MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel
14.2.2011
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0114/2011)
Verts/ALE (B7‑0115/2011)
ALDE (B7‑0116/2011)
PPE (B7‑0117/2011)
GUE/NGL (B7‑0118/2011)
ECR (B7‑0119/2011)
Mairead McGuinness, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Artur Zasada f'isem il-Grupp PPE-DE
Hannes Swoboda, Luis Manuel Capoulas Santos, Kader Arif, Stéphane Le Foll f'isem il-Grupp S&D
George Lyon, Britta Reimers f'isem il-Grupp ALDE
José Bové, Keith Taylor, Yannick Jadot, Catherine Grèze, Martin Häusling, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Nirj Deva, James Nicholson, Janusz Wojciechowski f'isem il-Grupp ECR
Alfreds Rubiks, Patrick Le Hyaric, Willy Meyer, Eva-Britt Svensson, João Ferreira, Kyriacos Triantaphyllides, Jiří Maštálka, Gabriele Zimmer f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2011 dwar ir-rikonoxximent tal-agrikoltura bħala settur strateġiku fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa[5],
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (COM(2008)450),
– wara li kkunsidra t-tmien rakkomandazzjonijiet tal-G20 ippubblikati mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt għall-ikel fid-29 ta' Jannar 2011,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima" tat-2 ta' Frar 2011 (COM(2011)25),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Maputo dwar l-Agrikoltura u s-Sigurtà tal-Ikel iffirmata fl-2003, fejn il-gvernijiet Afrikani impenjaw ruħhom li jallokaw minimu ta' 10% tal-baġits nazzjonali annwali tagħhom għall-agrikoltura,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-prezzijiet tal-ikel laħqu l-ogħla livelli tagħhom għas-seba' xahar konsekuttiv bejn l-2010 u 2011, u laħqu l-ogħla livelli minn mindu l-FAO bdiet tkejjel il-prezzijiet tal-ikel fl-1990; billi ż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti saru fattur ta' destabbilizzazzjoni fl-ekonomija globali u wasslu għal irvellijiet u kunflitti f'għadd ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-aktar reċentament fl-Alġerija, fit-Tuneżija u fl-Eġittu,
B. billi l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tistma li l-għadd ta' persuni fid-dinja li m'għandhomx biżżejjed ikel laħaq id-925 miljun fl-2010, u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel flimkien ma' skarsezzi imprevedibbli fil-provvista jistgħu iwasslu sabiex dan in-numru jiżdied; billi 29 pajjiż fid-dinja qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet marbuta mal-provvista tal-ikel u jinsabu fil-bżonn ta' assistenza alimentari esterna,
C. billi l-volatilità riċenti fil-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi qajmet tħassib kbir dwar il-funzjonament tal-provvista alimentari Ewropea u dinjija; billi ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel laqtet l-iżjed lill-aktar popolazzjonijiet u pajjiżi vulnerabbli kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw; billi l-prezzijiet għolja tal-ikel qed iwassli miljuni ta’ nies f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel, filwaqt li qegħdin jheddu s-sigurtà dinjija tal-ikel għal medda twila ta’ żmien; billi, skont il-FAO, is-sigurtà tal-ikel tinkludi d-dritt għall-ikel u l-aċċessibilità għal alimentazzjoni tajba għas-saħħa għal kulħadd,
D. billi l-karestija u l-faqar għadhom jeżistu fl-Unjoni Ewropea; billi 79 miljun persuna fl-UE għadhom jgħixu taħt il-linja tal-faqar (60 % tad-dħul medju tal-pajjiż li fih tgħix il-persuna); u billi fix-xitwa li għaddiet 16-il miljun ċittadin tal-UE ngħataw għajnuna alimentari minn istituzzjonijiet tal-karità; billi s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni ċentrali għall-Ewropa u teħtieġ koordinament bejn diversi oqsma politiċi settorjali fil-livell tal-UE u lil hinn minnu, jiġifieri l-PAK, il-politika tal-enerġija, ir-riċerka, il-kummerċ u l-iżvilupp,
