Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0090/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0090/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan

17.9.2014 - (2014/2832(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0090/2014)
ALDE (B8‑0091/2014)
S&D (B8‑0093/2014)
PPE (B8‑0095/2014)
GUE/NGL (B8‑0096/2014)
Verts/ALE (B8‑0099/2014)

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Davor Ivo Stier, Bogdan Brunon Wenta, Giovanni La Via, Tunne Kelam, Monica Luisa Macovei, Petri Sarvamaa, Eduard Kukan, Jeroen Lenaers, Csaba Sógor, Jarosław Leszek Wałęsa, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, László Tőkés, Andrej Plenković f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Elena Valenciano Martínez-Orozco, Liisa Jaakonsaari, Kati Piri, Richard Howitt, Pier Antonio Panzeri, Ana Gomes, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Goffredo Maria Bettini, Luigi Morgano f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel, Jozo Radoš, Marielle de Sarnez, Marietje Schaake, Pavel Telička, Martina Dlabajová, Juan Carlos Girauta Vidal, Johannes Cornelis van Baalen, Ramon Tremosa i Balcells, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Tamás Meszerics, Molly Scott Cato, Michèle Rivasi, Barbara Lochbihler, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2014/2832(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0090/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0090/2014
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan

(2014/2832(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' April 2012 li jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Azerbajġan[1] u tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-każ ta' Ilgar Mammadov[2],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-15 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Inwettqu politika ġdida Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2012)0014),

–   wara li kkunsidra r-rapport 2013 tal-Kummissjoni dwar il-progress magħmul mill-Azerbajġan fl-ambitu tal-PEV (SWD(2014)0070) ta' Marzu 2014,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni UE-Azerbajġan dwar il-PEV,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Awwissu 2014 tal-kelliema tal-Viċi President/tar-Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u tal-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat, Stefan Fule, dwar l-arrest ta' Leyla Yunus,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Awwissu 2014 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar l-arrest ta' Rasul Jafarov,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tal-14 ta' Awwissu 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili fl-Azerbajġan,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula fit-8 ta' Settembru 2014 f'Baku mill-Kummissarju Fule dwar ir-rwol kruċjali li żvolġiet is-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant u l-aħbar ta' programm ġdid ta' appoġġ mill-UE għas-soċjetà ċivili fl-Azerbajġan, li jipprevedi l-għotja ta' EUR 3 miljun fl-2014-2015,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Awwissu 2014 tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar l-arrest ta' Leyla Yunus, id-direttur tal-Istitut għall-Paċi u d-Demokrazija fl-Azerbajġan,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Baku adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE waqt is-sessjoni annwali tagħha bejn it-28 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2014, li tesprimi tħassib dwar l-użu ħażin ta' proċeduri amministrattivi u leġiżlazzjoni biex jinżammu, jintefgħu l-ħabs, jiġu intimidati jew b'xi mod imsikkta d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi f'diversi Stati parteċipanti tal-OSKE,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-KE u l-Azerbajġan, li daħal fis-seħħ fl-1999, kif ukoll in-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn iż-żewġ partijiet għal ftehim ġdid li għandu jieħu post dak eżistenti,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-klima ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan ilha sejra lura għal dawn l-aħħar ftit snin, u fl-aħħar xhur eskalat bil-kbir b'repressjoni, pressjoni u intimidazzjoni mill-gvern fil-konfront tal-NGOs, attivisti tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi mill-aħħar ta' Lulju 'l hawn il-gvern poġġa fil-mira xi wħud mill-aktar difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, u tefagħhom il-ħabs apparentement fuq akkużi motivati politikament, b'referenza partikolari għall-każijiet ta' Leyla Yunus, id-direttur ċelebri tal-Istitut għall-Paċi u d-Demokrazija, u żewġha, l-istoriku Arif Yunus, u Rasul Jafarov, il-president tal-Klabb tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Azerbajġan;

