Proċedura : 2017/2593(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0241/2017

Testi mressqa :

B8-0241/2017

Dibattiti :

PV 05/04/2017 - 6
CRE 05/04/2017 - 6

Votazzjonijiet :

PV 05/04/2017 - 7.1

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 533kWORD 61k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0237/2017
31.3.2017
PE598.582v01-00
 
B8-0241/2017

imressqa wara d-dibattitu dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2017/2593(RSP))


Gabriele Zimmer, Martina Anderson, Barbara Spinelli, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Kateřina Konečná, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Rina Ronja Kari, Patrick Le Hyaric, Martina Michels, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias, Eleonora Forenza, Maria Lidia Senra Rodríguez, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2017/2593(RSP))  
B8-0241/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-TUE,

–  wara li kkunsidra t-Titolu II ("Dispożizzjonijiet dwar il-Prinċipji Demokratiċi") tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa Straordinarja tal-Kunsill Ewropew li saret f'Dublin fit-28 ta' April 1990,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar il-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kwalunkwe Stat Membru għandu d-dritt joħroġ mill-UE b'mezzi demokratiċi;

B.  billi r-Renju Unit huwa stat multinazzjonali u l-popli kollha tiegħu jistħoqqilhom l-istess rispett;

C.  billi l-moviment liberu taċ-ċittadini Irlandiżi u Brittaniċi bejn il-gżejjer tal-Irlanda u l-Gran Brittanja kien ilu jeżisti għexieren ta' snin qabel l-adeżjoni taż-żewġ pajjiżi, fl-1973, ma' dik li kienet il-KEE; billi l-ftehimiet bilaterali bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jkunu ta' għajnuna biex jinsabu soluzzjonijiet amikevoli li jikkonċernaw ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit;

D.  billi l-Parlament Skoċċiż ivvota favur li jsir referendum dwar l-indipendenza tal-Iskozja;

E.  billi l-paċi fl-Irlanda tista' tkun mhedda jekk terġa' tiddaħħal xi tip ta' fruntiera bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-gżira; billi l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira jinkludi bilanċ bejn tliet aspetti – ir-relazzjonijiet fi ħdan l-Irlanda ta' Fuq, bejn Belfast u Dublin, u bejn Dublin u Londra;

F.  billi l-ostakli għall-kummerċ, kemm dawk tariffarji kif ukoll dawk mhux tariffarji, ta' kwalunkwe natura fil-gżira tal-Irlanda jkollhom implikazzjonijiet serji għal industriji li ilhom stabbiliti żmien twil fil-gżira kollha u għar-rotot tal-ipproċessar;

G.  billi l-industrija agroalimentari fl-Irlanda topera b'mod integrat ħafna, b'tali mod li bosta setturi, min-natura tagħhom, ikopru l-gżira kollha; billi r-ritorn tal-kontrolli fil-fruntiera fl-Irlanda, inklużi l-kontrolli tal-oriġini, ir-rekwiżiti ta' liċenzji tal-importazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-formalitajiet amministrattivi addizzjonali, kif ukoll il-kontrolli fiżiċi fil-fruntiera, se joħloq theddida serja għal dan is-settur, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar; billi t-tneħħija tal-aċċess mingħajr tariffi għall-ħut u l-prodotti tal-ħut tista' toħloq theddida serja għas-sajjieda, għall-produtturi u għas-setturi komplementari fil-gżira kollha tal-Irlanda; billi n-nuqqas li jiġi ggarantit l-aċċess reċiproku storiku għas-sajjieda tal-gżira kollha jkun ta' ħsara kemm għat-Tramuntana kif ukoll għan-Nofsinhar;

H.  billi l-impatt ta' Brexit se jolqot lill-Irlanda b'qawwa partikolari, peress li l-ħruġ tal-Irlanda ta' Fuq mis-suq uniku u mill-unjoni doganali se jikkawża ħsara politika, soċjali u ekonomika enormi għall-gżira kollha tal-Irlanda, jekk dan ma jiġix mitigat b'arranġamenti li jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-mobbiltà, ir-regoli tal-oriġini u l-akkumulazzjoni;

