Proċedura : 2008/2675(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B6-0596/2008

Testi mressqa :

RC-B6-0596/2008

Dibattiti :

PV 20/11/2008 - 12.1
CRE 20/11/2008 - 12.1

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2008 - 13.1

Testi adottati :

P6_TA(2008)0569

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 97kDOC 64k
19 ta' Novembru 2008
PE416.052
PE416.053
PE416.054
PE416.055
PE416.056
PE416.057
 
B6‑0596/2008}
B6‑0597/2008}
B6‑0598/2008}
B6‑0599/2008}
B6‑0600/2008}
B6‑0601/2008} RC1
imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
   Urszula Gacek, Charles Tannock, Colm Burke, Mario Mauro, Tunne Kelam, Filip Kaczmarek, Eija-Riitta Korhola, Laima Liucija Andrikienė, Ioannis Kasoulides, Bernd Posselt u Tadeusz Zwiefka, f'isem il-Grupp PPE-DE
   Pasqualina Napoletano, Alain Hutchinson, Maria Badia i Cutchet u Raimon Obiols i Germà, f'isem il-Grupp PSE
   Marco Cappato, Marco Pannella, Marios Matsakis, Marielle De Sarnez and Fiona Hall, f'isem il-Grupp ALDE
   Cristiana Muscardini, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Mieczysław Edmund Janowski, Konrad Szymański u Ewa Tomaszewska, f'isem il-Grupp UEN
   Margrete Auken u Marie-Hélène Aubert, f'isem il-Grupp Verts/ALE
   Esko Seppänen u Giusto Catania, f'isem il-Grupp GUE/NGL
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
   ALDE (B6‑0596/2008)
   Verts/ALE (B6‑0597/2008)
   PSE (B6‑0598/2008)
   UEN (B6‑0599/2008)
   GUE/NGL (B6‑0600/2008)
   PPE-DE (B6‑0601/2008)
dwar is-Somalja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Somalja 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra, fost affarijiet oħra, ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 u tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar is-Somalja,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Amnesty International tal-1 ta' Novembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Novembru 2008 li saret minn Radhika Coomaraswamy, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għat-tfal u l-kunflitti armati, li kkundannat it-tħaġġir ta' Aisha Ibrahim Duhulow, tfajla ta' 13-il sena,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi b'mod partikulari l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Protokoll Fakultattiv dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 t'Ottubru 2008, tfajla ta' 13-il sena jisimha Aisha Ibrahim Duhulow kienet imħaġġra sakemm mietet fis-Somalja;

B.  billi t-tħaġġir sar minn grupp ta' 50 raġel fi stadium f'Kismayo, belt bil-port fin-Nofsinhar tal-pajjiż, quddiem madwar 1000 spettatur,

C.  billi hi kienet misjuba ħatja ta' akkuża ta' adulterju kontra l-liġi Iżlamika, iżda fil-fatt kienet il-vittma ta' stupru minn tliet irġiel,

D.  billi l-milizja al-Shabab, li tikkontrolla Kismayo, żammet arrestata lil Aisha Ibrahim Duhulow u ordnat l-eżekuzzjoni tagħha bit-tħaġġir, u ma arrestatx jew żammet lil dawk akkużati bl-istupru tagħha;

E.  billi ġewwa l-istadium, il-membri tal-milizja bdew jisparaw meta uħud mix-xhieda tal-qtil ippruvaw isalvaw il-ħajja ta' Aisha Ibrahim Duholow, u qatlu tifel li kien qiegħed hemm spettatur,

F.  billi hemm rapporti kredibbli li attivisti għad-drittijiet tal-bniedem f'Kismayo rċevew theddidiet ta' mewt mill-milizja al-Shabab, li qed jakkużawhom li xandru informazzjoni qarrieqa dwar l-inċident,

G.  billi, minħabba s-sitwazzjoni drammatika fis-Somalja u l-vjolenza mifruxa minn ċerti fazzjonijiet tal-Allejanza għal-Liberazzjoni mill-ġdid tas-Somalja (l-hekk imsejħa 'Qrati Iżlamiċi') li qed jippruvaw iwaqqgħu l-gvern leġittimu tas-Somalja, fis-Somalja qed isiru vjolazzjonijiet kbar tad-drittijiet tal-bniedem kuljum,

H.  billi dawn il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem jinkludu wkoll il-ħtif mill-Kenja ta' żewġ sorijiet Kattoliċi Taljani li bħalissa qed jinżammu fis-Somalja, u ż-żieda fl-attakki suwiċidi, li qatlu tal-anqas 30 persuna fit-Tramuntana tal-pajjiż fil-ġimgħat li għaddew,

