trasparenza sħiħa u bl-involviment tas-soċjetà ċivili; jappoġġa l-appell tal-Kummissjoni għal separazzjoni ċara u aċċettata b'mod ġenerali bejn l-interessi pubbliċi u dawk tal-partiti; jistieden lill-Gvern jippubblika b'mod proattiv tagħrif dwar l-għajnuna statali għal individwi u kumpaniji, impjiegi fis-settur tas-servizz pubbliku u infiq ieħor li jista' jinfluwenza l-mod kif wieħed jivvota; jinnota li l-perċezzjoni tal-korruzzjoni tista’ tkun ta’ ħsara daqs il-korruzzjoni nnifisha;

9.  Jenfasizza l-importanza ta’ riforma tal-amministrazzjoni pubblika għall-applikazzjoni tal-acquis; iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ amministrazzjoni pubblika u biex jittieħdu aktar miżuri biex tinħoloq amministrazzjoni pubblika trasparenti, professjonali, effettiva u bbażata fuq il-mertu; jitlob lill-awtoritajiet biex fir-reklutaġġ u s-sensjar tal-uffiċjali pubbliċi, jieħdu ħsieb li ma jidhrux li qed jippolitiċizzaw aktar is-servizz ċivili; jitlob ukoll li jissaħħu l-indipendenza u l-kapaċitajiet tal-uffiċċju tal-Ombudsman;

10.  Jilqa’ l-emendi kostituzzjonali mmirati lejn it-tisħiħ tal-indipendenza tal-ġudikatura billi titnaqqas l-influwenza politika fuq il-ħatra ta' prosekuturi u uffiċjali ġudizzjarji fil-livelli kollha permezz ta’ proċeduri aktar trasparenti u bbażati fuq il-mertu, u speċifikament billi jiġi elett il-Prosekutur Suprem tal-Istat; jieħu nota, madankollu, tal-inizjattiva tal-Ombudsman għall-valutazzjoni tal-kostituzzjonalità ta’ dawn l-emendi u tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-Qorti Kostituzzjonali li jikkonċernaw l-elezzjoni tal-Imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu rekord solida ta' riżultati ta' proċediment dixxiplinari u jiżguraw ġustizzja f'waqtha, flimkien mal-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza; jitlob li jittieħdu u jkunu implimentati aktar miżuri leġiżlattivi u miżuri oħrajn sabiex inaqqsu fil-prattika l-politiċizzazzjoni tal-ġudikatura, inkluż permezz ta' evalwazzjoni oġġettiva tal-prestazzjoni ġuridika, ta' evidenza ċara ta' responsabbiltà ġuridika f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, u tal-iżgurar ta' promozzjonijiet ibbażati fuq il-mertu; jenfasizza wkoll l-ħtieġa li l-indipendenza tal-qrati tal-maġistrati mill-fergħa eżekuttiva tkun żgurata;

11.  Jilqa' l-passi meħuda biex is-sistema tal-qorti tkun standardizzata, biex tkun promossa l-effiċjenza ġudizzjarja u biex jitnaqqas aktar l-għadd ta’ każijiet pendenti; Jesprimi tħassib, madankollu, dwar it-tul tal-proċeduri tal-qrati, l-infrastruttura ħażina f’ħafna qrati, l-infurzar dgħajjef ta’ deċiżjonijiet ċivili u amministrattivi u l-baġit insuffiċjenti għall-ġudikatura u l-prosekuzzjoni; jitlob li jittejbu l-kapaċitajiet fil-kunsilli ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni kif ukoll li jissaħħu s-salvagwardji responsabbli u integri fis-sistema ġudizzjarja; jitlob, barra minn hekk, biex ikun hemm miżuri li jiżguraw l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja ċivili u l-kumpens f'konformità mal-istandards Ewropej; iħeġġeġ lill-qrati biex ikunu aktar trasparenti u responsabbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

