Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdita
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra r-ratifika mill-Arabja Sawdita tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) fis-7 ta' Settembru 2000,
–
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, li kienet irratifikata mill-Arabja Sawdita fit-23 ta' Settembru 1997,
–
wara li kkunsidra l-fatt li l-Arabja Sawdita hija Parti Statali għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal sa mis-26 ta' Jannar 1996,
–
wara ku kkunsidra l-fatt li l-Arabja Sawdita ġiet eletta għal siġġu fil-Kunsill il-ġdid tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Mejju 2007,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Arabja Sawdita, tat-18 ta' Jannar 1996 u ta' l-10 ta' Marzu 2005,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 115 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi n-nisa fl-Arabja Sawdita għadhom qed jaffaċċjaw ħafna forom ta' diskriminazzjoni fil-ħajja privata u f'dik pubblika, ta' spiss huma vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' sikwiet jiffaċċjaw xkiel enormi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali,
B.
billi f'Ottubru ta' l-2006, mara ta' 19-il sena, magħrufa bħala 'it-Tfajla minn Qatif', ġiet ikkundannata għal 100 daqqa ta' frosta wara avveniment fejn hija kienet waħidha f'karozza titkellem ma' raġel li ma' kienx qarib strett x'ħin ġiet attakkata u stuprata minn grupp ta' persuni,
C.
huwa mħasseb ħafna bill-fatt li l-Qorti Ġenerali ta' Qatif (Arabja Sawdita) irrevediet is-sentenza u kkundannatha għal sitt xhur il-ħabs u għal 200 daqqa ta' frosta,
D.
billi uffiċjali tal-Qorti Ġenerali ta' Qatif iddikjara li l-Qorti żiedet is-sentenza tal-mara, fuq ordni mill-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura, minħabba li ppruvat taggrava u tinfluwenza lill-ġudikatura permezz tal-midja,
E.
billi l-avukat tal-vittma, Abdul Rahman Al-Lahem, ġie pprojbit milli jidħol fis-sala tal-qorti u anki minn kwalunkwe rappreżentanza futura tal-klijenta tiegħu wara ħafna tentattivi biex jieħu azzjoni legali kontra l-Ministru tal-Ġustizzja minħabba li dan ta' l-aħħar naqas milli jipprovdilu kopja tal-verdett li jikkonċerna lill-klijenta tiegħu li kellu bżonn sabiex ikun jista' jħejji ruħu għall-appell; billi s-Sur Al-Lahem issa qed jaffaċċja smigħ dixxiplinarju fil-Ministeru tal-Ġustizzja, fejn is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu sospensjoni għal tliet snin u t-tneħħija mil-lista ta' l-avukati;
F.
billi Al-Lahem iddefenda wkoll il-każijiet tal-koppja Fatimeh u Mansour Al-Taimani, ġenituri ta' żewt itfal, li ġew sfurzati biex jiddivorzjaw f'Lulju ta' l-2007, fuq it-talba ta' ħu l-mara bbażata fuq l-argument li l-linja tribali ta' Fatimah kienet superjuri għal dik tar-raġel tagħha; billi t-tnejn li huma nżammu l-ħabs għal ġranet, saħansitra xhur, flimkien mat-tfal tagħhom talli rrifjutaw li jaċċettaw id-divorzju, u billi minn dak iż-żmien 'l hawn Fatimeh kellha tgħix f'kenn minħabba li tirrifjuta li tmur lura għand il-familja tagħha,
G.
huwa mħasseb b'mod partikulari li l-kriminalizzazzjoni ta' kwalunkwe kuntatt mill-qrib bejn individwi mhux miżżewġin tas-sess oppost fl-Arabja Sawdita ma tħallix li l-vittmi ta' stupru jirrikorru għall-ġustizzja, u mħasseb ukoll dwar il-fatt li meta mara tagħmel akkuża ta' stupru, il-qorti tista' tqis dan bħala ammissjoni ta' relazzjoni sesswali barra miż-żwieġ sakemm hija ma tippruvax, permezz ta' evidenza soda, li dan il-kuntatt ma kienx kunsenswali,
H.
jinnota li l-Partijiet Statali għall-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem (bħas-CEDAW) għandhom l-obbligu li jiżguraw id-drittijiet ugwali ta' l-irġiel u tan-nisa,
1.
Jinsisti li l-gvern ta' l-Arabja Sawdita jieħu passi ulterjuri immirati biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet minn fuq id-drittijiet tan-nisa, inkluż il-moviment ħieles tan-nisa, minn fuq il-projbizzjoni tas-sewqan, minn fuq l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom, minn fuq il-persunalità legali tagħhom u minn fuq ir-rappreżentanza tagħhom fil-proċessi ġudizzjarji, u biex jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja pubblika u f'dik privata u biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fl-isferi ekonomiċi, soċjali u politiċi;
2.
Jiddeplora d-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali ta' Qatif biex tikkastiga vittma ta' stupru; jistieden lill-awtoritajiet ta' l-Arabja Sawdita biex jannullaw is-sentenza u jaqqgħu l-akkużi kollha kontra l-vittma ta' l-istupru;
3.
Jinnota li, fit-3 ta' Ottubru 2007, ir-Re Abdullah ħabbar riforma ġudizzjarja, filwaqt li wiegħed it-twaqqif ta' qrati speċjalizzati ġodda u taħriġ aħjar għall-imħallfin u għall-avukati; ifakkar li, f'Mejju ta' l-2007, ġie rrapportat li r-Re Abdullah ordna li titwaqqaf qorti ġdida li għandha tispeċjalizza fis-smigħ ta' każijiet ta' vjolenza domestika;
4.
Iqis li kampanja għall-promozzjoni ta' kuxjenza rigward il-vjolenza kontra n-nisa fl-Arabja Sawdita, speċjalment il-vjolenza domestika, tkun inizjattiva ferm milqugħa, li għandha tiddaħħal bħala kwistjoni ta' urġenza;
5.
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu dawn il-kwistjonijiet fil-Kunsill Konġunt u u l-Laqgħa Ministerjali li jmiss bejn l-UE u l-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf;
6.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Gvern ta' l-Arabja Sawdita, lis-Segretarju Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Islamika u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Koperazzjoni tal-Golf.