Proċedura : 2012/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0017/2012

Testi mressqa :

RC-B7-0017/2012

Dibattiti :

OJ 01/02/2012 - 59

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2012 - 12.8
CRE 02/02/2012 - 12.8

Testi adottati :

P7_TA(2012)0024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 139kDOC 86k
30.1.2012
PE479.455v01-00}
PE479.457v01-00}
PE479.458v01-00}
PE479.459v01-00}
PE479.460v01-00} RC1
 
B7-0017/2012}
B7-0019/2012}
B7-0020/2012}
B7-0041/2012}
B7-0042/2012} RC1

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ALDE (B7‑0017/2012)

S&D (B7‑0019/2012)

ECR (B7‑0020/2012)

Verts/ALE (B7‑0041/2012)

PPE (B7‑0042)


dwar l-Iran u l-programm nukleari tiegħu


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Lena Kolarska-Bobińska, Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Arnaud Danjean, Cristian Dan Preda, Mario Mauro, Michael Gahler, Ria Oomen-Ruijten, Paweł Zalewski, Tunne Kelam, Roberta Angelilli, Laima Liucija Andrikienė, Krzysztof Lisek, Gabriele Albertini, Elena Băsescu f'isem il-Grupp PPE-DE
María Muñiz De Urquiza, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Alexander Alvaro, Charles Goerens, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Geoffrey Van Orden f'isem il-Grupp ECR
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran u l-programm nukleari tiegħu  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Jannar 2011 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tat-22 ta' Jannar 2011, f'isem il-pajjiżi tal-E3+3 wara t-taħdidiet li saru f'Istanbul mal-Iran, fil-21 u t-22 ta' Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Ottubru 2011 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE lis-Segretarju tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, Saeed Jalili,

–   wara li kkunsidra r-rapport tad-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) tat-8 ta' Novembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji NPT u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà for-Repubblika Iżlamika tal-Iran,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA tat-18 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tat-18 ta' Novembru 2011 dwar ir-riżoluzzjoni tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE tad-29 ta' Novembru 2011 dwar l-attakk u s-sakkeġġ tal-Ambaxxata tar-Renju Unit f'Teheran,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Iran tal-14 ta' Novembru 2011, l-1 ta' Diċembru 2011 u t-23 ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-impenn tal-Iran għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), għall-ħtieġa li l-Istati Parti kollha għal dan it-Trattat jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi kollha tagħhom, u għad-dritt tal-Istati Parti, b'konformità mal-Artikoli I u II tat-Trattat, li jiżviluppaw ir-riċerka, il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi mingħajr diskriminazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin lill-Kunsill dwar politika konsistenti fil-konfront ta’ reġimi li kontrihom l-UE tapplika miżuri restrittivi, meta l-mexxejja tagħhom jeżerċitaw l-interessi personali u kummerċjali tagħhom fil-fruntieri tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Iran, bir-ratifika tat-TNP, irrinunzja għall-akkwist ta' armi nukleari u huwa marbut legalment li jiddikjara u jqiegħed l-attività nukleari tiegħu kollha, inkluż il-materjal nukleari, fis-salvagwardja tal-IAEA;

B.  billi l-Iran għad irid jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont kull riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN (UNSC) rilevanti, li l-aktar waħda riċenti fosthom hija r-Riżoluzzjoni 1929 (2010), u r-rekwiżiti kollha tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA, li jindikaw aċċess sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet mill-Aġenzija għas-siti kollha, għat-tagħmir, għan-nies u għad-dokumenti kollha li jippermettu spezzjoni xierqa tal-programm nukleari tal-Iran u jkunu jippermettu lill-IAEA twettaq ir-rwol tagħha bħala l-għassiesa nukleari,

C.  billi r-rapport tal-IAEA ta' Novembru 2011 jesprimi ‘tħassib serju rigward possibbiltà ta’ dimensjonijiet militari għall-programm nukleari tal-Iran’ minħabba li ‘ċerti attivitajiet’ ‘rilevanti għall-iżvilupp ta’ apparat esplożiv nukleari’ ‘jista’ jkun li għadhom għaddejjin’;

