imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
–
Jürgen Schröder, Laima Liucija Andrikienė, Colm Burke, Filip Kaczmarek, Tunne Kelam, Eija-Riitta Korhola, Bernd Posselt, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ria Oomen-Ruijten u Michael Gahler, f'isem il-Grupp PPE-DE
–
Pasqualina Napoletano, Glenys Kinnock, Ana Maria Gomes, Marie-Arlette Carlotti, Josep Borrell Fontelles u Emilio Menéndez del Valle, f'isem il-Grupp PSE
–
Thierry Cornillet, Marco Cappato, Marielle De Sarnez, Johan Van Hecke u Marios Matsakis, f'isem il-Grupp ALDE
–
Hélène Flautre, Frithjof Schmidt, Margrete Auken, Mikel Irujo Amezaga, Raül Romeva i Rueda u Jean Lambert, f'isem il-Grupp Verts/ALE
–
Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Mieczysław Edmund Janowski u Eoin Ryan, f'isem il-Grupp UEN
–
Vittorio Agnoletto, f'isem il-Grupp GUE/NGL
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
dwar is-Sudan u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC)
Il-Parlament Ewropew,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,
–
wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Lulju 2002,
–
wara li kkunsidra l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-31 ta' Marzu 2005,
–
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sudan/id-Darfur ta' Diċembru 2007 u Jannar 2008,
–
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea fl-anniversarju tar-referenza tas-sitwazzjoni fid-Darfur/Sudan lill-ICC, adottata fil-31 ta' Marzu 2008,
–
wara li kkunsidra l-premjazzjoni tal-Premju Shakarov għall-2007 lil Salih Mahmoud Osman, avukat tad-drittijiet tal-bniedem Sudaniż li qed jaħdem fir-reġjun tad-Darfur fis-Sudan, għall-ħidma tiegħu biex jipprova li ssir ġustizzja mal-vittmi tal-gwerra ċivili fid-Darfur,
–
wara li kkunsidra l-kampanja 'Ġustizzja għad-Darfur', li kienet imnedija minn grupp kbir ta' organizzazzjonijiet nongovernattivi bl-għan li ssir pressjoni fuq is-Sudan biex jikkopera ma' l-ICC u jikkonforma mal-mandati ta' arrest tal-Qorti,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fid-Darfur għadha volatili ħafna, u seħħew skontri sinifikanti bejn il-movimenti tar-ribelli u l-qawwiet tal-gvern, li affettwaw il-ħidmiet umanitarji,
B.
ixxukkjat ħafna dwar it-tbatija ta' mijiet ta' eluf ta' rġiel, nisa, u tfal li ġew imsawta, maqtula, stuprati, spustati jew ivvittimizzati b'modi oħra waqt il-kunflitt fid-Darfur, u filwaqt li jinnota li s-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar mill-2003 u li qed ikomplu l-attakki bl-addoċċ mill-ajru kontra ċ-ċivili,
C.
billi l-prinċipju tan-NU 'Responsabilità li Tipproteġi' jistipula li fejn l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu b'mod ċar li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom, oħrajn għandhom ir-responsabilità li jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa,
D.
billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU rrefera s-sitwazzjoni fid-Darfur lill-Qorti Kriminali Internazzjonali f'Marzu 2005, u wara dan ġiet imnedija investigazzjoni,
E.
billi s-Sudan iffirma l-Istatut ta' Ruma, li ħoloq il-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-2002, iżda ma rratifikahx,
F.
billi l-Gvern tas-Sudan, bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa obbligat li jikkopera ma' l-ICC skond ir-Riżoluzzjoni 1593, li l-Kunsill tas-Sigurtà adotta permezz tas-setgħat tiegħu skond il-Kapitolu 7,
G.
