Proċedura : 2006/2658(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B6-0631/2006

Testi mressqa :

RC-B6-0631/2006

Dibattiti :

PV 12/12/2006 - 6

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2006 - 8.15
CRE 13/12/2006 - 8.15

Testi adottati :

P6_TA(2006)0566

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 116kDOC 77k
11 ta' Diċembru 2006
PE 381.956v01-00}
PE 381.958v01-00}
PE 381.961v01-00}
PE 381.893v01-00}
PE 381.894v01-00}
PE 381.896v01-00} RC1
 
B6‑0631/2006}
B6‑0633/2006}
B6‑0636/2006}
B6‑0638/2006}
B6‑0639/2006}
B6‑0641/2006} RC1
imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura, minn
   Jacek Saryusz-Wolski, Bernd Posselt, Vytautas Landsbergis u Tunne Kelam, f’isem il-Grupp PPE-DE
   Hannes Swoboda u Jan Marinus Wiersma, f’isem il-Grupp PSE
   Paavo Väyrynen, f’isem il-Grupp ALDE
   Daniel Cohn-Bendit, Hélène Flautre, Milan Horáček, Bart Staes, Rebecca Harms u Angelika Beer, f’isem il-Grupp Verts/ALE
   Esko Seppänen, f’isem il-Grupp GUE/NGL
   Konrad Szymański, Michał Tomasz Kamiński, Adam Jerzy Bielan, Hanna Foltyn-Kubicka, Ryszard Czarnecki, Inese Vaidere u Ģirts Valdis Kristovskis, f’isem il-Grupp UEN
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
   Verts/ALE (B6‑0631/2006)
   PPE-DE (B6‑0633/2006)
   UEN (B6‑0636/2006)
   GUE/NGL (B6‑0638/2006)
   ALDE (B6‑0639/2006)
   PSE (B6‑0641/2006)
dwar is-'Summit' bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki fl-24 ta' Novembru, 2006

riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-'Summit' bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki fl-24 ta' Novembru, 2006 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja, li daħlet fis-seħħ fl-1997 u tiskadi fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-responsabilitajiet kurrenti tar-Russja fuq livelli internazzjonali u Ewropej, fil-kapaċità tagħha bħala President-fil-kariga tal-G8 u 'Chair' tal-Kumitat tal-Ministri fil-Kunsill ta' l-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' qabel tal-Parlament Ewropew dwar ir-Russja, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja wara l-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar is-sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija fl-Unjoni Ewropea u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2005 dwar ir-Russja,

–   - wara li kkunsidra r-riżultat tat-18 'Summit' bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki fl-24 ta' Novembru, 2006

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja kienu qed jikbru b'mod kostanti tul l-aħħar ftit snin u b'hekk wasslu għal integrazzjoni u interdipendenza ekonomika profonda u komprensiva, li żgur jiżdiedu aktar fil-futur qarib,

B.  billi koperazzjoni aktar mill-qrib u relazzjonijiet tajba bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità ta' l-Ewropa kollha,

C.  billi l-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa hija ta' l-akbar importanza għal din il-koperazzjoni miżjuda, b'mod partikolari fir-rigward ta' żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet ekonomiċi bbażati fuq l-ugwaljanza, it-trasparenza u r-rispett ghall-proċeduri rikonoxxuti fil-kamp internazzjonali, għat-tisħiħ tas-sigurtà u tas-stabilità fl-Ewropa billi jinstabu soluzzjonijiet politiċi u paċifiċi għall-kunflitti reġjonali fil-viċinanzi komuni, u għat-tkomplija tat-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-qafas demokratiku bħala bażi għal dawn ir-relazzjonijiet,

D.  billi l-implimentazzjoni mgħaġġla ta' l-erba' oqsma komuni, b'qasam ekonomiku komuni, qasam ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, qasam ta' sigurtà esterna u qasam ta' riċerka, edukazzjoni u kultura għandha tkun fil-qalba tan-negozzjati għal din il-Ftehima ta' Sħubija Strateġika ġdida,

