Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0408/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0408/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

24.10.2007

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-Sudan

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0408/2007
Testi mressqa :
RC-B6-0408/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan

Il-Parlament Ewropew,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel dwar il-qagħda fid-Darfur, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tas-26 ta' Settembru 2007;

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-ACP u l-UE dwar il-qagħda fid-Darfur, adottata f'Wiesbaden fit-28 ta' Ġunju 2007,

-  wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Tripli dwar il-Proċess Politiku għad-Darfur, adottat fi Tripli fit-28 u d-29 ta' April 2007,

-  wara li kkunsidra d-deċiżjoni ta' l-Unjoni Afrikana (UA) ta' April 2004 li twaqqaf il-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS),

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1706 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tipproponi forza taż-żamma tal-paċi ta' 22,000 ruħ għad-Darfur,

-  wara li kkunsidra l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali rigward il-missjonijiet internazzjonali taż-żamma tal-paċi,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1778 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Settembru 2007, li tipprovdi li tintbagħat preżenza internazzjonali multi-dimensjonali fiċ-Ċad tal-Lvant u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (CAR) li tikkonsisti minn missjoni tan-NU (MINURCAT), forza tal-pulizija taċ-Ċad imħarrġa min-NU u operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea (EUFOR),

  • A.billi fit-30 ta' Settembru 2007, forzi mhux identifikati attakkaw bażi ta' l-Unjoni Afrikana f'Haskanita, fid-Darfur tan-Nofsinhar, u qatlu 10 membri tal-forza taż-żamma tal-paċi ta' l-UA u tal-pulizija ċivili, mill-inqas tmien membri ta' l-istaff oħra mill-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS) sfaw feruti gravi u madwar 40 persuna baqgħu ma nsatbux, skond stqarrijiet ta' l-UA,
  • B.billi dan kien l-agħar każ ta' telfa ta' ħajja li seħħ sa issa fil-forza ta' l-UA li għandha nuqqas ta' riżorsi,
  • C.billi ż-żieda fil-vjolenza fin-Nofsinhar tad-Darfur fl-aħħar ġimgħat wasslet għall-qtil ta' tliet sewwieqa tal-Programm Dinji għall-Ikel (WFP) u wasslet biex il-grupp Médecins Sans Frontières ineħħi l-istaff tiegħu mill-belt ta' Muhajiriya u b'hekk ħafna nies li kienu sfurzati jħallu djarhom baqgħu mingħajr kura medika;
  • D.billi l-forza tal-Missjoni ta' l-Unjoni Afrikana fis-Sudan (AMIS) fid-Darfur bħalissa tinkludi madwar 7000 suldat u pulizija ċivili, u kważi hija l-unika forza fid-Darfur li tipprovdi protezzjoni ċivili; billi operazzjoni ibrida ta' l-UA u n-NU ta' 26,000 membru, UNAMID, ġiet awtorizzata f'Lulju 2007 u għandha ma ntbagħtitx,
  • E.billi l-missjoni ta' l-AMIS kienet li tissorvelja l-Ftehima ta' Paċi għad-Darfur u diversi ftehimiet oħra ta' waqfien mill-ġlied,
  • F.filwaqt li jinnota li l-attakki fuq l-istaff ta' l-AMIS żdiedu dan l-aħħar u li, minn meta l-forza ntbagħtet fl-2004, aktar minn 25 suldat u membru ta' l-istaff inqatlu u għexieren sfaw midruba,
  • G.billi minn wara l-falliment tal-Ftehima tal-Paċi għad-Darfur żdiedu l-illegalità u n-nuqqas ta' sigurtà,
  • H.filwaqt li jilqa' l-fatt li l-forza UNAMID, mhux bħall-osservaturi preżenti ta' l-UA, hija awtorizzata li tintervjeni b'mod attiv biex issalva l-ħajjiet,
  • I.billi se jkun hemm bżonn ta' sena jew aktar qabel mal-missjoni taż-żamma tal-paċi tilħaq is-saħħa sħiħa tagħha,
  • J.filwaqt li jinsab imnikket u xxukkjat bl-imwiet vjolenti u bis-serq madwar il-bliet ta' Haskanita u Muhajiriya,
