Proċedura : 2009/2581(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B6-0248/2009

Testi mressqa :

RC-B6-0248/2009

Dibattiti :

PV 24/04/2009 - 5.3
CRE 24/04/2009 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 24/04/2009 - 7.3
CRE 24/04/2009 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0311

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 93kDOC 58k
23 t'April 2009
PE423.131
PE423.133
PE423.134
PE423.137
 
B6‑0248/2009}
B6‑0250/2009}
B6‑0251/2009}
B6‑0254/2009} RC1
imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
   Alejo Vidal-Quadras, Tunne Kelam, Charles Tannock, Michael Gahler, Struan Stevenson, Bernd Posselt, Jan Zahradil u Filip Kaczmarek, f'isem il-Grupp PPE-DE
   Marco Cappato, Marios Matsakis, Toomas Savi u Thierry Cornillet, f'isem il-Grupp ALDE
   Mogens Camre, Cristiana Muscardini u Adam Bielan, f'isem il-Grupp UEN
   André Brie u Erik Meijer, f'isem il-Grupp GUE/NGL
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin:
   PPE-DE (B6‑0248/2009)
   GUE/NGL (B6‑0250/2009)
   UEN (B6‑0251/2009)
   ALDE (B6‑0254/2009)
dwar is-sitwazzjoni umanitarja tal-persuni residenti fil-Kamp Ashraf

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja tal-persuni residenti fil-Kamp Ashraf 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u, b'mod partikolari, l-Artikolu 27 tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-istatus legali ta' Persuni Protetti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll Miżjud tal-1967,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima tal-Istatus tal-Forzi (SOFA) iffirmata bejn il-gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Iraq f'Novembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja tar-refuġjati Iraqin u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, li tinkludi referenzi għar-residenti tal-Kamp Ashraf rigward l-istatus legali tagħhom bħala persuni protetti skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kamp Ashraf, fit-Tramuntana tal-Iraq, twaqqaf fis-snin tmenin għall-membri tal-grupp tal-oppożizzjoni Iranjan magħruf bħala l-Organizzazzjoni tal-Mujahedin tal-Poplu tal-Iran (il-PMOI),

B.  billi fl-2003, il-forzi Amerikani fl-Iraq ħadu l-armi minn idejn ir-residenti tal-Kamp Ashraf u tawhom il-ħarsien, wara li ngħataw it-titolu ta' "persuni protetti" skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,

C.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, f'ittra tal-15 ta' Ottubru 2008, ħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex iħares lir-residenti tal-Kamp Ashraf mid-deportazzjoni forzata, mit-tkeċċija jew mir-ripatrijazzjoni bi ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement, u biex ma jkomplix jieħu azzjonijiet li jistgħu iqegħdulhom ħajjithom jew is-sigurtà tagħhom fil-periklu,

D.  billi wara l-Ftehima dwar l-Istatus tal-Forzi bejn l-Istati Uniti u l-Iraq, il-Kamp Ashraf ingħata lura f'idejn il-forzi tas-sigurtà tal-Iraq mill-1 ta' Jannar 2009,

E.  billi, skont stqarrijiet li dan l-aħħar ġew irrappurtati li saru mill-Konsulent Iraqi dwar is-Sigurtà Nazzjonali, l-awtoritajiet bi ħsiebhom li gradwalment jagħmlu l-preżenza tar-residenti fil-Kamp Ashraf "intollerabbli" u billi, skont dawn ir-rapporti, huwa semma wkoll li setgħu jitkeċċew, jiġu estraditi u/jew jiġu spustati bil-forza fl-Iraq,

1.  Iħeġġeġ lill-Prim Ministru tal-Iraq biex jiżgura li ma tittieħed l-ebda azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iraqin li tikser id-drittijiet tal-bniedem tar-residenti tal-Kamp Ashraf u biex jiċċara l-intenzjonijiet tal-gvern dwarhom; jistieden lill-awtoritajiet Iraqin biex iħarsu l-ħajja u l-integrità fiżika u morali tar-residenti tal-Kamp Ashraf u biex jittrattawhom b'konformità mal-obbligi skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, b'mod partikolari biex ma jispustawhomx bil-forza, ma jiddeportawhomx, ma jkeċċuhomx jew ma jerġgħux jibagħtuhom lura lejn pajjiżhom, bi ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement;

2.  Iqis, rigward ix-xewqat individwali ta' kull min jinsab fil-Kamp Ashraf dwar il-ġejjieni tiegħu, li dawk li huma residenti fil-Kamp Ashraf u ċittadini Iranjani oħrajn li bħalissa qegħdin joqogħdu fl-Iraq, wara li telqu mill-Iran għal raġunijiet politiċi, jistgħu jkunu fil-periklu ta' ksur serju kontra d-drittijiet tal-bniedem, li kieku kellhom jintbagħtu kontra qalbhom fl-Iran, u jinsisti li ħadd m'għandu jintbagħat lura, la b'mod dirett u lanqas permezz ta' pajjiż terz, f'sitwazzjoni fejn isib ruħu fil-periklu ta' tortura jew ta' abbużi serji rigward id-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jistieden lill-gvern tal-Iraq biex itemm l-imblokk tiegħu tal-kamp u biex josserva l-istatus legali tar-residenti tal-Kamp Ashraf bħala "persuni protetti" skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, u biex ma jkomplix jieħu azzjonijiet li jqegħdulhom ħajjithom jew is-sigurtà tagħhom fil-periklu, bħall-aċċess sħiħ għall-ikel, l-ilma, il-kura u l-provvisti mediċi, il-fjuwil, il-membri tal-familja u l-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali;

4.   Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien mal-gvernijiet tal-Iraq u tal-Istati Uniti, mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati u mal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, jaħdmu biex jinstab status legali sodisfaċenti fit-tul għar-residenti tal-Kamp Ashraf;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u lill-Gvern u l-Parlament tal-Iraq.

Aġġornata l-aħħar: 23 t'April 2009Avviż legali