Proċedura : 2009/2777(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0174/2009

Testi mressqa :

RC-B7-0174/2009

Dibattiti :

PV 26/11/2009 - 12.1
CRE 26/11/2009 - 12.1

Votazzjonijiet :

PV 26/11/2009 - 13.1
CRE 26/11/2009 - 13.1

Testi adottati :

P7_TA(2009)0103

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 128kDOC 78k
25.11.2009
PE432.790v01-00}
PE432.791v01-00}
PE432.792v01-00} RC1
 
B7-0174/2009}
B7-0175/2009}
B7-0176/2009} RC1

imressqa skont l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B7‑0174/2009)

ECR (B7‑0175/2009)

ALDE (B7‑0176/2009)


dwar in-Nikaragwa


Carlos José Iturgaiz Angulo, Eija-Riitta Korhola, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Mario Mauro, Cristian Dan Preda, Monica Luisa Macovei, Laima Liucija Andrikienė, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE-DE
Johannes Cornelis van Baalen, Renate Weber, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Edvard Kožušník, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-Nikaragwa  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, l-aktar dik tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-libertajiet ċivili u fuq id-demokrazija fin-Nikaragwa,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Djalogu Politiku u Koperazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2003 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, ta’ El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, fuq in-naħa l-oħra, u l-Ftehima Qafas ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, ta’ El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Ħonduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-rapporti ppreżentati mit-tim ta' esperti tal-UE dwar l-elezzjonijiet muniċipali li seħħew fid-9 ta' Novembru 2008 fin-Nikaragwa,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Ferrero-Waldner dwar dak li ġara fin-Nikaragwa wara l-elezzjonijiet muniċipali u reġjonali tad-9 ta’ Novembru 2008,

 

–   wara li kkunsidra n-negozjati li qed jitwettqu dwar l-iffirmar ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Assoċjazzjoni tal-Istampa Interamerikana (IAPA) esprimiet tħassib dwar sensiela ta’ azzjonijiet meħuda mill-gvern tan-Nikaragwa, u ta’ fehmiet mistqarra minnu, li qed joħonqu l-libertà tal-istampa fil-pajjiż tal-Amerika Ċentrali,

B.  billi attwalment fin-Nikaragwa il-Kostituzzjoni (klawsola tal-1995) ma tippermettix li kandidat jipprova jikseb it-tieni mandat presidenzjali konsekuttiv u li, f’dan is-sens, il-President Ortega qiegħed illegalment jipprova jdur ma' artikolu fil-Kostituzzjoni sabiex ikun jista’ jippreżenta ruħu bħala kandidat biex jikseb it-tieni mandat fl-2011,

C. billi s-setgħa leġiżlattiva biss tista’ tesprimi ruħha dwar ir-riforma kostituzzjonali u l-partit li bħalissa qiegħed fil-gvern m’għandux il-maġġoranza ta’ żewġ terzi meħtieġa,

D. billi fid-19 ta’ Ottubru 2009 l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja ltaqgħet matul il-lejl, minkejja li tlieta mis-sitt imħallfin membri la kienu mistiedna u lanqas ipparteċipaw, u li kienu ssostitwiti minn 3 imħallfin Sandinistas, u ddikjarat unanimament li l-artikolu 147 ikkonċernat tal-Kostituzzjoni ma setgħax jiġi infurzat,

E.  billi l-partiti politiċi kollha tal-oppożizzjoni rappreżentati fl-Assemblea Nazzjonali, kif ukoll għadd ta’ assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avukati u NGOs irrifjutaw din id-deċiżjoni ġudizzjarja bħala illegali, u ftiehmu li jaħdmu id f’id sabiex jissalvagwardjaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa,

F.  billi din id-deċiżjoni kienet minnufih milqugħa bl-approvazzjoni tal-pajjiżi membri tal-Alleanza Bolivarjana tal-Pajjiżi tal-Amerika (ALBA),

G. billi, waqt żjara fin-Nikaragwa, delegazzjoni tal-Liberali Internazzjonali ġiet mhedda u insultata u l-mexxej tagħha, l-MEP Johannes Cornelis van Baalen kien saħansitra mhedded bi tkeċċija min-Nikaragwa mill-awtoritajiet Sandinisti, u ddikjarat persona non grata,

