Proċedura : 2007/2519(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B6-0052/2007

Testi mressqa :

RC-B6-0052/2007

Dibattiti :

PV 15/02/2007 - 10.2
CRE 15/02/2007 - 10.2

Votazzjonijiet :

PV 15/02/2007 - 11.2
CRE 15/02/2007 - 11.2

Testi adottati :

P6_TA(2007)0056

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 106kDOC 75k
14 ta' Frar 2007
PE 385.027v01-00}
PE 385.029v01-00}
PE 385.031v01-00}
PE 385.033v01-00}
PE 385.035v01-00}
PE 385.040v01-00} RC1
 
B6‑0052/2007}
B6‑0054/2007}
B6‑0056/2007}
B6‑0058/2007}
B6‑0060/2007}
B6‑0065/2007} RC1
imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
   Simon Coveney, Charles Tannock, Bernd Posselt u Eija-Riitta Korhola, f'isem il-Grupp PPE-DE
   Pasqualina Napoletano, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Paulo Casaca u Inger Segelström, f'isem il-Grupp PSE
   Baroness Nicholson of Winterbourne, Marco Cappato u Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
   Adam Bielan, Michał Tomasz Kamiński, Hanna Foltyn-Kubicka, Ryszard Czarnecki u Mieczysław Edmund Janowski, f'isem il-Grupp UEN
   Alyn Smith, Angelika Beer, Jill Evans, Joost Lagendijk, Jean Lambert, Caroline Lucas, Raül Romeva i Rueda u Hélène Flautre, f'isem il-Grupp Verts/ALE
   André Brie, f'isem il-Grupp GUE/NGL
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
   GUE/NGL (B6‑0052/2007)
   ALDE (B6‑0054/2007)
   Verts/ALE (B6‑0056/2007)
   PSE (B6‑0058/2007)
   UEN (B6‑0060/2007)
   PPE-DE (B6‑0065/2007)
dwar ir-rifuġjati mill-Iraq

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rifuġjati mill-Iraq 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar id-dritt tar-rifuġjati għall-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjon preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istatus tar-rifuġjati (Konvenzjoni tar-rifuġjati) ta' l-1951 u l-Protokoll dwar l-istatus tar-rifuġjati ta' l-1967,

–  wara li kkunsidra l-appell urġenti tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati (UNHCR) tas-7 ta' Frar 2007 biex jikber l-appoġġ għal dawk il-pajjiżi li jospitaw ir-rifuġjati li jaħarbu mill-Iraq, kif ukoll iż-żewġ dokumenti ta' l-istess UNHCR rispettivament tat-18 ta' Diċembru 2006, intitolat "Pariri għar-ritorn u l-pożizzjoni dwar bżonnijiet ta' protezzjoni internazzjonali għall-Iraqini barra l-Iraq" ("Return Advisory and Position on International Protection Needs of Iraqis outside Iraq"), u ta' Jannar 2007 bit-titlu "Appell supplementari – tweġiba għas-sitwazzjoni fl-Iraq" ("Supplementary Appeal – Iraq Situation Response",

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji gwida ta' l-UNHCR dwar l-ispostament intern,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar standards minimi għall-ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' persuni mingħajr stat biex jikkwalifikaw bħala rifuġjati jew bħala persuni li altrimenti jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ("Qualification Directive),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-vjolenza u l-attivitajiet kriminali jinkludu serqiet bl-użu ta' l-armi, ħtif għall-fidwa, fastidju, il-qtil ta' persuni involuti fil-proċess politiku jew attivitajiet ta' rikostruzzjoni politika, tindif etniku, attakki ta' sabutaġġ immirati lejn infrastruttura ċivili bħall-elettriku jew linji ta' pajpijiet taż-żejt u attakki ġenerali li jinvolvu bombi mingħajr diskriminazzjoni u/jew splussivi oħra kontra nies ċivili, u billi, bħala riżultat, mijiet ta' eluf ta' persuni qed jiġu spustjati kontra qalbhom ġewwa l-pajjiż u barra l-pajjiż, primarjament lejn il-Ġordan u s-Sirja iżda wkoll lejn l-Eġittu, il-Libanu, it-Turkija, l-Iran u lejn postijiet aktar imbiegħda, f'taqlib kbir mingħajr preċedenti fil-Lvant Nofsani,