D. billi fis-27 ta' Diċembru 2011 il-Viċi President Iranjan, Reza Rahimi, hedded li juża l-forza militari biex jagħlaq l-Istrett ta' Hormuz jekk jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt tal-Iran; billi kien hemm użu addizzjonali tal-forzi navali Ewropej u tal-Istati Uniti biex jiġġieldu kontra din it-theddida u l-istatus militari sar wieħed ta' ‘allarm qawwi’ fir-reġjun kollu;

E.  billi, bi ksur tal-obbligi tiegħu skont it-TNP, l-Iran bena bil-moħbi impjant ta' arrikkiment ġewwa Fordow, viċin Qom, u għarraf lill-IAEA bl-eżistenza tiegħu ħafna wara li kien beda jinbena; billi dan l-approċċ sigriet idgħajjef ulterjorment il-fiduċja fl-assigurazzjonijiet Iranjani dwar in-natura purament ċivili tal-programm nukleari tiegħu;

F.  billi fil-5 ta' Jannar 2012 il-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Ahmet Davutoğlu, bagħat stedina mir-Rappreżentant Għoli tal-UE lill-Iran biex ikompli d-diskussjonijiet nukleari mal-E3+3; billi waqt iż-żjara tal-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Ali Akbar Salehi, stqarr illi l-Iran huwa lest li jkompli d-diskussjonijiet;

G. billi l-Ministri Barranin tal-UE qablu fuq miżuri ristrettivi addizzjonali kontra l-Iran fis-settur tal-enerġija, inkluż embargo gradwali fuq importazzjonijiet taż-żejt mhux maħdum Iranjan lejn l-UE, fis-settur finanzjarju, inkluż kontra l-Bank Ċentrali tal-Iran, u fis-settur tat-trasport kif ukoll restrizzjonijiet oħrajn fuq l-esportazzjonijiet, b'mod partikulari fuq id-deheb u fuq il-prodotti u t-teknoloġija sensittivi b'użu doppju, u t-tismija addizzjonali ta' persuni u entitajiet, inklużi diversi li huma kkontrollati mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC);

H.  billi l-Kunsill tenna mill-ġdid l-impenn li jaħdem għal soluzzjoni diplomatika għall-kwistjoni nukleari Iranjana f'konformità mal-approċċ fuq żewġ binarji;

I.   billi l-Kunsill afferma mill-ġdid li l-objettiv tal-UE jibqa' li tinkiseb soluzzjoni komprensiva u fit-tul li tibni l-fiduċja internazzjonali fin-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari Iranjan, filwaqt li jiġu rrispettati d-dritt leġittimu tal-Iran għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari f'konformità mat-TNP;

1.  Hu jtenni li r-riskji ta' proliferazzjoni b'konnessjoni mal-programmi nukleari Iranjani jiqbgħu sors ta' tħassib serju gaħll-UE u jinsab imħasseb ħafna bid-dikjarazzjoni tar-rapport tal-IAEA li informazzjoni kredibbli ‘tindika li l-Iran wettaq attivitajiet rilevanti għall-iżvilupp ta' apparat nukleari splussiv’;

2.  Jiddeplora bil-kbir l-aċċellerazzjoni tal-attivitajiet ta' arrikkiment min-naħa tal-Iran, bi ksur ta' sitt riżoluzzjonijiet tal-KSNU u ħdax-il riżoluzzjoni tal-Bord tal-IAEA, kif juri l-bidu reċenti tal-operazzjonijiet ta' arrikkiment tal-uranju għal livell li jitla' sa 20% fil-faċilità taħt l-art ġewwa Fordow, qrib Qom;

3.  Jistieden mill-ġdid lill-Iran iwaqqaf l-iżvilupp tiegħu tat-teknoloġija ta' arrikkiment, li tmur ferm lil hinn mill-ħtieġa sabiex jiġu żgurati provvisti tal-fjuwil sikuri għal skopijiet ċivili, b'nuqqas ta' kunsiderazzjoni għat-tħassib internazzjonali dwar intenzjonijiet militari klandestini;

4.  Jappoġġa l-miżuri restrittivi addizzjonali adottati mill-Kunsill kontra l-Iran fis-setturi tal-enerġija u dawk finanzjarji, kif ukoll is-sanzjonijiet addizzjonali kontra persuni u entitajiet, inklużi diversi kkontrollati mill-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC); jirrikonoxxi li sanzjonijiet u miżuri diplomatiċi jistgħu jkunu ta' għajnuna sabiex il-Gvern Iranjan jaċċetta u jirrispetta r-riżoluzzjonijiet tan-NU biex b'hekk tiġi evitata l-eventwalità ta' intervent militari; jinnota li s-sanzjonijiet mhumiex għan fihom infushom u li s'issa s-sanzjonijiet tal-UE kontra l-Iran għadhom ma laħqux il-miri msemmija;

