Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0181/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0181/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

23.4.2008

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċad

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0181/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0181/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar the situation in Chad

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Settembru 2007 u tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar l-operazzjoni ESDP fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta' Jannar 2008 dwar it-tnedija ta’ l-operazzjoni militari ta’ l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika taċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR Tchad/RCA),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 1778 tal-25 ta' Settembru 2007 li tipprovdi għall-iskjerament ta' preżenza multidimensjonali internazzjonali fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR) inkluża l-missjoni ta' l-ESDP, EUFOR TCHAD/RCA,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 1769 tal-31 ta' Lulju 2007 li twaqqaf, għal perjodu inizjali ta' tnax-il xahar, operazzjoni ibrida AU/UN fid-Darfur (UNAMID),

–  wara li kkunsidra l-ftehima politika ffirmata bejn il-Presidenza taċ-Ċad u l-oppożizzjoni mhux armata fi N’Djamena fit-13 ta' Awwissu 2007, bil-għan li jissaħħaħ il-proċess demokratiku fiċ-Ċad mill-partiti politiċi rilevanti kollha taċ-Ċad fil-maġġoranza u fl-oppożizzjoni u li jsiru l-preparamenti għal elezzjonijiet leġiżlattivi previsti għall-2009,

–  wara li kkunsidra l-ftehima ta' non-aggressjoni ffirmat fit-13 ta' Marzu 2008 f'Dakar bejn il-Kapijiet ta' l-Istat taċ-Ċad u tas-Sudan fix-xifer tal-konferenza tas-Samit Iżlamiku u taħt l-awspiċi tal-President Wade u tal-President Bongo,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija ta' Cotonou bejn l-ACP u l-UE, u b'mod partikolari l-kapitolu dwar l-ghajnuna umanitarja u ta' emergenza,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Billi qies bi tħassib li, sa mit-3 ta' Frar 2008, għad m'hemmx aħbar ta' Oumar Mahamat Saleh, kelliem għall-"Koordinazzjoni tal-Partiti għad-Difiża tal-Kostituzzjoni" u ta' priġunieri politiċi oħra,

B.  Billi jinsab imħasseb dwar l-arrest ta' persuni ordinarji li jappoġġjaw il-partiti u l-mexxejja fl-oppożizzjoni, wara l-attentat tar-ribelli sabiex iwaqqgħu lill-President Deby fi Frar li għadda;

C.  Billi l-President Deby uża l-kunflitt attwali ma' l-oppożizzjoni armata bħala kopertura sabiex jiġu arrestati mexxejja ċivili paċifiċi fl-oppożizzjoni;

D.  Billi l-forzi tas-sigurtà taċ-Ċad kienu ħatja ta' qtil extraġudizzjarju, tortura u l-arresti arbitrarji mingħajr tpattija, u billi d-difensuri tad-drittijiet tal-Bniedem u l-ġurnalisti baqgħu f'riskju ta' arrest, ta' proċess inġust u ta' arrest bi ksur tad-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni,

E.  Billi l-President taċ-Ċad approfitta mill-istat ta' emerġenza sabiex, permezz ta' l-ordni, iħassar il-liġi ta' l-1994 dwar il-libertà ta' l-istampa, u billi l-korrispondenti ta' l-istampa internazzjonali jridu jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex iwettqu dmirijiethom u jipprovdu l-informazzjoni,

F.  Billi d-dikriet presidenzjali ta' ħolqien tal-kumitat ta' inkjesta dwar l-avvenimenti tat-2 u t-3 ta' Frar 2008 ma żgurax l-indipendenza ta' dan il-kumitat,

G.  Billi huwa inkwetat dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà fil-parti tal-Lvant taċ-Ċad, li marret lura sa mill-2006 bħala riżultat tal-kunflitti bejn il-forzi tas-sigurtà taċ-Ċad u r-ribelli taċ-Ċad, u ta' l-inkursjonijiet ta' milizji Janjaweed u ta' gruppi armati mis-Sudan, li magħhom iridu jiżdiedu l-banditi u l-attakki kontra l-organizzazzjonijiet umanitarji,

H.  Billi s-soluzzjoni għal din il-kriżi teħtieġ li jiġu indirizzati r-raġunijiet fil-bażi tagħha, fi proċess ta' rikonċiljazzjoni politika globali, bl-appoġġ tal-popolazzjoni, sabiex jinkisbu l-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp,

