Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0101/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0101/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-istat tad-dritt fir-Russja

16.2.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0101/2011)
PPE (B7‑0108/2011)
ALDE (B7‑0110/2011)
ECR (B7‑0113/2011)
S&D (B7‑0151/2011)

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ria Oomen-Ruijten, Gabriele Albertini, Laima Liucija Andrikienė, Mário David, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Anna Ibrisagic, Elisabeth Jeggle, Filip Kaczmarek, Tunne Kelam, Lena Kolarska-Bobińska, Krzysztof Lisek, Monica Luisa Macovei, Mario Mauro, Alojz Peterle, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Jacek Protasiewicz, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Alf Svensson, Traian Ungureanu, Inese Vaidere, Joachim Zeller f'isem il-Grupp PPE
Adrian Severin, Hannes Swoboda, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D
Kristiina Ojuland, Graham Watson, Marietje Schaake, Leonidas Donskis, Ramon Tremosa i Balcells, Norica Nicolai f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Werner Schulz f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Ryszard Antoni Legutko, Jacek Olgierd Kurski, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Konrad Szymański, Adam Bielan, Roberts Zīle, Jacek Włosowicz, Tadeusz Cymański, Mirosław Piotrowski, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2011/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0101/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0101/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tad-dritt fir-Russja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-qtil ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja,[1], tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-konklużjonijiet tas-samit UE-Russja (il-31 ta' Mejju – l-1 ta' Ġunju 2010)[2], u tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana tal-Kawkażu (il-Federazzjoni Russa) u dwar il-prosekuzzjoni kriminali kontra Oleg Orlov[3],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra (PCA), kif ukoll in-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja għal-2009 adottat f'Diċembru 2010, b'referenza speċjali għall-każ Magnitsky,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt u r-Responsabilità tal-Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jipproteġu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

–   wara li kkunsidra s-Sħubija għall-Modernizzazzjoni varata fis-samit UE-Russja f'Mejju 2010 f'Rostov-na-Don u l-impenn meħud mit-tmexxija Russa favur l-istat tad-dritt bħala bażi fundamentali għall-modernizzazzjoni tar-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea tibqa' kommessa li tapprofondixxi u tiżviluppa aktar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Russja skont il-prinċipji minquxa fis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni, imsejsa fuq impenn profond favur prinċipji demokratiċi, rispett għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem kif ukoll għall-istat tad-dritt,

B.  billi, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), kif ukoll bħala firmatarju tad-dikjarazzjonijiet tan-NU, ir-Russja kkommettiet ruħha għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat ta’ dritt,

C. billi bosta proċessi u proċedimenti ġudizzjarji matul l-aħħar snin tefgħu dubji fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Federazzjoni Russa,

D. billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, qajmet tħassib dwar it-tieni sentenza maqtugħa fuq Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev fit-30 ta' Diċembru 2010 fit-tieni proċess dwar assi tal-kumpanija Yukos,

E.  billi Borsi Nemtsov u madwar 70 persuna oħra ġew arrestati f'Moska fil-31 ta' Diċembru 2010, wara dimostrazzjoni tal-oppożizzjoni,

F.  billi ġurnalisti indipendenti, attivisti tas-soċjetà ċivili, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem spiss sfaw vittmi ta' theddidiet u atti vjolenti, billi l-leġiżlazzjoni kontra l-estremisti u d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-liġi dwar is-Servizz Federali tas-Sigurtà (FSB) mhumiex ċari u, b'riżultat ta' dan, spiss jintużaw biex ikiddu lill-NGOs, il-minoritajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet medjatiċi,

G. billi l-każijiet tal-ġurnalisti Anna Politkovskaya, Natalia Estemirova u Anastasiya Baburova u l-mewt tal-avukat Sergei Magnitsky kienu għadhom ma ġewx solvuti mill-awtoritajiet Russi,

H. billi l-President Russu Medvedev f’bosta okkażjonijiet wiegħed li se jsaħħaħ l-istat tad-dritt, filwaqt li stqarr li l-kompitu tiegħu hu li joħloq qrati moderni assolutament indipendenti li jixirqu għal-livell tal-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż,

1.  Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li r-Russja għadha sieħba importanti tal-Unjoni Ewropea fil-bini ta’ kooperazzjoni sostenibbli bbażata fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk terroristiku fl-ajruport Domodevodo ta' Moska u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u s-solidarjetà tiegħu ma' dawk li sfaw midruba fl-attakk; jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet Russi jirrispondu għal dan l-attakk b'mod legali u meqjus, u jħallu s-sistema ġudizzjajra Russa taħdem b'mod liberu u indipendenti biex tipprosegwixxi u tikkundanna l-persuni responsabbli għall-attakk;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta' proċessi motivati politikament, proċeduri inġusti u nuqqasijiet ta' investigazzjoni ta' delitti serji bħall-qtil, il-fastidju u l-kedd u atti oħra ta' vjolenza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi Russi jwettqu dmirijiethom b’mod effikaċi, imparzjali u indipendenti ħalli min wettaq l-atti jressquh quddiem il-ġustizzja;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar il-verdett fit-tieni proċess u l-kundanna ta’ Mikhail Khodorkovsky u Platon Lebedev; jenfasizza li tqajmu kwistjonijiet ġudizzjarji serji dwar dan il-proċess u dwar proċessi preċedenti kontra dawn iż-żewġ persuni,u jitlob li jsir rieżami ġudizzjarju li għandu jitwettaq bi rbit mal-appell pendenti kontra l-verdett; jesiġi li l-awtoritajiet Russi jagħmlu ħilithom kollha biex itejbu s-sistema ġudizzjarja, bi qbil mal-wegħdiet tal-President Medvedev li se jiżgura aktar ġustizzja u trasparenza;

