Proċedura : 2017/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0237/2017

Testi mressqa :

B8-0237/2017

Dibattiti :

PV 05/04/2017 - 6
CRE 05/04/2017 - 6

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2017 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2017)0102

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 525kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0237/2017
29.3.2017
PE598.577v01-00
 
B8-0237/2017

imressqa wara d-dibattitu dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2017/2593(RSP))


Guy Verhofstadt Koordinatur u President tal-Grupp ALDE
Manfred Weber President tal-Grupp PPE
Gianni Pittella President tal-Grupp S&D
Philippe Lamberts, Ska Keller Kopresidenti tal-Grupp Verts/ALE
Danuta Maria Hübner President tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2017/2593(RSP))  
B8-0237/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(5), 4(3) u 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 217 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2), dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(3), u dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-notifika mill-Gvern tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew tibda l-proċess li bih ir-Renju Unit mhuwiex se jibqa' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għalih;

B.  billi din se tkun ġrajja mingħajr preċedent u ta' dispjaċir, peress li qatt qabel ma seħħ li Stat Membru joħroġ mill-Unjoni Ewropea; billi l-arranġamenti għal dak il-ħruġ iridu jsiru b'mod ordinat ħalli ma jaffettwawx ħażin lill-Unjoni Ewropea, liċ-ċittadini tagħha u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

C.  billi l-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u, matul il-proċess kollu li se jwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit, sejjer jaġixxi biex jipproteġi l-interessi tagħhom;

D.  billi, minkejja li huwa d-dritt sovran ta' Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, huwa d-dmir tal-Istati Membri l-oħra kollha li jaġixxu b'mod unit fid-difiża tal-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-integrità tagħha; billi, għaldaqstant, in-negozjati sejrin isiru bejn ir-Renju Unit, minn naħa, u l-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru li jibqa' tagħha (UE-27), min-naħa l-oħra;

E.  billi n-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea sejrin jibdew wara li l-Kunsill Ewropew jadotta linji gwida għal dawk in-negozjati; billi din ir-riżoluzzjoni tirrappreżenta l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew għal dawn il-linji gwida u sejra tkun ukoll il-bażi li fuqha l-Parlament jivvaluta l-proċess tan-negozjati u kwalunkwe ftehim li jintlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

F.  billi jeħtieġ li r-Renju Unit, sa ma joħroġ mill-Unjoni Ewropea, igawdi d-drittijiet kollha u jaqdi l-obbligi kollha li joħorġu mit-Trattati, inkluż il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

G.  billi r-Renju Unit fin-notifika tiegħu tad-29 ta' Marzu 2017 iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkun barra l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi l-Gvern tar-Renju Unit fl-istess notifika indika li r-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea mhuma sejrin jinkludu la sħubija fis-suq intern u lanqas sħubija fl-unjoni doganali;

I.  billi, madanakollu, l-issuktar tas-sħubija tar-Renju Unit fis-suq intern, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew fl-unjoni doganali kien ikun l-aħjar soluzzjoni kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE-27; billi dan mhuwiex possibbli dment li l-Gvern tar-Renju Unit isostni l-oġġezzjonijiet tiegħu għall-erba' libertajiet u għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirrifjuta li jagħmel kontribuzzjoni ġenerali għall-baġit tal-Unjoni u jrid li jmexxi l-politika kummerċjali proprja tiegħu;

J.  billi, wara r-riżultat tar-referendum dwar ħruġ mill-Unjoni Ewropea, id-Deċiżjoni "dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea", li hija annessa mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016, fi kwalunkwe każ hija nulla u bla effett fid-dispożizzjonjiet kollha tagħha;

K.  billi n-negozjati jridu jsiru bl-għanijiet li jipprovdu stabilità legali u jillimitaw it-tħarbit, u li jagħtu liċ-ċittadini u lill-entitajiet ġuridiċi viżjoni ċara tal-ġejjieni;

L.  billi jeħtieġ li revoka tan-notifika tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-UE-27 kollha, b'tali mod li ma tkunx tista' tintuża bħala strument proċedurali jew inkella tiġi użata ħażin f'tentattiv biex it-termini ta' sħubija kurrenti tar-Renju Unit jittejbu;

