Proċedura : 2007/2654(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B6-0144/2008

Testi mressqa :

RC-B6-0144/2008

Dibattiti :

PV 24/04/2008 - 3

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2008 - 7.1
CRE 24/04/2008 - 7.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0174

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 142kDOC 99k
22 t'April 2008
PE401.440v01-00}
PE401.474v01-00}
PE401.475v01-00} RC1
 
B6‑0144/2008}
B6‑0174/2008}
B6‑0175/2008} RC1
imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
   Hartmut Nassauer u Joseph Daul, f'isem il-Grupp PPE-DE
   Diana Wallis u Silvana Koch-Mehrin, f'isem il-Grupp ALDE
   Brian Crowley u Cristiana Muscardini, f’isem il-Grupp UEN
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
   PPE-DE (B6‑0144/2008)
   UEN (B6‑0174/2008)
   ALDE (B6‑0175/2008)
dwar l-Istrateġija Annwali ta’ Politika tal-Kummissjoni għall-2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija Annwali ta’ Politika tal-Kummissjoni għall-2009 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Annwali ta' Politika għall-2009 (COM (2008)0072),

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma attwali għall-2008 (COM(2007)0640),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Djalogu Strutturat mal-Kummissjoni huwa pass interistituzzjonali importanti kemm għall-implimentazzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma attwali għall-2008 kif ukoll għat-tfassil u l-adozzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma għall-2009,

B.  billi għalhekk huwa kruċjali li d-Djalogu Strutturat jitwettaq fi żmien qasir sabiex l-isforzi jiffokaw fuq it-tfassil ta' l-objettivi strateġiċi ewlenin ta' l-UE għall-2009,

It-Tkabbir u l-Impjiegi

1.  Jenfasizza, għal darba oħra, l-importanza ta' implimentazzjoni qawwija ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, li tisħaq fuq l-interdipendenza tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali biex tinħoloq ekonomija sostenibbli dinamika u innovattiva;

2.  Jilqa' b’sodisfazzjon l-appoġġ, li missu li ilu jeżisti, għall-SMEs bħala pass ieħor wara l-Att Ewropew tan-Negozji ż-Żgħar li se joħroġ dalwaqt; jikkunsidra li l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar huwa strateġija importanti ħafna biex jiġu appoġġjati l-impriżi żgħar u ta' daqs medju; jinnota wkoll li huma meħtieġa qafas finanzjarju u atti leġiżlattivi biex jiġu appoġġjati l-SMEs bl-aktar mod xieraq; madankollu jwissi kontra l-użu ħażin ta' dawn l-istrumenti biex jingħalqu s-swieq nazzjonali biex jitnaqqsu l-kompetittività Ewropea u l-għażla tal-konsumaturi; jerġa’ jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-Istatut tal-Kumpanija Privata Ewropea;

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-monitoraġġ iktar sistematiku u integrat ta’ oġġetti ewlenin u tas-swieq tas-servizzi bil-għan li jinstabu problemi eżistenti; jinnota li dan jista’ jinkludi inkjesti fil-qasam tal-kompetizzjoni u m’għandux ikun ta' ħsara kemm għall-SMEs kif ukoll għall-varjetà ta’ prodotti u ta’ servizzi fis-Suq Intern; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ġġib il-leġiżlazzjoni settorjali fil-qasam tas-suq intern għall-prodotti konformi mal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid iżda għal darb'oħra jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja l-inplimentazzjoni u l-infurzar ta' l-Istati Membri, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' reviżjoni ġenerali flimkien ma’ reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti; jitlob li tingħata attenzjoni kontinwa lit-traspożizzjoni tad-direttivi ewlenin tas-suq intern, b'mod partikolari d-Direttiva tas-Servizzi, kif ukoll aktar żvilupp ta' l-għodod tas-suq intern;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon is-segwitu għar-Reviżjoni ta' l-2007 tas-Suq Wieħed bl-inizjattiva tas-sħubijiet komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex tiġi applikata u infurzata l-liġi tas-Suq Wieħed; jinnota l-proposti biex jiġu emendati bosta Direttivi tal-Metodu l-Ġdid biex jiġi mmodernizzat is-Suq Wieħed fl-oġġetti; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tieħu aktar azzjoni biex ittejjeb il-koperazzjoni ma' l-Istati Membri f'dan il-qasam; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' armonizzazzjoni konkreta tal-proposti leġiżlattivi fil-qasam tas-suq intern; jenfasizza l-importanza tar-rikonoxximent reċiproku flimkien ma’ l-armonizzazzjoni mmirata fil-qasam tas-suq intern bil-għan li jiġi kkompletat is-suq intern għall-oġġetti u s-servizzi;

