Proċedura : 2010/2775(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0484/2010

Testi mressqa :

RC-B7-0484/2010

Dibattiti :

OJ 08/09/2010 - 121

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2010 - 5.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 135kWORD 82k
6.9.2010
PE446.564v01-00}
PE446.565v01-00}
PE446.566v01-00}
PE446.567v01-00}
PE446.568v01-00} RC1
 
B7-0484/2010}
B7-0485/2010}
B7-0486/2010}
B7-0487/2010}
B7-0488/2010} RC1

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B7‑0484/2010)

S&D (B7‑0485/2010)

PPE (B7‑0486/2010)

GUE/NGL (B7‑0487/2010)

ALDE (B7‑0488/2010)


dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan


Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda, Hans-Gert Pöttering f'isem il-Grupp PPE-DE
Paolo De Castro, Véronique De Keyser, Jo Leinen, Adrian Severin, Proinsias De Rossa, Saïd El Khadraoui, Olga Sehnalová, Thijs Berman, Richard Howitt, Maria Eleni Koppa, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Luís Paulo Alves f'isem il-Grupp S&D
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ivo Vajgl, Graham Watson f'isem il-Grupp ALDE
Hélène Flautre, Nicole Kiil-Nielsen, Margrete Auken, Jan Philipp Albrecht, Raül Romeva i Rueda, Malika Benarab-Attou, Frieda Brepoels f'isem il-Grupp ECR
Kyriacos Triantaphyllides, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Nikolaos Chountis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Paċi tal-1994 bejn l-Istat tal-Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta’ Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interim tal-1995 bejn l-Iżrael u l-Palestina dwar il-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża (il-Ftehim Oslo II) u b'mod partikolari l-Artikoli 12 u 40 tal-Anness III tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji ffirmata fis-16 ta’ Novembru 1972,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni dwar is-Sitwazzjoni fil-Wied tal-Ġordan tal-Kumitat Ad Hoc dwar l-Enerġija, l-Ambjent u l-Ilma tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM), li ġiet adottata fis-Sitt Sessjoni Plenarja tal-APEM li saret f’Amman mit-12 sal-14 ta' Marzu 2010,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ proċedura tiegħu,

A. billi x-Xmara Ġordan, b’mod partikolari l-medda ta' isfel tagħha, tirrappreżenta pajsaġġ kulturali ta' sinifikat universali b'importanza storika, simbolika, reliġjuża, ambjentali, agrikola u ekonomika kbira kemm għal-Lvant Nofsani u lil hinn minnu,

B.  billi x-Xmara Ġordan qed tinqered għal kollox minħabba sfruttament żejjed, tniġġis, ġestjoni ħażina u nuqqas ta’ kooperazzjoni reġjonali; billi hu stmat li 98% tar-riżorsi tal-ilma ħelu tax-Xmara ġew inkanalati xi mkien ieħor mill-Iżrael, mill-Ġordan u mis-Sirja, bir-riżultat li ntilef 50% tal-bijodiversità,

C.  billi lejn l-aħħar tal-2011 huwa ppjanat li jibdew joperaw ċentri ġodda għat-trattament tal-ilma mormi maħsuba biex ineħħu l-likwidu ta' tniġġis li attwalment huwa preżenti fil-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan; billi, jekk ma jiġux żviluppati prattiċi sodi u sostenibbli għall-ġestjoni tal-ilma u ma jkunux allokati riżorsi ta' ilma ħelu għall-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan biex jikkoinċidu mal-operat ta' dawn iċ-ċentri, huwa probabbli li sa tmiem l-2011 se jinxfu meded twal tax-Xmara,

D.  Billi r-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b’mod partikolari l-medda ta’ isfel tagħha, hi ta’ importanza kbira għall-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaffaċċjaw l-istess sfidi tal-ilma, u toffri benefiċċji immensi għall-ekonomija u għall-bini tal-fiduċja; billi l-kooperazzjoni attiva bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali kkonċernati tista’ tagħti kontribut ewlieni għall-isforzi favur il-bini ta’ paċi reġjonali,