I.  Billi l-Prim Ministru l-ġdid taċ-Ċad, Youssouf Saleh Abbas, afferma li huwa jqis bħala prijoritarja l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat-13 ta' Awwissu 2007 li ġew iffirmati bejn il-forzi presidenzjali u l-oppożizzjoni mhux armata, bl-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea,

J.  Billi l-Koalizzjoni tal-Partiti għad-Difiża tal-Kostituzzjoni - li huwa l-partit prinċipali fl-oppożizzjoni - wieġeb b'mod favorevoli għall-prinċipju ta' gvern inklussiv ħafna,

K.  Billi tqies il-ġlied il-ġdid fil-bidu ta' April bejn l-armata tal-gvern u l-forzi ribelli armati fir-reġjun ta' Adé,

L.  Billi tqiesu n-negozjati mibdija fi Tripli bejn ir-rappreżentanti tal-gvern u r-rappreżentanti tal-forzi ribelli,

M.  Billi diġà hemm 'il fuq minn 250,000 refugjat Sudaniż li jinsabu fi 12-il kamp fil-Lvant taċ-Ċad; billi kien hemm fluss ulterjuri ta' mill-inqas 12,000 il-refuġjat ġdid fi Frar 2008, meta żdied il-ġlied fid-Darfur,

N.  Billi hemm ukoll 57,000 refuġjat mir-Repubblika Ċentrali Afrikana (CAR) fiċ-Ċad, li l-maġġorparti tagħhom tinsab f'erba' kampijiet fin-Nofsinhar tal-pajjiż; billi minbarra dawn ir-refuġjati, hemm madwar 180,000 Persuni Mċaqalqa Internament (IDPs) fil-Lvant taċ-Ċad li ċċaqalqu u se jibqgħu jiċċaqalqu internament filwaqt li jaħarbu l-vjolenza interetnika; billi minbarra dawn ir-refuġjati, hemm madwar 180,000 Persuni Mċaqalqa Internament (IDPs) fil-Lvant taċ-Ċad li ċċaqalqu u se jibqgħu jiċċaqalqu internament filwaqt li jaħarbu l-vjolenza interetnika; billi l-użu ta' l-EUFOR jista' jgħin sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-miġja lura ta' l-IDPs, iżda din il-miġja lura m'għandhiex tkun mgħaġġla;

O.  Billi minħabba s-sitwazzjoni attwali umanitarja u ta' sigurtà, l-użu tal-missjoni EUFOR awtorizzata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sar essenzjali, speċjalment meta jitqies li n-Nazzjonijiet Uniti u l-UE għandhom ''responsabilità li jipproteġu'' l-persuni ċivili f'dan ir-reġjun b'kull mezz neċessarju, u li jipprovdu għajnuna umanitarja kif ukoll sigurtà għall-istaff umanitarju;

P.  Billi numru ta' gruppi ribelli għadu qed jokkupa parti mit-territorju taċ-Ċad u huwa preżenti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera Ċad-Sudan,

Q  Billi ċ-Ċad akkuża lis-Sudan bi ksur tal-ftehima ta' non-aggressjoni, u ta' taħriġ u armar tar-ribelli sabiex dawn jillanċjaw attakki ġodda kontra l-Gvern taċ-Ċad; billi l-gvern Sudaniż jiċħad kwalunkwe involviment mar-ribelli,

R.  Billi l-grupp ta' kuntatt li ġie mwaqqaf mill-ftehima ta' paċi ffirmata f'Dakar fit-13 ta' Marzu 2008 matul il-Konferenza tas-Samit Iżlamiku diġà ltaqa' sabiex jeżamina l-akkużi mressqa mill-gvern taċ-Ċad kontra l-gvern Sudaniż, jiġifieri li kien qed jagħti appoġġ lir-ribelli taċ-Ċad,

S.  Billi kienet ċara d-disponibilità ta' l-UE li tkun medjatur fil-kunflitt,

T.  Billi 'l fuq minn 4.5 miljun persuna fid-Darfur u fil-Lvant taċ-Ċad issa jgħixu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja, u l-ġlied kontinwu qed jostakola l-operazzjonijiet tal-Programm Dinji ta' l-Ikel (WFP) fil-Lvant taċ-Ċad, qed jiċħad lil dan il-programm aċċess għal xi kampijiet tar-refuġjati u qed idewwem l-għoti ta' l-ikel f'kampijiet oħrajn,

U.  Billi l-kunflitt fis-Sudan baqa' dieħel fiċ-Ċad, u persuni ċivili fiċ-Ċad batew minn ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem bħall-ħruq u l-ħtif ta' villaggi fil-Lvant kif ukoll vjolenza fuq in-nisa, inkluż stupru,

