Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0393/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0393/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari l-każ ta' Andrzej Poczobut

4.7.2012 - (2012/2702(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0393/2012)
Verts/ALE (B7‑0394/2012)
ALDE (B7‑0402/2012)
S&D (B7‑0403/2012)
ECR (B7‑0405/2012)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Filip Kaczmarek, Jacek Protasiewicz, Krzysztof Lisek, Mario Mauro, Bernd Posselt, Daniel Caspary, Roberta Angelilli, Tunne Kelam, Monica Luisa Macovei, Elena Băsescu, Eija-Riitta Korhola, Sari Essayah, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Laima Liucija Andrikienė, Paweł Zalewski, Lena Kolarska-Bobińska, Zuzana Roithová, Anna Záborská, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Eduard Kukan, Giovanni La Via, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Libor Rouček, Justas Vincas Paleckis, Kristian Vigenin, Marek Siwiec, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Liisa Jaakonsaari, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Leonidas Donskis, Graham Watson, Robert Rochefort, Marielle de Sarnez, Sonia Alfano, Izaskun Bilbao Barandica, Jelko Kacin, Sarah Ludford, Edward McMillan-Scott, Kristiina Ojuland, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Gerben-Jan Gerbrandy f'isem il-Grupp ALDE
Elisabeth Schroedter, Werner Schulz, Barbara Lochbihler, Raül Romeva i Rueda, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Marek Henryk Migalski, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Michał Tomasz Kamiński, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR
Jaroslav Paška

Proċedura : 2012/2702(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0393/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0393/2012
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari l-każ ta' Andrzej Poczobut

(2012/2702(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari dawk tad-29 ta’ Marzu 2012[1], tal-14 ta’ Frar 2012[2], tal-15 ta’ Settembru 2011[3], tat-12 ta’ Mejju 2011[4], tal-10 ta’ Marzu 2011[5], tal-20 ta’ Jannar 2011[6], tal-10 ta’ Marzu 2010[7] u tas-17 ta’ Diċembru 2009[8],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton tal-28 ta' Lulju 2012 dwar is-sentenzi fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tas-26 ta’ Ġunju 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-każ ta’ Andrzej Poczobut,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tat-22 ta’ Ġunju 2012 mir-rappreżentant tal-OSKE għal-libertà tal-midja, Dunja Mijatovic, dwar l-arrest tal-ġurnalist Pollakk-Bjelarussu Andrzej Poczobut;

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub Nru 523 tas-26 ta’ Ġunju 2012 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li tablet għall-ħelsien tal-ġurnalist Pollakk Bjelorussu Andrzej Poczobut mill-ħabs fil-Bjelorussja;

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012 li jesprimu t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/126/PESK tat-28 ta’ Frar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja[9],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnedija ta' djalogu Ewropew ta' modernizzazzjoni mas-soċjetà tal-Bjelorussja (it-3157 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2012),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 354/2012 tat-23 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja;

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta’ Frar 2012 tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar id-deċiżjoni tagħha u dik tal-Gvern Pollakk li jsejħu lura lill-kap tad-delegazzjoni għall-UE f’Minsk u lill-ambaxxatur Pollakk għall-Bjelorussja rispettivament,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/36/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 1857(2012) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, li tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa ta' membri tal-oppożizzjoni u l-fastidju fil-konfront ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, midja indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ April 2012 u r-Riżoluzzjoni Nru 17/24 tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant adottata fi Praga fis-7-9 ta' Mejju 2009 u d-Dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja adottata fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Grupp Visegrad, l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja fi Praga fil-5 ta’ Marzu 2012;

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Pjattaforma Nazzjonali Bjelorussa tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant f’Minsk, fit-2 ta' Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bjelorussja adotatti fit-3101 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta' Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta’ April 2011 mill-kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar ir-repressjoni tal-midja indipendenti fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Diċembru 1988,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-21 ta' Ġunju 2012 Andrzej Poczobut, il-korrispondent tal-gazzetta ta' kuljum Pollakka ‘Gazeta Wyborcza’ u anki attivist prominenti tal-minoranza Pollakka-Bjelorussa kif ukoll president tal-Kunsill tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, ġie arrestat fil-belt ta Grodno, Bjelorussja;