I.  billi jistgħu jintilfu aktar minn 12 000 impjieg għall-ħaddiema tal-fruntiera tal-UE li jaħdmu f'Ġibiltà, b'effetti li jistgħu jkunu devastanti soċjalment u ekonomikament għal Ġibiltà u għar-reġjun tal-viċinat ta' Spanja jekk dawn ma jiġux mitigati b'arranġamenti simili;

J.  billi d-defiċit demokratiku żdied b'riżultat tal-politiki u l-għażliet tal-UE, u dan jikkostitwixxi problema enormi, peress li ħafna ċittadini jħossu li mhumiex rappreżentati mill-istituzzjonijiet; billi dan jista' jiġi indirizzat biss permezz ta' bidliet politiċi radikali, tat-trasparenza, ta' approċċ miftuħ u tad-difiża tal-valuri tad-demokrazija, il-paċi, it-tolleranza, il-progress, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-popli;

K.  billi Brexit jaffettwa b'mod partikolari lil madwar 1,2 miljun Brittaniku li jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE u lil aktar minn 3 miljun ċittadin tal-Istati Membri tal-UE li jgħixu fil-Gran Brittanja, inklużi l-1,8 miljun ruħ fl-Irlanda ta' Fuq li huma legalment intitolati għaċ-ċittadinanza Irlandiża u, għaldaqstant, għaċ-ċittadinanza tal-UE;

L.  billi r-Renju Unit jibqa' marbut bid-dritt internazzjonali u jeħtieġlu jkompli jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tat-trattati internazzjonali li huwa firmatarju tagħhom, inklużi l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima;

M.  billi, mingħajr ftehim ta' kummerċ bilaterali, ir-rati tariffarji previsti mid-WTO, kemm tal-UE kif ukoll tar-Renju Unit, japplikaw b'mod reċiproku;

N.  billi l-UE diġà wriet li huwa possibbli li jinstabu arranġamenti prammatiċi biex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet territorjali kumplessi;

I. Prinċipji Ġenerali

1.  Jirrikonoxxi u jirrispetta l-fatt li maġġoranza ta' votanti madwar il-Gran Brittanja vvutaw biex joħorġu mill-UE;

2.  Jirrikonoxxi u jirrispetta l-fatt li l-maġġoranza tal-votanti fl-Irlanda ta' Fuq u fl-Iskozja vvutaw biex jibqgħu fl-UE;

3.  Jemmen li l-interessi tal-partijiet kostitwenti kollha tar-Renju Unit għandhom jiġu protetti u li jeħtieġ li r-rappreżentanti politiċi tagħhom jiġu inklużi fin-negozjati;

4.  Jirrifjuta kwalunkwe tip ta' pressjoni jew rikatt matul il-proċess tan-negozjati; jenfasizza l-fatt li la l-attivazzjoni tal-Artikolu 50 u lanqas dispożizzjonijiet oħra fit-Trattati m'għandhom jintużaw biex jinħolqu ostakli mhux ġustifikati għall-implimentazzjoni ta' deċiżjoni ta' pajjiż li joħroġ mill-UE; jenfasizza l-ħtieġa li n-negozjati jsiru bl-aktar mod miftuħ u kollaborattiv possibbli, skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli mhux meħtieġa għall-ilħiq ta' eżiti maqbula;

5.  Jirrifjuta kwalunkwe tentattiv biex kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża jintużaw bħala pedina ta' skambju għal ftehimiet dwar kapitoli oħra tan-negozjati;

6.  Jissottolinja li l-approvazzjoni tar-riżultati tan-negozjati li se jsiru min-naħa tal-Parlament Ewropew tkun leġittima biss jekk id-drittijiet proprji tal-Parlament għall-informazzjoni jiġu rrispettati fl-istadji kollha tan-negozjati u jekk rappreżentanti leġititmi tal-PE jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċessi ta' elaborazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE; jitlob, fl-istess ħin, li l-proċessi korrispondenti ta' elaborazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-PE jkunu ankrati sew fil-ħidma tal-Parlament;