5.  Iqis li sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambizzjużi ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona jinħtieġ approċċ ġdid għall-iżvilupp u l-promozzjoni tar-riċerka; jitlob li ssir l-ewwel evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka (FP7) qabel ir-reviżjoni ta' nofs is-sena, kif ukoll l-evalwazzjoni ta' l-attività li tkun saret s'issa tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka;

6.  Jiġbed l-attenzjoni li huwa importanti ħafna li tkun salvagwardjata l-istabilità tas-swieq finanzjarji u li l-konsumaturi jkollhom serħan tal-moħħ fid-dawl tal-kriżi finanzjarja attwali; jinnota li l-kriżi attwali turi l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa miżuri ta’ sorveljanza sabiex tiżdied it-trasparenza ta’ l-investituri, jitwaqqfu standards ta’ valutazzjoni aħjar, tittejjeb is-superviżjoni prudenti u jiġi evalwat l-irwol ta’ l-aġenziji ta’ klassifikar; jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem fi sħubija sħiħa mal-Parlament Ewropew meta jiġi żviluppat il-pjan miftiehem mill-Kunsill ECOFIN f'Diċembru 2007 sabiex jittejbu l-proċess Lamfalussy, il-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji, u l-proċess tat-traspożizzjoni u ta' l-implimentazzjoni; iqis li r-reviżjoni mmirata li tħabbret tad-Direttiva dwar il-Ħtieġa ta’ Kapital għandha ttejjeb il-qafas prudenti u l-immaniġġjar tar-riskju ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, sabiex tiżdied il-fiduċja bejn kull min qiegħed fis-suq; jafferma mill-ġdid li hu importanti ħafna li jkun hemm rappreżentanza waħda u rappreżentazzjoni aħjar ta' l-UE fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, u jiddispjaċih li m'hemmx proposta f'dan ir-rigward;

7.  Jilqa' b’sodisfazzjon ukoll id-determinazzjoni tal-Kummissjoni biex tagħmel progress fil-ħidma dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut, billi l-integrazzjoni f'dan il-qasam għadha minima u jeħtieġ li f'ċerti oqsma l-kompetizzjoni tittejjeb sabiex ikun hemm benefiċċji konkreti għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib ħafna l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur;

8.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex tilħaq miri għar-rata ta’ xogħol stipulata fl-istrateġija ta’ Liżbona; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa approċċ komuni lejn modi ta’ flessigurtà, li għandhom jippromwovu, minn naħa, aktar flessibilità fis-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, sigurtà għall-ħaddiema, flimkien ma’ implimentazzjoni bilanċjata ta’ l-erba’ pilastri tal-flessigurtà, li tista’ tkun meħtieġa biex jinkisbu effetti ekonomiċi aħjar;

9.  Jiġbed l-attenzjoni li l-PE se jeżamina l-konsegwenzi tas-sentenza riċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-każijiet Viking, Laval u Rüffert, l-ewwel b’dibattitu fil-plenarja, imbagħad permezz tar-rapport tal-Parlament dwar l-isfidi għan-negozjar kollettiv;