12.  Jitlob għal segwitu xieraq ta’ rapporti pendenti dwar id-delitti tal-gwerra sabiex tiġi indirizzata l-impunità, b’investigazzjoni aktar rigoruża, effiċjenti u trasparenti u prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed aktar azzjoni biex tiġi miġġielda mhux sempliċiment l-impunità, iżda anki l-perċezzjoni tagħha; għal dan l-għan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jirrevedu l-linji gwida tas-sentenzjar, u jeżaminaw l-għadd apparentament sproporzjonat tal-liberazzjonijiet fil-każ tal-aktar kriminalità serja;

13.  Ifaħħar lill-gvern għall-Istrateġija tar-Riforma Ġudizzjarja 2007-2012 tiegħu, iżda jesprimi tħassib dwar l-implimentazzjoni kajmana tagħha; jinnota li l-istrateġija 2013-2018 tinsab f’fażi avvanzata ta’ preparazzjoni; jitlob, għalhekk, l-attenzjoni governattiva ġenerali fil-Montenegro fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji attwali, b’evalwazzjonijiet komprensivi li ġew diskussi pubblikament, minflok is-sempliċi sostituzzjoni tal-istrateġiji mingħajr ma tkun saret il-valutazzjoni meħtieġa; iħeġġeġ lill-korpi ta’ monitoraġġ sabiex l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni jsiru n-norma;

14.  Jenfasizza li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jitlob li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-proċess elettorali, l-amministrazzjoni tal-artijiet, l-ippjanar spazjali u l-industrija tal-bini, il-privatizzazzjoni u l-akkwist pubbliku għadhom vulnerabbli għall-korruzzjoni; jistenna li l-ftuħ tan-negozjati tal-Kapitolu 5 (Akkwist pubbliku) se jħaffu r-riformi neċessarji f'dan il-qasam; jilqa’ l-istabbiliment, fi ħdan il-parlament, ta’ Kumitat Kontra l-Korruzzjoni ġdid; iħeġġeġ lill-awtoritajiet itejbu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet superviżorji, itejbu l-awditjar, iżidu t-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti u jsaħħu l-kapaċità fil-livelli kollha sabiex inaqqsu l-irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar l-akkwist pubbliku u l-oqsma l-oħra imsemmija hawn fuq;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-riformi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u li tkun żviluppata serje solida ta' riżultati ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u konvinzjonijiet fil-livelli kollha; jitlob għal aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-aġenziji ta’ infurzar tal-liġi u l-ġudikatura fil-ġlieda kontra l-kriminalitá organizzata u l-korruzzjoni fil-livelli kollha, u biex titjieb il-prestazzjoni tal-ġudikatura f'każijiet ta' livell għoli; jesprimi tħassib serju dwar l-annullament ta’ sentenzi ta’ prim’istanza f’każijiet ta’ kriminalità organizzata; jinsisti li l-impunità għall-kriminali li nstabu ħatja ta’ korruzzjoni jew kriminalità organizzata mhijiex aċċettabbli; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi jimplimentaw il-miżuri rilevanti kollha u li jinżammu responsabbli jekk jonqsu milli jagħmlu dan;

17.  Jistieden lill-Montenegro jkompli jimpenja ruħu fil-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali meta jiġġieled kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; jitlob għal aktar sforzi lejn sorveljanza effikaċi tal-fruntieri bl-għan li tkun miġġielda l-kriminalità organizzata u operazzjonijiet ta' kuntrabandu fuq ir-'rotta Balkanika'; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-superviżjoni u li jiġu implimentati l-miżuri biex jiġi indirizzat il-ħasil tal-flus imwettaq mill-gruppi kriminali lokali u internazzjonali;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-Gvern Montenegrin li jkompli u jsaħħaħ il-konsultazzjonijiet, u jtejjeb l-interazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-oppożizzjoni, sabiex tinkiseb aktar trasparenza fit-tfassil tal-politika u tal-liġijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata; għal dan l-għan, ifaħħar l-isforzi tal-Gvern biex tiżdied it-trasparenza pubblika tax-xogħol tiegħu, filwaqt li jirrikonoxxi li għad fadal ħafna xi jsir; jilqa’ l-parteċipazzjoni estensiva tas-soċjetà ċivili fil-gruppi ta’ ħidma dwar il-kapitoli ta’ negozjar tal-UE, iżda jinnota t-tħassib ta’ xi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar in-natura u l-kwalità ta’ dik il-parteċipazzjoni; jiddispjaċih bid-deterjorament riċenti tar-relazzjoni bejn ċerti sezzjonijiet tal-gvern u s-soċjetà ċivili, fejn iż-żewġ naħat esprimew il-biża’ tagħhom li l-ostilità reċiproka tissugra li ttellef ix-xewqa kondiviża għall-avvanz tal-integrazzjoni fl-UE; iħeġġeġ għalhekk djalogu produttiv u bilanċjat bejn il-partijiet kollha, li fih il-gvern oġġettivament jassisti u jiffaċilita x-xogħol tas-soċjetà ċivili, kif ukoll jinkludi bis-sħiħ lir-rappreżentanti fil-proċess politiku, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jikkritikaw il-politika u jżommu lill-gvern responsabbli b’mod ġust u kostruttiv;

