José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Mario Mauro, Mário David, Andrzej Grzyb, Ria Oomen-Ruijten, Hans-Gert Pöttering, Laima Liucija Andrikienė, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Roberta Angelilli, Nadezhda Neynsky, Tokia Saïfi, Michael Gahler, Lena Kolarska-Bobińska, Monica Luisa Macovei, Simon Busuttil, Elena Băsescu, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Peter Šťastný, Marco Scurria, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska
f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Libor Rouček, Pino Arlacchi, Emine Bozkurt, Harlem Désir, Saïd El Khadraoui, Ana Gomes, Roberto Gualtieri, Richard Howitt, María Muñiz De Urquiza, Raimon Obiols, Vincent Peillon, Carmen Romero López, Kristian Vigenin, Boris Zala
f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Louis Michel, Ramon Tremosa i Balcells, Edward McMillan-Scott, Marielle De Sarnez, Graham Watson, Kristiina Ojuland, Izaskun Bilbao Barandica, Sonia Alfano, Antonyia Parvanova, Jelko Kacin
f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Hélène Flautre, Raül Romeva i Rueda, Malika Benarab-Attou, Frieda Brepoels
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tal-10 ta' Ottubru, l-14 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2011 u tat-23 ta' Jannar 2012, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru u tad-9 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-Sirja tat-8 ta' Ottubru, tat-3 u t-28 ta' Novembru u tat-2 ta' Diċembru 2011, kif ukoll tal-1 u tal-4 ta' Frar 2012,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK(1), kif ukoll id-deċiżjoni tiegħu wara l-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 biex jissaħħu l-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011(2),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Lega Għarbija dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja tas-27 ta' Awwissu, tas-16 ta' Ottubru u tat-12, is-16 u l-24 ta' Novembru 2011, u tat-22 ta' Jannar u t-12 ta' Frar 2012, il-Pjan ta' Azzjoni tagħha tat-2 ta' Novembru 2011, u s-sanzjonijiet tagħha kontra s-Sirja adottati fis-27 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) tat-3 ta' Awwissu 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana, tat-22 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, tat-23 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana, tat-2 ta' Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi sa mill-bidu tat-trażżin vjolenti tad-dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, il-qtil sistematiku, il-vjolenza u t-tortura komplew jeskalaw b'mod drammatiku u l-armata u l-forzi tas-sigurtà Sirjani komplew bir-rispons tagħhom ta' qtil immirat, tortura u arresti tal-massa; billi l-bliet u l-irħula madwar is-Sirja qed jinżammu taħt assedju u qed jiġu bbumbardjati minn forzi mmexxija mill-Gvern; billi l-aċċess għall-ikel u l-provvisti mediċi kien estremament diffiċli; billi s-sitwazzjoni umanitarja ta' ħafna Sirjani qiegħda tiddeterjora b'riżultat tal-vjolenzi u tal-ispustamenti;
B. billi n-NU tistma li l-għadd ta' persuni li mietu fis-Sirja qabeż il-5 400 ruħ matul il-ħdax-il xahar ta' rewwixti, għalkemm huwa diffiċli ħafna li jinkisbu ċifri aġġornati għaliex ċerti żoni, bħal partijiet minn Homs, huma maqtugħin kompletament; billi eluf ta' persuni ndarbu, tal-anqas 69 000 ġew detenuti, li minnhom madwar 32 000 sussegwentement inħelsu, u madwar 12 400 ħarbu lejn pajjiżi ġirien; billi l-Fond tan-NU għat-Tfal jirrapporta li mijiet ta' tfal inqatlu u mijiet oħra ġew arbitrarjament arrestati u ttorturati u abbużati sesswalment waqt li kienu detenuti;