E. billi t-tnaqqis ekonomiku globali u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-fjuwil ġabu għall-agħar is-sitwazzjoni tal-ikel f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC), biex b'hekk parzjalment reġġgħu lura l-progress li sar fl-aħħar għaxar snin fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar,
Il-fatturi li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel
F. billi produzzjoni globali suffiċjenti tal-ikel tista' tiġi regolarment ipperikolata minħabba firxa ta' fatturi li jinkludu avvenimenti ta' temp estrem bħall-għargħar u n-nixfiet, li qed ikunu determinati dejjem aktar mit-tibdil fil-klima; id-disponibilità limitata tar-riżorsi naturali u d-domanda li kulma jmur qed tikber għal ikel minn popolazzjonijiet li qed jiżdiedu; rabtiet mill-qrib bejn l-enerġija u s-sigurtà tal-ikel fl-isfond ta' livell baxx ħafna ta' stokkijiet globali tal-ikel; produzzjoni li qed tikber ta' bijofjuwils, it-tmigħ li kulma jmur qed jiżdied ta' ċereali lill-bhejjem; aktar spekulazzjoni fil-prodotti tal-ikel; dipendenza li qed tikber fuq l-importazzjonijiet tal-ikel f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba kunflitti jew politiki tas-sigurtà tal-ikel li ma rnexxewx,
G. billi l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-biedja, l-iktar it-tnaqqis fil-produzzjoni tal-uċuħ minħabba nuqqasijiet ripetuti ta' ilma, nixfiet jew, f'kuntrast ma' dan, għargħar u valangi, jaffettwa serjament l-attivitajiet agrikoli fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li t-tnejn li huma qed jonqsu b'mod sinifikanti li jilħqu livelli ta' awtosuffiċjenza fir-rigward ta' diversi prodotti bażiċi agrikoli,
H. billi l-isfida hija li jiġi prodott “aktar b'inqas”, b’enfasi fuq il-produzzjoni sostenibbli, minħabba l-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali; billi t-tisħiħ tal-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw se żżid ir-reżistenza u l-adattabilità għax-xokkijiet mil-lat tal-ikel,
I. billi l-volatilità riċenti qajmet tħassib dwar il-funzjonament tal-katini tal-provvista alimentari Ewropej u dinjija; billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM 2009/591) tidentifika problemi serji fil-katina tal-provvista bħall-abbuż tas-saħħa tax-xerrej dominanti, prattiki inġusti fil-kuntratti (inklużi ħlasijiet li jsiru tard), modifiki kuntrattwali unilaterali, ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess għan-negozjati, aċċess limitat għas-suq, nuqqas ta' informazzjoni dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet u d-distribuzzjoni tal-marġnijiet tal-qligħ tul il-katina alimentari, marbutin mill-qrib maż-żieda fil-konċentrazzjoni fis-setturi tal-produzzjoni, tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut; billi l-katina tal-provvista għandha tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha fl-analiżi tal-prezzijiet tal-ikel u tal-evoluzzjoni tagħhom; billi s-settur tal-ikel huwa frammentat u l-katina tal-provvista hija twila u kumplessa ħafna, u tinkludi fiha ħafna intermedjarji,
Il-volatilità tal-prezzijiet, id-dħul tal-bdiewa, l-għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw
J. billi ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi jista’ jsir fattur iktar aċċentwat u regolari tas-suq dinji; billi prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jirriżultaw fi dħul ogħla għall-bdiewa, primarjament minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż għall-irziezet u minħabba d-diverġenza li dejjem qed tiżdied bejn l-ispejjeż tal-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur, billi s-sehem tad-dħul għall-bdiewa mill-katina tal-provvista tal-ikel naqas konsiderevolment, filwaqt li kien hemm żieda kostanti fil-profitti tal-proċessuri u tal-bejjiegħa bl-imnut; billi l-prezzijiet tal-konsumatur irreġistraw żieda; u billi tal-anqas 30% tal-ikel kollu prodott globalment jinħela f'punti differenti tul il-katina alimentari,