ixxukkjat ħafna mill-fatt li, minn meta nħarġu l-mandati ta' arrest, il-Gvern tas-Sudan ripetutament irrifjuta li jikkopera ma' l-ICC u fil-fatt żied l-atti ta' sfida kontra l-Qorti u l-komunità internazzjonali,
H.
billi f'April 2007 l-ICC ħareġ żewġ mandati ta' arrest kontra l-eks Ministru għall-Intern tas-Sudan, Ahmad Harun, u l-eks mexxej tal-milizzja Janjaweed Ali Muhammed Ali Abd-Al-Rahman, magħruf ukoll bħala 'Ali Kushayb', fir-rigward ta' 51 kap ta' akkuża ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità,
I.
billi Ahmad Harun issa huwa l-Ministru għall-Affarijiet Umanitarji u għaldaqstant huwa responsabbli għall-benessri ta' l-istess vittmi tad-delitti li allegatament ikkommetta, filwaqt li kif ukoll huwa responsabbli biex izżomm il-kuntatti mal-qawwa internazzjonali għaż-żamma tal-paċi (UNAMID); billi ingħata wkoll promozzjoni biex sar iċ-chairperson ta' kumitat governattiv inkarigat li jisma' lmenti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; u billi Ali Kushayb – li kien fil-kustodja tas-Sudan minħabba akkużi oħrajn fiż-żmien li nħarġu l-mandati – kien meħlus mill-ħabs f'Ottubru 2007 minkejja li kien imfittex mill-ICC,
J.
billi f'Ġunju 2007 u għal darba oħra f'Diċembru 2007 l-Uffiċċju tal-Prosekutur irrapporta lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li l-Gvern Sudaniż naqas milli jikkopera mal-Qorti u lanqas ried jagħmel dan, u innota li ma kienu ttieħdu l-ebda passi biex jiġu arrestati u kkonsenjati Ahmad Harun u Ali Kushayb,
K.
filwaqt li jinnota li fil-5 ta' Ġunju 2008 il-Kap Prosekutur ta' l-ICC, Luis Moreno Ocampo, se jirrapporta għas-seba' darba lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-progress fl-investigazzjonijiet tiegħu fid-Darfur u dwar il-koperazzjoni offruta mill-awtoritajiet Sudaniżi,
L.
iddeterminat li jappoġġja lill-ICC f'dan l-istadju kruċjali f'ħidmietha, u fermament konvint li t-tmiem ta' l-impunità għal min ippjana u wettaq id-delitti orribbli li saru fid-Darfur huwa komponent essenzjali tas-soluzzjoni tal-kunflitt fid-Darfur,
M.
billi fl-10 u fil-11 ta' Mejju, ir-ribelli tal-Moviment għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza (JEM) wettqu attakk kontra Omdurman, qrib Khartoum, li sewa l-ħajja ta' mill-inqas 200 vittma,
N.
billi fl-20 ta' Mejju, wara mewġa ta' attakki l-ġimgħa ta' qabel, qam ġlied qalil f'Abyei, belt għanja biż-żejt li kemm it-Tramuntana u kif ukoll in-Nofsinhar jgħidu li hi tagħhom, bejn l-Armata Sudaniża u l-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu tas-Sudan (SPLA), li rriżultat f'bejn 30 000 u 50 000 persuna spustata, skond in-NU, u numru li għadu ma ġiex iddeterminat ta' nies maqtula jew imweġġa',
O.
billi fl-4 ta' Mejju, ajruplani ta' l-armata Sudaniża ibbumbardjaw miri ċivili fit-Tramuntana tad-Darfur, li rriżulta fi 12-il ċivili mejjet,
P.
billi s'issa l-kunflitt fis-Sudan wassal għal madwar 300 000 vittma (skond stimi riċenti tan-NU) u 2.5 miljun persuna spustata internament (IPDs) u rifuġjati, u billi n-nuqqas ta' sigurtà fir-reġjun tad-Darfur qiegħed jiżdied,
Q.
billi l-Operazzjoni Eteroġena Unjoni Afrikana/Nazzjonijiet Uniti (UNAMID) fid-Darfur għad għandha biss xi 7 500 truppa u inqas minn 2,000 pulizija fil-post mis-26 000 li ġew awtorizzati,
1.