C. billi r-residenti fil-belt assedjata ta' Homs huma taħt bumbardament kontinwu massiv u jibżgħu li r-reġim qed iħejji biex iwettaq attakk finali letali mill-art; billi fit-12 ta' Frar 2012 il-midja Għarbija rrappurtat li l-artillerija u t-tankijiet Sirjani kienu qed jibbumbardjaw b'mod qawwi lill-belt ta' Hama, flimkien mal-attakk kontinwu fuq Homs; billi, fl-istess ħin, l-awtoritajiet Sirjani jinsistu li qed jikkonfrontaw "gruppi terroristiċi" u se jibqgħu jagħmlu dan sakemm terġa' tiġi stabbilita "l-ordni";
D. billi l-wegħdiet numerużi rigward riformi u amnestiji mill-President Bashar al-Assad qatt ma twettqu u r-reġim tilef il-kredibbiltà u l-leġittimità kollha, u dan wassal għal talbiet mifruxa mill-komunità internazzjonali biex il-President jirreżenja;
E. billi ġurnalist Franċiż inqatel u ġurnalist Olandiż indarab huma u jwettqu r-rwol vitali li jipprovdu informazzjoni indipenedenti dwar l-avvenimenti fis-Sirja; billi l-awtoritajiet Sirjani qed jiċħdu aċċess ulterjuri għall-pajjiż lil ġurnalisti internazzjonali; billi rapporti minn rifuġjati Sirjani, rapporti ta' ċittadini minn ġos-Sirja u immaġni mtella' fuq il-mowbajls permezz ta' konnessjonijiet bis-satellita 'standalone' għadhom is-sors ewlieni ta' informazzjoni li toħroġ mill-pajjiż;
F. billi l-Lega Għarbija ddeċidiet titlob l-appoġġ tal-KSNU għal soluzzjoni politika fis-Sirja; billi fl-4 ta' Frar 2012 il-Federazzjoni Russa u ċ-Ċina użaw il-veto kontra riżoluzzjoni tal-KSNU li appoġġjat it-talba tal-Lega Għarbija għal proċess politiku inklużiv u paċifiku mmexxi mis-Sirja; billi fit-28 ta' Jannar 2012 il-missjoni ta' monitoraġġ tal-Lega Għarbija fis-Sirja ġiet sospiża minħabba li s-sitwazzjoni ddeterjorat b'mod kritiku;
G. billi fit-18 ta' Jannar 2012 daħlu fis-seħħ miżuri restrittivi addizzjonali tal-UE kontra r-reġim Sirjan, inklużi projbizzjoni tal-esportazzjoni ta' tagħmir ta' monitoraġġ tat-telekomunikazzjonijiet biex jintuża mir-reġim Sirjan, projbizzjoni tal-parteċipazzjoni f'ċerti proġetti infrastrutturali u tal-investiment f'tali proġetti, u restrizzjonijiet addizzjonali fuq it-trasferiment ta' fondi u l-għoti ta' servizzi finanzjarji;
H. billi fit-23 ta' Jannar 2012 il-lista ta' persuni, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi tal-UE ġiet estiża biż-żieda ta' 22 persuna responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ta' tmien entitajiet li jappoġġjaw ir-reġim finanzjarjament;
I. billi b'reazzjoni għall-vjolenza li qed tiżdied u l-preokkupazzjonijiet serji dwar is-sigurtà , l-Istati Uniti għalqet l-ambaxxata tagħha fis-Srija; billi Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Belġju sejħu lura l-ambaxxaturi tagħhom; billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u t-Tuneżija sejħu lura l-ambaxxaturi tagħhom u ddeċidew li jkeċċu lill-ambaxxaturi Sirjani mill-kapitali tagħhom;
J. billi għexieren ta’ eluf ta’ rifuġjati Sirjani fittxew kenn fit-Turkija sa minn Marzu 2011; billi t-Turkija qed ikollha rwol dejjem aktar importanti internazzjonalment fl-oppożizzjoni tal-vjolenza fis-Sirja;
K. billi s-sitwazzjoni terribbli fis-Sirja diġà qed ikollha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni fil-Libanu, u hemm il-biża' ta' konsegwenzi mifruxa imminenti fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, u għalhekk se jkollha riperkussjonijiet fir-reġjun kollu, b'konsegwenzi u implikazzjonijiet imprevedibbli;
L. billi r-Russja qed tkompli tbigħ l-armi u materjal militari ieħor lir-reġim Sirjan u għandha bażi navali fis-Sirja; billi l-UE għandha embargo fis-seħħ fuq tagħmir militari għas-Sirja u billi bastiment Russu ġie interċettat f'Ċipru u mbagħad skont l-awtoritajiet Ċiprijotti baqa' sejjer lejn is-Sirja bil-qerq; billi ċ-ċirkustanzi ta' dan l-inċident qatt ma ġew iċċarati uffiċjalment u pubblikament mill-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli;
M. billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem talab li s-Sirja tittella' quddiem il-QKI minħabba allegazzjonijiet ta' delitti kontra l-umanità wara s-Sessjoni Speċjali ta' Diċembru tal-UNHRC dwar is-Sirja abbażi tar-riżultati tar-rapport tal-Kumitat Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU, filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tan-NU ddikjara fil-15 ta' Jannar 2012 li t-triq tar-repressjoni ma twassal imkien;
1. Jiddeplora l-fatt li r-Russja u ċ-Ċina użaw il-veto tagħhom fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jimblukkaw l-abbozz ta' riżoluzzjoni dwar is-Sirja, u għalhekk ivvutaw kontra l-proposta ta' tranżizzjoni paċifika mil-Lega Għarbija, u dan tqies mir-reġim ta' Assad bħala approvazzjoni biex iħarrex il-mezzi ta' repressjoni, bl-użu ta' armi tqal u ta' forza indiskriminata kontra persuni ċivili mhux armati; itenni l-appell tiegħu lill-membri tal-KSNU, partikolarment ir-Russja u ċ-Ċina, biex iġorru r-responsabbiltajiet tagħhom li jiggarantixxu li r-repressjoni vjolenta tal-poplu Sirjan tieqaf minnufih; ikompli jsostni l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha f'dan il-qasam;
2. Jistieden lill-VP/lir-RGħ tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-KSNU, billi taħdem kemm mar-Russja kif ukoll maċ-Ċina;
3. Jistieden lir-Russja, l-akbar fornitriċi barranija ta' armi tal-Gvern Sirjan, twaqqaf minnufih il-konsenji ta' armi lis-Sirja, u jistieden lill-UE tfassal lista sewda ta' kumpaniji li jfornu l-armi lis-Sirja; jistieden lill-atturi kollha tal-UE, f'dan il-kuntest, biex jirrispettaw bis-sħiħ il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi, li għandu l-għan li jipprevjeni l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna jew jikkontribwixxi għall-instabbiltà reġjonali;
4. Jikkundanna għal darb'oħra bl-aktar mod qawwi r-repressjoni brutali mir-reġim Sirjan tal-popolazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fil-belt ta' Homs; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-kobor tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-awtoritajiet Sirjani, fosthom l-arresti tal-massa, l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, id-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat, it-torturi u l-maltrattamenti tad-detenuti, inklużi t-tfal; jenfasizza li l-għajnuna medika ma tistax tiġi rrifjutata lil min indarab waqt l-attakki vjolenti;
5. Jinsab inkwetat bil-fatt li, skont l-appell tal-UNICEF tas-7 ta' Frar 2012 u r-rapport tat-23 ta' Novembru 2011 tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, kważi 400 tifel u tifla mietu mill-bidu tal-vjolenza fis-Sirja f'Marzu 2011 u kważi 380 – li wħud minnhom għandhom anqas minn 14-il sena – ġew arbitrarjament arrestati u sofrew tortura u vjolenza sesswali matul id-detenzjoni; jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-drittijiet tat-tfal, imwettqa mill-forzi militari u ta' sigurtà Sirjani u jistieden lill-Gvern Sirjan iwaqqaf kull ksur tad-drittijiet tat-tfal u tal-bniedem;
6. Jibgħat il-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Sirjan u jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tiegħu biex jiżgura r-rispett sħiħ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u l-garanzija ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar;
7. Itenni l-appell tiegħu lill-President Bashar al-Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw immedjatament, biex tkun tista' sseħħ tranżizzjoni paċifika u demokratika fis-Sirja;
8. Iħeġġeġ lir-reġim ta' Assad iwaqqaf il-vjolenza kontra l-poplu Sirjan, jirtira t-truppi u t-tankijiet mill-bliet, u jeħles id-dimostranti detenuti, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers u l-ġurnalisti kollha, u jagħti aċċess sħiħ għall-pajjiż lill-organizzazzjonijiet internazzjonali umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll lill-midja internazzjonali;