K. billi matul dawn l-aħħar tliet deċennji s-sehem tal-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li tmur għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali naqas drammatikament; billi l-investiment f'sistemi alimentari sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw naqas minħabba bidla fil-prijoritajiet favur produzzjoni orjentata lejn l-esportazzjoni, u dan kompla jdgħajjef il-kapaċitajiet lokali ta' produzzjoni u distribuzzjoni ta' ikel fi kwantitajiet suffiċjenti bi prezzijiet ġusti; billi ħafna mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw mhumiex qed jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom ta’ produzzjoni tal-ikel; billi ostakolu serju għal produzzjoni agrikola akbar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa li l-bdiewa ż-żgħar spiss ma jkollhomx aċċess għal mikrokreditu għal investiment, xi kultant minħabba l-fatt li l-art ma tkunx tagħhom,
L. billi meded kbar ta' art, partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inxtraw minn kumpaniji internazzjonali, spiss mingħjar il-kunsens tas-sidien tal-artijiet; billi din l-art mhux dejjem tintuża għall-produzzjoni tal-ikel, iżda tista' tintuża għall-produzzjoni ta' prodotti bażiċi ddestinati għall-esportazzjoni bħall-injam; billi żviluppi bħal dawn jheddu l-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
Il-ħtieġa li tittejjeb is-sigurtà tal-ikel
1. Jafferma li s-sigurtà globali tal-ikel hija kwistjoni tal-akbar urġenza għall-UE u għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata u kontinwa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE u fil-livell globali; jenfasizza li l-ikel għandu jkun disponibbli għall-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli, filwaqt li fl-istess ħin ikun żgurat livell ta' għajxien ġust għall-bdiewa;
2. Jemmen li d-dritt għall-ikel huwa dritt bażiku u fundamentali tal-bniedem u jinkiseb biss meta kulħadd, f'kull ħin, ikollu aċċess fiżiku u ekonomiku għal ikel xieraq, sikur (fir-rigward tas-saħħa) u nutrittiv biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-preferenzi alimentari tiegħu għal ħajja attiva u mimlija saħħa;
3. Jisħaq fuq il-fatt li settur agrikolu b'saħħtu u sostenibbli fl-UE kollha u ambjent rurali sostenibbli u prosperuż, żgurat minn PAK b'saħħitha, huma komponenti vitali sabiex tingħeleb l-isfida tas-sigurtà tal-ikel; jenfasizza l-importanza tal-PAK bħala l-mezz li jiżgura l-produzzjoni tal-ikel fl-UE;
4. Jiddikjara li l-UE għandha d-dmir li tiżgura s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tagħha u li t-tkomplija tal-attività tal-biedja fl-UE hija importanti ferm f'dan ir-rigward; jiġbed l-attenzjoni rigward id-dħul tal-biedja li qed jonqos fl-UE, minħabba l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u l-volatilità tal-prezijiet, li għandhom impatt negattiv fuq il-ħila tal-bdiewa li jżommu l-produzzjoni; jenfasizza l-ispejjeż li jkollhom iġarrbu l-bdiewa Ewropej biex jissodisfaw l-ogħla standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel, tal-benessri tal-annimali u tax-xogħol fid-dinja; jisħaq fuq il-fatt li l-bdiewa għandhom jiġu kkumpensati għal dawn l-ispejjeż addizzjonali u talli jipprovdu beni pubbliċi lis-soċjetà;
L-isfidi tat-tibdil fil-klima