V.  Billi s-sitwazzjoni politika mhux stabbli u l-kunflitt armat fiċ-Ċad jaggravaw is-sitwazzjoni tar-refuġjati mid-Darfur, speċjalment wara theddid reċenti mill-Gvern taċ-Ċad illi jkeċċi iktar eżiljati mid-Darfur,

W.  Billi s'issa ġew ipprovduti inqas minn 20% tal-$ 290 miljun mitlub fl-Appell Umanitarju għaċ-Ċad ta' l-2008, propost minn tmien aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u minn 14-il Organizzazzjoni Mhux Governattiva,

X.  Billi l-Programm Dinji ta' l-Ikel (WFP) issa jrid jiffaċċja l-isfida diffiċli li jibgħat minn qabel provvisti ta' l-ikel għal sitt xhur fil-kampijiet tar-refuġjati u f'siti IDP qabel ma jibda l-istaġun tax-xita,

Y.  Billi ż-żieda kbira fil-prezzijiet ta' l-ikel tikkostitwixxi sfida oħra għall-WFP, għaliex dan ifisser li din l-aġenzija se teħtieġ iktar appoġġ fix-xhur li ġejjin sabiex tilħaq ir-rekwiżiti ta' l-ikel fir-reġjun,

Z.  Billi l-protezzjoni tat-tfal għandha tikkostitwixxi prijorità essenzjali u billi t-tfal taċ-Ċad huma vittmi ta' ksur serju tad-Drittijiet tal-Bniedem: reklutaġġ u sfruttament minn forzi u minn gruppi armati, ħtif għal bosta skopijiet, traffikar tal-Bnedmin, stupru u vjolenza sesswali oħra, partikolarment fuq il-bniet,

Aa.  Billi huwa biss 20% tat-tfal li jmorru l-iskola fiċ-Ċad, filwaqt li huwa stmat li bejn 7000 u 10000 tfal (taħt l-età ta' 18-il sena) huma meqjusa bħala suldati tfal,

1.  Jiżgura lin-nies taċ-Ċad, u b'mod partikolari lill-vittmi tal-kunflitt li għadu għaddej, dwar is-solidarjetà tiegħu;

2.  Jesprimi tħassib qawwi dwar il-kundizzjonijiet ta' Ibni Oumar Mahamat Saleh, kelliem għall-Koalizzjoni tal-Partiti Politiċi ta' l-oppożizzjoni demokratika, li għad m'hemmx aħbar tiegħu sa mill-arrest tiegħu fit-3 ta' Frar 2008 ; jikkunsidra lill-awtoritajiet taċ-Ċad bħala personalment responsabbli għall-istat tas-saħħa tiegħu u jitlobhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinħeles mingħajr dewmien;

3.  Jikkundanna l-persekuzzjoni u l-arrest arbitrarju ta' politiċi u ġurnalisti ta' l-oppożizzjoni; jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex jiċċara s-sitwazzjoni ta' kull politikant jew ġurnalist ta' l-oppożizzjoni li għadu qed jinżamm, biex jittratta l-każijiet tagħhom skond il-prinċipji li fuqhom huwa smejjes l-Istat tad-Dritt, li jwaqqaf kwalunkwe arrest arbitrarju u jtemm l-impunità u jġib quddiem il-ġustizzja lill-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-Bniedem;

4.  Ifakkar li l-gvern taċ-Ċad għandu l-obbligu internazzjonali li jinforma lill-familji rispettivi bil-post fejn jinsabu l-priġunieri politiċi;

5.  Jitlob lill-Gvern taċ-Ċad biex jirrispetta l-istrumenti internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-Bniedem li huwa firmatarju tagħhom;

6.  Jirrimarka li l-ebda Membru tal-Parlament ma jista' jiġi arrestat mingħajr ma tkun tneħħietlu minn qabel l-immunità;

7.  Jenfasizza l-bżonn li l-politika fiċ-Ċad tkun iktar rappreżentattiva etnikament u ġeografikament; jenfasizza l-fatt li l-kriżi fid-Darfur mhijiex responsabbli għall-problemi kollha taċ-Ċad, peress li hija sitwazzjoni umanitarja li ilha għaddejja biss matul dawn l-aħħar sitt snin; jenfasizza li ċ-Ċad ilu bil-problemi interni tiegħu 'l fuq minn erbgħin sena; jikkundanna kwalunkwe attentat min-naħa tal-Gvern taċ-Ċad li juża s-Sudan u d-Darfur bħala skrin biex jaħbi l-problemi politiċi fiċ-Ċad, u b'hekk itawwal il-kunflitti politiċi fil-pajjiż;