5.  Jinnota li se jkun hemm embargo mifrux fuq l-esportazzjonijiet taż-żejt mhux raffinat Iranjan lejn l-UE u kuntratti diġà konklużi għadhom jistgħu jiġu estiżi sal-1 ta' Lulju 2012; jistieden lill-Kunsill jiddeċiedi dwar miżuri meħtieġa biex ipattu għall-impatt tal-embargo fuq l-Istati Membri differenti tal-UE;

6.  Jitlob li s-sanzjonijiet jew miżuri restrittivi għandhom ikunu proporzjonati u mmirati lejn l-objettiv mixtieq, bil-għan li jinfluwenzaw biss il-klassijiet privileġġati responsabbli tar-reġimi repressivi jew kriminali u l-atturi mhux statali responsabbli tal-istati falluti u biex jitnaqqas, kemm jista' jkun, l-impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet ċivili, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli;

7.  Jappoġġa l-impenn tal-Kunsill li jaħdem għal soluzzjoni diplomatika fil-kwistjoni nukleari Iranjana skont l-approċċ fuq żewġ binarji u l-objettiv tal-UE li tikseb soluzzjoni komprensiva u fit-tul; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jwieġbu b'mod pożittiv għall-offerta għal negozjati sostanzjali, kif stabbilit fl-ittra tar-Rappreżetant Għoli tal-UE tal-21 ta' Ottubru 2011, billi juru b'mod ċar li huma lesti jimpenjaw ruħhom f'miżuri li jibnu l-fiduċja u, mingħajr prekondizzjonijiet, f'diskussjonijiet bis-sens sabiex jiġi indirizzat it-tħassib eżistenti dwar il-kwistjoni nukleari;

8.  Jerġa' jistieden lill-awtoritajiet Iranjani jissodisfaw l-obbligi tal-Iran skont l-NPT; iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern Iranjani jirratifikaw u jimplimentaw il-Protokoll Addizzjonali u jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta' Salvagwardja;

9.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Iran biex jikkoopera bis-sħiħ mal-IAEA dwar il-kwistjonijiet pendenti kollha, b'mod partikolari dawk li qegħdin jagħtu lok għat-tħassib dwar id-dimensjonijiet militari possibbli tal-programm nukleari Iranjan, inkluż l-għoti mingħajr dewmien ta' aċċess għas-siti kollha, it-tagħmir, il-persuni u d-dokumenti rikjesti mill-IAEA, u biex ma joġġezzjonax għall-ħatra tal-ispetturi; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-IAEA jkollha r-riżorsi neċessarji kollha u l-awtorità għat-twettiq ta' xogħolha ġewwa l-Iran;

10. Jappoġġa l-isforzi tal-IAEA għall-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-programm nukleari tal-Iran sabiex tipprovdi lill-komunità internazzjonali b'deskrizzjoni preċiża tas-sitwazzjoni;

11. Jirrikonoxxi li d-djalogu u l-kooperazzjoni mat-Turkija jista' jkollhom rwol importanti fir-rigward tas-sejba ta' soluzzjoni;

12. Jikkundanna bil-qawwa t-theddida Iranjana ta' għeluq tal-Istrett ta' Hormuz; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani ma jimblukkawx l-Istrett ta' Hormuz; jemmen li tali att jista' jwassal għal kunflitt reġjonali u joħloq ritaljazzjoni mill-komunità internazzjonali;

13. Jiddispjaċih dwar ir-rifjut kontinwu taċ-Ċina u r-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jappoġġaw is-sanzjonijiet kontra l-Iran; jistieden lir-Russja twaqqaf l-għajnuna għall-iżvilupp nukleari tal-Iran sakemm l-Iran ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU;

14. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq l-ambaxxata tar-Renju Unit f'Teheran fid-29 ta' Novembru 2011; jistieden lill-Gvern Iranjan jissodisfa l-obbligi internazzjonali tiegħu, inkluża l-Konvenzjoni ta' Vjenna, biex jipproteġi d-diplomati u l-ambaxxati;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

 

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Frar 2012Avviż legali