B.   billi bosta gruppi qed ikomplu jsofru persekuzzjoni fl-Iraq, partikolarment nies professjonali, nisa, Iraqini impjegati ma' kuntratturi barranin, in-NU jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra inklużi NGOs, u minoritajiet etniċi u reliġjużi, bħall-Insara, il-Lhud u l-Mandjani; billi l-persuni spustjati internament spiss huma vittmi ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li joriġinaw minn differenzi etniċi u reliġjużi, jew ta' natura politika u kriminali; billi s-sigurtà ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, persuni mingħajr stat u partikolarment tar-rifuġjati Palestinjani, li jammontaw għal kważi 34,000 u tar-rifuġjati mit-Turkija, l-Iran u s-Sirja iddeterjorat drastikament

C.  billi n-Nazzjonijiet Uniti tikkalkula li 1.8 miljun persuna huma spustjati ġewwa l-Iraq u sa żewġ miljuni Iraqini ħarbu mill-pajjiż,

D.  billi 50,000 ruħ jipprovaw iħallu l-Iraq kull xahar u billi l-pajjiżi ġirien irristrinġew l-aċċess għar-rifuġjati li jfittxu kenn, u konsegwentement ġiegħlu bosta minnhom jirritornaw l-Iraq jew li jiġu blukkati fuq il-fruntieri,

E.  billi r-rifuġjati ftit li xejn jirċievu assistenza umanitarja mill-UNHCR u l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), iżda l-kundizzjonijiet għar-rifuġjati u Iraqini oħra dejjem qed isiru aktar terribbli, bi provvista limitata ta' l-ilma, ikel, fjuwil u mediċini, u billi organizzazzjonijiet umanitarji qed jappellaw għal fondi adegwati biex ipattu għall-bżonnijiet akbar fl-Iraq u fil-pajjiżi ġirien tiegħu,

F.  billi bosta pajjiżi li jospitaw rifuġjati Iraqini qed jirristrinġu d-dħul, kif ukoll jimponu rekwiżiti ristrettivi għal min jitħalla jibqa' hemm, bħal tnaqqis fis-sistema ta' protezzjoni temporanja (temporary protection regime) u/jew billi jagħmlu t-tiġdid tal-visas tagħhom tant diffiċli li l-biċċa l-kbira ta' l-Iraqini malajr jitilfu l-istatus legali tagħhom,

G.  billi l-attitudini tal-maġġoranza ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw rifuġjati Iraqini kienent ugwalment restrittiva, bl-eċċezzjoni ta' l-Iżvezja,

H.  billi, skond it-tradizzjoni tal-liġi internazzjonali, jeżisti obbligu legali li rifuġjati ma jiġux irritornati lura għall-persekuzzjoni jew perikolu serju, u li dawk li jfittxu kenn minn abbużi mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u vjolenza ġeneralizzata jitħallew jidħlu fil-pajjiż konċernat, almenu temporanjament, sabiex jiġu eżaminati għall-istatus ta' rifuġjati.

I.  billi l-Eġittu, għalkemm mhux pajjiż tal-fruntiera, qed jospita numru kunsiderevoli ta' rifuġjati, u billi s-Sirja li tospita proporzjon kbir ta' rifuġjati Iraqini, ma tirrikonoxxix iżjed is-sistema ta' protezzjoni temporanja (TPR), li ġiet implimentata s'issa mingħajr restrizzjonijiet,

1.   Iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien ta' l-Iraq biex jonoraw id-dmir legali tagħhom immedjatament u jħallu jidħlu r-rifuġjati, partikolarment dawk blukkati fil-fruntieri tagħhom u li jiffurmaw parti minn minoritajier li huma l-oġġett ta' mira speċjali, bħall-Palestinjani mingħajr stat jew minoritajiet reliġjużi u etniċi;

2.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-appell reċenti ta' l-UNHCR biex jiġi mobilizzat aktar appoġġ internazzjonali biex jiffinanzja l-ħidma tiegħu favur Iraqini spustjati f'pajjiżhom u f'pajjiżi ġirien u għar-rifuġjati barranin fl-Iraq; jitlob lill-UE u l-Istati Membri u lil donaturi internazzjonali oħra biex iwieġbu għall-appell ta' l-UNHCR u jappoġġjaw il-programmi għar-rifuġjati Iraqini u persuni spustjati fl-Iraq, fis-Sirja, fil-Libanu, fit-Turkija u l-Iran, kif ukoll fl-Eġittu; jikkunsidra li din hija sitwazzjoni ta' emerġenza estrema u jħeġġeġ biex parti sinifikanti tal-baġit ta' l-UE maħsuba għall-programmi ma' l-Iraq tiġi allokata għal dan il-għan;