E   billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent qiegħda tħabbat wiċċha ma' skarsezzi gravi tal-ilma; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b’mod gravi bin-nuqqas ta’ ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-Iżraeljani li jgħixu fl-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta’ Stat Palestinjan futur,

F.  billi l-finanzjament tal-UE qiegħed jikkontribwixxi għat-tentattivi biex jittaffew l-isfidi ambjentali li qed jiffaċċjaw l-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan,

1.  Jiġbed l-attenzjoni għad-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u partikolarment tal-medda ta' isfel tagħha u jesprimi t-tħassib tiegħu f'dan ir-rigward;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara biex jikkooperaw u jirriabilitaw ix-Xmara Ġordan billi jfasslu u jimplimentaw politiki li jiffokaw kemm fuq l-ilħiq ta’ riżultati konkreti fl-oqsma relatati mal-ġestjoni tad-domanda domestika u agrikola għall-ilma, il-konservazzjoni tal-ilma u l-ġestjoni tad-drenaġġ u tal-iskart likwidu agrikolu u industrijali, kif ukoll fuq l-iżgurar ta’ kwantità adegwata ta’ flussi tal-ilma ħelu fil-medda ta’ isfel tax-Xmara Ġordan;

3.  Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaffaċċjaw sfidi tal-ilma simili fl-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan; jistieden lill-Iżrael u lill-Ġordan biex jonoraw kompletament l-impenji li ħadu fit-Trattat ta' Paċi bejniethom fir-rigward tar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan;

4.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Ministeru Iżraeljan tal-Ambjent biex jitfassal pjan direttur għall-iżvilupp tal-pajsaġġ fl-inħawi tal-medda ta’ isfel tax-Xmara Ġordan; iħeġġeġ lill-Gvern Ġordaniż u lill-Awtorità Palestinjana biex jieħdu inizjattivi analogi bil-għan li jadottaw pjanijiet direttur għar-riabilitazzjoni tat-taqsimiet tax-xmara li jgħaddu mit-territorji rispettivi tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għax-xmara għall-partijiet ikkonċernati kollha u jinnota li dawn il-pjanijiet diretturi jafu jsiru bażi għal pjan reġjonali komprensiv għar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tal-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan;

5.  Jilqa’ l-applikazzjoni ta’ metodi u teknoloġiji avvanzati tal-ġestjoni tal-ilma fl-Iżrael, u jħeġġeġ l-użu ġust ta’ dawn il-metodi u t-trasferiment tat-teknoloġiji involuti lejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun; jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tintensifika l-isforzi sabiex jingħata aktar sostenn finanzjarju u tekniku lill-proġetti kooperattivi f'dan il-qasam;

6.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Iżrael u tal-Ġordan u lill-Awtorità Palestinjana biex jaħdmu fi spirtu ta' kooperazzjoni bil-għan li jsalvaw il-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan u jħeġġiġhom jistabbilixxu, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, Kummissjoni għall-Baċir tax-Xmara Ġordan, li tkun miftuħa għal pajjiżi oħrajn li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara;

7.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex iħeġġu u jappoġġaw pjan komprensiv biex titranġa d-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u biex ikomplu jagħtu sostenn finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b’mod partikolari l-medda ta’ isfel tagħha, fl-ambitu wkoll tal-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran;

8.  Jerġa' jenfasizza li l-kwistjoni tal-ġestjoni tal-ilma, b’mod partikolari d-distribuzzjoni ġusta tal-ilma skont il-bżonnijiet tal-popli kollha li jgħixu fir-reġjun, hija ta' importanza enormi għal paċi u stabilità dejjiema fil-Lvant Nofsani;

9.  Huwa tal-fehma, fl-istess ħin, li għandha tiġi inkluża referenza ċara u speċifika għall-proċess ta’ riabilitazzjoni ta’ din iż-żona fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat imfassla mal-Iżrael, il-Ġordan u l-Awtorità Palestinjana; jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tniedi studju konġunt dwar ix-Xmara Ġordan;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern Iżraeljan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Libanu, lill-President tal-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Parlament u lill-Gvern tas-Sirja.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Settembru 2010Avviż legali