5. Huwa konxju mill-isfida kbira li jġib it-tibdil fil-klima għall-kisba tas-sigurtà tal-ikel, speċjalment permezz ta' żieda fil-frekwenza u fl-iskala ta' fenomeni klimatiċi, bħan-nixfiet, l-għargħar, in-nirien u l-maltempati, li se jnaqqsu r-redditu tal-produzzjoni agrikola u tar-riżorsi naturali; huwa mħasseb dwar l-azzjonijiet unilaterali li ttieħdu minn pajjiżi jew reġjuni milquta minn fenomeni klimatiċi u r-riperkussjonijiet ta' tali miżuri fuq is-swieq globali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima fl-Istati Membri u tikkunsidra miżuri ulterjuri bil-ħsieb li jsir adattament għal dawn l-isfidi l-ġodda; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u ta' miżuri ta' adattament għalih li jkollhom l-għan li jżidu s-sostenibilità ambjentali u ekonomika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri adegwati ta' prevenzjoni tar-riskju u ta' mmaniġġjar tar-riskju biex jillimitaw il-konsegwenzi negattivi tad-diżastri naturali fuq il-produzzjoni agrikola;
6. Jitlob azzjoni koordinata u kooperazzjoni aħjar rigward it-tibdil fil-klima bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari t-trasferiment tat-teknoloġija u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jenfasizza li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata fil-politiki kollha rilevanti tal-UE, inkluża l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u li t-taħriġ għandu jikkonċentra fuq l-adattament klimatiku u prattiki tajba ta' ġestjoni tal-art, bħall-ġestjoni tal-ħamrija u tal-ilma, bil-għan li jiġi evitat telf ta' art kultivabbli minħabba l-erożjoni tal-ħamrija jew is-salinizzazzjoni, konformement mal-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD);
Għajnuna għall-iżvilupp imtejba
7. Jirrimarka li l-agrikoltura hija setttur ewlieni fil-parti l-kbira tal-pajjiżi li qed jizviluppaw, li jiddependu sew fuq prodotti bażiċi primarji, li huma partikolarment vulnerabbli għal varjazzjonijiet fil-prezzijiet;
8. Jistieden lill-UE tappoġġa l-iżvilupp rurali, iżżid l-investiment fl-agrikoltura u fis-sigurtà tal-ikel, u li tqis b'mod partikolari l-bżonnijiet tal-ikel urġenti, il-biedja fuq skala żgħira u programmi tal-protezzjoni soċjali; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-agrikoltura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tal-allokazzjoni ta' sehem xieraq tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE lis-settur agrikolu; jiddispjaċih li kien hemm tnaqqis kbir ħafna fil-livell ta' għajnuna għall-iżvilupp allokat għall-agrikoltura mis-snin tmenin 'l hawn u jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li din it-tendenza tinbidel;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-agrikoltura f'għajnuna għall-iżvilupp li tkun immirata, effikaċi u mmaniġġjata b'mod trasparenti, inkluża l-għajnuna lill-bdiewa biex ikollhom aċċess għas-swieq; jappella għal żidiet sinifikanti fl-ammont ta' għajnuna għall-iżvilupp allokata għall-agrikoltura u għal investiment fit-taħriġ, f'servizzi ta' divulgazzjoni msaħħa u fir-riċerka deċentralizzata fil-qasam tal-agrikoltura għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li l-bdiewa jkunu mgħammra b'tekniki sostenibbli biex jipproduċu b'mod iktar effikaċi filwaqt li jipproteġu l-ambjent tagħhom biex jiggarantixxu sigurtà alimentari fit-tul, megħjuna minn sostenn pubbliku adegwat, bħal aċċess għas-self, għal mikrokreditu mhux bi skop ta' profitt u għaż-żrieragħ;
10. Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu s-sjieda tal-art bħala għodda għat-tnaqqis tal-faqar u l-garanzija tas-sigurtà tal-ikel, billi jissaħħu d-drittijiet ta' proprjetà u jkun iffaċilitat l-aċċess għall-mikrokreditu mhux bi skop ta' profitt għall-bdiewa, in-negozji żgħar u l-komunitajiet lokali; jenfasizza l-importanza ta' investimenti ġodda fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' bdiewa żgħar, f'teknoloġiji għall-ġestjoni tal-ilma aktar effiċjenti u fl-istabbiliment mill-ġdid tan-nutrijenti tal-ħamrija għal-livelli li kienu fihom qabel;
11. Jindika li huwa neċessarju li jiġu introdotti metodi aħjar ta’ produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi teknoloġiji li ma jiswewx ħafna flus, li tiġi pprovduta riċerka fl-agrikoltura, u li tiżdied il-produttività, biex titjieb is-sostenibilità u jittaffew l-effetti negattivi tan-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel;