8.  Jitlob lill-partiti kollha, u b'mod partikolari lill-Gvern, biex jonoraw l-impenji tagħhom biex joħolqu s-sisien għal elezzjonijiet liberi u ġusti previsti għall-2009, skond l-istandards internazzjonali;

9.  Ifakkar li ma tista' tinstab l-ebda soluzzjoni dewwiema mingħajr proċess ġenwin ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali u mingħajr djalogu globali, li jinvolvi l-protagonisti kollha bil-għan li tintlaħaq paċi ġusta u komprensiva msejsa fuq l-Istat tad-Dritt u fuq demokrazija reali; jieħu nota ta' l-intenzjoni espressa mill-Prim Ministru l-ġdid li jiġu implimentati l-ftehimiet tat-13 ta' Awwissu 2007;

10.  Jafferma mill-ġdid li għandu jiġi organizzat mill-aktar fis djalogu reali u komprensiv globali fiċ-Ċad; jenfasizza l-importanza li l-gruppi ribelli jinġiebu fil-proċess politiku u jħeġġeġ lill-partiti kollha, inkluż il-Gvern taċ-Ċad u l-UE, biex isibu mezzi sabiex jinnegozjaw ma' l-oppożizzjoni armata malli din taċċetta li jkun hemm tregwa sħiħa u bla kundizzjonijiet;

11.  Jitlob lill-Unjoni Afrikana biex tiffaċilita djalogu globali bil-għan li jintlaħaq proċess ta' paċi komprensiv u għall-preparazzjoni ta' l-elezzjonijiet demokratiċi;

12.  Jitlob lill-UE biex tkompli ssegwi l-implimentazzjoni tal-ftehima tat-13 ta' Awwissu 2007 bil-għan li jitkompla b'mod urġenti l-proċess ta' rikonċiljazzjoni politika globali fir-rispett tar-regoli demokratiċi;

13.  Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe tentattiv ta' teħid tal-poter permezz tal-kunflitti armati jikkundanna bis-saħħa l-attivitajiet armati kontinwi tal-gruppi ribelli fiċ-Ċad;   

14.  Jirrikonoxxi l-utilità tal-missjoni PESD EUFOR TCHAD/ CENTRAFRIQUE sabiex tiġi garantita b'mod imparzjali u kemm jista' jkun newtru s-sigurtà tal-kampijiet tar-refuġjati u tal-persuni mċaqalqa kif ukoll ta' l-organizzazzjonijiet umanitarji; jiddispjaċih li l-għamla tagħha ma tirriflettix biżżejjed id-diversità ta' l-Unjoni Ewropea, u jistieden lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan sabiex jikkontribwixxu billi jqegħdu għad-dispożizzjoni t-truppi u l-materjal neċessarju, sabiex tiġi garantita n-natura Ewropea tagħha ; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jikkunsidraw il-perspettivi tal-ġeneru u tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-implimentazzjoni tal-missjoni;

15.  Jenfasizza li dawn il-forzi għandu jkollhom il-mezzi kollha neċessarji, u għandhom jużawhom b'konformità sħiħa mad-drittijiet tal-Bniedem u mal-liġi umanitarja internazzjonali, biex jipproteġu l-persuni ċivili f'riskju; iħeġġeġ lill-forzi kollha involuti fil-kunflitt sabiex josservaw id-drittijiet tal-Bniedem u l-liġi umanitarja, biex iwaqqfu kull attakk fuq refuġjati, persuni mċaqalqa u persuni ċivili fiz-zoni kkonċernati u biex jippermettu lill-aġenziji umanitarji biex jgħinu lill-popolazzjoni ċivili li qed issofri;

16.  Itenni t-tħassib qawwi tiegħu rigward sitwazzjoni umanitarja u ta' sigurtà li dejjem qegħda tmur għall-agħar fiċ-Ċad u jitlob lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-għajnuna tagħha sabiex jintlaħaq l-Appell Umanitarju għaċ-Ċad għall-2008; jenfasizza li kontribuzzjonijiet minn donaturi huma meħtieġa b'mod urġenti sabiex jiġi żgurat li x-xiri jintemm fix-xhur li ġejjin ħalli l-ikel ikun jista' jasal fil-Lvant taċ-Ċad f'ħin utli; jenfasizza li dan il-finanzjament huwa meħtieġ mill-inqas sena qabel sabiex jiġu sodisfatti il-ħtiġiet kbar;