10.  Jiddispjaċih dwar il-prijorità baxxa mogħtija mill-Kummissjoni lill-kwistjonijiet ta' kultura u edukazzjoni fl-Istrateġija Annwali ta' Politika għall-2009; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsolida ż-Żona Ewropea ta' l-Edukazzjoni għal kulħadd, b'mod partikolari billi ttejjeb il-kwalità, l-effikaċja u l-aċċessibilità tas-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-UE; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tagħlim matul il-ħajja billi jiġu żviluppati l-mobilità ta' l-istudenti, il-ħiliet lingwistiċi u t-tagħlim ta’ l-adulti; jisħaq fuq l-importanza tad-diversità kulturali b'mod partikolari fil-qasam tal-kontenut diġitali;

11.  Jilqa’ b’sodisfazzjon li tħabbret Komunikazzjoni fil-ġejjieni dwar id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji biex ikun żgurat li l-universitajiet Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu ma' l-aqwa universitajiet fid-dinja; jappoġġja l-inizjattiva sabiex tiġi ppubblikata Green Paper dwar industriji kulturali u kreattivi u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar l-azzjoni ta' l-UE f'dan is-settur, li tkun ta' kontribut sinifikanti għall-ħolqien ta' l-impjiegi u għat-tkabbir; jiġbed l-attenzjoni li l-azzjoni ta' l-UE għandha timmira wkoll għat-tisħiħ ta' l-identità u d-diversità kulturali;

12.  Jenfasizza li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-passiġġier għandha tkun aktar ċentrali, b’mod speċjali l-protezzjoni tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw distanzi twal bix-xarabank u bil-kowċ, kif ukoll tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-ferrovija u bil-vapur; jenfasizza l-importanza ta’ żvilupp b’suċċess ta’ sistemi ta’ mmaniġġjar tat-traffiku u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem lejn żvilupp ta’ Sistema Ewropea ta’ l-Immaniġġjar tat-Traffiku ta’ l-Ajru (SESAR) u ta’ Sistema Ewropea ta’ l-Immaniġġjar tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS);

Il-bidla fil-klima u Ewropa sostenibbli

13.  Jappoġġja lill-Kummissjoni bil-qawwa biex tiżviluppa aktar il-Politika Enerġetika għall-Ewropa, bil-għan li tinkiseb l-indipendenza enerġetika u li tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri; jimpenja ruħu biex jikkopera mill-qrib mal-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinstab ftehim effettiv u li jaħdem dwar il-Bidla fil-Klima u l-Pakkett ta' l-Enerġija fl-inqas ħin prattikabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi, malajr kemm jista' jkun, l-aqwa u l-aktar analiżi oġġettiva ta’ l-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali possibbli tal-prezzijiet ta’ l-enerġija li qed jiżdiedu, sabiex tiggwida bl-aħjar mod possibbli l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill u fil-Parlament; jinnota wkoll li jeħtieġ li l-UE tibqa' turi li t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp jistgħu jkunu marbuta ma' ekonomija b'karbonju baxx; barra minn hekk, ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li l-objettivi dwar l-ambjent u l-bidla fil-klima jiddaħħlu fil-politiki u l-programmi finanzjarji kollha ta' l-UE;

14.  Jaf li s-suċċess ta' din l-istrateġija jiddependi wkoll mill-kapaċità ta' l-Unjoni Ewropea li tikkonvinċi l-imsieħba fid-dinja, u b'mod partikulari l-protagonisti ewlenin, biex jaqblu dwar strateġija bħal din; jenfasizza, għaldaqstant, li l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda u turi solidarjetà f'dan il-qasam; jieħu nota tad-dokument riċenti mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni (‘Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali’) u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ konġunt għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-enerġija, il-bidla fil-klima u l-affarijiet barranin; jikkundanna n-nuqqas ta' strateġija annwali u għall-futur imbiegħed għal politika esterna Ewropea dwar l-enerġija;