19.  Jinnota b’sodisfazzjon li l-assistenza mill-IPA taħdem tajjeb fil-Montenegro; iħeġġeġ kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Kummissjoni biex jissimplifikaw il-proċedura ta’ amministrazzjoni tal-finanzjament mill-IPA, bl-għan li din issir aktar aċċessibbli għal organizzazzjonijiet ċivili iżgħar u mhux ċentralizzati, trejdjunjins u benefiċjarji oħra;

20.  Jenfasizza li l-Montenegro rratifika t-tmien konvezjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-ILO u l-Karta Soċjali Ewropea riveduta; jenfasizza l-fatt li, għalkemm id-drittijiet bażiċi tax-xogħol u tat-trejdjunjins huma ġeneralment rispettati, jeħtieġ li dawn jiġu msaħħa aktar; jissottolinja r-rwol importanti tad-djalogu soċjali u jitlob lill-gvern biex isaħħaħ il-Kunsill Soċjali;

21.  Jenfasizza l-importanza li f’demokrazija funzjonali jkun hemm mezzi tal-informazzjoni ħielsa, indipendenti u imparzjali; jesprimi tħassib serju dwar iż-żieda fl-intimidazzjoni verbali u fiżika tal-ġurnalisti; ifakkar fl-importanza li jitrawmu midja responsabbli, indipendenza editorjali u diversità fis-sjieda tal-midja f’konformità mal-istandards Ewropej; jenfasizza r-responsabbiltà ta’ dawk kollha fil-politika u fil-midja biex irawmu klima ta’ tolleranza għall-opinjonijiet differenti; iqis li huwa essenzjali li jgħin fil-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-istampa; jitlob li t-theddid u l-attakki kollha kontra ġurnalisti jkunu investigati u ssir prosekuzzjoni, inklużi r-reati preċedenti mhux solvuti; jilqa’ d-deċiżjoni li jitwaqqaf korp speċjali li jissorvelja l-isforzi uffiċjali biex jissolvew każijiet ta’ qtil u attakki fuq il-ġurnalisti, li jista’ jgħin fl-istabbiliment ta’ fiduċja aktar profonda bejn l-Istat u l-mezzi tal-informazzjoni;

22.  Jenfasizza r-rwol speċjali ta' mezzi tal-informazzjoni tas-servizz pubbliku indipendenti u sostenibbli fit-tisħiħ tal-libertà tal-mezzi tal-informazzjoni u d-demokrazija, u f’dan ir-rigward jitlob lill-awtoritajiet biex jirrispettaw bis-sħiħ il-Liġi dwar r-Radju Televiżjoni Montengro (RTCG), inklużi salvagwardji legali li jiggarantixxu s-sostenibbiltà finanzjarja tal-mezzi tal-informazzjoni tas-servizz pubbliku, u b’hekk jippermettulhom li jwettqu l-mandat soċjali tagħhom;

23.  Jitlob għal titjib fil-qasam tal-protezzjoni tax-xhieda u għall-adozzjoni ta’ liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

