Proċedura : 2011/2546(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0003/2012

Testi mressqa :

RC-B7-0003/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2012 - 16.2
CRE 18/01/2012 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0002

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 124kDOC 73k
17.1.2012
PE479.440v01-00}
PE479.441v01-00}
PE479.442v01-00}
PE479.448v01-00} RC1
 
B7-0003/2012}
B7-0004/2012}
B7-0005/2012}
B7-0011/2012} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B7‑0003/2012)

S&D (B7‑0004/2012)

Verts/ALE (B7‑0005/2012)

ALDE (B7‑0011/2012)


dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (8-9 ta' Diċembru 2011) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali ((2011/2546(RSP))


Elmar Brok f’isem il-Grupp PPE
Roberto Gualtieri f’isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt f’isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit f’isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (8-9 ta' Diċembru 2011) dwar abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar Unjoni ta' Stabbiltà Fiskali ((2011/2546(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-Żona tal-Euro fis-9 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-“Six Pack” u ż-żewġ proposti tal-Kummissjoni dwar aktar tisħiħ tad-dixxiplina fiskali(1),

–   wara li kkunsidra s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar l-abbozz ta' ftehim internazzjonali dwar unjoni ekonomika msaħħa,

–   wara li kkunsidra s-sottomissjoni li saret f’isem il-Parlament mir-rappreżentanti tiegħu dwar il-grupp ta’ ħidma ad hoc,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jesprimi dubji rigward il-ħtieġa ta’ tali ftehim intergovernattiv, li l-biċċa l-kbira tal-objettivi prinċipali tiegħu jistgħu jintlaħqu aħjar u b'mod aktar effikaċi permezz ta' miżuri skont id-dritt tal-UE, bil-għan li tiġi pprovduta reazzjoni soda, urġenti u sostenibbli għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u l-kriżi soċjali li hemm bħalissa f’ħafna Stati Membri tal-UE; madankollu, jibqa’ lest li jaħdem lejn soluzzjonijiet kostruttivi;

2.  Jafferma l-appoġġ tiegħu għas-sottomissjoni magħmula lill-grupp ta’ ħidma ad hoc mill-Membri maħtura mill-Konferenza tal-Presidenti biex jirrappreżentaw lill-Parlament; jiddispjaċih mill-fatt li sa issa l-abbozz ta’ ftehim internazzjonali tal-10 ta’ Jannar 2012 ma jirriflettix il-proposti tal-Parlament; jinnota l-appoġġ min-naħa ta' ħafna Stati Membri għal xi wħud mill-proposti li għamel il-Parlament fil-laqgħa tat-12 ta' Jannar 2012; se jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ladarba jkun irċieva l-abbozz finali mistenni fit-18 ta’ Jannar 2012;

3.  Jinsab konvint għalkollox li huwa biss permezz tal-użu tal-metodu tal-Komunità li l-Unjoni Monetarja tista’ tevolvi f’unjoni ekonomika u fiskali ġenwina; ifakkar li l-UE hija proġett politiku ibbażat fuq valuri komuni u istituzzjonijiet komuni b’saħħithom u fuq l-osservanza ta’ regoli komuni;

4.  Jinsisti wkoll, b’mod partikolari, li:

–   il-ftehim il-ġdid għandu jagħraf b’mod espliċitu l-primat tad-dritt tal-UE fuq id-dispożizzjoni tiegħu;

–   il-miżuri kollha għall-implimentazzjoni tal-ftehim għandhom jittieħdu skont il-proċeduri relevanti li hemm dispożizzjoni għalihom fit-Trattati tal-UE;

–   il-ftehim irid ikun konformi mat-termini tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċifri li jinsabu fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u jekk Partijiet Kontraenti jixtiequ jimpenjaw ruħhom għal miri li ma jaqblux mad-dritt tal-UE, dan irid isir permezz tal-proċeduri legali applikabbli tal-UE u m’għandhomx jagħtu lok għal standards doppji;

–   l-obbligu demokratiku tal-għoti ta’ rendikont irid jiġi ggarantit billi jiġi msaħħaħ l-involviment kemm tal-Parlament Ewropew u kemm tal-parlamenti nazzjonali, fil-livelli rispettivi tagħhom, fl-aspetti kollha tal-koordinazzjoni u l-governanza ekonomiċi Ewropej;

–   il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew trid isseħħ b’mod li jkun konsistenti mat-Trattati tal-UE, skont it-termini tal-Artikolu 9 tal-Protokoll 1 tat-Trattati;

–   il-ftehim il-ġdid irid ikollu mnaqqax fih, f’sura vinkolanti, impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li s-sustanza tal-ftehim jiġi inkorporat fit-Trattati fi żmien ta' mhux aktar minn ħames snin;

5.  Itenni t-talba tiegħu għal Unjoni kemm ta’ stabbiltà u kemm ta’ tkabbir sostenibbli; jemmen li d-dixxiplina fiskali, għalkemm hija l-bażi għat-tkabbir sostenibbli, weħidha mhijiex se ġġib fis-seħħ l-irkupru u li l-ftehim irid jibgħat messaġġ ċar li l-mexxejja Ewropej se jieħdu azzjoni vigoruża bl-istess qawwa fuq iż-żewġ fronti; jinsisti, għalhekk, li l-ftehim irid jinkludi impenn min-naħa tal-Partijiet Kontraenti lejn miżuri li jippromwovu konverġenza aktar mill-qrib u kompetittività aktar qawwija, flimkien ma' proposti għal fond ta' redenzjoni, bonds ta' proġetti, Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji skont il-liġi tal-UE u, filwaqt li jiżguraw id-dixxiplina fiskali, pjan direzzjonali għal bonds ta’ stabbiltà;

6.  Jenfasizza li l-istess argumenti istituzzjonali, legali u politiċi japplikaw għal ftehimiet multilaterali oħra li jittrattaw il-kriżi finanzjarja, bħalma hu l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew; għalhekk jitlob li jkun involut f’dawk in-negozjati bl-istess mod;

7.  Jirriżerva d-dritt li juża l-istrumenti politiċi u legali kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jiddefendi d-dritt tal-UE u r-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari jekk elementi tal-ftehim finali ma jkunux kompatibbli mat-termini tad-dritt tal-EU;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni li għandha d-dmir li teżerċita għalkollox ir-rwol istituzzjonali tagħha bħala gwardjana tat-Trattati;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, lill-President tal-Kunsill, lill-President tal-Grupp tal-euro, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

 

 

(1)

Regolament dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri COM(2011)819 finali, u Regolament dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, COM(2011)821 finali.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Jannar 2012Avviż legali