15.  Jilqa' b’sodisfazzjon ix-xewqa tal-Kummissjoni li tnaqqas l-emissjonijiet marbuta mal-ġarr tal-merkanzija u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-inklużjoni tat-trasport marittimu u fl-ilmijiet interni fl-iskema ta' l-iskambju ta' emissjonijiet; jilqa' b'sodisfazzjon f’dan ir-rigward ukoll l-iżvilupp ta' Politika Marittima ġdida u l-ħsieb li titressaq proposta dwar ir-riforma ta' l-Organizzazzjoni Komuni tal-prodotti tas-sajd u ta' l-akkwakultura, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkjarifika kif għandha l-ħsieb li tagħmel użu differenti minn EUR 6 miljuni fil-qasam tal-politika tas-sajd; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid ma’ l-azzjonijiet ewlenin previsti għall-2009 taħt ‘Ewropa sostenibbli’, kapitolu ġdid dwar ir-riforma ta’ l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni għall-prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura;

16.  Huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' politika Komunitarja konformi mat-Trattat u mal-prinċipju tas-solidarjetà, u għaldaqstant jirrifjuta kull tentattiv biex din il-politika tiġi nnazzjonalizzata mill-ġdid; iqis li fil-ġejjieni r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-politika ta' koeżjoni jridu jkunu ggarantiti sabiex ikunu jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi ġodda mistennija, li għandhom impatt territorjali kbir; jinnota li, barra mill-koeżjoni ekonomika u soċjali, iridu jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-bidliet demografiċi, mill-konċentrazzjoni urbana, mis-segregazzjoni, mill-movimenti migratorji, mill-aġġustament meħtieġ għall-globalizzazzjoni, mill-bidla fil-klima, mill-ħtieġa li jkunu ggarantiti l-provvisti ta' l-enerġija, u mill-progress bil-mod taż-żoni rurali;

17.  Jinnota li fl-2009 se jkun hemm l-implimentazzjoni tat-tibdiliet leġiżlattivi li ġew miftiehma fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa tal-CAP u jistenna li l-pożizzjoni tal-Parlament tiġi rrispettata għal kollox; jilqa' b’sodisfazzjon l-indikazzjoni tal-Kummissjoni li fl-2009, se jsiru numru ta' proposti biex titnaqqas il-burokrazija, u jemmen li din se tkun tgħodd ukoll għall-bdiewa, b'mod partikolari fir-rigward tal-konformità reċiproka; jilqa' b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ il-produzzjoni ta' kwalità fl-agrikultura u jistenna li jkollha rwol attiv fil-formulazzjoni tal-proposti konkreti; jiddispjaċih għall-fatt li l-APS għall-2009 ma jirnexxilhiex tqis it-tħassib dejjem jikber dwar is-sikurezza ta' l-ikel;

Sabiex il-Politika Komuni ta' l-Immigrazzjoni ssir Realtà

18.  Jilqa' b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta' Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni u jenfasizza li 'Patt Ewropew dwar il-Politika ta' Migrazzjoni' għandu jkopri kwistjonijiet marbuta kemm mal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u ma’ l-immaniġġjar ta' l-immigrazzjoni legali, kif ukoll ma’ politika iktar ambizzjuża dwar l-integrazzjoni li tkun responsabiltà ta’ l-UE, kif ukoll mat-tnedija ta' politika Ewropea għall-kenn ibbażata fuq proposti li jridu jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni qabel l-aħħar tas-sena; iqis li r-reviżjoni tal-Konvenzjoni Dublin II hija prijorità;

19.  Jenfasizza li l-ħarsien tal-konfini huwa prijorità wkoll, u f'dan il-kuntest se jifli l-proposti riċenti (EU PNR, Eurosur, dħul/ħruġ, u l-evalwazzjoni tal-Frontex) filwaqt li jinsisti għar-rispett għal regoli sodi dwar il-protezzjoni tad-dejta;