Jikkundanna b'mod qawwi n-nuqqas persistenti tas-Sudan li jikkopera ma' l-ICC, u li jarresta u jikkonsenja lill-ICC lil Ahmad Nuran u Ali Kushayb u li jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu skond il-liġi umanitarja internazzjonali, biex b'hekk qed juri diżrispett ċar lejn il-mijiet ta' eluf ta' vittmi u l-familji tagħhom u lejn il-miljuni ta' persuni li ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom minn meta beda l-kunflitt;
2.
Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż biex jirratifika l-Istatut ta' l-ICC, jikkonforma mar-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jikkopera mingħajr kundizzjonijiet mal-Qorti Kriminali Internazzjonali u jwettaq investigazzjoni u prosekuzzjoni adegwati u effettivi tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li twettqu fir-reġjun tad-Darfur;
3.
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet f'Khartoum biex jarrestaw u jikkonsenjaw liż-żewġ suspettati ta' l-ICC mingħajr aktar dewmien, biex ikissru immedjatament iċ-ċiklu ta' impunità fid-Darfur u biex jikkoperaw ma' investigazzjonijiet futuri ta' l-ICC fid-Darfur;
4.
Jistieden lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u għar-Relazzjonijiet Esterni tas-16 u s-17 ta' Ġunju u lill-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju biex jiddiskutu r-rapport tal-Prosekutur u biex jieħdu passi biex jadottaw miżuri punittivi mmirati min-naħa ta' l-UE kontra grupp identifikat ta' uffiċjali Sudaniżi li jġorru r-responsabilità għan-nuqqas ta' koperazzjoni tas-Sudan ma' l-ICC, inklużi:
–
l-iffriżar u l-qbid ta' l-assi ta' individwi li huma identifikati bħala persuni li qed ifixklu l-koperazzjoni ma' l-ICC u l-identifikazzjoni u t-tqegħid fil-mira ta' l-assi li qiegħdin barra l-pajjiż li jappartjenu lil negozji li huma affiljati mal-Partit tal-Kungress Nazzjonali (il-partit tal-maġġoranza fil-gvern), mezz ewlieni minn fejn jgħaddi l-finanzjament għall-milizzji fid-Darfur;
–
miżuri li jiċħdu l-aċċess għal banek ta' l-UE għal kwalunkwe tranżazzjoni jew ħlas finanzjarji magħmula minn dawn l-individwi jew f'isimhom;
–
miżuri biex jiġi evitat li jkun hemm negozju jew relazzjonijiet ekonomiċi jew kummerċjali oħra bejn dawn l-individwi, jew kwalunkwe entità legali jew korporazzjoni kkontrollata minnhom, jew kumpaniji Ewropej, filwaqt li jitqiegħed fil-mira b'mod speċjali l-fluss tad-dħul mis-settur taż-żejt mhux raffinat;
5.
Iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-pajjiżi kandidati b'siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU – jiġifieri l-Belġju, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit u l-Kroazja – biex jieħdu pożizzjoni ta' prinċipju matul il-laqgħa tal-5 ta' Ġunju li fiha tingħata informazzjoni mill-Prosekutur, b'konformità mal-Pożizzjoni Komuni ta' l-UE dwar l-ICC, u biex jirreaġixxu b'mod adegwat għall-konklużjonijiet tal-Prosekutur billi jistiednu lis-Sudan biex jikkonforma immedjatament mar-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mat-talbiet tal-Qorti;
6.