17.  Huwa mħasseb ferm dwar l-impatt negattiv ta' din il-kriżi umanitarja fuq l-istabilità reġjonali; jissuġġerixxi li għandha sseħħ mill-iktar fis konferenza reġjonali internazzjonali li tindirizza l-kumplessitajiet tar-relazzjoni bejn iċ-Ċad u l-ġirien tiegħu;

18.  F'dan il-kuntest, jitlob lill-gvernijiet taċ-Ċad u tas-Sudan biex jirrispettaw u jiddefendu l-ftehima ta' bejniethom ta' non aggressjoni tat-13 ta' Marzu 2008;

19.  Jitlob lill-Gvernijiet taċ-Ċad u tas-Sudan biex itemmu b'mod immedjat kwalunkwe appoġġ lill-gruppi armati fid-Darfur u fil-Lvant taċ-Ċad, biex iwettqu l-impenji tagħhom li jwaqqfu lill-gruppi armati milli jaqsmu l-fruntiera komuni, li jsolvu d-diverġenzi ta' bejniethom permezz ta' djalogu politiku u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni attwali;

20.  Jitlob li jiġu identifikati, rappurtati, imressqa quddiem il-qrati u kkastigati skond id-dispożizzjonijiet internazzjonali fuq id-drittijiet tal-Bniedem il-ksur ta' dawn id-drittijiet, ir-reati kontra l-umanità, il-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-tfal u r-reklutaġġ furzat ta' rġiel u ta' tfal f'kampijiet tar-refuġjati u f'siti ta' l-IDPs;

21.  Jappoġġja l-missjoni MINURCAT li hija inkarigata li tappoġġja l-qrati taċ-Ċad u s-sistema ta' ħabsijiet u mill-ħolqien ta' ''Pulizija taċ-Ċad għall-Protezzjoni Umanitarja'', li tkun responsabbli għaż-żamma ta' l-ordni fil-kampijiet tar-refuġjati u tal-persuni mċaqalqa;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' kampanja pubblika ta' informazzjoni li jkun fiha messaġġi ċari sabiex l-EUFOR tkun tista' tqajjem kuxjenza fil-popolazzjoni lokali, iżda wkoll fl-NGOs, fir-rigward tar-raġuni tal-preżenza tagħha fir-reġjun;

23.  Jesprimi diżappunt li t-truppi ta' l-EUFOR għadhom ma ntużawx fiz-zona tal-Guereda, li hija waħda mill-ikat reġjuni kkumplikati f'termini ta' kunflitti etniċi u ta' flussi ta' refuġjati; huwa mħasseb dwar il-fatt li din iz-zona tħalliet esposta u teħtieġ li jintbagħtu truppi ta' l-EUFOR mill-iktar fis sabiex jipprovdu s-sigurtà f'din iz-zona perikoluża;

24.  Jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni għall-problema ta' l-IDP fiċ-Ċad għandha tieħu kont tal-popolazzjoni lokali nnifisha kif ukoll tal-gvern; jissuġġerixxi li l-proġetti ta' rikonċiljazzjoni għandhom jinkludu l-IDPs kif ukoll il-popolazzjonijiet lokali;

25.  Jilqa' l-fatt li r-rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni taz-zoni li jilqgħu il-popolazzjonijiet imċaqalqa u r-refuġjati ikunu previsti mill-10 EDF;

26.  Jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-Bniedem għandhom jingħaqdu mas-sistemi edukattivi fiċ-Ċad u li l-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-edukazzjoni rigward id-drittijiet tal-Bniedem għall-iskejjel primarji u sekondarji għandhom jiġu implimentati mill-iktar fis; jinnota li l-EUFOR jista' jkollha rwol fil-prevenzjoni kontra r-reklutaġġ tat-tfal mill-gruppi ribelli billi taħdem mal-mexxejja komunitarji biex tqajmilhom kuxjenza dwar dan il-periklu li jiffaċċjaw it-tfal;

27.  Jitlob illi t-tfal kollha taħt it-18-il sena jinħarġu mill-forzi ta' l-Armata Nazzjonali taċ-Ċad (ANT), inklużi l-milizji għas-self-defence u l-gruppi paramilitari l-oħra kollha li jirċievu l-appoġġ tal-Gvern taċ-Ċad, u li dawn jiġu trasferiti fil-familji tagħhom jew f'aġenziji adegwati għall-protezzjoni tat-tfal;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti ta' l-Assemblea Konġunta ACP-UE, u lill-presidenti, lill-gvernijiet u lill-parlamenti taċ-Ċad, tar-Repubblika Ċentrali Afrikana u tas-Sudan.