20.  Jenfasizza li huwa importanti ferm li titħaffef l-implimentazzjoni sħiħa tas-SIS II u l-VIS; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-Frontex, li minnha nnifisha tiddependi fuq l-impenn mill-Istati Membri li jipprovdu ħaddiema u tagħmir;

Iċ-ċittadin l-ewwel

21.  Itenni t-talba tiegħu għal reviżjoni tat-tmien direttivi settorjali li kellhom ikunu analizzati fil-qafas tar-reviżjoni tar-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumatur u tal-ħidma fuq l-istrumenti orizzontali li jistabbilixxu l-prinċipji tas-suq intern sabiex jiġi kkompletat is-suq intern; jisħaq fuq il-ħtieġa kontinwa għal leġiżlazzjoni konkreta fil-qasam ta’ l-immarkar CE u tal-marki tas-sigurtà CE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex taħdem sabiex jiġu garantiti u infurzati r-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumaturi;

22.  Jappella għal aktar inizjattivi fil-qasam tal-ġustizzja ċivili biex jiġi stabbilit qafas legali bbilanċjat li jagħti ċertezza u aċċess għall-ġustizzja; jappella għal progress ulterjuri dwar il-Qafas Komuni ta' Referenza (CFR) bħala wieħed mill-aktar xogħlijiet pre-leġiżlattivi sinifikanti, u jenfasizza l-ħtieġa għal koperazzjoni msaħħa bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għal dan il-proġett;

23.  Huwa tal-fehma li ma jagħmilx sens li d-diskriminazzjoni tkun illegali f’qasam wieħed filwaqt li tkun permessa f’qasam ieħor; jistenna l-proposta tal-Kummissjoni dwar direttiva komprensiva għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni skond l-Artikolu 13 tat-Trattat KE kif stipulat fil-programm ta' ħidma tagħha għall-2008, filwaqt li jenfasizza li jridu jiġu rrispettati r-responsabiltajiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam;

24.  Jistenna l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali, filwaqt li jenfasizza li jridu jiġu rrispettati r-responsabiltajiet ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam; jistenna bil-ħerqa l-ftehim dwar is-saħħa mentali u jtenni wkoll l-impenn tiegħu biex tittejjeb l-kura tas-saħħa fl-Ewropa, inkluż l-appoġġ għal strateġija ta' l-UE li tittratta l-ġlieda kontra l-kanser, il-mard kardjovaskulari u mard ieħor komuni u serju, kif ukoll il-mard rari;

25.  Jiddeplora l-fatt li l-istrateġija politika għadha vaga fil-qasam tas-saħħa pubblika; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex tegħleb l-inugwaljanzi fil-kura tas-saħħa marbuta ma' fatturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali, biex tippromwovi stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa u biex ittejjeb l-informazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta' koordinazzjoni u ta' reazzjoni rapida vis-à-vis it-theddid globali għas-saħħa; fir-rigward tar-REACH, ifakkar lill-Kummissjoni li l-implimentazzjoni kif suppost tal-leġiżlazzjoni hija fattur kruċjali għas-suċċess; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel xogħol preparatorju xieraq għall-kompiti futuri tagħha skond ir-REACH;

26.  Jitlob li jsir iżjed xogħol fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, biex tiġi indirizzata b'mod partikolari l-kriminalità ċibernetika u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-momentum biex tindirizza l-problema tat-traffikar tal-bnedmin; jitlob li l-politiki kontra t-terroriżmu jiġu definiti b'mod komprensiv u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta li tipproteġi u tħeġġeġ l-interessi tal-vittmi tat-terroriżmu u biex tiżviluppa proposti li jiżguraw livell ogħla ta' bijopreparament;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra liema arranġamenti transnazzjonali għandhom jiddaħħlu fis-seħħ sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni marbuta mal-Ġustizzja u l-Intern sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona; jenfasizza li fl-2009, it-Trattat il-ġdid se jirrikonoxxi rwol ġdid għall-Parlament Ewropew rigward il-politiki ta' l-AFSJ u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali rigward dawk il-politiki; dan jimplika reviżjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni rigward l-istruttura tal-pilastri eżistenti kif ukoll reviżjoni ta' l-istatut ta’ l-Europol u l-Eurojust;

