Proċedura : 2010/2592(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0169/2010

Testi mressqa :

RC-B7-0169/2010

Dibattiti :

PV 10/03/2010 - 12
CRE 10/03/2010 - 12

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2010 - 8.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0063

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 130kWORD 78k
10.3.2010
PE439.685v01-00}
PE439.686v01-00}
PE439.690v01-00}
PE439.691v01-00}
PE439.692v01-00}
PE439.694v01-00} RC1
 
B7-0169/2010}
B7-0170/2010}
B7-0174/2010}
B7-0175/2010}
B7-0176/2010}
B7-0178/2010} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B7‑0169/2010)

EFD (B7‑0170/2010)

S&D (B7‑0174/2010)

ALDE (B7‑0175/2010)

ECR (B7‑0176/2010)

Verts/ALE (B7‑0178/2010)


dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Francisco José Millán Mon, Jaime Mayor Oreja, Mario Mauro, Bogusław Sonik, Cristian Dan Preda, Laima Liucija Andrikienė, Filip Kaczmarek, Tunne Kelam f'isem il-Grupp PPE
Adrian Severin, Luis Yáñez-Barnuevo García, Emine Bozkurt f’isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Izaskun Bilbao Barandica f'isem il-Grupp ALDE
Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE
Edvard Kožušník, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Fiorello Provera f'isem il-Grupp EFD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikolari dawk tal-17 ta' Novembru 2004, tat-2 ta’ Frar 2006 u tat-21 ta' Ġunju 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja għall-2004, l-2005, l-2006, l-2007 u l-2008 u l-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-segwitu tal-Premju Sakharov(1) ,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2005 dwar id-Damas de Blanco u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Marzu 2003 u tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba,

–   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/PESK, adottata fit-2 ta' Diċembru 1996 u aġġornata perjodikament minn dak iż-żmien s'issa,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Ġunju 2007, ta' Ġunju 2008 u tal-15 ta' Ġunju 2009 dwar Kuba,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Barunessa Catherine Ashton, u mill-President tal-Parlament, Jerzy Buzek, dwar il-mewt f'Kuba tal-priġunier politiku u priġunier ta' kuxjenza Orlando Zapata Tamayo,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-difiża tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, tibqa' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi għadd kbir ta' ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-biċċa l-kbira membri tal-oppożizzjoni demokratika, għadhom qed jinżammu l-ħabs f'Kuba talli eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom tal-espressjoni u tal-assemblea kif ukoll id-dritt li jiltaqgħu,

C. billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2005 għal-Libertà tal-Ħsieb lid-Damas de Blanco; billi r-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lid-Damas de Blanco li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Parlament biex jirċievu l-premju jikser wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri d-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiżu u jirritorna liberament, kif miktub fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

D. billi l-istituzzjonijiet komunitarji għamlu sforz għall-ħelsien u t-trattament umanitarju tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba,

E.  billi l-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo – l-ewwel darba fi kważi 40 sena li attivist Kuban miet minħabba strajk tal-ġuħ bħala protesta kontra l-abbużi tal-Gvern – titqies bħala pass kbir lura għad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u wasslet għal mewġa ta' protesti f'livell internazzjonali kif ukoll biex aktar priġunieri dissidenti u politiċi Kubani jibdew strajk tal-ġuħ,

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-mewt evitabbli u krudili tal-priġunier dissidenti politiku Orlando Zapata Tamayo wara strajk tal-ġuħ li dam 85 jum, u jesprimi s-solidarjetà u l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu;

2.  Jikkundanna d-detenzjoni preventiva ta' attivisti u t-tentattiv tal-gvern li ma jħallix lill-familja ta' Orlando Zapata Tamayo tagħmillu funeral u tagħtih l-aħħar tislima;

3.  Jiddeplora n-nuqqas ta' xi sinjal sinifikanti ta' reazzjoni mill-awtoritajiet Kubani għat-talbiet mill-UE u mill-komunità internazzjonali sabiex il-priġunieri politiċi kollha jinħelsu u biex il-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni politika, jitħarsu għalkollox;

4.  Jistieden lill-Gvern Kuban biex jeħles minnufih u bla kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi u lill-priġunieri tal-kuxjenza kollha;

5.  Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u d-dissidenti li bdew strajk tal-ġuħ wara l-mewt ta' Zapata; jilqa' l-fatt li ħafna minnhom issa reġgħu bdew jieklu, iżda jiġbed l-attenzjoni fuq l-istat allarmanti tal-ġurnalist u psikologu Guillermo Fariñas, li għadu għaddej bi strajk tal-ġuħ li jista' jkollu konsegwenzi fatali;

6.  Jiddeplora l-fatt li ma ntlaqgħux it-talbiet ripetuti tal-Parlament u tal-Kunsill għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza kollha, u jinsisti li l-priġunerija tad-dissidenti f'Kuba minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom tmur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-azzjoni tagħhom biex jesiġu l-ħelsien tal-priġunieri politiċi u jippromwovu u jipprovdu garanziji għax-xogħol tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma ġie miftiehem mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2009;

8.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħtu l-appoġġ bla kundizzjonijiet u l-inkoraġġiment sħiħ għat-tnedija ta' proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika lejn demokrazija b'diversi partiti f'Kuba;

9.  Ileħħen is-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu Kuban kollu u l-appoġġ tiegħu għalihom fil-progress taħghom lejn id-demokrazija u r-rispett u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali;

10. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissarju responsabbli għall-kooperazzjoni biex b'mod immedjat jibdew djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili Kubana u ma' dawk li jappoġġjaw tranżizzjoni paċifika f'Kuba, skont il-konklużjonijiet adottata suċċessivament mill-Kunsill tal-UE, bl-użu tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Komunità, b'mod partikolari l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina-Amerikana u lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa tal-Poplu ta' Kuba.

 

(1)

Testi adottati, P6_TA(2006)0601.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2010Avviż legali