H. billi d-demokrazija fin-Nikaragwa marret għall-agħar wara l-frodi allegati fl-aħħar elezzjonijiet lokali, l-attakki u l-atti ta’ intimidazzjoni mwettqa kontra l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-membri tagħhom, kif ukoll fuq il-ġurnalisti u r-rappreżentanti tal-midja, minn individwi, mill-forzi politiċi u korpi marbuta mal-awtoritajiet tal-Istat,

I.   billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE,

J.   billi l-Unjoni Ewropea u s-sħab tagħha, meta jilħqu ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jkunu jinkludu klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, jassumu responsabilità li jiżguraw konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u billi dawn il-klawżoli huma fin-natura tagħhom reċiproki,

K. billi l-Unjoni Ewropea għandha teżerċita kontroll akbar fuq l-użu ta’ fondi mogħtija lin-Nikaragwa għal proġetti ta’ żvilupp, sabiex tkun żgur li l-ebda flus ma jispiċċaw f’idejn Sandinisti,

L.  billi n-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti u diversi NGOs fin-Nikaragwa esprimew tħassib rigward it-trasparenza tal-elezzjonijiet li saru dan l-aħħar,

1.   Jiddeplora l-attakki numerużi u l-atti ta’ intimidazzjoni mwettqa minn individwi, mill-forzi politiċi u minn korpi marbuta mal-awtoritajiet tal-Istat, li tagħhom sfaw vittmi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tagħhom u ġurnalisti indipendenti;

 

2.   Jikkundanna l-bidliet kostituzzjonali li jammontaw għal ksur tal-ordni kostituzzjonali fin-Nikaragwa minħabba l-manuvri ta’ legalità dubjuża min-naħa tal-gvern bl-użu ta’ mħallfin Sandinisti fil-Qorti Suprema tal-Ġustizzja;

 

3.   Jistieden lill-President Ortega sabiex jirrispetta l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa li tipprojbixxi li l-President jagħmel żewġ mandati konsekuttivi fil-kariga u jirrimarka li s-setgħa leġiżlattiva biss tista’ tesprimi ruħha dwar riforma kostituzzjonali u li l-qrati fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jagħmlu dan;

 

4.   Iqis li l-attitudini tal-President Ortega tirrifletti l-fehim u r-rispett limitat tiegħu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali bażiċi bħal-libertà tal-kelma u tal-azzjoni politika;

 

5.   Jappoġġja ’l dawk kollha fin-Nikaragwa li huma kontra l-ksur tal-ordni kostituzzjonali mwettaq mill-awtoritajiet Sandinisti u jitlob li dan l-ordni jerġà jiġi stabbilit mill-aktar fis u li jiġu annullati d-deċiżjonijiet ġudizzjarji msemmija aktar kmieni;

 

6.  Jikkundanna u jiddeplora t-theddidiet, insulti u intimidazzjonijiet li għalihom ġiet suġġetta d-delegazzjoni tal-Liberali Internazzjonali mmexxija mill-MEP Johannes Cornelis van Baalen, u jesprimi solidarjetà mal-membri tagħha;

 

7.   Jiddeplora bis-sħiħ il-mod li bih tmexxew l-elezzjonijiet lokali tad-9 ta’ Novembru 2008, il-manuvri tal-gvern biex jiskwalifika il-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, l-għadd numeruż ta’ irregolaritajiet fil-postijiet ta’ votazzjoni, l-allegati frodi elettorali u r-rifjut li osservaturi indipendenti tal-elezzjonijiet, kemm barranin kif ukoll lokali, jiġu akkreditati; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibgħat missjoni tal-UE għall-osservazzjoni tal-elezzjonijiet biex timmoniterja l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin;

 

8.   Jiddeplora l-fatt li l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, li s-soltu tkun tant diliġenti meta tindirizza kwistjonijiet oħrajn fil-kontinent, ma dehrilhiex li għandha tikkumenta dwar ksur hekk ċar tal-ordni kostituzzjonali f’wieħed mill-pajjiżi membri tagħha;

 

9.   Jirrimarka li fin-negozjati għall-Ftehima ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtieġ tiġi mfakkra dwar il-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif tiddefendihom u tippromwovihom l-Unjoni Ewropea;

 

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa u lill-Qorti Suprema tan-Nikaragwa.

 

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Mejju 2010Avviż legali