Jistieden lill-Istati l-oħra rrapreżentati fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jappoġġjaw kwalunkwe talba għal koperazzjoni li titressaq mill-Prosekutur ta' l-ICC f'isem il-Qorti, u b'mod partikolari jistieden liċ-Ċina, lir-Russja, lill-Afrika ta' Isfel u lill-Libja biex jimxu ma' dak li qalu skond ir-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u ma jostakolawx l-azzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-5 ta' Ġunju;
7.
Iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jagħmlu pressjoni sabiex tissemma' b'mod ċar l-impunità u sabiex jiġu inklużi l-mandati ta' arrest ta' l-ICC fil-mandat formali għaż-żjara li daqt se sseħħ tas-Segretarju Ġenerali tan-NU f'Khartoum fl-aħħar ta' Mejju;
8.
Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex jiżguraw li l-għajnuna sostanzjali għall-iżvilupp li jagħtu lis-Sudan ma tingħatax permezz tal-Ministeru ta' Ahmad Harun għall-Affarijiet Umanitarji, u jħeġġeġ lid-donaturi biex jagħmlu pressjoni formali fuq il-Gvern tas-Sudan biex ineħħi lil Ahmad Harun mill-kariga tiegħu;
9.
Jistieden lill-UE biex tagħmel pressjoni fuq iċ-Ċina biex tingħaqad ma' l-isforzi internazzjonali biex jintemm il-kunflitt u biex tuża l-influwenza konsiderevoli li għandha fuq il-Gvern tas-Sudan, influwenza li hi bbażata fuq l-irwol tagħha bħala dik li tipprovdi l-aktar dħul lill-Gvern tas-Sudan mill-bejgħ taż-żejt; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tieqaf tibgħat armi lejn is-Sudan;
10.
Jistieden lill-Unjoni Afrikana u lil-Lega Għarbija biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv fid-Darfur billi jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan sabiex jikkopera ma' l-Uffiċċju tal-Prosekutur waqt investigazzjonijiet li qegħdin għaddejjin bħalissa jew oħrajnli se jsiru fil-ġejjieni, u jistieden lill-Presidenza ta' l-UE biex tpoġġi l-koperazzjoni tas-Sudan ma' l-ICC fuq l-aġenda għal djalogi u samits politiċi ma' sħab ewlenin bħaċ-Ċina, l-Istati Uniti, l-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija;
11.
Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżommu lill-Parlament Ewropew infurmat regolarment dwar l-isforzi attwali u futuri biex issir pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan sabiex jikkopera ma' l-ICC, u jimpenja ruħu li jibqa' infurmat dwar il-kwistjoni u li juża l-opportunitajiet kollha disponibbli biex iqajjem il-kwistjoni kemm ma' uffiċjali Sudaniżi u kif ukoll ma' sħab oħra;
12.
Jikkundanna l-attakki tar-ribelli tal-JEM f'Omdurman fil-11 u t-12 ta' Mejju, kif ukoll il-bombardament mill-ajru li seħħ fl-4 ta' Mejju fit-Tramuntana tad-Darfur, li qatel 12-il persuna, darab 30 oħra u qered skola, installazzjoni ta' l-ilma u suq;
13.
Jesprimi tħassib serju dwar il-ġlied li reġa' beda bejn l-Armata Sudaniża u l-SPLA f'Abyei, li qed iżid il-bżonnijiet umanitarji u jfixkel il-ħidmiet umanitarji, u li potenzjalment jista' jipperikola l-ftehim ta' paċi ta' l-2005;
14.
Jikkundanna kull ksur tal-ftehimiet ta' paċi u ta' waqfien mill-ġlied minn kwalunkwe naħa, u b'mod partikolari kull vjolenza diretta lejn il-popolazzjoni ċivili u t-tqegħid fil-mira ta' l-għajnuna umanitarja;
15.
Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi, l-aktar lill-Gvern ta' Unità Nazzjonali (GNU), biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom biex titwaqqaf b'mod effettiv il-UNAMID, u jappoġġjaw l-isforzi kollha biex tiġi ġġenerata l-istabilità u jinħoloq ambjent sikur;
16.