C. billi l-president tas-Soċjetà tal-Edukazzjoni Ġuridika tal-Azerbajġan, Intigam Aliyev, avukat tad-drittijiet tal-bniedem li ddefenda aktar minn 200 kawża quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-oqsma tal-ksur tal-libertà tal-kelma, id-dritt għal proċess ġust u d-dritt elettorali fl-Azerbajġan, ġie arrestat fit-8 ta' Awwissu 2014 u soġġett għal arrest ta' tliet xhur fuq akkużi kriminali, inċident li jikkonferma t-tendenza ġenerali li d-difensuri prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż jiġu msikkta u proċessati;

D. billi ġie rapportat li Leyla Yunus ġiet soġġetta għal atti ta' vjolenza fil-ħabs, imwettqa minn priġuniera fl-istess ċella, u li ma ttieħdu l-ebda miżuri biex tiġi kkastigata din il-priġuniera jew biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-Sa Yunus; billi għalkemm fil-ħabs saħħet is-Sa Yunus marret lura, ma ngħatatilhiex kura medika xierqa;

E.  billi fis-26 ta' Mejju 2014 Anara Mammadli, president tal-Election Monitoring and Democracy Studies Centre (EMDS), u Bashir Suleymanli, direttur tal-istess ċentru, ingħataw sentenzi ta' ħabs ta' 5 snin u 6 xhur, u ta' 3 snin u 6 xhur, rispettivament, fuq akkużi li jvarjaw minn evażjoni tat-taxxa għal intraprenditorija illegali;

F.  billi fl-istess waqt, 8 attivisti tal-moviment taż-żgħażagħ mhux governattiv NIDA ġew ikkundannati fuq akkużi ta' vandaliżmu, pussess tad-droga u pussess ta' splussiv, kif ukoll il-ħsieb li jikkawżaw diżordni pubbliku u, barra minn hekk, l-attivisti tal-midja soċjali Omar Mammadov, Abdul Abilov u Elsever Murselli ġew ikkundannati għal bejn 5 snin u 5 snin u nofs ħabs fuq akkużi ta' pussess ta' droga, u ħadd minnhom ma kellu aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom filwaqt li lkoll ilmentaw minn trattament ħażin fil-kustodja tal-puliżija;

G. billi ħafna ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħrajn qed jiffaċċjaw akkużi fil-qorti miġjuba kontrihom fl-Azerbajġan, inkluż Hasan Huseynli, kap tal-Intelligent Citizen Enlightenment Centre Public Union, li ngħata sentenza ta' 6 snin ħabs fl-14 ta' Lulju 2014, u Rauf Mirkadirov, ġurnalist investigattiv ma' "Zerkalo", il-ġurnal ewlieni bil-lingwa Russa, li jinsab miżmum fuq arrest preventiv fuq akkużi ta' tradiment; billi fit-8 ta' Awwisu 2014 il-pulizija għamlet rejd fl-uffiċċji tal-Institute for Reporters' Freedom and Safety (IRFS), NGO ewlenija tad-drittijiet tal-midja fil-pajjiż, immexxija minn Emin Huseynov, id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem magħruf u rikonoxxut internazzjonalment; billi figura oħra arrestata reċentement hija dik tal-ġurnalist prominenti tal-oppożizzjoni Seymur Haziyev, akkużat b'vandaliżmu kriminali u miżmum f'arrest preventiv għal xahrejn;

H. billi dawn il-każijiet isegwu għexieren oħrajn li qed jaffettwaw attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet, ġurnalisti, bloggers u attivisti tal-midja soċjali, li fl-aħħar sentejn sfaw mitfugħin il-ħabs mill-awtoritajiet fuq akkużi foloz simili, bħal vandaliżmu, pussess tad-droga, evażjoni tat-taxxa, u saħansitra tradiment; billi l-mewġa reċenti ta' arresti kellha effett kollaterali serju, hekk kif ġiegħlet għadd ta' attivisti magħrufin jaħarbu mill-pajjiż jew jistaħbew;

I.   billi l-ġurnal indipendenti Azerbajġani "Azadliq" ġie mġiegħel jissospendi l-pubblikazzjoni minħabba allegati problemi finanzjarji, wara li preċedentement kellu jiffaċċja pressjoni uffiċjali, apparentement b'rabta mar-rapportar tiegħu dwar il-korruzzjoni;

