Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0449/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0449/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)

9.10.2013 - (2013/2872(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0449)
S&D (B7‑0450)
EFD (B7‑0451)
PPE (B7‑0452)
ALDE (B7‑0454)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Roberta Angelilli, Laima Liucija Andrikienė, Jarosław Leszek Wałęsa, Andrzej Grzyb, Lena Kolarska-Bobińska, Petri Sarvamaa, Monica Luisa Macovei, Eija‑Riitta Korhola, Philippe Boulland, Jean Roatta, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Giovanni La Via, Sari Essayah, Zuzana Roithová, Krzysztof Lisek, Csaba Sógor, Anne Delvaux, Anna Záborská, Miroslav Mikolášik, László Tőkés, Jan Olbrycht, Martin Kastler, Ria Oomen-Ruijten, Jaime Mayor Oreja, Thomas Mann, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Joanna Senyszyn, Corina Creţu, Mitro Repo, Marc Tarabella, Maria Eleni Koppa, Antigoni Papadopoulou, María Muñiz De Urquiza f'isem il-Grupp S&D
Alexander Graf Lambsdorff, Phil Bennion, Marielle de Sarnez, Sylvie Goulard, Izaskun Bilbao Barandica, Louis Michel, Robert Rochefort, Angelika Werthmann, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Peter van Dalen, Ryszard Antoni Legutko, Valdemar Tomaševski, Marek Henryk Migalski, Adam Bielan, Tomasz Piotr Poręba, Konrad Szymański, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Bastiaan Belder, Fiorello Provera, Nikolaos Salavrakos, Claudio Morganti, Lorenzo Fontana, Philippe de Villiers, Jaroslav Paška f'isem il-Grupp EFD


Proċedura : 2013/2872(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0449/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0449/2013
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)

(2013/2872(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ġrajjiet serji li jikkompromettu l-eżistenza ta' komunitajiet Kristjani u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra[1], tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-attakki reċenti fuq komunitajiet Insara[2], tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja[3], tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan[4], tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-Iraq: il-piena kapitali (speċifikament il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara[5], tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża[6], tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b'mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara[7], u tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni[8],

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin[9],

–   wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2013 ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà /  Viċi President tal-Kummissjoni, li tikkundanna l-attakk fuq il-komunità Nisranija f'Peshawar, il-Pakistan,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2011 dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009 li jissottolinjaw l-importanza strateġika tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u li tiġi miġġielda l-intolleranza reliġjuża,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha; billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir f'kull livell li jiġġieldu kontra l-estremiżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku bejn l-individwi u l-gruppi reliġjużi; billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u ġie previst mill-klawżola dwar id-demokrazija fil-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi;

B.  billi, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-libertà li b'mod individwali jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, it-tagħlim, il-prattika u l-osservanza; billi skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tkopri t-twemmin kollu, inkluż it-twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku;

C. billi bosta riżoluzzjonijiet tal-UNHRC jistiednu "lill-Istati kollha biex, fi ħdan il-qafas legali nazzjonali tagħhom, f'konformità ma' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jieħdu l-miżuri kollha f'lokhom ħalli jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, l-intolleranza, u l-atti ta' vjolenza, intimidazzjoni u ġegħil motivati mill-intolleranza reliġjuża, inklużi attakki fuq il-postijiet reliġjużi, u biex jinkoraġġixxu l-fehim, it-tolleranza u r-rispett fi kwistjonijiet rigward il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin";

D. billi skont diversi rapporti, ir-repressjoni tal-gvernijiet u l-ostilità soċjali kontra individwi u gruppi li jappartjenu għal reliġjonijiet jew twemmin differenti qed jiżdiedu, b'mod partikolari fil-Pakistan, fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u f'partijiet tal-Afrika; billi f'xi każijiet is-sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw il-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni u, jekk kellhom jgħibu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tal-pajjiżi kkonċernati;

Maaloula, is-Sirja

E.  billi fl-4 ta' Settembru 2013, militanti minn Jabhat al-Nusra, grupp b'rabtiet ma' al-Qaeda, nedew attakk fuq ir-raħal Sirjan ta' Maaloula;