B.  billi l-appartament tas-Sur Poczobut fi Grodno safa mfittex mill-uffiċċju tal-prosekutur u l-affarijiet tiegħu ġew konfiskati; billi persunal tal-infurzar sussegwentement wettqu tfittxija fl-uffiċċju ta’ Grodno tal-Unjoni tal-Pollakki, li tiegħu s-Sur Poczobut huwa detentur tal-kera uffiċjali, u kkonfiskaw tagħmir tal-kompjuter;

C. billi s-Sur Poczobut ġie akkużat fuq il-bażi tal-hekk imsejjaħ libell kontra l-President Alyaksandr Lukashenka, skont l-Artikolu 367 tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Bjelorussja, minħabba tnax-il artiklu ppublikati fil-websajts "Charter 97" u "Belarusian Partisan", fost suġġetti oħrajn, dwar il-kawża tal-ibbumbardjar taħt l-art;

D. billi s-Sur Poczobut diġà qatta’ tliet xhur fil-ħabs fil-passat u għandu sentenza sospiża ta’ ħabs ta' tliet snin imposta fuqu għall-istess akkuża talli allegatament insulta l-President f’artiklu ppubblikat fil-"Gazeta Wyborcza" u fuq websajt Bjelorussa; billi qed jaffaċċja r-restrizzjoni jew il-privazzjoni tal-libertà tiegħu għal massimu ta’ seba’ snin u disa’ xhur, inkluża s-sentenza sospiża;

E.  billi fit-30 ta’ Ġunju 2012 is-Sur Poczobut ġie rilaxxat b'libertà kondizzjonata, wara li ffirma li ma kienx se joħroġ mir-residenza tiegħu;

F.  billi fil-5 ta' Lulju 2011, il-qorti ta’ Leninski fi Grodna tat sentenza ta’ innoċenza għall-kawża tas-Sur Poczobut, skont il-Parti 1, Artikolu 368 tal-Kodiċi Kriminali, marbuta mal-akkuża ta’ insultar fil-konfront tal-President iżda sabitu ħati, skont Parti 1, Artikolu 367 tal-istess Kodiċi, li wettaq diffammazzjoni fir-rigward tal-President;

G. billi l-aħħar arrest tas-Sur Poczobut fil-21 ta’ Ġunju 2012 ħabat ma' protesta paċifika, organizzata mill-Unjoni tal-Pollakki taħt it-tmexxija tiegħu, kontra l-introduzzjoni sfurzata ta' Russi fi skola Pollakka fi Grodno mir-reġim ta’ Lukashenka, f’liema prostesta ġew arrestati madwar 20 persuna;

H. billi l-Liġi tal-Midja tal-Bjelorussja, li daħlet fis-seħħ fl-2008, hi fin-natura tagħha restrittiva, peress li l-attivitajiet ġurnalistiċi huma kkontrollati minn miżuri varji, bħaċ-ċensura tat-televiżjoni u tar-radju, is-sorveljanza ta' attivitajiet ta' ġurnalisti indipendenti, u l-kontroll fuq l-istamperiji;

I.    billi skont l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt li jkollu l-opinjonijiet tiegħu mingħajr indħil kif ukoll id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, filwaqt li l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni tal-Bjelorussja jiggarantixxi l-libertà ta’ espressjoni; billi l-osservaturi u l-ġurnalisti indipendenti u internazzjonali b’mod konsistenti ddenunzjaw ir-restrizzjonjiet tal-gvern dwar il-libertà ta' espressjoni u tal-midja;

J.   billi, wara l-arrest tas-Sur Poczobut f’April 2011, Amnesty International irrikonoxxietu bħala priġunier tal-kuxjenza;