24.  Jenfasizza r-responsabbiltà tal-forzi politiċi kollha biex joħolqu klima ta’ tolleranza u inklużjoni għall-minoranzi kollha; jilqa’ l-politika tal-gvern dwar il-minoranzi, li ppromwoviet integrazzjoni aktar profonda b’mod partikolari tal-komunità Albaniża tal-pajjiż; jitlob li titjieb is-sitwazzjoni ta’ gruppi soċjalment vulnerabbli, inkluż l-aċċess ta’ persuni b’diżabilità fil-faċilitajiet ta’ edukazzjoni u f’dawk mediċi, u l-aċċess fiżiku għall-bini pubbliku; jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni riċenti tal-gvern dwar ir-Roma, iżda jħeġġeġ li jkun hemm aktar faċilitazzjoni ta’ edukazzjoni u impjiegi għar-Roma u minoranzi oħra, li għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess limitat għall-edukazzjoni għat-tfal Roma, Ashkali u Eġizzjani;

25.  Jinnota li n-nisa għadhom b'rappreżentazzjoni baxxa f'ħafna oqsma tas-soċjetà Montenegrina, inklużi fil-Parlament, fil-pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-gvern jintensifika l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżid ir-riżorsi finanzjarji u umani rilevanti, jiżgura l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-ugwaljanza tas-sessi, jintroduċi l-prinċipju ta' pagi ugwali għal xogħol ugwali, u jħeġġeġ parteċipazzjoni aktar wiesgħa tan-nisa, b’mod partikolari fl-arena politika;

26.  Jesprimi tħassib dwar il-livell għoli ta’ intolleranza tal-omosesswali fil-Montenegro, bi vjolenza u theddid ta’ vjolenza frekwenti, kif ukoll diskors ta' mibegħda kontra attivisti favur id-drittijiet tal-omosesswali; jiddispjaċih mill-fatt li l-aktar attivist prominenti tal-LGBTI fittex asil barra l-pajjiż wara tħassib dwar is-sigurtà tiegħu; jilqa’, madankollu, l-istrateġija l-ġdida tal-gvern biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni LGBTI, iżda jenfasizza l-attenzjoni fuq l-implimentazzjoni tagħha; jissottolinja, b’mod partikolari, il-ħtieġa li l-pubbliku jiġi edukat u infurmat sabiex jgħin biex jinbidlu l-attitudnijiet; ifaħħar b’mod partikolari lill-gvern u lill-pulizija għall-appoġġ u l-faċilitazzjoni tagħhom għall-‘Pride marches’ li seħħew għall-ewwel darba din is-sena f’Budva u Podgorica; jenfasizza li l-vjolenza kontra l-omosesswali matul din id-dimostrazzjoni għandha tiġi investigata bis-sħiħ, u dawk responsabbli għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jippromwovu aktar it-tolleranza lejn il-persuni LGBTI u jipproċessaw fi żmien xieraq ir-reati kriminali; jenfasizza l-bżonn li tiżdied l-aċċettazzjoni soċjali u tintemm id-diskriminazzjoni kontra l-omosesswali;

27.  Jesprimi tħassib dwar il-problemi li għaddejjin bħalissa tal-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, bil-biża' li ħafna jqisuha soċjalment aċċettabbli; jiddispjaċih mill-progress kajman fl-iżvilupp ta’ servizzi bbażati fuq il-familja u l-komunità; jitlob lill-gvern iżid is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-vjolenza fil-familja u l-vjolenza kontra n-nisa kif ukoll id-dritt tat-tfal li jiġu mħarsa minn kull forma ta’ abbuż, abbandun u sfruttament; jilqa’ l-miżuri l-ġodda tal-gvern li jindirizzaw il-vjolenza domestika, itejbu d-drittijiet tat-tfal u jiżviluppaw it-taħriġ professjonali, iżda jħeġġeġ miżuri addizzjonali li jimplimentaw b’mod effettiv il-Liġi dwar il-Protezzjoni mill-Vjolenza fil-Familja, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni, l-appoġġ u l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja, l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-programmi ta’ prevenzjoni, u responsabbiltà diretta aktar b’saħħitha għat-trasgressuri;