7.  Jinsisti li ebda ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit m'għandu jwassal għal standards iktar baxxi, inklużi, inter alia, l-istandards ambjentali, soċjali, tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi fl-Istati Membri u/jew fl-UE; jinsisti daqstant ieħor li ftehimiet bejn l-UE u r-Renju Unit la għandhom jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja billi jiffaċilitaw il-liberalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji u lanqas m'għandhom jinkludu obbligi biex is-servizzi pubbliċi jiġu liberalizzati;

8.  Jesprimi r-rieda tiegħu li jintlaħaq ftehim ġust dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fl-interess ta' dawk kollha li jgħixu f'ġurisdizzjonijiet differenti;

II. Ftehim ta' ħruġ

II.1 Drittijiet

9.  Jemmen li huwa ta' importanza fundamentali li malajr u mingħajr kundizzjonijiet tingħata ċertezza legali liċ-ċittadini ta' Stati Membri tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u lil persuni Brittaniċi li jgħixu fi Stati Membri oħra abbażi tar-reċiproċità u tan-nondiskriminazzjoni;

10.  Iqis li dawn id-drittijiet jinkludu, iżda mhumiex limitati għal: id-dritt ta' residenza; id-dritt għal trattament ugwali; id-drittijiet soċjali; id-dritt ta' aċċess għas-servizzi pubbliċi, inkluża l-kura tas-saħħa; id-dritt għal esportabbiltà tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali; id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja; ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi akkademiċi u tal-kwalifiki professjonali, inkluża t-tkomplija tal-programmi Erasmus fil-livell preżenti tagħhom; u l-mobbiltà għall-istudenti, l-akkademiċi u l-artisti;

11.  Jappella, fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, għal klawsola ta' kontinwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (KE) Nru 987/2009 kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 859/2003 sabiex id-drittijiet attwali jiġu salvagwardjati sakemm jintlaħaq ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-Renju Unit jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar is-Sigurtà Soċjali (ETS Nru 078);

12.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Gvern tar-Renju Unit biex joħolqu, fi żmien tliet xhur, arranġamenti legali bl-għan li jħarsu u jissalvagwardjaw id-drittijiet u l-istatus legali ta' ċittadini ta' Stati Membri tal-UE u ta' ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt ta' libertà ta' moviment skont it-Trattati tal-UE u d-Direttiva 2004/38/KE; jitlob li dawn il-miżuri jiddaħħlu direttament u fid-dettall fil-ftehim ta' ħruġ u li jiġu trasposti fil-qafas għar-relazzjoni futura;

13.  Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-mobbiltà tal-ħaddiema (ħaddiema mobbli, ħaddiema transfruntieri u ħaddiema tal-fruntiera), b'enfasi partikolarment qawwija fuq il-komprensjoni tas-sitwazzjonijiet uniċi li jeżistu fl-Irlanda u f'Ġibiltà; jemmen li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni anke fir-rigward tal-ħaddiema stazzjonati;

II.2 Finanzi

14.  Jemmen li l-ewwel pass lejn ftehim ta' saldu finanzjarju bejn ir-Renju Unit u l-UE għandu jikkonsisti b'mod partikolari fid-definizzjoni tal-metodoloġija li għandha tapplika meta jiġu ddeterminati l-obbligazzjonijiet u l-assi komuni tal-UE u s-sehem rispettiv tar-Renju Unit; dawn għandhom jinkludu l-pagamenti relatati mas-sehem ta' impenji pendenti tar-Renju Unit;

15.  Iqis li, għall-fondi u l-programmi li t-terminu finanzjarju tagħhom jestendi lil hinn mid-data prevista tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, l-impenji tar-Renju Unit għandhom jinżammu b'mod li ma jpoġġix lill-programmi f'riskju, sakemm ir-Renju Unit joħroġ mill-UE; iqis li, f'każ li r-Renju Unit jiddeċiedi li jipparteċipa fi programmi tal-UE, irid ikompli jonora l-impenji finanzjarji tiegħu;

II.3 L-Irlanda

16.  Jinnota li, mindu ġie rratifikat il-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u reġgħet iddaħħlet il-kondiviżjoni tal-poter fl-2007, l-Unjoni Ewropea kienet sieħba importanti għall-paċi fl-Irlanda, u pprovdiet appoġġ politiku u għajnuna finanzjarja sostanzjali, li wasslu għal aktar progress ekonomiku u soċjali madwar il-gżira kollha;