K. billi l-każ tas-Sur Poczobut huwa parti minn tfassila aktar wiesgħa ta' fastidju, li għadu għaddej u li jmur lura ż-żmien, lis-soċjetà ċivili, lill-minoranza Pollakka u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, wara l-elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2010, li wassal għal deterjorament drammatiku fid-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili u politiċi fil-Bjelorussja,

L.  billi hemm rapporti kostanti ta' fastidju sistematiku tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja; billi kien hemm aktar każijiet riċenti ta' arrest, inkluż ta' personalitajiet, bħall-attivisti tal-oppożizzjoni demokratika, Alyaksandr Artsybashaw Paval Vinahradaw u Siarhei Kavalenka, kif ukoll id-detenzjoni tal-ġurnalisti Aliaksandr Barazenka, Siarhei Balai, Alina Radachynskaya u Ina Studzinskay u attivisti tal-organizzazzjoni 'Tell the Truth" Hanna Kurlovich, Mikhail Pashkevich, Aliaksandr Ulitsionak u Siarhei Vazniak;

M. billi Ales Bialiatski, President ta’ Viasna u Viċi-President tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH), impriġunat fil-kolonja penali tal-belt ta' Bobruiks, reċentement ġie soġġett għal miżuri ġodda restrittivi u illegali kif ukoll pressjoni mill-amministrazzjoni penali bl-intenzjoni ċara li jġiegħluh jirrikonoxxi l-hekk imsejħa ħtija tiegħu;

N. billi fl-24 ta’ Mejju 2012 Aleh Volchek, l-ex kap ta' ‘Legal Aid to the Population’, organizzazzjoni li pprovdiet assistenza legali sakemm sfat likwidata fl-2003, ġie arrestat minn uffiċjali tal-pulizija pajżana li akkużawh li kien qed ‘jitkellem ħażin fil-pubbliku’; billi fl-istess ġurnata ġie sentenzjat għal disat ijiem ta’ detenzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 17.1 tal-Kodiċi ta’ Reati Amministrattivi (‘tkellem ħażin lill-pulizija’); billi s-Sur Volchek f'Jannar 2012 kien safa kkundannat, għal erbat ijiem detenzjoni amministrattiva talli allegatament użu lingwaġġ vulgari fit-triq; billi ismu tqiegħed fuq il-lista ta’ dawk li ma jistgħux jitilqu mill-Bjelorussja;

O. billi sa mill-bidu ta’ Marzu 2012 ħmistax-il politiku tal-oppożizzjoni, ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew imċaħħda d-dritt tagħhom li jħallu l-pajjiż bl-użu ta’ skużi differenti, fil-waqt li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja kienu allegatament qed jikkunsidraw ifasslu lista ta' 108 attivist tad-drittijiet tal-bniedem u tal-oppożizzjoni bil-għan li jwaqfuhom milli jħallu l-pajjiż;

P.  billi fl-14 ta' Ġunju 2012, il-Parlament tal-Bjelorussja adotta għadd ta' emendi li jikkonċernaw il-liġi tal-korpi tas-sigurtà statali, bl-għoti ta' setgħat wesgħin lill-KGB tal-Bjelorussja, inkluż l-użu liberu ta’ miżuri ta’ koerċizzjoni; billi skont il-liġi l-ġdida, il-KGB awtorizzat jidħol liberament fi proprjetà privata u jarresta, mingħajr restrizzjonijiet, ċittadini tal-Bjelorussja u diplomatiċi u rappreżentanti ta' istituzzjonijiet internazzjonali;

Q. billi matul l-2011 tal-anqas 95 ġurnalist ġew arrestati matul azzjonijiet ta' 'protesta siekta', u 22 ġurnalist tressqu l-qorti u 13 sfaw ikkundannati għal sentenzi varji ta’ arrest amministrattiv; billi lejn tmiem l-2011 l-awtoritajiet issikkaw aktar il-kontroll fuq l-internet permezz, inter alia ta’ miżuri addizzjonali li jirregolaw l-internet;