M.  Billi, mingħajr ftehim ta' ħruġ, ir-Renju Unit joħroġ awtomatikament mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019, u dan jagħmlu b'mod diżordinat;

N.  billi għadd kbir ta' ċittadini tar-Renju Unit, inklużi maġġoranzi fl-Irlanda ta' Fuq u fl-Iskozja, ivvutaw biex jibqgħu fl-Unjoni Ewropea;

O.  billi l-Parlament Ewropew huwa mħasseb b'mod speċjali dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għall-Irlanda ta' Fuq u għar-relazzjonijiet futuri tagħha mal-Irlanda; billi, f'dak ir-rigward, huwa kruċjali li nissalvagwardjaw il-paċi u għalhekk li nippreservaw kull parti tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, bil-memorja li l-Unjoni kienet ħadet sehem attiv fil-medjazzjoni biex jintlaħaq, kif kien enfasizza l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar il-proċess tal-paċi fl-Irlanda ta' Fuq(5);

P.  billi l-ħruġ tar-Renju Unit għandu jġiegħel lill-UE-27 u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jindirizzaw aħjar l-isfidi kurrenti u jirriflettu dwar il-ġejjieni tagħhom u dwar l-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-proġett Ewropew aktar effikaċi u demokratiku u jqarrbuh lejn iċ-ċittadini; ifakkar fil-pjan direzzjonali ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016, kif ukoll fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar dan is-suġġett, fil-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-Futur tal-Ewropa, fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, u fil-proposti tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji tas-17 ta' Jannar 2017, li jistgħu jservu bħala bażi għal din ir-riflessjoni;

1.  Jirrikonoxxi n-notifika li l-gvern tar-Renju Unit għamel lill-Kunsill Ewropew u li tifformalizza d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea;

2.  Jitlob li n-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, kif provdut fl-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jibdew mill-aktar fis possibbli;

3.  Itenni li huwa importanti li l-ftehim ta' ħruġ u kwalunkwe arranġament tranżizzjonali possibbli jidħlu fis-seħħ żmien sewwa qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019;

4.  Ifakkar li l-ftehim ta' ħruġ jista' jiġi konkluż biss bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, kif jgħodd ukoll għal kwalunkwe ftehim futur possibbli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, kif ukoll kwalunkwe arranġament tranżizzjonali possibbli;

Prinċipji ġenerali għan-negozjati

5.  Jistenna li, biex jiżguraw li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir b'mod ordinat, in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit iridu jsiru b'bonafidi u bi trasparenza sħiħa; ifakkar li r-Renju Unit sejjer jibqa' jgawdi drittijietu bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea sa ma jibda jseħħ il-ftehim ta' ħruġ, u għaldaqstant sejjer ukoll jibqa' marbut bid-dmirijiet u bl-impenji tiegħu li jirriżultaw minn dan il-fatt;

6.  Ifakkar li, f'dan ir-rigward, ikun kontra l-liġi tal-Unjoni li r-Renju Unit, qabel ma' joħroġ, jibda negozjati dwar ftehimiet kummerċjali possibbli ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li azzjoni tali tkun f'kuntradizzjoni mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li għandu jkollha konsegwenzi, fosthom l-esklużjoni tar-Renju Unit mill-proċeduri għal negozjati kummerċjali stipulati fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-istess irid japplika f'oqsma ta' politika oħra li fihom ir-Renju Unit jibqa' jsawwar il-leġiżlazzjoni, l-azzjonijiet, l-istrateġiji u l-politiki komuni tal-Unjoni b'mod li jiffavorixxi l-interessi proprji tiegħu bħala Stat Membru fi triqtu lejn il-ħruġ, u mhux l-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-UE-27;