Jenfasizza għal darba oħra li ma jistax ikun hemm paċi dejjiema mingħajr ma ssir ġustizzja fir-rigward ta' delitti serji; jistieden lill-osservaturi ta' l-UE biex waqt it-taħdidiet ta' paċi jenfasizzaw l-importanza li tieqaf l-impunità fil-bini ta' rispett sostnut għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;
17.
Jistieden lill-Gvern tas-Sudan u lill-gruppi armati kollha biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali billi joqogħdu lura minn kwalunkwe attakki mingħajr distinzjoni kontra ċ-ċivili, inkluża l-vjolenza kontra n-nisa;
18.
Jistieden lin-naħat kollha involuti fil-kunflitt biex iżommu lura milli jirreklutaw u jużaw is-suldati tfal taħt l-età ta' 18-il sena, u jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi biex jipproteġu t-tfal spustati, speċjalment dawk taħt l-età li mhumiex akkumpanjati, kif stipulat fil-konvenzjonijiet rilevanti;
19.
Jistieden barra minn hekk lill-partijiet terzi kollha biex jieqfu milli jesportaw l-armi lin-naħat kollha involuti fil-kunflitt fir-reġjun u biex jiddefendu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-relazzjonijiet tagħhom mas-Sudan;
20.
Huwa mħasseb dwar rapporti ta' arresti tal-massa f'Khartoum wara l-attakk tar-ribelli; ifakkar lill-Gvern tas-Sudan fl-obbligi tiegħu skond il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li fost l-oħrajn skond din il-Karta, ħadd ma jista' jiġi arrestat jew miżmum b'mod arbitrarju u kull individwu għandu d-dritt għal difiża u li jittella' l-qorti fi żmien raġjonevoli;
21.
Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għas-Sudan, f'konformità mal-mandat tiegħu u mal-Pożizzjoni Komuni ta' l-UE dwar l-ICC, biex ikollu rwol proattiv u biex juża l-opportunitajiet kollha disponibbli biex iqajjem, ma' l-interlokuturi Sudaniżi u sħab oħra, il-bżonn li jiġu arrestati u kkonsenjati immedjatament Ahmad Huran u Ali Kushayb u li jikkoperaw ma' l-ICC, u jistieden lir-Rappreżentant Speċjali biex jirrapporta regolarment lill-istituzzjonijet l-oħra ta' l-UE dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward;
22.
Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqasijiet serji fir-riżorsi tal-UNAMID u jistieden lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Afrikana u lill-komunità internazzjonali biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom sabiex aktar truppi u tagħmir ikunu jistgħu jintbagħtu b'mod urġenti d-Darfur;
23.
Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż biex jirrispetta l-impenn tiegħu lejn mortarja fuq ir-restrizzjonijiet u l-ostakoli għall-ħaddiema kollha umanitarji; jenfasizza li ż-żieda fil-vjolenza tul l-aħħar xahar kellha impatt ukoll fuq il-ħidmiet umanitarji, hekk kif il-brigantaġġ u l-ħtif wasslu sabiex jintilfu provvisti ta' għajnuna, li riċentament ġiegħlu lill-aġenziji ta' l-ikel biex inaqqsu bin-nofs ir-razzjonijiet għal aktar minn tliet miljun persuna li jeħtieġuhom fid-Darfur;
24.
Jistieden lill-UE u lill-parteċipanti internazzjonali l-oħra biex japplikaw miżuri xierqa li jkunu mmirati lejn min iwettaq il-vjolenza u jikser il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied jew attakka ċ-ċivili, lis-suldati għaż-żamma tal-paċi jew il-ħidmiet umanitarji, u biex jieħdu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jgħinu sabiex tieqaf l-impunità;
25.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE u lill-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana, lill-istituzzjonijiet tal-Lega Għarbija u lill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.