17.  Jinnota l-obbligu tal-UE li tipproteġi l-garanziji tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira inklużi l-istituzzjonijiet politiċi, il-garanziji tad-drittijiet tal-bniedem, il-korpi fl-Irlanda kollha, u d-dritt kostituzzjonali u legali tan-nies li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni;

18.  Jirrikonoxxi li, skont it-termini tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, jeżisti dritt inerenti għal dawk imwielda fil-gżira tal-Irlanda, kemm fit-Tramuntana kif ukoll fin-Nofsinhar, għal ċittadinanza Irlandiża jew Brittanika, jew għat-tnejn li huma u, permezz tad-dritt għal ċittadinanza Irlandiża, anke għal ċittadinanza tal-UE;

19.  Jitlob li l-Irlanda ta' Fuq tingħata status speċjali fl-UE li jiżgura li żżomm l-aċċess għas-sħubija fl-UE, l-unjoni doganali, is-suq uniku u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE; jitlob ukoll li jinżammu l-erba' libertajiet ta' moviment tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital;

20.  Jitlob li ċ-ċittadini tal-Irlanda ta' Fuq jibqgħu jgawdu d-dritt li għandhom bħalissa ta' ċittadinanza Irlandiża u, b'konsegwenza, ta' ċittadinanza tal-UE; jitlob ukoll li jiġu rrispettati d-drittijiet u r-responsabbiltajiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

21.  Jitlob li l-flussi finanzjarji futuri jinżammu bħala parti ċentrali mill-konsolidazzjoni u l-avvanz tal-proċess ta' paċi;

22.  Jitlob, bħala element fundamentali ta' kwalunkwe ftehim, li ż-żona ta' vvjaġġar komuni bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda tinżamm u tiġi rrispettata bis-sħiħ;

23.  Jinsisti fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira u ta' ftehimiet sussegwenti;

24.  Jifhem li l-gżira tal-Irlanda tista' tgħaddi minn tibdil ekonomiku u soċjali serju u sinifikanti b'riżultat ta' kwalunkwe ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit; jitlob lill-UE tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha, politikament u ekonomikament, biex ittaffi u ttejjeb l-impatti negattivi li jistgħu jaffettwaw lill-gżira tal-Irlanda;

25.  Jemmen li jeħtieġ li l-UE tirrikonoxxi l-interessi tal-Irlanda fil-każ ta' kwalunkwe aggressjoni mill-Gran Brittanja fir-rigward tat-tilwim territorjali li jikkonċerna Carlingford Lough u Lough Foyle;

III. Arranġamenti tranżizzjonali

26.  Ifakkar li, sakemm jiġi konkluż il-ftehim ta' ħruġ, ir-Renju Unit huwa parti sħiħa mill-UE, u għandu jgawdi d-drittijiet u jirrispetta l-obbligi li joriġinaw mis-sħubija tiegħu, anke fir-rigward tal-kooperazzjoni leali, u għandu jkun żgurat li r-Renju Unit ma jimblukkax deċiżjonijiet li ma jaffettwawhx;

27.  Iqis li huwa xieraq, sabiex jiġu salvagwardjata ċ-ċertezza legali u l-istat tad-dritt, li fil-ftehim ta' ħruġ jiġu previsti arranġamenti tranżizzjonali li jirregolaw il-kamp ta' applikazzjoni, l-infurzar u r-rimedji legali fir-rigward tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet adottati mill-Qrati tal-UE (il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja), matul in-negozjati dwar il-ħruġ, rigward ksur tal-liġi tal-UE li x'aktarx ikollu impatt fit-tul – li jaqbeż il-perjodu tan-negozjar – fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

28.  Iqis li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE għandu jkollu l-inqas impatt possibbli fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 preżenti u fuq il-proċeduri baġitarji annwali assoċjati; jissottolinja li l-fondi ta' koeżjoni u l-fondi strutturali għandhom jiġu ssalvagwardjati bis-sħiħ;