12. Jindika li l-għajnuna umanitarja għall-ikel għandha tikkorrispondi għall-bżonnijiet, għall-isfidi u għar-restrizzjonijiet strutturali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; f'dan ir-rigward jenfasizza li huwa importanti li l-għajnuna għall-ikel tikkunsidra l-produzzjoni lokali, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-kapaċitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi, biex b'hekk jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-pedamenti għas-sigurtà tal-ikel fit-tul tagħhom;
Id-dħul tal-produtturi u l-aċċess għall-fatturi tal-produzzjoni
13. Jinnota li fost il-fatturi li jinfluwenzaw l-aktar il-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-prezzijiet u d-differenza bejn il-prezzijiet tal-produtturi u tal-konsumaturi nsibu: żieda fil-konċentrament tul il-katina tal-provvista tal-ikel, il-livell tal-ipproċessar tal-prodotti, żidiet fil-prezzijiet marbutin ma' fatturi ta' spejjeż esterni oħra u spekulazzjoni fil-prodotti agrikoli;
14. Jinnota li l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola qegħdin jogħlew b'rata aktar mgħaġġla mill-prezzijiet tal-prodotti agrikoli; jinsab imħasseb li dan jista' jirriżulta fi tnaqqis tal-produzzjoni tal-azjendi agrikoli, u dan ikompli jaggrava l-kriżi tal-ikel fl-UE u fid-dinja; Jenfasizza li l-konċentrazzjoni fis-settur tal-fatturi tal-produzzjoni għandha effetti devastanti fuq is-sostenibilità tal-biedja, filwaqt li trawwem id-dipendenza fuq għadd limitat ta’ korporazzjonijiet għax-xiri taż-żrieragħ u l-fertilizzanti speċjalizzati; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, fil-kuntest ta' konsolidament akbar, li s-suq tal-fatturi tal-produzzjoni jopera liberament, biex b'hekk jikkontribwixxi għall-provvista tal-ikel;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-livelli ta' dħul baxx tal-azjendi agrikoli fl-UE; jafferma li inqas dħul minħabba spejjeż ta' produzzjoni li qed jogħlew u l-volatilità tal-prezzijiet għandu impatt negattiv fuq l-abilità tal-bdiewa li jżommu l-produzzjoni fl-istess livelli u li konsegwenza ta' dan il-bdiewa ma jibbenefikawx minn żidiet fil-prezzijiet tal-ikel; jemmen bil-qawwa li s-sikurezza alimentari tkun kompromessa jekk dawn il-kwistjonijiet ma jiġux indirizzati b'mod suffiċjenti;
Il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija
16. Ifakkar li s-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel huma marbutin mill-qrib ħafna; jagħraf li l-ispejjeż tal-enerġija huma fattur ewlieni fid-determinazzjoni tal-livell tal-profitabilità tal-agrikoltura, li huwa settur li fil-parti l-kbira tiegħu jiddependi miż-żejt; jinkoraġġixxi miżuri li jkunu ta' inċentiv għall-bdiewa biex isiru aktar effiċjenti fir-rigward tal-enerġija u jiżviluppaw sorsi alternattivi ta' provvista ta' enerġija;
17. Iqis, madankollu, li l-isforzi akbar biex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija rinnovabbli u biex jintlaħqu l-miri tal-2020 iridu jqisu l-impatt fuq il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel; jisħaq fuq il-bilanċ delikat involut biex tingħeleb l-isfida ikel/fjuwil;
Ir-riċerka
18. Jenfasizza l-importanza ta' riċerka ffinanzjata minn fondi pubblici li tgħin biex tippromwovi s-sigurtà tal-ikel; jitlob li jkun hemm investiment fir-riċerka mhux biss f’teknoloġiji ġodda iżda wkoll f’sistemi ta’ biedja komprensivi u sostenibbli li se jservu l-għan tas-sigurtà tal-ikel għal perjodu ta’ żmien twil; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol ta’ pijunier li wieħed jista’ jkollu f’dan il-qasam, pereżempju, permezz ta’ pjattaforma teknoloġika tal-UE għar-riċerka agrikola ekoloġika;
It-trasparenza fis-suq tal-prodotti bażiċi u l-azzjoni kontra l-ispekulazzjoni