E.  billi s-sigurtà tal-forniment ta' l-enerġija hija waħda mill-akbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin tal-koperazzjoni mar-Russja, u billi l-UE timporta bejn wieħed u ieħor kwart tal-gass u taż-żejt tagħha mir-Russja u hija l-aktar konsumatur affidabbli ta' l-esportazzjonijiet Russi,

F.  billi t-18 'Summit' bejn l-UE u r-Russja f'Ħelsinki kellu l-għan li jimmarka l-bidu ta' fażi ġdida fir-relazzjonijet bejn l-UE u r-Russja u, b'mod partikolari, biex iniedu negozzjati dwar ftehima ta' qafas gdida bejn l-UE u r-Russja biex tissostitwixxi l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni (PCA) kurrenti li tiskadi fl-2007,

G.  billi l-Polonja blukkat il-bidu tan-negozzjati tal-ftehima ta' qafas ġdida, biex b'hekk għamlet il-bidu tan-negozzjati bil-kundizzjoni li Moska tneħħi l-projbizzjoni fuq importazzjoni ta' laħam Pollakk li kienet introduċiet sena ilu,

H.  billi fl-10 ta' Novembru r-Russja imponiet embargo ġdid fuq l-importazzjoni ta' prodotti Pollakki tal-laħam u tat-tajr, filwaqt li qalet li kienet mħassba dwar ksur ta' regolamenti veterinarji; billi r-Russja reċentament ukoll imponiet projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' ħut u prodotti ta' ħut mill-UE; billi qabel is-Summit ir-Russja heddiet li testendi l-projbizzjoni għall-UE kollha minħabba tħassib ta' deni tal-ħnieżer fir-Romanija u fil-Bulgarija,

I.  billi l-qtil riċenti ta' avversarji prominenti tal-Gvern Russu kkawżaw tħassib kbir fl-Ewropa kollha,

J.  billi hemm tħassib mifrux mar-Russja, ma' l-Unjoni Ewropea u postijiet oħrajn, dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u dwar l-inabbilità tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji Russi sabiex isibu lil dawk responsabbli ta' qtil politiku,

K.  billi l-formalitajiet tal-qsim tal-konfini jieħdu ħafna żmien fil-konfini bejn l-UE u r-Russja, u b'hekk jikkawżaw kjuwijiet intollerabbli ta' trakkijiet f'xi punti tal-kontroll,

L.  billi l-Unjoni Ewropea għandha tkun tista' tgħaqqad il-forzi tagħha u titkellem b'leħen wieħed fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja,

1.  Jagħraf l-importanza tar-Russja bħala msieħba strateġika għall-koperazzjoni, li magħha l-Unjoni Ewropea taqsam mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali iżda wkoll l-għan ta' koperazzjoni mill-qrib fl-arena internazzjonali kif ukoll fil-viċinat komuni;

2.  Jenfasizza l-importanza ta' l-għaqda u s-solidarjetà fost l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja; jilqa', ghalhekk, il-linja komuni ta' l-UE li ġiet stabbilita fis-Summit mhux ufficjali ta' Lahti li tippermetti lill-Unjoni titkellem b'leħen wieħed fil-laqgħat tagħha mal-President Vladimir Putin f'Lahti u f'Ħelsinki;

3.   Jiddispjaċih li s-Summit falla milli jniedi negozzjati dwar ftehima ta' qafas ġdida bejn l-UE u r-Russja u jħeġġeġ lill-Presidenzi Finlandiza u Germaniża sabiex ikomplu x-xogħol biex jippermettu l-mandat ta' negozjar għal ftehima ġdida li għandha tiġi adottata ma' l-aktar fis u biex jibdew n-negozzjati mingħajr aktar dewmien;

4.   Jilqa' d-diskussjonijiet miftuħa dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fiż-żewġ Summits; madankollu jenfasizza li s-sitwazzjoni kurrenti fir-Russja tagħti lok għal tħassib serju fir-rigward ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazjija, għal-liberta' ta' l-espressjoni, u għad-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-individwi biex jisfidaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli ta' l-azzjonijiet tagħhom;