R.   billi hemm il-biża’ li t-tentattivi tal-awtoritajiet tal-Bjelorussja li jressqu kawżi kriminali kontra attivisti tal-oppożizzjoni saru skuża biex iwaqqfuhom milli joħorġu barra mill-pajjiż u jkollhom interazzjoni man-Nazzjonijiet uniti u mekkaniżmi oħra;

1.  Jikkundanna bil-qawwi l-arrest reċenti u l-allegazzjonijiet kontra, Andrzej Poczobut, ġurnalist għall-gazzetta Pollakka ‘Gazeta Wyborcza’;

2.  Jilqa’ r-rilaxx mill-arrest tas-Sur Poczobut, u jirrikjedi li l-investigazzjoni u l-akkużi kollha mressqa kontrih jaqgħu;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja, u jikkundanna kull theddida kontra ġurnalisti u individwi li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom tal-libertà ta' espressjoni;

4.  Jitlob lir-Raba’ laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-Sħubija tal-Lvant li saret fit-23-24 ta’ Lulju fi Brussell teżamina u tiddiskuti s-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja u l-każ tas-Sur Poczobut;

5.  Jitlob li jintemm il-fastidju legali tal-ġurnalisti, tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja biex imorru lura mill-politiki repressivi attwali tagħhom;

6.  Jemmen, f’dan il-kuntest u minħabba t-trażżin li qatt ma kien hemm bħalu fuq is-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja wara l-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Diċembru 2010 u li ġara wara, (tal-anqas 21 korrispondent sfaw imsawta u 27 ġurnalist ġew arrestati, 13 minnhom ikkundannati għal bejn 10 u 15-il ġurnata ta' arrest), li l-kawża kontra s-Sur Poczobut hija motivata politikament u maħsuba biex tifxkel ix-xogħol leġittimu tiegħu bħala ġurnalist u mexxej ta’ minoranza nazzjonali;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sentenza sospiża ta' tliet snin ħabs mogħtija lis-Sur Poczobut għal ‘reati’ simili allegati; huwa mħasseb li s-sospensjoni tista' titneħħa, peress li s-sentenza sospiża tfisser li huwa jista’ jintbagħat lura l-ħabs fi kwalunkwe mument bid-diskrezzjoni sħiħa tar-reġim ta’ Lukashenka jekk l-awtoritajiet jiddeċiedu li reġa' ‘kiser il-liġi’ waqt il-qadi tax-xogħol gurnalistiku tieghu; jemmen li din effettivament tikkostitwixxi forma ta’ intimidazzjoni u tentattiv biex ikun mġiegħel jiċċensura lilu nnifsu;

8.  Jikkundanna l-fatt li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja qed jagħmluha impossibbli għall-ġurnalisti li joperaw, billi jintroduċu liġijiet repressivi bl-għan li jwaqqfu l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili u jużaw it-theddida ta’ sanzjonijiet kriminali biex jintimidaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti ta’ minoranzi;

9.  Jikkunsidra li l-liġi tal-Bjelorussja u l-mekkaniżmi internazzjonali intużaw ħażin intenzjonalment u strumentalizzati mill-awtoritajiet tal-Bjelorussja;

10. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Bjelorussja; jenfasizza li l-libertà tal-midja u l-libertà ta’ espressjoni huma fost is-sisien bażiċi tad-demokrazija li l-awtoritajiet tal-Bjelorussja impenjaw ruħhom li jirrispettaw;

11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jirriformaw il-liġi u jagħmlu mezz li l-leġiżlazzjoni tal-Bjelorussja, b'mod partikolari dik dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u espressjoni, tkun konformi mal-istandards internazzjonali, u jeliminaw il-prattika ta' ċensura u awtoċensura, u jżommu lura minn użu ħażin ulterjuri tal-liġi bħall-arrest ta’ avversarji politiċi, it-trażżin tal-ġurnalisti, il-fastidju ta’ avukati difensuri indipendenti u t-twettiq ta’ miżuri ta' kontroll tal-internet;

12. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jirrevokaw l-emendi għal għadd ta' atti leġiżlattivi, adottati mill-Parlament f'Ottubru 2011, li jirrestrinġu ulterjorment il-libertajiet ta' assoċjazzjoni, ta' assemblea, ta' opinjoni u ta' espressjoni;

13. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jwaqqfu l-arresti arbitrarji qosra u ż-żamma arbitrarja tal-ivjaġġar li jidhru immirati biex jintimidaw id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-midja, l-attivisti tal-oppożizzjoni politika u tas-soċjetà ċivili u jwaqqfuhom mill-jagħmlu xogħolhom;

14. Iqis it-trasferiment ta’ Mykola Statkevych għall-arrest f’iżolament bħala att ta’ repressjoni u tentattiv biex iġiegħluh jiffirma rikjesta ta’ klemenza; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jintervjenu fil-kawża tiegħu;

15. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jwaqqfu minnufih kull forma ta' pressjoni fuq il-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja u jirtiraw l-akkużi kollha kontra ġurnalisti li tħarrku minħabba l-attivitajiet professjonali tagħhom, u jieħdu miżuri biex jirrijabilitawhom; jistedinhom ukoll jiżguraw il-libertà ta' espressjoni u joħolqu ambjent legali u prattiki li jwasslu għal-libertà effettiva tal-midja, u jeliminaw il-prattika ta' ċensura u awtoċensura, kif ukoll jiżguraw li l-miżuri ta' kontroll tal-internet ikunu minimi u li r-regolamenti ma jwasslux għal ċensura tal-midja elettronika u tal-libertà tal-espressjoni;

16. Jenfasizza li kull impenn potenzjali tal-UE mal-Bjelorussja se jkun soġġett għal kundizzjonalità stretta u kontinġenti fuq impenn tal-Bjelorussja li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif tistqarr id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant ta’ Praga tas-7 ta’ Mejju 2009, iffirmata wkoll mill-Gvern tal-Bjelorussja;

17. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżidu l-involviment tagħhom mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Bjelorussja u jippromwovu kuntatt interpersonali akbar;

18. Jistieden lil dawk l-Istati Membri tal-UE li bħalissa huma membri tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet Bniedem biex jagħmlu kull sforz f’dik l-entità biex jistabbilixxu, għal tal-anqas sentejn, mandat speċifiku għall-pajjiż, bħal rapporteur speċjali, għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil Bjelorussja; jenfasizza li mekkaniżmu bħal dan għandu jkollu wkoll rwol importanti fid-dokumentar indipendenti tal-abbużi u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-mekkaniżmi varji tan-NU, b'mod partikolari dawk ifformulati mill-Kummissarju Għoli fir-rapport l-aktar riċenti;

19. Itenni l-ħtieġa li jissaħħew ir-relazzjoni u d-djalogu politiku bejn l-UE u l-ġirien tal-Lvant tagħha fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża d-dimensjoni parlamentari tagħha, l-Assemblea Parlamentari tal-EURONEST, bl-għan komuni li tkun żgurata riforma demokratika fil-Bjelorussja;

20. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja, bil-ħsieb tal-elezzjonijiet parlamentari 2012, isegwu l-proċess ta' riforma tal-liġi elettorali u t-twettiq tagħha, billi jikkunsidraw il-grupp sħiħ ta' rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi, filwaqt li jaġixxu skont in-normi u l-istandards demokratiċi internazzjonali;

21. Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw l-effiċjenza tal-miżuri restrittivi eżistenti kontra l-Bjelorussja u jikkunsidraw it-twessigħ tas-sanzjonijiet eżistenti billi jkabbru l-lista ta’ Bjelorussi soġġetti għall-projbizzjoni tal-viża u l-iffriżar tal-assi;

22. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Bjelorussja.