19. Jilqa' t-tentattivi attwali biex jiżdied l-għarfien dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi relatati mal-ikel fil-livell internazzjonali (b'mod partikolari l-inizjattiva tal-Presidenza Franċiża tal-G20 u t-tielet Samit ta' Berlin tal-Ministri għall-Agrikoltura); jitlob lill-Kummissjoni tipprova tiċċara aktar il-fatturi kollha li jaffettwaw il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi relatati mal-ikel kemm fuq perjodi qosra kif ukoll fuq perjodi twal ta' żmien, b'mod partikolari rigward kemm l-interazzjoni bejn il-forom kollha ta' spekulazzjoni u l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi agrikoli, kif ukoll il-konnessjoni bejn is-swieq tal-enerġija u l-prezzijiet tal-ikel; iqis li analiżi dettaljata bħal din tal-mekkaniżmi li jitħaddmu fil-formazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel tippermetti aktar lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE biex jieħdu miżuri infurmati u adattati biex jimmitigaw l-effetti tal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-ikel;
20. Jinnota l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta tal-materja prima" u jilqa' l-attenzjoni li sal-lum il-ġurnata ngħatat lill-kwestjoni min-naħa tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi flussi aħjar ta' informazzjoni li jipprovdu data f'waqtha u ta' kwalità dwar l-iżviluppi fis-swieq, filwaqt li titqies il-kwistjoni tad-disturbi tal-istokkijiet; jenfasizza, madankollu, li flussi mtejba ta' informazzjoni waħedhom mhumiex soluzzjoni biex tiġi indirizzata l-volatilità fis-swieq; jemmen li jaf jinħtieġ approċċ aktar b'saħħtu biex jindirizza din il-kwestjoni, b'mod partikolari biex tiżdied it-trasparenza fis-swieq tal-prodotti bażiċi; jenfasizza l-problemi li jiffaċċjaw il-bdiewa fi żminijiet ta' volatilità estrema tas-suq u tal-prezzijiet; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-bdiewa biex jippruvaw jippjanaw minn qabel fi żmenijiet ta' volatilità estrema; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tintroduċi b'urġenza miżuri effikaċi u b'saħħithom biex jindirizzaw il-volatilità fis-swieq agrikoli; jemmen li dan ikun fattur determinanti ewlieni sabiex jiġi żgurat li l-produzzjoni tinżamm fl-istess livelli fl-Unjoni Ewropea;
21. Jenfasizza li mhux possibbli li tittieħed azzjoni effikaċi kontra varjazzjonijiet kbar fil-prezzijiet mingħajr livelli xierqa ta' stokkijiet ta' intervent jew stokkijiet strateġiċi; iqis għalhekk li r-rwol ta' strumenti ta' intervent fis-suq irid ikun parti ewlenija fil-PAK tal-futur;
22. Jitlob iktar trasparenza, informazzjoni ta' kwalità aħjar u l-provvista ta' informazzjoni fil-ħin dwar ir-riżervi u l-istokks tal-prodotti bażiċi relatati mal-ikel, u l-formazzjoni tal-prezzijiet fuq livell internazzjoni, kif mitlub fil-Komunikazzjoni riċenti mill-Kummissjoni "Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima"; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi neċessarji biex tiġġieled l-eċċessi tal-ispekulazzjoni fuq is-swieq tal-prodotti bażiċi; jenfasizza li dawn il-passi għandhom jittieħdu bħala parti mill-isforzi biex jiġu rregolati s-swieq finanzjarji fl-livell dinji u f'dak tal-UE;
23. Iħeġġeġ lill-G20 biex jikkoordina l-ħolqien ta' mekkaniżmi preventivi kontra varjazzjonijiet eċċessivi fil-prezzijiet u biex jaħdem lejn regolamentazzjoni, imfassla speċifikament biex tindirizza l-kriżijiet agrikoli u tal-ikel; jistieden lill-G20 jiżgura l-konverġenza tar-regolamentazzjoni tal-prodotti bażiċi relatati mal-ikel u mal-agrikoltura u jinvolvi pajjiż li mhumiex parti mill-G20; jitlob li s-soluzzjonijiet sabiex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet ikunu koordinati fuq livell internazzjonali; jitlob li l-abbużi u l-manipulazzjonijiet tal-prezzijiet agrikoli jiġu