5.   Jenfasizza li difiża b'saħħitha tad-drittijiet tal-bniedem u ta' valuri demokratiċi għandha tkun prinċipju ewlieni ta' kwalunke ingaġġ ta' l-UE mar-Russja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tibgħat sinjal ċar lill-partijiet kollha involuti li dawn il-valuri ma jkollhomx status sekondarju fil-pakkett ta' negozzjar bejn l-UE u r-Russja;

6.   Jiddispjaċih li r-raba' taqsima tal-Konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma ġabet l-ebda progress sostanzjali f'dan il-qasam, li għandu jkun ta' prijorità fir-relazzjonijiet bilaterali; għalhekk jistieden lill-Gvern Russu sabiex jagħti kontribut għall-intensifikar tal-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bħala parti essenzjali tas-sħubija bejn l-UE u r-Russja u sabiex jippermettu l-ħidma libera ta' organizzazzjonijiet domestiċi u internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u NGOs oħra u sabiex jipproteġu s-sigurtà personali għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar l-aħħar rapporti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u esperti tan-NU fil-qasam internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-użu tat-torturi f'ħabsijiet u f'għases tal-pulizija Russi, kif ukoll f'ċentri ta' detenzjoni sigrieti fiċ-Ċeċnija, liema torturi jinkludu atti inumani u degradanti min-naħa ta' uffiċjali pubbliċi; jikkundanna b'mod qawwi dawn il-prattiki u jsejjaħ lill-awtoritajiet Russi sabiex jinvestigaw dawn l-abbużi, iwaqfu kwalunkwe mġieba ħażina immedjatament u jressqu quddiem il-qorti lil dawk responsabbli;

8.   Jenfasizza l-bżonn li jaħdem flimkien mar-Russja bħala msieħba strateġika meħtiġa sabiex jipprovdu paċi, stabilità u sigurezza, u sabiex jiġġieldu t-terroriżmu internazzjonali u l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' sigurtà oħra bħal ma huma perikli ambjentali u nukleari, drogi, traffikar ta' armi u ta' bnedmin u l-kriminalità organizzata transkonfinali fil-viċinat Ewropew b'kollaborazzjoni ma' l-OSCE u fora internazzjonali oħra;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isegwu inizzjattivi konġunti mal-Gvern Russu sabiex jissaħħu d-demokrazija, is-sigurtà u l-istabilità fil-viċinat komuni, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet konġunti sabiex jistabbilixxu d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem fil-Belarus, u sforzi konġunti sabiex fl-aħħar jiġu solvuti l-kunflitti fil-Moldova, fil-Ġjorġja u Nagorno Karabagh; jistieden lill-UE u lir-Russja sabiex jassumu r-responsabilità tagħhom bħala membri tal-Kwartett għas-soluzzjoni għall-kunflitt tal-Lvant Nofsani u sabiex jippromwovu l-isforzi sabiex tittella' konferenza tal-paċi internazzjonali dwar ftehima reġjonali għall-paċi fl-Lvant Nofsani;

10.  Jirrimarka li l-progress lejn l-iffirmar u l-iratifikar ta' ftehimiet li għadhom mhumiex imwettqa dwar konfini bejn l-Estonja u r-Russja u l-Latvja u r-Russja għadha prijorità għolja għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, u li l-kwistjoni għandha tiġi trattata b'mod kostruttiv u ġust li jkun aċċettabbli min-naħat kollha;

11.  Jiddeplora t-tilwim dwar l-esportazzjoni mill-UE għar-Russja ta' prodotti agrikoli u prodotti ta' ħut; huwa ta' l-opinjoni li t-tkomplija ta' dan it-tilwim dwar il-kummerċ qed jagħmel ħsara serja lill-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Russu sabiex isolvu dawn it-tilwim kummerċjali pendenti bl-akbar urġenza; jinsisti li l-Unjoni Ewropea turi s-solidarjetà meħtieġa ma' l-Istati Membri kollha, b'mod partikolari mal-Polonja, li qed tiġi ddiskriminata minħabba l-politika kummerċjali tar-Russja;

