dwar il-Brażil: l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti
Roberta Angelilli, Mario Mauro, Carlo Casini, Erminia Mazzoni, Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Eija‑Riitta Korhola, Monica Luisa Macovei, Sari Essayah, Elena Băsescu, Csaba Sógor, Thomas Mann
f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Gianni Pittella, David-Maria Sassoli
f'isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Ramon Tremosa i Balcells, Kristiina Ojuland, Alexander Graf Lambsdorff
f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Adam Bielan, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Konrad Szymański, Marek Henryk Migalski, Ryszard Czarnecki, Jacek Olgierd Kurski
f'isem il-Grupp ECR
Francesco Enrico Speroni
f'isem il-Grupp EFD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Brażil: l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar iċ-ċaħda għall-estradizzjoni mill-Brażil ta' Cesare Battisti(1),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2009 dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil(2), u b'mod partikolari l-paragrafu 1(n) tagħha, li b'mod ċar isemmi r-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi finali,
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-prinċipji li jinsabu fiha dwar id-demokrazija u l-istat ta' dritt, li fuqhom hija msejsa l-UE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sħubija bejn l-UE u l-Brażil hija mibnija fuq il-fiduċja reċiproka u fuq ir-rispett tad-demokrazija, tal-istat ta' dritt u tad-drittijiet fundamentali,
B. billi r-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u politiċi bejn il-Brażil u l-UE huma eċċellenti u ta' suċċess, u huma msejsa fuq, inter alia, prinċipji kondiviżi bħar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat ta' dritt,
C. billi Cesare Battisti, ċittadin Taljan, instab ħati f'seba' proċessi u ġie kkundannat in absentia darbtejngħal priġunerija għal għomru, f'sentenzi finali mogħtija minn qrati Taljani, għal erba' omiċidji u għal involviment fi grupp armat, serq u pussess ta' armi tan-nar,
D. billi Cesare Battisti nħeba sakemm ġie arrestat fil-Brażil f'Marzu 2007,
E. billi Cesare Battisti ressaq applikazzjoni mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-estradizzjoni tiegħu lejn l-Italja, u billi dik l-applikazzjoni ġiet iddikjarata inammissibbli f'Diċembru 2006,
F. billi d-dispożizzjonijiet u r-regoli tat-Trattat ta' Estradizzjoni tal-1989 bejn l-Italja u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil għandhom l-għan li jiddefinixxu l-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet taż-żewġ stati fil-qasam tal-estradizzjoni, f'konformità sħiħa mal-garanziji previsti skont is-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom,
G. billi fit-18 ta' Novembru 2009 l-Qorti Suprema Brażiljana ddeċidiet li tippermetti l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti u awtorizzat lill-President fil-kariga tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil jikkonsenja l-priġunier lill-Italja, bi qbil mar-regoli tat-Trattat ta' Estradizzjoni bejn l-Italja u l-Brażil,
H. billi fil-31 ta' Diċembru 2010 l-President li dak iż-żmien kien fil-kariga ddeċieda li jirrifjuta l-estradizzjoni ta' Cesare Battisti,
I. billi dik id-deċiżjoni qed tiġi kkontestata mill-Gvern Taljan quddiem il-Qorti Suprema Brażiljana,
J. billi l-avukati ta' Cesare Battisti applikaw formalment mal-istess qorti għall-ħelsien immedjat tiegħu,
K. billi fis-6 ta' Jannar 2011 il-President tal-Qorti Suprema Brażiljana rrifjuta l-ħelsien immedjat ta' Cesare Battisti u reġa' fetaħ il-każ b'mod uffiċjali, li se jiġi kkunsidrat mill-ġdid fi Frar meta l-Qorti terġa' tibda ħidmietha,
1. Jirrikonoxxi li r-rispett tal-legalità u tal-indipendenza tal-ġudikatura, inkluż it-trattament ġust ta' dawk li nstabu ħatja, huwa wieħed mill-valuri bażiċi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll tal-Brażil;
2. jirrimarka li s-sħubija bejn l-UE u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil hija msejsa fuq il-fehim reċiproku li ż-żewġ partijiet jirrispettaw l-istat ta' dritt u d-drittijiet fundamentali, inklużi d-dritt għal difiża u d-dritt għal proċess ġust u ekwitabbli;
3. Jesprimi fiduċja li, fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-awtoritajiet Brażiljani kompetenti jeżerċitaw id-dritt tagħhom – u jwettqu dmirhom – li jipproċessaw it-talba l-ġdida tal-Gvern Taljan li d-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni ta' Cesari Battisti tiġi rieżaminata, u jesploraw modi kif jiġi żgurat li t-trattat bilaterali dwar l-estradizzjoni jiġi interpretat b'mod korrett;
4. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex ikollu djalogu politiku mal-Brażil u biex jiżgura li kull deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipji bażiċi tal-UE u twassal għal relazzjonijiet tajba mal-Istati Membri;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Brażiljan, lill-President tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil, lill-President tal-Kungress Brażiljan u lill-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Mercosur.