miġġielda fuq livell internazzjonali, peress li dawn iqiegħdu f'riskju s-sigurtà dinjija tal-ikel; jikkundanna l-attivitajiet abbużivi tal-ispekulaturi fir-rigward tal-prodotti bażiċi globali, il-materja prima agrikola u l-enerġija li jenfasizzaw il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel u jaggravaw il-kriżi globali tal-ikel; jenfasizza li mhuwiex aċċettabbli li l-ġuħ ta’ xi wħud jiġi sfruttat għall-qligħ ta' oħrajn, u jitlob għal regolamentazzjoni adegwata u sorveljanza effikaċi fil-livell kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali biex l-ispekulazzjoni tiġi pprevenuta milli tikser id-dritt għall-ikel;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi proposti adegwati fir-rieżamijiet li ġejjin tad-Direttiva dwar l-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq biex tindirizza l-elementi ta' tħassib fis-swieq tal-prodotti bażiċi relatati mal-ikel u mal-agrikoltura;
25. Jappoġġa, f'dan il-kuntest, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-istrument finanzjarji, li għandha tipprovdi kummerċ aktar trasparenti; ifakkar li l-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija u jgħinu l-produzzjoni agrikola tegħleb il-kriżijiet u l-fenomeni klimatiċi, filwaqt li fl-istess ħin l-ispekulazzjoni m'għandhiex titħalla thedded azjendi agrikoli li mingħajrha jkunu effiċjenti;
26. Jenfasizza r-rwol importanti previst attwalment għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) fis-sorveljanza tas-swieq tal-prodotti bażiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar il-possibbiltà li tagħti lill-AETS aktar setgħat biex tipprevjeni l-manipulazzjoni u l-abbużi fis-swieq tal-prodotti bażiċi;
27. Huwa favur azzjoni Ewropea aktar b'saħħitha biex tiġi ttrattata l-problema tal-manipulazzjoni tal-prezzijiet, anke permezz ta' mandat maħruġ għar-regolaturi u għall-korpi ta' sorveljanza biex jillimitaw l-ispekulazzjoni abbużiva; jemmen li d-derivattivi tal-prodotti bażiċi huma differenti minn derivattivi finanzjarji oħrajn; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-trattament ta' derivattivi tal-prodotti bażiċi tal-ikel ikun ristrett kemm jista' jkun għal investituri marbuta direttament mas-swieq agrikoli;
28. Iqis li sistema dinjija mmirata ta' stokkijiet tal-ikel (kemm stokkijiet ta' emerġenza biex inaqqsu l-ġuħ, kif ukoll stokkijiet użati biex jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti bażiċi) tkun ta' benefiċċju billi tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ dinji meta l-prezzijiet jogħlew f'daqqa, b'mod li wieħed jilqa' għall-protezzjoniżmu rikorrenti u jtaffi l-pressjoni fis-swieq dinjija tal-ikel;
Il-kummerċ
29. Jitlob li n-negozjaturi tal-UE jintegraw kwistjonijiet mhux kummerċjali bħala parti min-negozjati tad-WTO, billi b'mod partikolari jippruvaw jiksbu r-rispett ta' standards tal-ikel ekwivalenti għall-ambjent, għall-benessri tal-annimali, għas-sikurezza u għall-kwalità mis-sħab kummerċjali tal-UE; jerġa jafferma l-appoġġ tiegħu għall-ilħuq ta' ftehim ibbilanċjat u f'waqtu fil-livell tad-WTO, bħala element essenzjali biex ikun hemm sigurtà globali tal-ikel; ifakkar f'dan il-kuntest li ostakoli unilaterali mhux raġonevoli għall-kummerċ jikkontribwixxu għan-nuqqas ta' effiċjenza tal-provvista globali tal-ikel; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali u bilaterali jipprovdu lill-bdiewa Ewropej futur sostenibbli u jżommu l-livelli ta' produzzjoni tal-ikel fl-UE, iħarsu l-biedja fuq skala żgħira u jwaqqfu l-aċċess globali għall-ikel milli jitqiegħed f'riskju;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA-PROV(2011)0006.
- [2] Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0302.
- [3] Testi adottati, P7_TA-PROV(2010)0286.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2010)0131.
- [5] Testi adottati, P6_TA(2009)0191.