3.   Jikkunsidra li l-appoġġ tal-komunità internazzjonali hija vitali fit-tnaqqis tat-tbatija ta' mijiet ta' eluf ta' rifuġjati Iraqini u ta' persuni spustjati internament (internally displaced persons) jew ta' dawk li jaħarbu mill-pajjiż, u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw l-isforzi ta' protezzjoni ta' l-UNHCR iffokati fuq protezzjoni minima mid-detenzjoni u r-refoulement u n-nuqqas ta' penalizzazzjoni għal dħul illegali, kif ukoll aċċess għall-edukazzjoni, id-dritt ta' abitazzjoni xierqa, għall-faċilitajiet ta' kura tas-saħħa bażika u għal servizzi bażiċi oħra għal dawk ġewwa u barra l-Iraq;

4.  Jistieden lill-pajjiżi donaturi li kaxkru saqajhom biex jiffaċċjaw il-kriżi reġjonali tar-rifuġjati Iraqini biex jikkunsidraw il-fatt li l-awtoritajiet Iraqini u l-gvernijiet effettwati fil-pajjiżi tal-qrib jidher li mhumiex kapaċi jlaħħqu mal-kriżi, u biex jerġgħu jikkunsidraw il-bżonn li jipprovdu għajnuna finanzjarja biex jgħinu lill-pajjiżi ospitanti u jaqsmu magħhom il-piż tal-problema tar-rifuġjati billi joffru opportunitajiet lir-rifuġjati biex jissetiljaw f'pajjiż terz.

5.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-konferenza internazzjonali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet umanitarji tar-rifuġjati u tal-persuni spustjati internament ġewwa l-iraq u fil-pajjiżi ġirien, li se ssir f'Geneva fis-17 ta' April 2007 iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlament, lill-awtoritajiet fir-reġjun u l-komunità internazzjonali biex jipparteċipaw bis-sħiħ f'din il-konferenza u jipprovdu appoġġ finanzjarju xieraq;

6.   Jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE u l-komunità internazzjonali biex, bħala prova li l-piż jinqasam fuq skala internazzjonali, biex jikkontribwixxu sabiex ir-rifuġjati Iraqini u persuni mingħajr stat jerġgħu jissetiljaw, inklużi r-rifuġjati Palestinjani mill-Iraq blukkati fir-reġjun;

7.   Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE, filwaqt li jirrikonoxxu l-isforzi li għamel il-gvern Żvediż li ta kenn lil 8,951 Iraqin fl-2006, biex mingħajr dewmien u b'mod ġust jeżaminaw it-talbiet ta' Iraqini li qed ifittxu kenn, skond ir-Return Advisory and Position on International Protection Needs of Iraqis outside Iraq ta' l-UNHCR tat-18 ta' Diċembru 2006, u biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom internazzjonali u ta' l-acquis biex jagħtu status ta' rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja lil dawk li huma fir-riskju ta' persekuzzjoni u periklu serju;

8.  Jirrikonoxxi wkoll l-isforzi li għamlu pajjiżi li m'għandhomx fruntiera mar-reġjun bħall-Eġittu, li jgħinu lir-rifuġjati Iraqini; jitlob lil dan il-pajjiż biex ikompli bl-isforzi tiegħu favur ir-rifuġjati Iraqini billi jżomm il-konfini miftuħa u jtejbilhom il-kundizzjonijiet tagħhom; jitlob lill-pajjiżi li jospitaw Iraqini biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom u jiżguraw l-aċċess tagħhom għas-servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni;

9.  Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni tal-gvern reġjonali Kurd fl-għajnuna għall-komunitajiet Kristjani li huma spustjati internament;

10.  Jistieden lill-gvern Iraqin, lill-awtoritajiet reġjonali u reliġjużi u l-Forzi ta' Koalizzjoni Multinazzjonali fl-Iraq biex immedjatament jieħdu l-passi sabiex itejbu s-sigurtà għar-rifuġjati kollha u għall-persuni spustjati internament fl-Iraq u jtemmu prattiki diskriminatorji;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, lid-Direttur Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Iraq, l-Iran, is-Sirja, il-Ġordan, il-Libanu, l-Eġittu, it-Turkija u l-Istati Membri tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni tal-Golf, u l-Awtorità Nazzjonali Palestinjana.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Frar 2007Avviż legali