28.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal u l-ħarsien tagħhom; jinnota li l-istrateġija mfassla fir-rigward tal-politika dwar l-integrazzjoni tas-sessi hija ġenerali ħafna; għalhekk, jistenna li l-Kummissjoni tistabbilixxi, bħala kwistjoni urġenti, id-dettalji ta' l-inizjattivi li se tniedi fl-2009; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-Daphne III jidħol fis-seħħ meta jasal iż-żmien;

L-Ewropa bħala msieħba dinjija

29.  Jilqa' b’sodisfazzjon l-importanza mogħtija fl-APS (Strateġija Politika Annwali) għat-tħejjijiet għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona; jinnota li t-tħejjijiet iridu jitwettqu kemm minn ġewwa, kif ukoll fir-rabtiet tal-Kummissjoni mal-Parlament u mal-Kunsill; jenfasizza l-importanza ta' preparazzjoni xierqa għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, b'mod partikulari fir-rigward tat-twaqqif tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna b’koperazzjoni mal-Parlament Ewropew;

30.  Jenfasizza l-importanza li jitħarsu u li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-istat tad-dritt fid-dinja kollha, l-aktar fl-għadd ta' pajjiżi fejn id-drittijiet tal-bniedem mhumiex rispettati;

31.  Jenfasizza l-importanza li n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Kroazja jintemmu malajr kemm jista' jkun, anke bħala sinjal għar-reġjun usa' tal-Punent tal-Balkani li l-ġejjieni tagħhom jinsab fl-UE, sakemm ikunu ssodisfati l-ħtiġijiet meħtieġa;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkontribwixxi bis-sħiħ għar-reviżjoni ta' l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà u għall-iżvilupp ta' politika ta' l-Unjoni li tkun koerenti u intelliġenti fir-rigward tan-NATO;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni sħiħa tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-pjan dwar Ftehim Komprensiv għall-Kosovo, u biex tinsisti dwar il-bażi multietnika tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, flimkien mal-Kunsill, l-arranġamenti meħtieġa ta' koordinazzjoni sabiex id-diversi parteċipanti ta' l-UE preżenti fil-Kosovo jitkellmu b'vuċi waħda; jistieden lill-Kummissjoni, biex permezz tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tappoġġja u żżomm it-triq lejn sħubija fl-UE fil-futur ta’ l-Istati tal-Balkani tal-Punent;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa għal Strateġija ta’ l-UE għall Baħar Baltiku sabiex tiżdied il-koperazzjoni u l-integrazzjoni tal-pajjiżi f’dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan għall-implimentazzjoni tas-Sinerġija għall-Baħar l-Iswed;

35.  Jappella għal aktar miżuri biex tissaħħaħ il-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) u sabiex din issir aktar rilevanti għall-pajjiżi kkonċernati; jirrimarka li l-Unjoni Ewropea trid iżżomm l-impenn tagħha favur il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt fir-rigward ta' dawn il-pajjiżi; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inkorporazzjoni ta' dimensjoni parlamentari fil-politika tal-ġirien tal-Lvant permezz tat-twaqqif ta' l-Assemblea EURO-NEST, li tressaq lejn xulxin l-MEPs u l-MPs mill-pajjiżi ġirien tal-Lvant;