29.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tipprova tilħaq ftehim tranżizzjonali mar-Renju Unit, wara l-ftehim dwar il-ħruġ, sabiex jiġi evitat tfixkil tar-rotot kummerċjali sakemm tkun qed tiġi nnegozjata r-relazzjoni kummerċjali futura, filwaqt li tqis l-interessi ta' kull Stat Membru u ta' pajjiżi terzi;

30.  Jisħaq fuq l-importanza ta' arranġamenti tranżizzjonali biex ikun żgurat li l-parteċipanti f'korsijiet ta' edukazzjoni jew ta' taħriġ (kemm korsijiet għall-ewwel grad universitarju kif ukoll dawk postgradwatorji, apprendistati jew forom oħra ta' taħriġ vokazzjonali) jew li jkunu qed jieħdu sehem fi programmi ta' mobbiltà jew ta' skambju fiż-żmien meta r-Renju Unit formalment ma jibqax Stat Membru, ikunu jistgħu jikkompletaw dawk il-korsijiet jew il-programmi bl-istess kundizzjonijiet finanzjarji u legali bħal meta jkunu bdewhom;

IV. Relazzjoni futura

31.  Jemmen li r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit għandha tkun mibnija fuq il-prinċipji tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi;

32.  Jenfasizza li l-mandat għall-ftehim il-ġdid li għandu jiġi nnegozjat mar-Renju Unit għandu jinkludi klawsola dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem inaljenabbli, inklużi l-obbligi legali kollha li huma obbligatorji għall-ftehimiet kollha ma' pajjiżi terzi;

33.  Jemmen li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jagħmel kwalunkwe kooperazzjoni futura fil-qasam tal-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern diffiċli ferm; għalhekk, iħeġġeġ lir-Renju Unit bil-qawwa biex jibqa' jaderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

34.  Iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni tad-data personali, fid-dawl tal-firxa wiesgħa ta' oqsma assoċjati magħha; għalhekk, jistieden liż-żewġ partijiet fin-negozjati biex iħarsu, bħala minimu, l-istandards komuni preżenti żviluppati fil-livell Ewropew filwaqt li jevitaw kwalunkwe tentattiv li jirrikorru għal oqfsa ġodda u ad hoc; għalhekk, m'għandu jkun hemm ebda deroga mir-regolamenti aġġornati dwar il-protezzjoni tad-data;

35.  Jemmen li r-relazzjoni futura, bħala minimu, għandha tkun ibbażata fuq standards komuni f'firxa ta' oqsma, inklużi l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, ir-regolamentazzjoni finanzjarja, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet soċjali; jemmen ukoll li, dawn l-istandards, fl-ebda ċirkustanza m'għandhom ikunu anqas stretti minn dawk li jeżistu bħalissa fl-UE;

36.  Jissottolinja li l-istandards tal-UE, f'termini tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, għandhom ikunu kundizzjoni stretta għal kwalunkwe ftehim bejn l-UE u r-Renju Unit; jemmen ukoll li dawn l-istandards, fl-ebda ċirkustanza m'għandhom ikunu anqas stretti minn dawk li jeżistu bħalissa fl-UE;

37.  Jemmen li kwalunkwe deċiżjoni mill-Kummissjoni biex kwalunkwe pajjiż terz jingħata status ekwivalenti fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji għandha tiġi skrutinizzata mill-Parlament Ewropew;

38.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li għadd ta' korporazzjonijiet multinazzjonali li bħalissa huma bbażati fir-Renju Unit ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jittrasferixxu l-attivitajiet tagħhom fi stat fis-suq komuni tal-UE f'każ li jerġgħu jiddaħħlu tariffi ogħla, ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u restrizzjonijiet tar-regoli tal-oriġini bejn ir-Renju Unit, l-UE u pajjiżi terzi; jikkundanna l-pressjoni u r-rikatt min-naħa tal-korporazzjonijiet fil-qasam ekonomiku u finanzjarju li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jikkumplikaw d-deċiżjoni ta' Stat Membru li joħroġ mill-UE; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mat-taqbida tal-ħaddiema kollha biex jiddefendu l-impjiegi u d-drittijiet tagħhom;