7.  Iwissi li kwalunkwe ftehim bilaterali bejn Stat Membru jew diversi Stati Membri u r-Renju Unit li ma jkunx ġie maqbul mill-UE-27, bi rbit ma' kwistjonijiet inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim ta' ħruġ u/jew li jolqot ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, ukoll ikun f'kuntradizzjoni mat-Trattati; iwissi, barra minn hekk, li dan ikun il-każ b'mod speċjali għal kwalunkwe ftehim bilaterali u/jew prattika regolatorja jew superviżorja li jkunu relatati, pereżempju, ma' kwalunkwe aċċess privileġġjat għas-suq intern għal istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fir-Renju Unit bi skaptu tal-qafas regolatorju tal-Unjoni jew tal-istatus taċ-ċittadini tal-UE-27 fir-Renju Unit jew viċeversa;

8.  Jemmen li l-mandat u d-direttivi tan-negozjati li japplikaw tul il-proċess kollu tan-negozjati jridu jirriflettu bis-sħiħ il-pożizzjonijiet u l-interessi taċ-ċittadini tal-UE-27, inklużi dawk tal-Irlanda, ladarba dak l-Istat Membru sejjer jintlaqat b'mod partikolari mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;

9.  Jemmen li, b'dawn il-kundizzjonijiet, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit sejrin jistabbilixxu relazzjoni futura li tkun ġusta, kemm jista' jkun mill-qrib, u bbilanċjata f'termini ta' drittijiet u obbligi; jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li ma jiħux sehem fis-suq intern, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fl-unjoni doganali; iqis li stat li joħroġ mill-Unjoni ma jistax igawdi benefiċċji bħal dawk li jgawdi Stat Membru tal-Unjoni, u għaldaqstant iħabbar li mhuwiex sejjer jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe ftehim li jmur kontra dan il-prinċipju;

10.  Jerġa' jafferma li s-sħubija fis-suq intern u fl-unjoni doganali tfisser neċessarjament aċċettazzjoni tal-erba' libertajiet, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ta' kontribuzzjonijiet ġenerali għall-baġit u ta' adeżjoni mal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jenfasizza li jeħtieġ li r-Renju Unit jaqdi kull obbligu legali, finanzjarju u baġitarju tiegħu, inklużi impenji taħt il-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti li huma dovuti sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit u warajha;

12.  Jieħu nota tal-arranġamenti proposti għall-organizzazzjoni tan-negozjati mfissra fid-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-27 Stat Membru, kif ukoll tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, tal-15 ta' Diċembru 2016; jilqa' n-nomina tal-Kummissjoni Ewropea bħala n-negozjatriċi f'isem l-Unjoni, u n-nomina ta' Michel Barnier min-naħa tal-Kummissjoni bħala l-kap negozjatur tagħha; jirrimarka li l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew huwa prekundizzjoni neċessarja biex huwa jkun jista' jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe ftehim li jintlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;

Is-sekwenzjar tan-negozjati

13.  Jissottolinja li, f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, in-negozjati għandhom jikkonċernaw l-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit, fil-qies tal-qafas tar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea;

14.  Jaqbel li, jekk isir progress sostanzjali lejn ftehim ta' ħruġ, imbagħad ikunu jistgħu jinbdew taħditiet dwar arranġamenti tranżizzjonali possibbli fuq il-bażi tal-qafas maħsub għar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea;

15.  Jinnota li ftehim dwar relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit bħala pajjiż terz jista' jiġi konkluż biss ladarba r-Renju Unit ikun ħareġ mill-Unjoni Ewropea;

Il-ftehim ta' ħruġ

16.  Jiddikjara li l-ftehim ta' ħruġ irid ikun konformi mat-Trattati u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li, jekk ma jkunx, mhuwiex se jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew;

17.  Huwa tal-fehma li l-ftehim ta' ħruġ għandu jindirizza l-elementi li ġejjin:

l-istatus legali taċ-ċittadini tal-UE-27 li qed jgħixu jew li kienu għexu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li qed jgħixu jew li kienu għexu fi Stati Membri oħra, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra li jikkonċernaw id-drittijiet tagħhom;

is-saldu tal-obbligazzjonijiet finanzjarji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea;

il-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea;

il-kjarifika tal-istatus tal-impenji internazzjonali li r-Renju Unit assuma bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru se tkun is-suċċessur ġuridiku tal-Unjoni Ewropea ta' 28 Stat Membru;

iċ-ċertezza legali għal entitajiet ġuridiċi, inklużi kumpaniji;

id-deżinjazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità kompetenti għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-ftehim ta' ħruġ;