5.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tal-Federazzjoni Russa jikkummissjona rieżami tal-akkużi u l-proċedimenti li jinsabu għaddejjin kontra r-rebbieħ tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Liberta tal-Ħsieb għall-2009, is-Sur Oleg Orlov; ifakkar li ma saret l-ebda investigazzjoni effikaċi dwar il-qtil ta' Natalia Estemirova, mexxejja ewlenija ta' Memorial fiċ-Ċeċnja;

6.  Jiddeplora t-tħarbit ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi li jsiru fl-aħħar jum ta' kull xahrejn bi rbit mal-Artikolu 31 tal-Kostituzzjoni Russa, kif ukoll l-arresti ripetuti ta' protagonisti tal-oppożizzjoni, bħal fil-każ ta' Boris Nemtsov;

7.  Iħeġġeġ lill-Presidenti tal-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll lir-Rappreżentant Għoli, ikomplu jsegwu l-każijiet mill-qrib u jqajmu dawn il-kwistjonijiet f'formati u laqgħat differenti mar-Russja, b'mod partikolari waqt is-Samit UE-Russja li ġej;

8.  Ifakkar lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli dwar il-firxa sħiħa ta' miżuri adegwati li jistgħu japplikaw meta jkunu affrontati b'abbużi sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem u b'nuqassijiet ta' rispett tal-istat tad-dritt;

9.  Jistieden lill-UE u lir-Russja jintensifkaw in-negozjati dwar PCA ġdid, vinkolanti u komprensiv, u jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal ftehim wiesa’ li jinkludi l-kwistjonijiet tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-importanza l-funzjonament effikaċi tal-ġudikatura u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni jkunu żgurati;

10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd konsiderevoli ta' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluż tad-dritt għall-għaqda paċifika, u jenfasizza l-importanza ta' djalogu kontinwu dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-Konsultazzjonijiet UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni speċifika għall-passi konkreti meħuda mill-awtoritajiet Russi bil-għan li jiżguraw is-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Jenfasizza li rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt se jtejbu l-immaġni u l-kredibilità tar-Russja fid-dinja, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet tagħha mal-Unjoni Ewropea, li huma importanti u għandhom jiżviluppaw fi sħubija strateġika, fid-dawl tad-dipendenza reċiproka u d-diversi interessi kondiviżi taż-żewġ partijiet, partikolarment fir-rigward tal-kooperazzjoni fl-oqsma tal-politika, is-sigurtà, l-ekonomija u l-enerġija, imma wkoll rigward ir-rispett għall-prinċipji u l-proċeduri demokratiċi, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem;

12. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta b'urġenza lill-Parlament valutazzjoni dwar jekk il-miżuri ġudizzjarji li ttieħdu kontra l-kumpanija Yukos u kontra l-eżekuttivi tagħha humiex kompatibbli mar-rekwiżiti applikabbli għar-Russja rigward l-ambizzjoni tagħha ta' sħubija sħiħa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

13. Jirrimarka li r-Russja, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, ikkommettiet ruħha li tirrispetta bis-sħiħ standards Ewropej rigward id-demokrażija, id-drittijiet fundamentali u dawk tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jistieden lill-awtoritajiet Russi, f'dan ir-rigward, jikkonformaw mas-sentenzi kollha tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jimplimentaw miżuri biex jirrettifikaw ksur f’każijiet individwali, inkluż billi jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet effikaċi u billi jżommu responsabbli lil min iwettaq tali ksur, u jadottaw miżuri ġenerali biex jimplimentaw is-sentenzi, inkluż permezz tat-twettiq ta' tibdil fil-politiki u tibdil legali biex ma jħallux li każijiet ta' ksur ta’ dan it-tip jerġgħu jseħħu fil-ġejjieni;

14. Itenni t-talba tiegħu li l-konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tiġi intensifikata u ssir aktar effikaċi u orjentata lejn ir-riżultati, bil-parteċipazzjoni tal-Ministeri Russi tal-Ġustizzja, tal-Intern u tal-Affarijiet Barranin sew fi Brussell kif ukoll f'Moska u bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fil-livelli kollha; ifakkar lir-Rappreżentant Għoli dwar id-deċiżjoni baġitarja tal-Parlament li jitwaqqaf forum tas-soċjetà ċivili;

15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni joffru lir-Russja għajnuna u għarfien espert prattiċi biex isaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u jtejbu l-kapaċità tas-sistema ġudizzjarja li tilqa' għall-pressjoni politika u ekonomika; jenfasizza r-rieda tal-unjoni Ewropea li tikkontribwixxi għat-twaqqif ta' programm ta' appoġġ ġudizzjarju ta' dan it-tip, u li tikkontibwixxi għall-edukazzjoni u t-taħriġ, b'mod speċjali dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, tal-persunal tal-infurzar tal-liġi, tal-prosekuturi u tal-imħallfin;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u l-parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.