Kwistjonijiet soċjoekonomiċi

28.  Jistieden lill-gvern jiffoka fuq iż-żieda tat-tkabbir ekonomiku biex il-faqar ikun ikkuntrastat u jitjiebu l-istandards ta’ għejxien taċ-ċittadini kollha, inkluż fejn possibbli bl-eżami tar-riforma tas-servizzi soċjali, u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali; jitlob għal żieda fl-isforzi biex ikun indirizzat is-settur informali kbir, titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-prorjetà intellettwali u s-sistema legali ġenerali sabiex il-korruzzjoni tkun miġġielda b’mod sistematiku u jitjieb l-ambjent tan-negozju, u biex ikunu implimentati riformi strutturali bil-għan li jattiraw u jappoġġaw l-investiment dirett barrani, li huwa kruċjali għad-diversifikar tal-ekonomija;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċessi ta’ riżoluzzjoni għat-tilwim kummerċjali jkunu trasparenti, ħielsa mill-interferenza politika u bbażati fuq l-istat tad-dritt sabiex titjieb aktar il-klima tan-negozju; iħeġġeġ riżoluzzjoni rapida għat-tilwima tal-impjant tal-aluminju KAP; jenfasizza li l-privatizzazzjonijiet għandhom isiru b’mod ġust, attent, trasparenti u ordnat; jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib dwar l-għajnuna statali, u jitlob għal trasparenza u sostenibbiltà fejn ikun xieraq, f’konformità mal-acquis u l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; jilqa’ l-isforzi tal-gvern fl-indirizzar tal-kwistjoni tad-dejn pubbliku li dejjem jiżdied u tad-defiċits fiskali strutturali kbar; jitlob għal aktar attivitajiet biex tkun żgurata l-implimentazzjoni futura tal-programm ta’ żvilupp rurali tal-IPA u tkun żviluppata legiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-ilma f’konformità mal-acquis;

30.  Jinnota li l-Liġi l-ġdida dwar l-Akkwist Pubbliku daħlet fis-seħħ f’Jannar 2012 iżda fil-prattika, l-implimentazzjoni tagħha hija nieqsa mill-effiċjenza b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa; jitlob lill-awtoritajiet Montenegrini biex jintroduċu trasparenza akbar fil-proċeduri kollha tal-akkwist u jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni b’objettivi, proċeduri u skedi ta’ żmien ċari biex jinfurzaw effettivament il-liġi l-ġdida tiegħu dwar l-akkwist pubbliku u biex il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar l-akkwist pubbliku, l-utilitajiet u l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża tiġi allinjata mal-acquis Ewropew;

31.  Ifaħħar l-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar; jitlob għal żieda fl-appoġġ tas-settur pubbliku għall-SMEs bħala wieħed mill-muturi tat-tkabbir ekonomiku; jitlob għall-unifikazzjoni tal-istrateġiji frammentati li jimpedixxu l-effikaċja tal-istrumenti marbuta mal-intrapriża u l-industrija;

32.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol li għadha ma nbidlitx u għalhekk jitlob li jittieħdu miżuri deċiżi biex jindirizzaw il-livell għoli ta’ qgħad, b'mod partikolari fost dawk li qed ifittxu x-xogħol għall-ewwel darba, u biex itejbu l-prestazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol; jitlob lill-Gvern biex jiżgura li l-implimentazzjoni tal-liġijiet tax-xogħol hija konformi mal-istandards tal-ILO, inkluż billi jitjiebu l-ispezzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkonfrontata l-ekonomija griża; jitlob li jissaħħaħ id-djalogu soċjali tripartitiku;

33.  Iħeġġeġ lill-Montenegro biex jagħmel aktar sforzi fl-oqsma tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima billi jsaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex jimplimenta l-politiki u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE sabiex jiżgura l-allinjament mal-acquis dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

34.  Jinnota li l-bini illegali, speċjalment f’żoni turistiċi, huwa problema sinifikanti fil-Montenegro; jitlob lill-awtoritajiet Montenegrini biex jippromwovu b’mod deċiż l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiż; jenfasizza l-importanza li l-iżvilupp tat-turiżmu jkun konformi mal-protezzjoni ambjentali;

