Proċedura : 2010/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0134/2010

Testi mressqa :

RC-B7-0134/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2010 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0055

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 148kDOC 90k
9.3.2010
PE432.993v01-00}
PE433.014v01-00}
PE433.019v01-00}
PE433.023v01-00}
PE433.025v01-00} RC1
 
B7-0134/2010}
B7-0152/2010}
B7-0157/2010}
B7-0161/2010}
B7-0163/2010} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B7‑0134/2010)

S&D (B7‑0152/2010)

Verts/ALE (B7‑0157/2010)

ALDE (B7‑0161/2010)

PPE (B7‑0163/2010)


dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja


Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Andrzej Grzyb, Jacek Protasiewicz, Jacek Saryusz-Wolski f'isem il-Grupp PPE
Adrian Severin, Kristian Vigenin, Marek Siwiec f’isem il-Grupp S&D
Gerben-Jan Gerbrandy, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Elisabeth Schroedter, Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal, Konrad Szymański, Adam Bielan, Marek Henryk Migalski, Mirosław Piotrowski f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja  

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas-17 ta' Diċembru 2009(1),

 

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja milħuqa mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, li kienu jinvolvu sospensjoni ulterjuri tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-viża għal ċerti uffiċjali Bjelorussi, fosthom il-President Alexander Lukashenko, u l-estensjoni tal-miżuri restrittivi sa Ottubru 2010,

 

–    wara li kkunsidra l-eżitu tal-2996 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-22 ta’ Frar 2010 u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, Lady Ashton, dwar is-sitwazzjoni tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja tas-16 ta’ Frar 2010,

 

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fid-19 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

 

–    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-1 ta’ Frar 1995,

 

–    wara li kkunsidra l-prinċipji u l-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, b'mod partikolari dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1 ta' Awwissu 1975 (Taqsima 1.VII), id-Dokument tal-laqgħa ta' Kopenħagen dwar id-Dimensjoni Umana tad-29 ta' Ġunju 1990 u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-21 ta' Novembru 1990,

 

–    wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar il-Bjelorussja tal-24 ta' Frar 2010 u l-missjoni tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew għall-Bjelorussja bejn il-25 u s-27 ta' Frar 2010 u l-konklużjonijiet tagħha,

 

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

 

A.  billi, fil-15 ta' Frar 2010, 40 attivist, il-biċċa l-kbira membri tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, ġew arrestati fil-Bjelorussja, fosthom Angelika Borys (President tal-UPB), Igor Bancer (Kelliem tal-UPB), Mieczysław Jaśkiewicz (Viċi President), Andrzej Poczobut (President tal-Bord Superviżorju tal-UPB) u Anatol Lebedzka, il-mexxej tal-Partit Ċivili Magħqud fil-Bjelorussja fl-oppożizzjoni, biex dawn ma jitħallewx jipparteċipaw fil-proċess dwar il-Kamra Pollakka f’Ivyanets; billi sal-20 ta’ Frar l-attivisti kollha nħelsu,

 

B.   billi l-UPB taħt il-Presidenza ta' Angelika Borys, li ġiet eletta demokratikament darbtejn fl-2005 u fl-2009, mhijiex rikonoxxuta mill-awtoritajiet tal-istat u ilha tħabbat wiċċha ma’ persekuzzjoni u fastidju regolari mill-2005 u billi l-membri tagħha qed jiġu akkużati ripetutament b’attivitajiet illegali u qed jaffaċċaw akkużi kriminali,

 

C.  billi l-awtoritajiet Bjelorussi użaw il-forzi tal-pulizija kontra membri tal-UPB fi Hrodna fl-2005 u f'Ivyanets fl-2010,

 

D.  billi l-awtoritajiet Bjelorussi ma ħallewx rappreżentanti tal-UPB, li ssejħu biex jidhru quddiem il-qorti bħala xhieda għas-Sinjura Teresa Sobol, President tal-fergħa lokali tal-UPB f'Ivyanets, jattendu għall-ġuri,

 

E.   billi d-diskriminazzjoni kontra l-Unjoni tal-Pollakki, l-ikbar NGO li topera fil-Bjelorussja, li hija mmexxija minn Abgelika Borys, hija sintomatika tat-trattament ġenerali tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja,

 

F.   billi l-‘Polonica’, kumpanija bbażata fi Hrodna mmexxija minn Angelika Borys, l-uniku sors ta’ finanzjament tal-UPB, ġiet immultata 71 miljun rubil minħabba li allegatament kisret regolamenti fiskali u issa tinsab f’periklu ta’ falliment,

 

G.  billi l-awtoritajiet Bjelorussi jqisu lil Stanislaw Siemaszko bħala l-mexxej leġittimu tal-Unjoni tal-Pollakki u ddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjoni taħt it-tmexxija tiegħu, meqjusa illeġittima mill-komunità Pollakka,

 

H.  billi r-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej, fosthom is-Sur Jerzy Buzek, President tal-Parlament Ewropew, il-Barunissa Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u s-Sinjura Cecilia Malmström, Kummissarju għall-Affarijiet Interni, kif ukoll il-Parlament Pollakk u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-aħħar azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi kontra l-UPB u kkundannaw l-użu tal-pulizija kontra l-membri tagħha,

 

I.    billi dawn l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi jmorru kontra l-istandards internazzjonali ta' protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali stabbiliti, inter alia, fil-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal-1 ta' Frar 1995, filwaqt li l-Bjelorussja kompliet tintensifika l-azzjonijiet tagħha kontra l-membri ta' din l-organizzazzjoni,

 