18.  Jesiġi li ċ-ċittadini tal-UE-27 li qed jgħixu jew li kienu għexu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li qed jgħixu jew li kienu għexu fl-UE-27 jingħataw trattament ġust u huwa tal-fehma li l-interessi rispettivi tagħhom iridu jingħataw prijorità sħiħa fin-negozjati; jesiġi, għalhekk, li l-istatus u d-drittijiet ta' ċittadini tal-UE-27 li jirrisjedu fir-Renju Unit u ta' ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE-27 ikunu soġġetti għall-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni, u jesiġi barra minn hekk il-protezzjoni tal-integrità tad-dritt tal-Unjoni, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-qafas ta' infurzar tagħha; jenfasizza li kwalunkwe degradazzjoni tad-drittijiet marbuta mal-libertà ta' moviment, inkluża d-diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-UE fl-aċċess tagħhom għal drittijiet ta' residenza, qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tmur kontra d-dritt tal-Unjoni;

19.  Jenfasizza li saldu finanzjarju uniku mar-Renju Unit fuq il-bażi tal-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea kif awditjati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jrid jinkludi l-obbligazzjonijiet ġuridiċi kollha tar-Renju Unit li jirriżultaw minn impenji pendenti kif ukoll jipprevedi entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet kontinġenti u kosti finanzjarji oħra li jirriżultaw direttament mill-ħruġ tiegħu;

20.  Jirrikonoxxi li l-pożizzjoni unika tal-gżira tal-Irlanda u ċ-ċirkostanzi speċjali li qed tħabbat wiċċha magħhom iridu jiġu indirizzati fil-ftehim ta' ħruġ; iħeġġeġ li l-mezzi u l-miżuri kollha konsistenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1998 jintużaw biex itaffu l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq; jinsisti, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa assoluta li tiġi żgurata l-kontinwità u l-istabilità tal-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq u li jiġi evitat li terġa' tiġi stabbilita fruntiera fiżika;

Ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit

21.  Jirrikonoxxi n-notifika tad-29 ta' Marzu 2017 u l-White Paper tal-Gvern tar-Renju Unit tat-2 ta' Frar 2017 bit-titlu "The United Kingdom's exit from and new partnership with the European Union" (Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u sħubija ġdida magħha);

22.  Jemmen li jeħtieġ li r-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tkun ekwilibrata u komprensiva u li sservi l-interessi taċ-ċittadini taż-żewġ partijiet, u għalhekk se teħtieġ żmien biżżejjed biex tiġi nnegozjata; jenfasizza li għandha tkopri oqsma ta' interess komuni filwaqt li tirrispetta l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni, inklużi l-integrità tas-suq intern kif ukoll il-kapaċità u l-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni; jinnota li l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi l-istabbiliment ta' "assoċjazzjoni li ġġib magħha drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali", jistgħu jipprovdu qafas xieraq għal tali relazzjoni futura;

23.  Jiddikjara li, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, dawn ma jistgħu jinvolvu l-ebda kompromess bejn is-sigurtà interna u esterna, inkluża l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, minn naħa waħda, u r-relazzjoni ekonomika futura, min-naħa l-oħra;

24.  Jenfasizza li kwalunkwe ftehim futur bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jiddependi fuq l-aderenza kontinwa tar-Renju Unit mal-istandards previsti mil-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, fost l-oħrajn fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-kompetizzjoni ġusta, il-kummerċ u l-politika soċjali;

25.  Jopponi kwalunkwe ftehim futur bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit li jkun fih dispożizzjonijiet frammentarji jew settorjali, inkluż fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, li jagħtu lill-impriżi bbażati fir-Renju Unit aċċess preferenzjali għas-suq intern u/jew għall-unjoni doganali; jenfasizza li, wara li r-Renju Unit joħroġ, huwa se jkun irregolat mir-reġim tal-pajjiżi terzi previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