F.  billi Maaloula hija simbolu tal-preżenza Nisranija fis-Sirja u ospitat lil komunitajiet reliġjużi differenti li għal sekli għexu f'koeżistenza paċifika; billi f'Settembru ta' kull sena Sirjani ta' kull reliġjon ipparteċipaw fil-festival ta' Jum is-Salib f'dan ir-raħal; billi Maaloula hija waħda mit-tlett irħula fil-pajjiż fejn l-Aramajk għadu mitkellem mill-popolazzjoni lokali;

G. billi l-attakki vjolenti f'Maaloula huma l-ewwel attakki li kellhom fil-mira tagħhom speċifikament lill-komunità Nisranija mill-bidu tal-kriżi vjolenti fis-Sirja; billi tal-anqas erba' persuni – Michael Thaalab, Antoine Thaalab, Sarkis Zakem u Zaki Jabra – inqatlu f'dan il-ġlied filwaqt li oħrajn – Shadi Thaalab, Jihad Thaalab, Moussa Shannis, Ghassan Shannis, Daoud Milaneh u Atef Kalloumeh – inħatfu jew għebu; billi minn mindu beda l-ġlied fir-raħal, il-biċċa l-kbira tal-5 000 resident tagħha ħarbu lejn irħula tal-viċinat jew lejn Damasku; billi avvenimenti f'Maaloula huma evidenza tas-settarjanizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt Sirjan;

H. billi l-Kunvent ta' Santa Tekla (Mar Takla) storikament ospita lil sorijiet u orfni kemm tar-reliġjon Nisranija kif ukoll ta' dik Musulmana; billi madwar 40 soru u orfni baqgħu f'Maaloula minkejja l-ġlied kbir u jinsabu maqbudin fil-kunvent f'kundizzjonijiet li qed jiddeterjoraw minħabba n-nuqqas ta' ilma u provvisti oħra;

Peshawar, il-Pakistan

I.   billi fit-22 ta' Settembru 2013, f'attakk bomba suwiċida doppju fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Kohati Gate, subborg ta' Peshawar, tal-anqas 82 ruħ inqatlu u aktar minn 120 indarbu;

J.   billi l-grupp Iżlamist Jundullah b'rabtiet ma' Tehrik-i-Talibaan Pakistan assuma r-responsabbiltà għall-attakk, u qal li se jissokta bl-attakki fuq l-Insara u fuq dawk li mhumiex Musulmani għaliex huma għedewwa tal-Iżlam u li mhuwiex se jieqaf sakemm jieqfu l-attakki bid-drones Amerikani fil-Pakistan; billi Tehrik-i-Talibaan Pakistan ċaħad kull involviment fl-isplużjoni u kull rabta ma' Jundullah;

K. billi l-Prim Ministru tal-Pakistan, Nawaz Sharif, ikkundanna l-attakk, u qal li l-attakki fuq persuni innoċenti huma kontra t-tagħlim tal-Iżlam;

L.  billi l-Insara, li jirrappreżentaw madwar 1.6 % tal-popolazzjoni fir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, ibatu minħabba preġudizzju u attakki sporadiċi ta' vjolenza tal-massa;

M. billi l-biċċa l-kbira tal-Insara Pakistani kellhom eżistenza prekarja, spiss imbeżża' minħabba allegazzjonijiet ta' dagħa, suġġett li jista' jwassal għal tifqigħat ta' vjolenza pubblika;

N. billi fid-9 ta' Marzu 2013, Musulmani f'Lahore taw in-nar lil aktar minn 150 dar Nisranija u lil żewġ knejjes b'reazzjoni għal allegazzjoni ta' dagħa;

O. billi l-liġijiet tal-Pakistan dwar id-dagħa jagħmluha diffiċli biex minoranzi reliġjużi jesprimu ruħhom liberament jew li jorganizzaw attivitajiet reliġjużi fil-beraħ;