Kooperazzjoni reġjonali

35.  Jilqa’ l-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro f’inizjattivi li jinkludu dawk dwar rikonċiljazzjoni reġjonali u l-proġett ‘Sitt Balkani tal-Punent’, u x-xewqa tal-gvern tiegħu li jkun fuq quddiem fl-inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali; jistieden lill-Montenegro jsaħħaħ il-kooperazzjoni kulturali u ekonomika tiegħu mal-Istati Membri ġirien tal-UE; ifaħħar lill-gvern talli żamm relazzjonijiet bilaterali tajba mal-ġirien kollha tiegħu, inkluż il-Kosovo, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jsolvi malajr il-kwistjoni tal-fruntieri tal-art u marittimi tiegħu mal-Kroazja, b’mod partikolari fid-dawl tal-esplorazzjoni preliminari taż-żejt lil hinn mill-kosta; iħeġġeġ id-delimitazzjoni tal-fruntieri mas-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo sabiex jinqerdu sorsi potenzjali ta’ tensjoni; jilqa’ l-progress dwar il-Proċess tad-Dikjarazzjoni ta’ Sarajevo, inkluża l-implimentazzjoni tal-Programm Reġjonali tad-Djar; iħeġġeġ aktar kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien billi jaqsam magħhom l-esperjenzi tan-negozjati ta’ adeżjoni;

36.  Jilqa’ ż-żjarat riċenti tal-Prim Ministru Dačić f’Podgorica u tal-Prim Ministru Đukanović f’Belgrad, li kienu l-ewwel żjarat ta’ din ix-xorta mill-indipendenza tal-Montenegro ’l hawn; ifaħħar dawn l-avvenimenti bħala sinjal b’saħħtu ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ aktar impenn u ftuħ bejn iż-żewġ naħat, li jista’ biss jawgura tajjeb għal aktar integrazzjoni reġjonali u Ewropea;

37.  Jenfasizza li r-relazzjonijiet ta’ bonviċinat li l-Montenegro għandu mal-pajjiżi fir-reġjun jiffurmaw bażi għal negozjati ta’ suċċess mal-UE, u li l-pajjiż innifsu jirrappreżenta eżempju ta’ kooperazzjoni u impenn favur il-paċi u l-istabilità ta' reġjun tal-Balkani tal-Punent;

38.  Jilqa' l-isforzi reċenti tal-Gvern li jirreġistra l-persuni spustati internament (IDPs) u li jikkjarifika l-istatus tagħhom, iżda japprezza d-diffikultà ta' dan il-kompitu, inkluża l-eliminazzjoni tal-piżijiet amministrattivi; jitlob lill-UE, kif ukoll lil sħab oħrajn tal-Balkani, biex jassistu lill-Gvern Montenegrin biex din il-kwistjoni tiġi riżolta mill-aktar fis possibbli, u jgħinu biex jingħalaq kapitolu ikrah fl-istorja tar-reġjun;

39.  Jilqa’ l-impenn tal-Gvern Montenegrin biex jissieħeb fin-NATO, iżda jinnota d-diverġenza qawwija fl-opinjonijiet fost il-parlamentari u fis-soċjetà b’mod ġenerali; jesprimi fiduċja li l-isforzi tal-Montenegro biex jikseb is-sħubija fin-NATO ser ikunu ta’ benefiċċju għall-aspirazzjonijiet tiegħu ta’ sħubija fl-UE, filwaqt li jtejbu wkoll il-kooperazzjoni u s-sigurtà reġjonali; ifaħħar b’mod partikolari l-kontribut tal-Montenegro, minkejja r-riżorsi ta’ difiża limitati tiegħu, fil-missjonijiet tan-NU u tal-PSDK, fosthom fl-Afganistan, fil-Liberja u f'Mali; jilqa’ dan is-sinjal ċar tal-impenn tal-Montenegro li jaħdem ma’ sħab internazzjonali fil-promozzjoni tal-paċi u l-istabilità globali;

°

°  °

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u l-Parlament tal-Montenegro.

(1)

ĠU L 108, 29.4.2010, p. 3.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2012)0453.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0434.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Frar 2014Avviż legali