Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0207/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0207/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

25.2.2014 - (2014/2600(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Jean-Pierre Audy, Nuno Teixeira, Davor Ivo Stier, Cristian Dan Preda, Elena Băsescu, Filip Kaczmarek, Salvador Sedó i Alabart, Roberta Angelilli, Eduard Kukan, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0207/2014

Proċedura : 2014/2600(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0207/2014
Testi mressqa :
B7-0207/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0207/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

(2014/2600(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, jiġifieri dik tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ dwar l-istazzjon televiżiv Radio Caracas , dik tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi, dik tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales, dik tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela, dik tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-każ ta' Maria Lourdes Afiuni u dik tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar eventwali mill-Venezwela tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-eks President tal-Kosta Rika u Premju Nobel għall-Paċi, Oscar Arias, dwar is-sitwazzjoni politika attwali fil-Venezwela,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi wieħed iqis il-bosta protesti u manifestazzjonijiet li seħħew fil-Venezwela matul dawn l-aħħar ġimgħat u li, fit-12 ta' Frar li għadda, wasslu għad-dispersjoni vjolenti ta' protesta ta' studenti, l-imwiet ta' tliet persuni, it-tidrib ta' 'l fuq minn 70 persuna u l-arrest ta' mijiet ta' studenti;

B.     billi f'dawn l-aħar jiem, l-għadd ta' protesti ma nasaqx, anzi baqa' jiżdied, u b'hekk żdied l-għadd ta' mejtin, midruba u detenuti, bħala konsegwenza tar-ripressjoni brutali min-naħa tal-awtoritajiet governattivi u mill-gruppi armati illegali;

C.     billi din il-mewġa ta' protesti hija r-riżultat ta' reġim Venezwelan dejjem iktar awtoritarju, dgħufija tas-sistema demokratika, rata għolja ħafna ta' insikurezza taċ-ċittadini, korruzzjoni ġeneralizzata, persekuzzjoni u atti ta' intimidazzjoni kontra l-oppożizzjoni demokratika, tas-soċjetà ċivili u tal-istampa, kif ukoll ta' eżerċizzju ta' ċensura u ta' monopolju tal-mezzi awdjoviżivi tal-informazzjoni, flimkien mal-għoli tal-ħajja, rata għolja ħafna tal-inflazzjoni u nuqqas ta' forniment tal-beni essenzjali, u dan kollu f'pajjiż li għandu l-ikbar riżervi taż-żejt fid-dinja;

D.     billi l-awtoritjiet tal-pajjiż, minflok ma kkontribwew għaż-żamma tal-kalma u t-tnaqqis fit-tensjoni, heddew li jwettqu "rivoluzzjoni armata" u ħabbru, taw u eżegwew bosta mandati ta' arrest u twissijiet kontra diriġenti importanti tal-oppożizzjoni demokratika billi attribwewlhom bosta delitti u filwaqt li akkużawhom bl-istigazzjoni intellettwali tal-protesti, u bl-intenzjoni li jorganizzaw kolp tal-istat;

E.     billi l-kostituzzjoni Venezwelana tiggarantixxi d-dritt għall-assemblea, l-assoċjazzjoni u l-protesta ċivika b'mezzi paċifiċi; billi s-setgħat pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom u jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom u ħajjithom, mingħajr ma jillimitaw dawn id-drittijiet;

F.     billi fil-Venezwela, gruppi armati vjolenti u inkontrollati favur il-gvern ilhom żmien jaġixxu b'impunità totali, u billi l-preżenza u l-interventi tagħhom fil-protesti f'dawn l-aħħar jiem wasslu għal atti ta' vjolenza li matulhom mietu u ndarbu bosta persuni, u dawn huma fatti li l-awtoritajiet governattivi għadhom ma ċċarawx;

1.      Jiddeplora bil-qawwa l-imwiet, jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jitlob għall-kalma, il-moderazzjoni u s-sens komun;

2.      Jirrifjuta kategorikament l-użu tal-vjolenza bħala mezz għas-sejba ta' soluzzjoni għal diverġenzi politiċi u jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward ta' nuqqas dejjem ikbar ta' sigurtà għaċ-ċittadini, polarizzazzjoni, vjolenza u persekuzzjoni fil-ħajja politika Venezwelana;

3.      Jitlob li jonqsu l-klima ta' tensjoni u l-vjolenza politika; iqis li s-setgħat pubbliċi għandhom id-dmir li jiggarantixxu d-drittijiet u s-sigurtà fundamentali taċ-ċittadini;

4.      Jistieden lill-gvern Venezwelan jirrispetta d-drittijiet ċiviċi tal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-protesta paċifika, drittijiet rikonoxxuti mill-kostituzzjoni;

5.      Jenfasizza li r-rispett strett tal-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni, tal-informazzjoi u tal-opinjoni jikkostitwixxu dritt fundamentali ta' kull soċjetà demokratika, u jirrifjuta b'konsegwenza ta' dan iċ-ċensura u l-limitazzjonijit tal-libertà tal-informazzjoni eżerċitati mill-awtoritajiet Venezwelani fuq il-midja nazzjonali u internazzjonali; jikkundanna l-persekuzzjoni li sfaw vittmi tagħha bosta gazzetti u midja awdjoviżivi oħra bħall-istazzjoi NTN24, u s-CNN bl-Ispanjol, u jqis li dawn il-prattiki jmorru kontra l-kostituzzjoni Venezwelana u l-impenji li ħadet ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela;

6.      Jitlob lill-awtoritajiet governattivi biex b'mod immedjat jaħtfu l-armi tal-gruppi armati inkontrollati favur il-gvern u jxoljuhom, kif ukoll li jtemmu l-impunità tagħhom, u jesiġi li jiġu ċċarati l-każijiet ta' mwiet sabiex min wettaqhom jinġieb quddiem il-ġustizzja;

7.      Jitlob li jinħelsu l-istudenti kollha arrestati matul il-protesti tal-istudenti tal-ġimgħa li għaddiet;

8.      Ifakkar li r-rispett strett tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri huwa fundamentali f'demokrazija, u li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja hija għas-servizz taċ-ċittadini u ma tistax tintuża mill-awtoritajiet bħala mezz ta' persekuzzjoni politika u ta' ripressjoni tal-oppożizzjoni demokratika; jitlob f'dan ir-rigward li l-imputazzjonijiet u l-akkużi infondati kontra l-membri tal-oppożizzjoni detenuti minħabba t-twemmin politiku tagħhom jiġu annullati u li jitwaqqfu l-akkużi kontra l-kapijiet importanti u l-mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika;

9.      Ifakkar li r-rispett tal-pluraliżmu, tad-diversità politika, tal-opinjoni u tal-espressjoni huma elementi fundamentali tal-kwalità u tat-tħaddim tajjeb tas-sistema demokratika; ifakkar li d-demokrazija tikkonsisti f'ħafna iktar elementi mis-sempliċi żamma ta' proċessi elettorali;

10.    Jenfasizza l-obbligi fundamentali tal-gvern tal-Venezwela li jirrispetta t-Trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali li huwa firmatarju tagħhom, u b'mod partikolari l-Karta Demokratika Inter-Amerikana u l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

11.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-ko President tal-Assemblea Parlamentari EuroLat, lis-Segretarjat Ġenerali tal-OAS, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u lis-Segretarju tal-Uffiċċju tal-Unità Demokratika tal-Venezwela.