Il-każ tal-Pastor Saeed Abedini, l-Iran

P.  billi Saeed Abedini, pastor Iranjan-Amerikan li ilu l-ħabs fl-Iran mis-26 ta' Settembru 2012, ġie kkundannat fis-27 ta' Jannar 2013 minn qorti rivoluzzjonarja fl-Iran għal perjodu ta' tmien snin fil-ħabs fuq l-akkużi li fixkel is-sigurtà nazzjonali permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta' knejjes Insara fi djar privati; billi huwa rrappurtat li Saeed Abedini sofra abbużi fiżiċi u psikoloġiċi fil-ħabs;

Q. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran isostni li l-Insara m'għandhomx jaffaċċjaw sanzjonijiet talli jimmanifestaw u jipprattikaw il-fidi tagħhom, u għalhekk jibqa' mħasseb dwar rapporti li l-Insara qed jiġu arrestati u pproċessati fuq il-bażi ta' reati ta' sigurtà nazzjonali miktubin b'mod vag talli jeżerċitaw it-twemmin tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti kontra l-Insara u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jesprimi għal darb'oħra t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u repressjoni, u dwar attakki vjolenti kontra komunitajiet Insara, partikolarment fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Ażja u tal-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-gvernijiet ikkonċernati biex jiżguraw li dawk li wettqu dawn ir-reati u dawk il-persuni kollha responsabbli għall-attakki, kif ukoll għal atti vjolenti oħra kontra l-Insara jew kontra minoranzi reliġjużi oħra, jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jingħataw proċess ġust;

2.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin u atti ta' vjolenza kontra kull komunità reliġjuża; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

3.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-eżodu tal-Insara minn diversi pajjiżi, b'mod speċjali mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, f'dawn l-aħħar snin;

Maaloula, is-Sirja

4.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni attwali li qed jaffaċċjaw l-Insara fis-Sirja; jikkundanna l-azzjonijiet ta' Jabhat al-Nusra u l-militanti assoċjati f'Maaloula u ż-żoni tal-madwar; jinnota li sal-lum l-Insara u l-Musulmani għexu flimkien b'mod paċifiku f'dan il-villaġġ, anke matul il-kunflitt, u qabel li l-villaġġ irid jibqa' post ta' paċi; jirrikonoxxi li l-attakk fuq Maaloula huwa biss aspett wieħed tal-gwerra ċivili Sirjana;

5.  Jenfasizza li l-monasterji ta' Maaloula jridu jiġu protetti sabiex jiġu ppreservati l-ħajja, l-attivitajiet reliġjużi u t-teżori arkitettoniċi, u biex l-Insara u l-Musulmani jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi;

6.  Jitlob għal appoġġ u għajnuna umanitarja immedjati għas-sorijiet u l-orfni maqbudin fil-Kunvent ta' Santa Tekla (Mar Takla); jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jippermettu l-aċċess għall-kunvent lill-gruppi umanitarji;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi ta' dawn l-attakki u r-riskji possibbli għall-komunità Nisranija; huwa konxju mill-fatt li l-Insara u komunitajiet oħra qed jinqabdu bejn iż-żewġ naħat u qed jiġu sfurzati biex iżommu ma' naħa jew oħra fi gwerra li tkompli tissetterjanizza;

8.  Jenfasizza li l-atturi kollha għandhom id-dmir li jipproteġu l-minoranzi differenti kollha preżenti fis-Sirja, inklużi x-Xiti, l-Alawiti, il-Kurdi, id-Drużi u l-Insara;

Peshawar, il-Pakistan

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Peshawar u l-attakki terroristiċi reċenti l-oħrajn;

10. Jilqa' l-kundanna ġenerali tal-attakki mill-atturi u s-sezzjonijiet politiċi tas-soċjetà ċivili tal-Pakistan;

11. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jagħmel kull ma jista' biex iressaq il-qorti lill-awturi tal-attakk fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Peshawar; jitlob għal azzjoni aktar b'saħħitha ħalli tiġi żgurata l-protezzjoni taċ-ċittadini Pakistani kollha – irrispettivament mir-reliġjon jew mit-twemmin tagħhom – u ħalli l-gruppi u l-individwi responsabbli kollha għat-tixwix u t-twettiq ta' atti ta' terrur jitressqu l-qorti;

12. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni ħalli jipproteġi l-vittmi ta' vjolenza tal-massa motivata mir-reliġjon, biex jindirizza b'mod attiv l-ostilità reliġjuża mill-atturi tas-soċjetà, biex jiġġieled kontra l-intolleranza reliġjuża, l-atti ta' vjolenza u l-intimidazzjoni, u biex jaġixxi kontra l-perċezzjoni tal-impunità;

13. Jinsab imħasseb sew dwar il-periklu dejjem jikber għall-Insara fil-Pakistan, meta titqies iż-żieda reċenti fl-attakki fuq dawn il-minoranzi, bħall-persekuzzjoni tal-mijiet ta' Nsara mill-fanatiċi Islamisti f'Marzu f'Lahore minħabba l-allegazzjonijiet ta' dagħa kontra l-Iżlam;

14. Jinsab imħasseb sew dwar is-sitwazzjoni ġenerali li qed jaffaċċjaw il-minoranzi reliġjużi fil-Pakistan u speċjalment il-knejjes Insara, li rċevew theddid mit-Taliban u minn gruppi estremisti oħra;

15. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li l-liġijiet kontroversjali kontra d-dagħa jistgħu jintużaw ħażin u jistgħu jaffettwaw in-nies ta' kull tip ta' fidi fil-Pakistan; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu li l-użu tal-liġijiet tad-dagħa, li kienu pubblikament opposti mill-mejjet ex Ministru Shahbaz Bhattiand u mill-mejjet ex Gvernatur Salman Taseer, qiegħed attwalment jiżdied biex jolqot l-Insara fil-Pakistan;

16. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex iwettaq rieżami dettaljat tal-liġijiet tad-dagħa u l-applikazzjoni attwali tagħhom, b'mod partikolari it-Taqsimiet 295 B u C tal-Kodiċi Penali, li jippreskrivu s-sentenzi obbligatorji ta' għomor il-ħabs (295 B u C) jew anki l-piena tal-mewt (295 C) għal atti allegati ta' dagħa;

17. Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma ggarantiti mill-kostituzzjoni tal-Pakistan; iħeġġeġ lill-Pakistani kollha biex jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jiżguraw it-tolleranza u l-fehim reċiproku;

18. Jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-Gvern tal-Pakistan minn Novembru 2008 'l hawn, bħalma huwa t-twaqqif ta' kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-vaganzi pubbliċi mhux Musulmani u d-dikjarazzjoni ta' Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;

Il-każ tal-Pastor Saeed Abedini, l-Iran

19. Jinsab imħasseb sew dwar id-destin tal-Pastor Saeed Abedini, li ilu l-ħabs għal aktar minn sena u ġie kkundannat għal tmien snin ħabs fl-Iran fuq akkużi relatati mat-twemmin reliġjuż tiegħu;

20. Jistieden lill-Gvern tal-Iran biex jiskaġuna u jeħles minnufih lil Saeed Abedini u lill-individwi l-oħra kollha miżmuma jew akkużati abbażi tar-reliġjon tagħhom;

21. Itenni l-istedina tiegħu lill-Iran biex jieħu passi ħalli jiżgura li jintwera r-rispett sħiħ għad-dritt tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, fosthom billi jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tiegħu jikkonformaw għalkollox mal-Artikolu 18 tal-ICCPR; jirrimarka li dan jeħtieġ ukoll li d-dritt ta' kull min ibiddel ir-reliġjon tiegħu jew tagħha, jekk huwa jew hija tagħżel li jagħmel/tagħmel dan, jiġi garantit b'mod sħiħ u inkundizzjonat;

22. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u għas-sitwazzjoni tal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara, fil-ftehimiet u fl-arranġamenti ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

23. Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013 tal-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ dawn il-linji gwida u jużaw bis-sħiħ kwalunkwe għodda u suġġeriment li jinsabu fihom;

24. Jappoġġa l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-UN Women, lill-Gvern tas-Sirja, lill-Kunsill Nazzjonali tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.