imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
–
Michael Gahler, Mario Mauro, Renate Sommer, Charles Tannock, Bernd Posselt, Eija-Riitta Korhola, Laima Liucija Andrikienė, Tunne Kelam, Tadeusz Zwiefka, f'isem il-Grupp PPE-DE
–
Pasqualina Napoletano, Hannes Swoboda, Paulo Casaca, f'isem il-Grupp PSE
–
Sophia in 't Veld, Frédérique Ries, Marios Matsakis, Marielle De Sarnez, Marco Cappato, f'isem il-Grupp ALDE
–
Angelika Beer, Monica Frassoni, f'isem il-Grupp Verts/ALE
–
Cristiana Muscardini, Roberta Angelilli, Adam Bielan, Konrad Szymański, f'isem il-Grupp UEN
–
Francis Wurtz, f'isem il-Grupp GUE/NGL
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod partikolari dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,
–
wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Presidenza ta' l-UE ta' l-4 ta' Ġunju 2008 u l-10 ta' Ġunju 2008 dwar l-eżekuzzjoni imminienti fl-Iran ta' minorenni li wettqu reati,
–
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-13 ta' Ġunju 2008 mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-eżekuzzjoni ta' Mohammad Hassanzadeh,
–
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u, l-aktar, ir-riżoluzzjoni 62/168 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran u r-riżoluzzjoni 62/149 tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt,
–
wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal li għalihom l-Iran huwa stat kontraenti,
–
wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.
billi l-qagħda ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran baqgħet tmur għall-agħar mill-2005, u billi n-numru ta ' eżekuzzjonijiet waħedhom kważi rrdoppja fl-2007,
B.
billi l-Iran u xi ftit pajjiżi oħra għadhom jipprattikaw l-eżekuzzjoni ta' minorenni, iżda huwa fatt magħruf li l-Iran, aktar minn kull pajjiż ieħor, ta l-mewt lil minorenni li wettqu reati, u skond xi rapporti hemm aktar minn 100 persuna jistennew li jingħataw il-piena tal-mewt fl-Iran għal reati li huma allegatament wettqu meta kellhom anqas minn 18-il sena,
C.
billi Mohammad Hassanzadeh, minorenni li wettaq reat, lanqas kellu 18-il sena meta ngħata l-mewt fl-10 ta' Ġunju 2008,
D.
billi talanqas erba' minorenni oħra li wettqu reat, Behnoud Shojaee, Mohammad Fedaei, Saeed Jazee u Behnam Zaare, jinsabu f'riskju imminenti li jingħataw il-piena tal-mewt, u l-awtoritajiet Iranjani ordnaw li l-eżekuzzjoni tiġi sospiża b'xahar għal Behnoud Shojaee u Mohammad Fedaei,
E.
billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fakkar lill-awtoritajiet Iranjani fl-10 ta' Ġunju 2008 bil-projbizzjoni assoluta, skond il-liġi internazzjonali, ta' l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal minorenni li wettqu reati,
F.
billi l-minorenni Iranjani li wettqu reati jinkludu persuni li kellhom relazzjonijiet ma' persuna ta' l-istess sess, imġiba li hija kkastigata bil-piena kapitali,
1.
Jikkundanna bil-qawwa l-pieni tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, l-aktar dawk imposti jew esegwiti fuq minorenni li wettqu reati u fuq minorenni b'mod ġenerali, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani sabiex jirrispettaw is-salvagwardji legali rrikonoxxuti fuq livell internazzjonali dwar il-minorenni;
2.
Jenfasizza li l-kundanni tal-piena tal-mewt għall-minorenni huma bi ksur dirett ta' l-obbligi u l-impenji internazzjonali tar-Repubblika Islamika ta' l-Iran, li għalihom l-Iran huwa stat kontraenti, speċifikament dawk stipulati fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li t-tnejn jipprojbixxu b'mod ċar l-eżekuzzjoni ta' minorenni jew ta' persuni kkundannati għal reati mwettqa meta kienu għadhom minorenni;
3.
Jikkundanna bl-akbar qawwa l-eżekuzzjoni ta' Mohammad Hassanzadeh, li kien taħt it-18-il sena meta ngħata l-mewt;
4.
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani sabiex iwaqqfu l-eżekuzzjoni ta' Behnoud Shojaee, Mohammad Fedaei, Saeed Jazee, Behnam Zaare u minorenni oħra li wettqu reati li ġew ikkundannati għall-mewt;
5.
Jistieden lill-membri tal-Majlis li għadu kif ġie elett sabiex japprovaw b'ħeffa r-riforma li hemm pendenti tal-kodiċi penali Iranjana, l-aktar bil-għan li jabolixxu t-tħaġġir u l-eżekuzzjonijiet ta' tfal li jkunu wettqu reati, sabiex ifittxu li jistabilixxu moratorju fuq il-piena tal-mewt u sabiex il-leġiżlazzjoni Iranjana tinġieb konformi ma' l-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
6.
Jappella sabiex ir-relazzjonijiet bejn persuni ta' l-istess sess ma jibqgħux jitqiesu bħala reati kriminali fl-Iran;
7.
Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jissospendu l-espulsjoni lejn l-Iran ta' persuni li huma mhedda bil-piena tal-mewt jew bit-tortura;
8.
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju-Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kap tal-Ġudikatura ta' l-Iran, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Republika Islamika ta' l-Iran.