9. Itenni t-talba tiegħu li jsiru investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti minnufih tal-każijiet ta’ ksur mifrux u sistematiku gravi tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Sirjani u mill-forzi militari u tas-sigurtà, bil-għan li jiżguraw li dawk responsabbli ta’ dawn l-atti, li jistgħu jitqiesu delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli mill-komunità internazzjonali; huwa tal-fehma li mekkaniżmi ċari għall-obbligu li jingħata rendikont għandhom ikunu parti ewlenija mill-isforzi tal-KSNU biex tintemm il-kriżi Sirjana, filwaqt li jappoġġja għal darb'oħra t-talba tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex is-Sirja tittella' quddiem il-QKI;
10. Ifakkar fis-sostenn tiegħu għall-isforzi tal-Lega Għarbija intiżi li jwaqqfu l-vjolenza u jippromwovu soluzzjoni politika fis-Sirja; jilqa' d-deċiżjoni tal-Lega Għarbija biex tiżdied il-kooperazzjoni man-NU; jinnota d-deċiżjoni tal-Lega Għarbija li tissospendi l-missjoni ta' osservazzjoni tagħha fis-Sirja bħala reazzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet żiedu l-attakki vjolenti;
11. Jilqa' l-appoġġ tal-VP/tar-RGħ biex jitwaqqaf grupp ta' kuntatt ta' pajjiżi bl-isem 'Friends of the Syrian People' għall-bidla demokratika fis-Sirja, inklużi t-Turkija u membri tal-Lega Għarbija; jilqa' l-istqarrija tal-VP/tar-RGħ li se tieħu sehem fl-ewwel laqgħa ta' dan il-grupp ta' kuntatt fit-Tuneżija fl-24 ta' Frar 2012;
12. Jistieden lill-Kunsill jieħu deċiżjoni konġunta biex jissejħu lura l-ambaxxaturi kollha mis-Sirja u biex jiġu ffriżati l-kuntatti diplomatiċi mal-ambaxxaturi Sirjani fl-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-VP/lir-RGħ ssaħħaħ id-Delegazzjoni tal-UE f'Damasku b'kapaċità umanitarja, u li tagħmel l-istess ħaġa kull fejn huwa meħtieġ;
13. Jilqa' l-impenn tal-UE li tkompli tagħfas għal iktar pressjoni internazzjonali fuq ir-reġim Sirjan; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri restrittivi kontra r-reġim Sirjan, u jappella għal sanzjonijiet immirati oħra;
14. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2012 li tingħata għajnuna umanitarja [EUR 3 miljuni] biex tittaffa t-tbatija kemm fis-Sirja kif ukoll fil-pajjiżi ġirien;
15. Jilqa' u jinkoraġġixxi l-isforzi li għaddejjin bħalissa min-naħa tal-oppożizzjoni Sirjana favur l-għaqda kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż, biex tkompli timpenja ruħha mal-komunità internazzjonali, partikolarment il-Lega Għarbija u biex taħdem fuq viżjoni kondiviża għall-futur tas-Sirja u t-tranżizzjoni lejn sistema demokratika; iħeġġeġ lill-UE żżid l-appoġġ politiku, tekniku, umanitarju u fir-rigward tal-komunikazzjonijiet għall-oppożizzjoni;
16. Jitlob li jkun hemm tranżizzjoni paċifika u ġenwina lejn id-demokrazija li tissodisfa t-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan u li tkun imsejsa fuq djalogu inklużiv li jinvolvi l-forzi demokratiċi u l-komponenti kollha tas-soċjetà Sirjana bl-għan li jitnieda proċess ta' riforma demokratika profonda li tqis il-ħtieġa li tkun żgurata r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u għalhekk huwa impenjat li jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi; jistieden lill-UE tappoġġja t-tentattivi kollha tal-oppożizzjoni Sirjana biex tgħaqqad u tistabbilixxi aġenda ċara għal Sirja demokratika;
17. Huwa preokkupat ferm li l-intimidazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Sirjani jista’ jkun li qed tinfirex għal attivisti tal-oppożizzjoni fl-eżilju;
18. Jilqa' l-appoġġ qawwi min-naħa tat-Turkija għall-popolazzjoni Sirjana, fost affarijiet oħra billi qed taċċetta r-rifuġjati mill-fruntieri Sirjani-Torok u billi qed tippermetti lill-oppożizzjoni Sirjana torganizza ruħha; iħeġġeġ lill-VP/lir-RGħ tagħmel kull sforz biex tibda taħditiet mat-Turkija, il-Lega Għarbija u l-oppożizzjoni Sirjana dwar l-arranġamenti għall-istabbiliment ta' kurituri umanitarji fil-fruntieri bejn is-Sirja u t-Turkija;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.