J.    billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant, iffirmata b'mod konġunt mill-Bjelorussja, tiddikjara fil-paragrafu 1 li: "Il-parteċipanti tas-Samit ta' Praga jaqblu li s-Sħubija tal-Lvant għandha tkun imsejsa fuq l-impenn għall-prinċipji tal-liġi internazzjonali u għall-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali",

 

K.  billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, irrikonoxxa li kienu nfetħu possibilitajiet ġodda għal djalogu u koperazzjoni aktar profonda bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja, bil-għan li jitkattar il-progress ġenwin lejn id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jirriafferma f'dan ir-rigward li kien lest isaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Bjelorussja, sakemm ikompli l-progress fid-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll li jgħin lill-pajjiż biex jintlaħqu dawn l-objettivi,

 

1.   Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-ksur riċenti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Bjelorussja kontra membri tas-soċjetà ċivili, speċjalment membri tal-Unjoni tal-Pollakki, u jiddikjara s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini li ma jistgħux igawdu d-drittijiet ċivili kollha tagħhom;

 

2.   Jikkundanna l-azzjoni legali u tal-pulizija kontra l-Unjoni tal-Pollakki u kwalunkwe tentattiv mill-awtoritajiet Bjelorussji biex jimponu tmexxija ġdida fuq il-komunità Pollakka; jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Bjelorussi jillegalizzaw mill-ġdid l-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja (UPB) immexxija minn Angelika Borys, kif ukoll li jiżguraw li l-proprjetajiet tagħhom jintroddulhom fi żmien xieraq;

 

3.   Itenni li jinsab interessat fi djalogu miftuħ u strutturat mal-Bjelorussja, bil-kundizzjoni li d-demokratizzazzjoni tas-sistema politika fil-Bjelorussja twassal għal riżultati konkreti u tirrifletti r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

 

4.   Iħeġġeġ lill-Bjelorussja biex timxi skont l-impenji tal-OSKE u l-impenji internazzjonali tagħha f’termini ta’ protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi tagħha; fl-istess ħin jistieden lill-awtoritajiet biex itejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-soċjetà ċivili, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u l-assemblea, is-sitwazzjoni tal-midja indipendenti, inkluż l-aċċess għall-internet, u r-reġistrazzjoni tal-NGOs, bil-għan li jitħejja u jitħalla jsir proċess elettorali ħieles u ġust għall-elezzjonijiet muniċipali fil-25 ta' April;

 

5.   Itenni t-talba tiegħu f'riżoluzzjonijiet riċenti, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Jannar u tas-17 ta' Diċembru 2009, għall-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u tal-libertà biex jitwaqqfu partiti politiċi bħad Demokrazija Kristjana Bjelorussa (BDC), il-libertà reliġjuża u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għall-attività ta' entitajiet tas-soċjetà ċivili, NGOs (bħal "Viasna") u l-midja indipendenti fil-Bjelorussja;

 

6.   Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jeħilsu lil attivisti politiċi bħal Andrei Bandarenko u priġunieri tal-kuxjenza bħal Ivan Mikhailau u Aristyom Dubski, biex jirtiraw miżuri restrittivi kontra d-difensuri tas-soċjetà ċivili bħal Tatiana Shaputsko, parteċipanta fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar is-Sħubija tal-Lvant, u biex joqogħdu lura milli jieħdu miżuri bil-għan li jikkontrollaw il-kontenut tas-siti Bjelorussi tal-World Wide Web;

 

7.   Jenfasizza li d-djalogu tal-UE mal-Bjelorussja jista' jkun ta' benefiċċju reċiproku u hu tal-fehma li l-Bjelorussja tista' tiġi megħjuna biex tikseb l-aħjar benefiċċji mis-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fl-użu l-aktar effikaċi ta' fondi allokati b'dan il-programm għall-infrastruttura, l-enerġija u proġetti soċjali, kif ukoll bl-applikazzjoni ta' strumenti u politiki oħrajn tal-UE, sakemm l-awtoritajiet Bjelorussi jimpenjaw ruħhom li jagħmlu tibdil tassew fl-oqsma tal-libertajiet, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali;

 

8.   Ifakkar li l-Unjoni Ewropea diġà wriet li lesta timpenja ruħha b’mod konsiderevoli mal-Bjelorussja, u dan intwera wkoll bl-inklużjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant; ifakkar li s-suċċess ta’ dan l-impenn jiddependi minn passi favur id-demokratizzazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, min-naħa tal-Gvern tal-Bjelorussja;

 

9.   Jiġbed l-attenzjoni li, jekk l-awtoritajiet Bjelorussi jaderixxu mal-kriterji marbuta mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali, il-Bjelorussja tibbenefika mill-punti li ġejjin:

 

–  il-konklużjoni u r-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja (FSK),

 

–  l-utilizzazzjoni effikaċi tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, bħall-istrumenti tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI),

 

–  l-estensjoni tal-finanzjament tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) għal proġetti fil-Bjelorussja li jinvolvu entitajiet tal-istat,

 

–  ir-restituzzjoni tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP+) lill-Bjelorussja,

 

–  il-kisba ta' parti oħra tas-self għall-istabilità mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI),

 

–  it-tkomplija tan-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Bjelorussja mad-WTO,

 

–  l-appoġġ għall-estensjoni tal-programm tal-OKŻE lill-Bjelorussja;

 

10. Jagħti importanza kbira lil-liberalizzazzjoni tal-ħajja politika u ċivili fil-Bjelorussja u jenfasizza li jekk ikun hemm aktar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, dan jista' jwassal għal reviżjoni tal-pożizzjoni tal-UE mal-Bjelorussja, fosthom l-impożizzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet;

 

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.

(1)

Testi adottati, P6_TA(2009)0117.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2010Avviż legali