36.  Jikkundanna n-nuqqas ta' proposti speċifiċi mill-Kummissjoni dwar possibilitajiet ġodda għall-implimentazzjoni ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp sabiex jintlaħqu l-miri sa l-2015; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-għajnuna umanitarja mogħtija mill-UE, b'mod partikolari l-għajnuna tagħha ta' ikel lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, tiġi sostnuta u, jekk ikun possibbli, tiġi estiża fl-2009; huwa tal-fehma li l-prijorità kummerċjali ta' l-UE hija Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp li jkollha suċċess, iżda jiddispjaċih li l-istrateġija tal-politika għadha ma bdietx riflessjoni dwar l-aġenda tad-WTO għal wara Doha: huwa tal-fehma li parti essenzjali minn kwalunkwe ftehima ta' kummerċ ħieles għandha tkun kapitolu ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli (inkluż ir-ratifika tal-konvenzjonijiet ewlenin ta' l-ILO u l-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll regoli ambjentali essenzjali);

Implimentazzjoni, ġestjoni u regolamentazzjoni aħjar

37.  Jafferma li, fir-rigward ta' Regolamentazzjoni Aħjar, l-implimentazzjoni korretta, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-liġi Komunitarja għandhom ikunu prijorità; iqis, madankollu, li l-Kummissjoni għandha dover centrali li tghin lil Stati Membri biexjilħqu dan l-objettiv; jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut iżjed mill-qrib fl-immonitorjar ta' l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità, u jenfasizza l-bżonn għal koperazzjoni interistituzzjonali msaħħa fir-rigward tal-proċeduri tal-komitoloġija;

38.  Jappoġġja proposti tal-Kummissjoni bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; ifakkar id-determinazzjoni li sa l-2012 jintlaħaq b'appoġġ l-objettiv ta' tnaqqis ta' 25% tal-piżijiet amministrattivi, u jħeġġeġ riżultati tanġibbli mill-aktar fis possibbli; iqis dan bħala prijorità ewlenija, b'mod partikolari għall-SMEs u bħala kontribuzzjoni essenzjali biex jintlaħqu l-miri ta' Liżbona; ifakkar li l-leġiżlazzjoni kollha trid tfittex li tilħaq dan l-għan; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li s-simplifikar, il-kofifikar u r-riformular ta’ l-acquis eżistenti m’għandhomx isiru bi ħsara għall-objettivi tal-politika;

39.  Jenfasizza li l-prijoritajiet politiċi għandhom jiġu appoġġjati bi prijoritajiet baġitarji ġodda sabiex l-UE jkun jista' jkollha rwol konkret;

40.  Jistenna lill-Kummissjoni li taħdem fuq il-kwalità tad-dikjarazzjonijiet nazzjonali (26 Stat Membru ppreżenta sommarju ta' l-ispiża ta' l-UE, kif imsemmi fil-paragrafu 44 tal-Ftehima Interistituzzjonali u fl-Artikolu 53b tar-Regolament Finanzjarju) sabiex ikunu jistgħu jintużaw mill-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri (ECA) u jistenna rapport bikri ħafna dwar il-kwalità ta' dawn is-sommarji u l-proposti dwar kif tista' tittejjeb il-kwalità tagħhom; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu implimentati d-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-2006 tal-baġit ġenerali, b'mod partikulari l-Pjan ta' Azzjoni tal-Fondi Strutturali u s-segwitu ta' l-użu tal-fondi ta' l-UE f'azzjonijiet esterni;

Il-komunikazzjoni dwar l-Ewropa

41.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tpoġġi liċ-ċittadin fil-qalba tal-proġett Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkofa l-isforzi tagħha wkoll fuq l-iżvilupp ta’ politika ta' komunikazzjoni effettiva biex tagħti liċ-ċittadini l-mezzi sabiex jifhmu lill-UE aħjar, speċjalment fis-sena ta' l-elezzjonijiet Ewropej; jenfasizza l-importanza li malajr jiġi implimentat id-dritt ta' inizjattiva taċ-ċittadini, kif maħsub fit-Trattat ta' Liżbona; fid-dawl tal-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti, ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha li taħdem għal trasparenza akbar u għal aktar aċċess għad-dokumenti;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 22 t'April 2008Avviż legali