26.  Jinnota li, jekk ir-Renju Unit jitlob li jipparteċipa f'ċerti programmi tal-Unjoni Ewropea, jieħu sehem bħala pajjiż terz, b'mod li jinvolvi kontribuzzjonijiet baġitarji xierqa u sorveljanza mill-ġurisdizzjoni eżistenti; jilqa', f'dan il-kuntest, l-issuktar tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'għadd ta' programmi, bħall-Erasmus;

27.  Jinnota li bosta ċittadini tar-Renju Unit esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jipproponi li l-UE-27 teżamina kif tista' ttaffi dan fil-limiti tad-dritt primarju tal-Unjoni filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni;

Arranġamenti tranżizzjonali

28.  Jemmen li l-arranġamenti tranżizzjonali li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-kontinwità jistgħu biss jiġu miftiehma bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jekk ikun fihom bilanċ ġust ta' drittijiet u obbligi għaż-żewġ partijiet u jippreservaw l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, bil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala l-entità responsabbli biex tiddeċiedi kwalunkwe kontestazzjoni ġuridika; jemmen, barra minn hekk, li kwalunkwe tali arranġament irid ukoll ikun strettament limitat kemm fiż-żmien – b'mod li ma jeċċedix tliet snin – kif ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni, peress li qatt ma jista' jkun sostitut għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

Kwistjonijiet għall-UE-27 u għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni

29.  Jitlob li jintlaħaq ftehim malajr kemm jista' jkun dwar ir-rilokazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u li l-proċess ta' rilokazzjoni jibda malli jkun fattibbli;

30.  Jirrimarka li rieżami u aġġustament tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jkunu meħtieġa biex jirriflettu l-ħruġ tar-Renju Unit;

31.   Jemmen li reviżjoni li tkopri l-aħħar sentejn tal-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti mhijiex meħtieġa iżda li l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit għandu jiġi indirizzat permezz tal-proċedura baġitarja annwali; jissottolinja li l-ħidma fuq qafas finanzjarju pluriennali ġdid, inkluża l-kwistjoni tar-riżorsi proprji, għandha tibda immedjatament fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-UE-27;

32.  Jikkommetti ruħu li jiffinalizza fil-ħin il-proċeduri leġiżlattivi dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-proċedura elettorali abbażi tal-proposta tiegħu skont l-Artikolu 223 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea annessa mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea(6); jemmen, barra minn hekk, filwaqt li jqis il-Premessa P ta' din ir-riżoluzzjoni, li matul in-negozjati dwar il-ħruġ u dwar l-istabbiliment ta' relazzjoni ġdida mar-Renju Unit, is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jibqa', flimkien mal-istituzzjonijiet tagħha, jeħtieġ li jsaħħu l-Unjoni Ewropea tal-lum permezz ta' dibattitu pubbliku wiesa' u li jagħtu bidu għal riflessjoni interistituzzjonali profonda dwar il-ġejjieni tagħha;

Dispożizzjonijiet finali

33.  Jirriżerva d-dritt li jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, u, fejn ikun xieraq, li jadotta riżoluzzjonijiet ulterjuri, inkluż dwar materji speċifiċi jew kwistjonijiet settorjali, fid-dawl tal-progress li jsir jew ma jsirx f'dawk in-negozjati;

34.  Jistenna li l-Kunsill Ewropew jikkunsidra din ir-riżoluzzjoni meta jadotta l-linji gwida tiegħu li jiddefinixxu l-qafas għan-negozjati u jistabbilixxi l-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali li l-Unjoni Ewropea se ssegwi;

35.  Jiddeċiedi li jiddetermina l-pożizzjoni finali tiegħu dwar il-ftehim(iet) abbażi tal-valutazzjoni li ssir f'konformità mal-kontenut ta' din ir-riżoluzzjoni u ta' kwalunkwe riżoluzzjoni sussegwenti tal-Parlament Ewropew;

°

°  °

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0294.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0048.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0049.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0050.

(5)

ĠU C 285, 5.8.2016, p. 9.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0395.

Aġġornata l-aħħar: 6 t'April 2017Avviż legali