12.  Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar it-tkomplija ta' serje ta' qtil ta' nies prominenti, bħal Anna Politkovskaya, li jopponu l-Gvern Russu attwali jew li jiddefendu d-drittijiet bażiċi taċ-ċittadini Russi; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jirreaġixxu bl-awtorità tagħhom kollha u jenfasizza li l-isħubija mar-Russja tkun affettwata b'mod gravi jekk ir-Russja ma turix il-kapaċità u rieda qawwija tagħha biex tgħin fl-investigazzjonijiet sabiex jinstabu l-qattiela u twettaq dmirha sabiex jieqaf dan iċ-ċirku vizzjuż u dawk responsabbli jitressqu quddiem il-qorti;

13.  Jilqa' bi pjaċir il-ftehima li ntlaħqet waqt is-Summit sabiex bil-mod jispiċċaw it-tariffi li r-Russja żżomm lil linji ta' l-ajru ta' l-UE li jtiru fuq is-Siberja, b'hekk issolvi tilwima ta' 20 sena bejn iż-żewġ naħat u tiwitti t-triq għal trasportaturi ta' l-UE sabiex iżidu r-rotot għas-swieq ta' l-Asja li qed jikbru; jinnota li t-tilwima dwar it-tariffi, li kienu qed iqumu lil-linji ta' l-ajru UE aktar minn €250 miljun fis-sena, kienet waħda mill-aħħar ostakoli li l-UE identifikat wara l-ftehima tagħha mar-Russja dwar id-dħul tal-pajjiż fl-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li għandha tiftaħ possibilitajiet ġodda għal aktar koperazzjoni u kummerċ bejn l-UE u r-Russja;

14.  Jilqa' bi pjaċir id-djalogu intensifikat bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijet ta' enerġija; jenfasizza l-importanza strateġika tal-koperazzjoni dwar l-enerġija u l-bżonn li jitjiebu r-relazzjonijiet dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russja; jisħaq li aktar koperazzjoni f'dan il-qasam għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' interdipendenza u trasparenza kif ukoll l-importanza ta' reċiproċità f'dak li hu aċċess għas-swieq, għall-infrastruttura u għall-investiment, bl-għan li jiġu evitati strutturi oligopolistiċi tas-suq u li jiddiversifikaw il-forniment ta' l-enerġija ta' l-Unjoni Ewropea; f'dan il-kuntest, jitlob lir-Russja biex tirrispetta l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta dwar l-Enerġija u biex iżżid il-koperazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija, fl-iffrankar ta' l-enerġija u fl-enerġija li tiġġedded;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isolvu l-problemi fil-qsim tal-konfini fuq il-konfini bejn l-UE u r-Russja; jinnota li għandha tinbena kapaċità transkonfinali ulterjuri sabiex takkomoda żieda fil-fluss tal-prodotti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi sabiex inaqqsu l-istennija fil-linja mal-konfini billi jħaffu l-ispezzjonijiet u billi jneħħu uħud minnhom miz-zona tal-konfini għal zoni aktar remoti;

16.  Jilqa' bi pjaċir l-eżitu b'suċċess tas-Summit dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana, li saret b'konnessjoni mas-Summit bejn l-UE u r-Russja u li fiha ħadu sehem ir-Russja, kif ukoll, l-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda; jispera li d-Dokument ta' Qafas għad-Dimensjoni tat-Tramuntana li ġie adottat għandu jagħti bażi tajba għall-iżvilupp ta' koperazzjoni aktar mill-qrib mar-Russja fuq livelli reġjonali u transkonfinali;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea taġixxi b'mod unit u b'determinazzjoni fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Federazzjoni Russa; jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Ġermaniża biex tagħti prijorità aktar għolja lil din il-kwistjoni importanti;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2006Avviż legali