39.  Jenfasizza li ftehim kummerċjali mhuwiex qafas adegwat biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' kooperazzjoni regolatorja bejn l-UE u r-Renju Unit; jenfasizza li r-relazzjoni ekonomika u kummerċjali futura ma tistax tirreplika l-approċċ meħud fis-CETA u t-TTIP billi dan ikollu l-effett li jiffriża, jew inaqqas aktar, l-istandards tal-UE jew tar-Renju Unit sabiex tinżamm "konverġenza regolatorja"; jinsisti fuq l-iżgurar li s-settur finanzjarju jkun irregolat u ssorveljat skont l-ogħla standards possibbli fil-futur kemm fl-UE kif ukoll fir-Renju Unit; ifakkar fir-rifjut tiegħu tal-politiki kurrenti ta' kummerċ ħieles tal-UE u ta' dispożizzjonijiet dwar is-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS), fi kwalunkwe forma, fi ftehimiet ta' kummerċ bilaterali; jesiġi li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ambjent trid tkun pilastru ewlieni tar-relazzjonijiet ekonomiċi futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;

40.  Jirrimarka dwar il-ħtieġa li l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jesportaw lejn ir-Renju Unit jittaffa skont is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi tal-UE; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Renju Unit iħejji għall-istabbiliment ta' sistema simili ta' preferenzi kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

41.  Huwa tal-fehma li l-ftehimiet ta' kummerċ bilaterali, plurilaterali u multilaterali fis-seħħ se jkollhom jiġu rieżaminati fil-qies tas-sitwazzjoni l-ġdida, biex tiġi evitata l-inċertezza legali u konsegwentement jiġu evitati kwistjonijiet fir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi; jissottolinja l-ħtieġa li jinbidlu jew jiġu nnegozjati mill-ġdid il-ftehimiet ma' pajjiżi terzi f'dan il-proċess u li l-progress soċjali u ambjentali u l-kooperazzjoni jsiru l-punti ewlenin ta' dawn il-ftehimiet sabiex jiġu indirizzati l-problemi ekonomiċi u soċjali li kkontribwew għad-deċiżjoni dwar Brexit; jirrimarka li, b'mod partikolari, il-kwoti ta' aċċess għas-suq miftiehma fil-ftehimiet ta' kummerċ eżistenti fis-settur agrikolu jeħtieġ li jitnaqqsu u jiġu aġġustati għar-realtajiet tal-flussi kummerċjali tal-lum bejn is-sħab u l-UE-27;

42.  Jenfasizza l-importanza tar-Renju Unit bħala sieħeb kummerċjali għas-settur agroalimentari Irlandiż, li jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-esportazzjonijiet agroalimentari għal xi setturi u aktar minn 40 % tal-importazzjonijiet agroalimentari; jenfasizza, barra minn hekk, l-impatt negattiv potenzjali ta' Brexit fuq l-industrija tas-sajd;

43.  Jenfasizza li kwalunkwe ftehim futur mar-Renju Unit jeħtieġ li jipprevjeni d-dumping soċjali; għalhekk, iħeġġeġ lir-Renju Unit isegwi l-eżempju tal-Irlanda u jiffirma u jirratifika l-Karta Soċjali riveduta u l-Protokoll Addizzjonali li jipprevedi Sistema ta' Lmenti Kollettivi;

44.  Jappoġġja l-issoktar tal-kooperazzjoni tar-Renju Unit mal-UE f'firxa ta' oqsma, inklużi l-edukazzjoni, ir-riċerka u x-xjenza, il-kura tas-saħħa, l-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent u s-sikurezza tal-ikel; jappoġġja wkoll l-issoktar tal-involviment tar-Renju Unit fi proġetti għas-salvagwardja ta' lingwi Ewropej iżgħar permezz ta' diversi programmi tal-UE; jemmen li l-issoktar tal-involviment tar-Renju Unit f'diversi programmi tal-UE għandu jkun ibbażat fuq il-fatt li ssir kontribuzzjoni finanzjarja ġusta għal dawn il-programmi;

45.  Jemmen li ftehim futur ta' kooperazzjoni għandu jkopri wkoll it-termini finanzjarji għall-parteċipazzjoni possibbli tar-Renju Unit fl-istrutturi u l-ftehimiet barra l-baġit tal-UE, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Fondi Fiduċjarji u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