  • 1.Jikkundanna bis-sħiħ il-qtil ta' 10 membri tal-forza taż-żamma tal-paċi ta' l-UA fid-Darfur, u jqis li dan huwa krimini tal-gwerra li għandu jiġi investigat fil-pront mill-Unjoni Afrikana u min-Nazzjonijiet Uniti;
  • 2.Jiddeplora n-nuqqas ta' sigurtà li dejjem qed jaggrava fir-reġjun, kif deher permezz ta' dawn l-atti vjolenti u kif ġie rrappurtat mid-Darfur minn osservaturi internazzjonali u NGOs;
  • 3.Jitlob li jieqfu immedjatament l-ostilitajiet u l-attakki fuq l-AMIS, fuq il-persuni ċivili u fuq l-aġenziji umanitarji, l-istaff u l-assi tagħhom u l-konvojs li jwasslu l-għajnuna;
  • 4.Jitlob lill-Gvern tas-Sudan u lill-gruppi ribelli biex jikkoperaw b'mod sħiħ ma' inkjesta indipendenti dwar l-attakk ikrah ġo Haskanita u biex iressqu lil kull min kien involut quddiem il-qorti;
  • 5.Jenfasizza li jrid jiġi stabbilit x'ġara minn dawk il-membri tal-forza taż-żamma tal-paċi li għadhom ma nstabux, u jitlob li l-grupp responsabbli mill-attakk immedjatament jagħti kont ta' fejn jinsabu;
  • 6.Jiddeplora l-fatt li l-attakk seħħ fil-mument meta l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti qed jagħmlu sforz massimu biex ikomplu t-taħditiet dwar il-paċi fid-Darfur fil-Libja fis-27 ta' Ottubru; iħeġġeġ li tintbagħat forza ta' l-UNAMID fid-Darfur biex tgħin sabiex jintemm il-kunflitt tad-Darfur;
  • 7.Jenfasizza li l-liġijiet konvenzjonali dwar il-gwerra jipprojbixxu l-attakki kontra l-istaff u l-oġġetti involuti fil-missjonijiet internazzjonali taż-żamma tal-paċi, sakemm dawn ma jkunux involuti direttament fl-ostilitajiet;
  • 8.Jilqa' bil-ferħ il-fatt li l-Gvern tas-Sudan aċċetta l-forza UNAMID fit-12 ta' Ġunju 2007; ifakkar, madankollu, li l-Gvern tas-Sudan qabel kien ħa impenji lil ma wettaqx biex jagħti l-permess lill-forza ibrida li tidħol fis-Sudan; jitlob li l-forza UNAMID tintbagħat malajr, b'mandat li jħalliha tipproteġi l-persuni ċivili b'mod effiċjenti, u jitlob lin-Nazzjonijiet Uniti biex iwettqu l-impenn tagħhom u jipprovdu t-truppi li ġew imwiegħda;
  • 9.Ifakkar lill-Gvern tas-Sudan li huwa għandu l-akbar sehem fir-responsabiltà għas-sigurtà interna u li m'għandux jaħrab minn din ir-responsabiltà u jħalliha f'idejn il-komunità internazzjonali;
  • 10.Jitlob lill-Istati Membri ta' l-UE u lin-NU biex jimmobilizzaw, mingħajr aktar dewmien, appoġġ politiku, finanzjarju, loġistiku u tekniku, flimkien ma' tipi oħra ta' appoġġ fosthom staff speċjalizzat għall-AMIS u għall-UNAMID, sabiex l-intervent jitlesta f'waqtu sa l-aħħar ta' Diċembru 2007; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan biex jaċċetta l-appoġġ u t-truppi min-nazzjonijiet kollha u biex jagħmel l-aħjar tiegħu biex jiffaċilita t-twettiq tal-mandati tagħhom;
  • 11.Jenfasizza li t-truppi tan-naħat kollha u l-istaff, il-vetturi u l-assi tagħhom għandhom ikunu jingħarfu mill-ħaddiema ta' l-għajnuna umanitarja sabiex tiġi żgurata n-newtralità stretta tagħhom u jiġu evitati l-attakki militari;
  • 12.Jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar kwalunkwe progress magħmul dwar l-użu xieraq ta' l-għajnuna finanzjarja tagħha lill-AMIS u b'mod partikulari l-ħlas ta' salarji u allowances ta' kuljum lis-suldati ta' l-AMIS;
  • 13.Jitlob lill-UE, lin-NU u lill-UA biex jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex isolvu l-kuflitt fid-Darfur u biex jagħtu prijorità lil proċess komprensiv ta' paċi permezz ta' djalogu politiku mal-partijiet kollha konċernati;
  • 14.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri ta' l-UE, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sudan, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, lill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern tal-Lega Għarbija, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-ACP, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta bejn l-ACP u l-UE u lill-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana.