Proċedura : 2014/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0437/2014

Testi mressqa :

B7-0437/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2014 - 9.13
CRE 17/04/2014 - 9.13

Testi adottati :

P7_TA(2014)0457

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 131kWORD 67k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0436/2014
15.4.2014
PE534.914v01-00
 
B7-0437/2014

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura


dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina (2014/2699(RSP))


Guy Verhofstadt, Johannes Cornelis van Baalen, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Graham Watson, Louis Michel, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Leonidas Donskis, Gerben-Jan Gerbrandy, Hannu Takkula, Marietje Schaake, Jelko Kacin, Marielle de Sarnez, Robert Rochefort, Alexander Graf Lambsdorff, Adina-Ioana Vălean f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina (2014/2699(RSP))  
B7‑0437/2014

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1) u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja(2),

–       wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina fil-21 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-UE dwar l-Ukraina, wara l-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina fis-6 ta' Marzu 2014, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina fl-20 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-9 ta' April 2014 dwar 'żviluppi riċenti fl-Ukraina: theddidiet għall-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi',

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 2(4) tat-Trattatt tan-NU,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-att ta' aggressjoni tar-Russja li kkonsista fl-invażjoni tal-Krimea jikkostitwixxi vjolazzjoni tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina, u jmur kontra d-dritt internazzjonali u jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tar-Russja bħala firmatarja tal-Memorandum ta’ Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà għall-Ukraina, fejn hija ggarantixxiet ir-rispett tal-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukraina;

B.     billi hemm indikazzjonijiet li r-Russja qiegħda tħeġġeġ attivament u qed tisponsorja l-protesti fir-reġjuni Luhansk, Donetsk u Kharkiv u hija involuta direttament jew indirettament fil-ħtif reċenti ta' bini pubbliku f'dawn ir-reġjuni u bliet;

C.     billi r-Russja għadha żżomm għadd kbir ta' truppi lesti għall-ġlied tul il-fruntiera tagħha mal-Ukraina, minkejja li wiegħdet li tirtirahom biex tbaxxi t-tensjoni;

D.     billi r-Russja qiegħda żżomm il-pożizzjoni tagħha li ma tirrikonoxxix il-Gvern Ukrain u l-aġent President tagħha, ikkumplimenta minn dikjarazzjonijiet uffiċjali Russi u aħbarijiet li fil-prattika għadhom ostili, bla bażi u mhux intiżi mar-realtà;

E.     billi l-mexxejja politiċi Russi qed iżommu retorika ħarxa u ostili kontra pajjiżi ġirien oħra, b'mod partikolari kontra l-Moldova, wara talba mill-Awtoritajiet de facto Transnistrijani biex jissieħbu formalment mal-Federazzjoni Russa;

F.     billi hemm il-ħtieġa ta' azzjoni diplomatika internazzjonali qawwija fil-livelli kollha u ta' proċess negozjat bil-għan li jnaqqas l-intensità tas-sitwazzjoni, itaffi t-tensjonijiet, jipprevjeni li l-kriżi tkompli tikber bla kontroll u jikseb eżitu paċifiku; billi l-UE jeħtiġilha twieġeb b’mod effikaċi biex tħalli lill-Ukraina u lill-pajjiżi l-oħra kollha tal-viċinat tal-Lvant jeżerċitaw bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tagħhom, ħielsa minn pressjoni Russa mhux f'lokha;

G.     billi s-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fuq għadd ta' uffiċjali Russi naqsu milli jiskoraġġixxu lir-Russja milli tkompli taggrava s-sitwazzjoni u għalhekk għandhom jiġu segwiti minn miżuri ulterjuri;

1.      Ifakkar l-kundanna qawwija tal-invażjoni tar-Russja u l-annessjoni tal-Krimea, li jmorru b'mod ċar kontra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-OSKE, l-Istatut tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà tal-1994, it-Trattat Bilaterali dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija tal-1997, il-Ftehim dwar l-Istatus u l-Kundizzjonijiet tal-Preżenza tal-Flotta Russa tal-Baħar Iswed fit-Territorju tal-Ukraina tal-1997; iqis li l-atti mwettqa mir-Russja qegħdin jheddu s-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent kollu Ewropew;

2       Jiċħad bil-qawwi bħala bla bażi għall-aħħar id-dikjarazzjonijiet Russi li ma waqqfux, li l-Gvern tal-Ukraina l-ġdid huwa illeġittimu u illegali u li ċ-ċittadini Ukraini fir-reġjuni tal-Lvant jinsabu mhedda minn estremisti tal-lemin;

3.      Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ukraina u l-Verkhovna Rada biex jagħtu bidu għal proċess ta' riforma kostituzzjonali sabiex jiġi garantit l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-minoranzi, flimkien mal-istipulazzjonijiet dwar l-użu tal-lingwi u kwistjonijiet urġenti oħra, f'konformità mal-ogħla standards internazzjonali u Ewropej;

4.      Jistieden lir-Russja tirtira l-unitajiet militari tagħha skjerati tul il-fruntiera bejn l-Ukraina u r-Russja u biex ittemm l-involviment u l-appoġġ tagħha għal gruppi separatisti fil-Lvant tal-Ukraina; jinnota l-appoġġ kontinwu minn maġġoranza kbira ta' ċittadini f'dan ir-reġjun għaż-żamma tal-unità tal-Ukraina; jistieden lil protestanti favur ir-Russja jtemmu l-ħtif tal-bini pubbliku b'mod paċifiku u biex joqgħdu lura minn azzjoni ulterjuri li tista' twassal għall-aggravament tas-sitwazzjoni;

5.      Jinnota li d-dimostrazzjonijiet li saru f'Moska u bliet oħra fil-15 ta' Marzu u t-13 ta' April 2014 kontra l-okkupazzjoni Russa tal-Krimea jindikaw il-fatt li proporzjon sinifikanti ta' ċittadini Russi jopponu azzjoni militari ostili kontra l-Ukraina;

6.      Jilqa' d-deċiżjoni li ttieħded mill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin fl-14 ta' April 2014 għall-mobilizzazzjoni missjoni tal-pulizija PSDK għall-infurzar tal-liġi u l-ordni lejn l-Ukraina, u jittama li din il-missjoni tista' tiġi mobilizzata mingħajr dewmien; jesprimi l-qbil tiegħu mal-miżuri li ttieħdu u mad-dikjarazzjonijiet maħruġa min-NATO u l-Istati Uniti matul din il-kriżi u jilqa' d-deċiżjoni li ttieħdet fl-10 ta' April 2014 mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa għas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tad-delegazzjoni Russa u li teskludi il-membri tagħha mill-korpi ewlenin tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.      Jistieden lill-Kunsill jestendi l-ambitu u wisa' tas-sanzjonijiet individwali personalizzati imposti fuq l-uffiċjali Russi, biex jiġu mmirati grupp ieħor ta' nies li huma biċċa waħda mat-tmexxija Russa;. iqis li sanzjonijiet immirati għandhom jiġu estiżi wkoll biex jinkludu l-industriji proprjetà tal-istat inter alia militari;

8.      Jistieden lill-komunità tan-negozju tal-UE tikkunsidra b'liema mod il-prattiki tan-negozju tagħha fir-Russja huma konformi mal-approċċ unifikat tal-UE fir-rigward tal-politika tal-Gvern Russu; jistieden lill-Istati Membri jżommu lura minn kwalunkwe bejgħ ta' armi jew materjal militari lir-Russja u biex ma jibagħtux konsenji bħal dawn sakemm il-kriżi attwali tissolva b'mod adegwat;

9.      Jilqa' l-laqgħa ppjanata tal-Ministri Barranin tal-Ukraina, tal-Istati Uniti u tar-Russja, flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-UE, bħala opportunità biex jittaffew it-tensjonijiet attwali u tinbeda l-ħidma biex il-kriżi tissolva b'mezzi politiċi u diplomatiċi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-annessjoni Russa tal-Krimea tibqa' illegali u għandha tiġi indirizzata f'konformità mal-liġi internazzjonali u b'rikonoxximent sħiħ għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina;

10.    Jenfasizza li t-tħassib tar-Russja fir-rigward tal-proċess ta' assoċjazzjoni tal-Ukraina u tal-ġirien l-oħrajn tal-Lvant mal-UE għandu jiġi indirizzat u spjegat b'mod adegwat, sabiex tittaffa l-biża' ta' linji diviżivi ġeopolitiċi ġodda fil-kontinent Ewropew; jirrimarka li kull pajjiż għandu kull dritt jagħmel l-għażliet politiċi tiegħu, iżda li d-djalogu tal-UE mas-sħab tal-Lvant għandu l-għan li jxerred il-ġid u jżid l-istabbiltà politika, ħaġa li l-Federazzjoni Russa se tgawdi minnha wkoll;

11.    Jesprimi l-appoġġ bis-sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Moldova u jistieden lir-Russja timpenja ruħha bis-sħiħ biex issib soluzzjoni għall-problema tat-Transnistrija u biex toqgħod lura minn kwalunkwe miżura li tista' xxerred il-kunflitt Ukraina lejn il-Moldova;

12.    Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja; iqis li huwa neċessarju li jiżdied il-pass tal-progress lejn l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni proviżorja tad-DCFTA;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-aġent President , lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0170.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0284.

Aġġornata l-aħħar: 16 t'April 2014Avviż legali