46.  Jemmen li kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jiżviluppa relazzjonijiet mar-Renju Unit abbażi tal-prinċipji tal-interess reċiproku, il-ħbiberija bejn il-popli u l-kooperazzjoni bejn stati sovrani, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-ftehim finali bejn l-UE u r-Renju Unit;

V. Kwistjonijiet relatati

47.  Jemmen li r-rappreżentanza tal-Irlanda fil-korpi tal-UE għandha tiġi aġġustata biex jitqiesu ċ-ċittadini Irlandiżi/tal-UE fl-Irlanda ta' Fuq;

48.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi mill-UE u l-partijiet ikkonċernati kollha fl-oqsma tal-kompetenza rispettiva tagħhom biex jiżguraw appoġġ għar-reġjuni li se jintlaqtu b'mod partikolari;

VI. Ewropa oħra

49.  Jemmen li tinħtieġ bidla politika fundamentali lil hinn mill-politiki li l-UE qed timplimenta llum u li huma appoġġjati minn ħafna Stati Membri, lejn politiki li joħolqu tkabbir ekonomiku sostenibbli u livell massimu ta' impjiegi u bl-għan tal-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi fid-dħul fl-Istati Membri u bejniethom;

50.  Jenfasizza li Brexit għandu jitqies bħala sfida u bħala kompitu biex tinbena Ewropa oħra; iqis li dan juri li tinħtieġ Ewropa fejn kulħadd huwa indaqs, fejn isir progress soċjali u fejn ikun hemm il-paċi, u din trid tinbena bil-qbil u l-parteċipazzjoni tal-popli u ċ-ċittadini, u bi drittijiet ugwali bejn l-Istati Membri;

51.  Jappella biex jintemmu l-politiki ta' awsterità tal-UE, anke billi jiġi rrevokat il-Patt Fiskali; jitlob, minflok, li jsir investiment pubbliku fl-ekonomija reali li tiffoka fuq il-ħolqien ta' impjiegi diċenti u siguri, li jitfasslu politiki attivi kontra l-inugwaljanza u l-faqar, u li jiġu mħeġġa l-kontroll pubbliku fuq is-settur bankarju u d-deċentralizzazzjoni tiegħu;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-passi meħtieġa għall-adeżjoni tal-UE għall-Karta Soċjali Ewropa riveduta u tipproponi skeda ta' żmien għal dan l-objettiv; jemmen li dawn il-passi għandhom jittieħdu sabiex il-Karta Soċjali Ewropea riveduta tiġi żviluppata f'wieħed mill-pilastri fundamentali tal-UE;

53.  Jemmen li l-Ewropa għandha tiżgura r-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri li tagħti spinta lill-konverġenza soċjali u ekonomika, u l-koeżjoni bejn il-popli u t-territorji;

54.  Jirrifjuta l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tagħha, u jopponi bil-qawwa kooperazzjoni bejn l-UE ur-Renju Unit f'dawn l-oqsma; jesiġi li tintemm il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u jirrifjuta l-politika ta' espansjoni preżenti tan-NATO; jesiġi wkoll li jitneħħew il-bażijiet militari barranin kollha fl-Ewropa u li n-NATO tiġi xolta; jirrifjuta Unjoni Ewropea tad-Difiża; jinsisti li Brexit m'għandux jintuża bħala skuża biex tiżdied in-nefqa militari, u għalhekk jopponi żieda fil-baġits tal-Istati Membri għas-sigurtà u d-difiża; jirrifjuta kwalunkwe użu tal-baġit tal-UE għal skopijiet militari jew ċivili-militari; jinsisti li l-Istati Membri għandhom jaħdmu favur il-paċi;

VII. Dispożizzjonijiet finali

55.  Jitlob li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura għan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, kif minqux fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, b'mod li jiżgura li l-Parlament ikun f'pożizzjoni li jeżerċita skrutinju demokratiku u jieħu deċiżjoni dwar il-ftehim;

56.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jqisu l-pożizzjoni tal-Parlament meta jiddefinixxu l-mandat ta' negozjar, u li l-mandat isir pubbliku;

o

o  o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 285, 5.8.2016, p. 9.

Aġġornata l-aħħar: 3 t'April 2017Avviż legali