I.  billi membri tal-istaff ta' uħud mill-organizzazzjonijiet internazzjonali preżenti fil-pajjiż dan l-aħħar kienu l-mira ta' vjolenza u qtil, u billi l-maġġoranza ta' dawn l-atti kienu attribwiti lill-membri ta' gruppi armati tal-oppożizzjoni, inkluża l-milizja al-Shabab, u fazzjonijiet mill-'Qrati Iżlamiċi',

J.  billi r-ribelli Iżlamisti sawwtu lin-nies bil-frosti pubblikament fil-belt kapitali, Mogadishu, biex jippruvaw juru kemm qed isiru b'saħħithom,

K.  billi tali atti ta' brutalità juru l-mezzi li qed jintużaw minn milizji bħal dawn u, b'mod iktar ġenerali, ir-riskji kollha f'termini ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem f'każ ta' espansjoni tal-kontroll tagħhom fuq il-pajjiż,

L.  billi l-Gvern Federali ta' Transizzjoni (TFG) tas-Somalja u l-oppożizzjoni politika tiegħu, fazzjoni tal-Allejanza għal-Liberazzjoni mill-ġdid tas-Somalja bbażata f'Djibouti (ARS-D), iffirmaw dokumenti għall-waqfien mill-ġlied fis-26 t'Ottubru 2008 f'Nairobi, bil-faċilitazzjoni tal-Awtorità Inter-governattiva dwar l-Iżvilupp (IGAD), organizzazzjoni reġjonali tal-Afrika tal-Lvant,

M.  billi huwa essenzjali li jkun appoġġjat il-gvern federali ta' transizzjoni tas-Somalja, u l-President tiegħu, is-Sur Abdullahi Yusuf,

1.  Jikkundanna bil-qawwa t-tħaġġir u l-eżekuzzjoni ta' Aisha Ibrahim Duhulow u jesprimi s-sens ta' orrur li jħoss għal att tant barbaru kontra vittma ta' stupru ta' 13-il sena;

2.  Jistieden lill-Gvern Somalu biex jikkundanna din l-eżekuzzjoni u biex jieħu azzjoni sabiex jevita eżekuzzjonijiet brutali bħal dawn fil-futur;

3.  Jistieden lill-Gvern Somalu biex joħroġ dokumenti u jagħmel dikjarazzjonijiet biex irodd lura l-unur lil Aisha Ibrahim Duhulow wara mewtha;

4.  Jappoġġa l-attentati tal-gvern leġittimu Somalu biex jimponi l-kontroll tiegħu fuq il-port ta' Kismayo, u jitlob li dawk akkużati li stupraw lil Aisha Ibrahim Duhulow biex jitressqu quddiem il-qorti għal proċess ġust u imparzjali;

5.  Jistieden lill-UE biex tipprovdi l-appoġġ neċessarju kollu biex jinħoloq gvern demokratiku dejjiemi fis-Somalja u biex barra minn hekk tgħin lill-Gvern tas-Somalja biex jafferma l-kontroll tiegħu fuq il-pajjiż kollu kemm hu u jistabilixxi l-istat tad-dritt b'mod li jkun kumpatibbli mal-obbligi internazzjonali tiegħu rigward id-drittijiet tal-bniedem, u b'hekk ikunu evitati eżekuzzjonijiet bħal dawn fil-futur;

6.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) biex tuża bis-sħiħ il-mandat tagħha li tipproteġi liċ-ċivili, b'mod partikulari lin-nisa u t-tfal, u jitlob li din tingħata l-mandat biex timmonitorja, tinvestiga u tirrapporta vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tas-Somalja u tal-Kenja biex jagħmlu l-isforzi kollha u jieħdu l-inizjattivi politiċi u diplomatiċi kollha possibbli biex jiksbu l-ħelsien taż-żewġ sorijiet Kattoliċi Taljani;

8.  Jappoġġa bis-sħiħ il-Ftehima ta' Nairobi bejn il-Gvern tas-Somalja u l-Allejanza għal-Liberazzjoni mill-ġdid tas-Somalja bbażata f'Djibouti (ARS-D) li għandha l-għan li temm snin ta' ġlied fis-Somalja u li twassal għal soluzzjoni dejjiema li terġa' ġġib il-paċi u ttemm l-abbużi msemmija f'din ir-riżoluzzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tan-NU u l-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-IGAD, lill-AMISOM u lill-Gvern tas-Somalja.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Novembru 2008Avviż legali