J.   billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat diversi sentenzi f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan, l-aktar waħda reċenti fit-22 ta' Mejju 2014 fil-każ ta' Ilgar Mammadov, president tal-moviment ċiviku Republican Alternative (REAL); billi minkejja s-sentenza tal-Qorti li l-arrest kien motivat politikament, l-awtoritajiet irrifjutaw li jeħilsuh;

K. billi ilu mill-2006 li hemm projbizzjoni effettiva fuq protesti paċifiċi fiċ-ċentru ta' Baku, u reċentement ġew introdotti multi ġodda ħorox u perjodi itwal ta' detenzjoni amministrattiva għal dawk li jorganizzaw jew jipparteċipaw f'laqgħat pubbliċi mhux awtorizzati;

L.  billi l-awtoritajiet Azerbajġani injoraw l-opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-liġijiet relatati mal-libertà ta' assoċjazzjoni, il-partiti politiċi u l-protezzjoni mid-diffamazzjoni; billi, barra minn hekk, ftit taw każ il-konklużjonijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjarat tiegħu fil-pajjiż;

M. billi fi Frar 2014 il-President Aliyev iffirma emendi ulterjuri għal-Liġi tal-NGOs, li issa tagħti lill-awtoritajiet poteri addizzjonali għas-sospensjoni temporanja jew il-projbizzjoni permanenti ta' NGOs nazzjonali jew barranin fl-Azerbajġan, u tintroduċi reati ġodda li jġorru kundanna ta' multi, li issa żdiedu għal AZN 2 500 – 3 000 (madwar EUR 2 600 – 3 100) għall-NGOs u AZN 1 000 – 2 000 (madwar EUR 1 000 – 2 000) għad-diretturi ta' NGOs nazzjonali u barranin;

N. billi l-kont tal-bank tal-union pubblika Oil Workers’ Rights Protection Organisation, ibbażata f'Baku, u dak tal-mexxejja tagħha, Gahramanova Mirvari Uzeyir, ġew iffriżati wara deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali Baku City Nasimi fit-8 ta' Lulju 2014;

O. billi l-Azerbajġan huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa u firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

P.  billi fl-14 ta' Mejju 2014 l-Azerbajġan assuma l-presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

1.  Jenfasizza li r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt jinsab fil-qofol tal-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan is-SL, u tal-impenji magħmula mill-Azerbajġan fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE;

2.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-arrest u ż-żamma ta' Leyla Yunus, Arif Yunus, Rasul Jafarov, Intigam Aliyev u Hasan Huseyni, u jesiġi l-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tagħhom kif ukoll l-irtirar tal-akkużi kollha miġjuba kontrihom; jitlob investigazzjoni immedjata u fil-fond rigward l-attakk fuq Ilqar Nasibov, u jappella biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet fl-Azerbajġan biex jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika ta' Leyla Yunus, Arif Yunusov u d-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan, u jiżguraw li jingħataw kura medika xierqa, bħal mediċini u kura fi sptar;

4.  Itenni l-appell tiegħu lill-gvern Azerbajġani biex jieħu passi konkreti biex, bi prijorità urġenti, itejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inkluż billi jinħelsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet il-priġunieri politiċi kollha u billi jieqfu l-arresti motivati politikament;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani jieqfu jagħtu fastidju u jintimidaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-politiċi tal-oppożizzjoni u lill-ġurnalisti indipendenti, u jżommu lura milli jxekklu jew jindaħlu fil-ħidma imprezzabbli tagħhom għall-iżvilupp tad-demokrazija fl-Azerbajġan; jistedinhom ukoll jiżguraw li l-persuni kollha arrestati, inklużi l-ġurnalisti u l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili, igawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom għal proċess ġust, b'mod partikolari l-aċċess għal avukat tal-għażla tagħhom, l-aċċess għall-familji tagħhom, u r-regoli l-oħrajn ta' proċess ġust;

6.  Jiddeplora l-azzjonijiet meħuda mill-Gvern Azerbajġani biex jinqatgħu l-kuntatti bejn is-soċjetà ċivili, l-attivisti żgħażagħ u l-intellettwali mill-Armenja u l-Azerbajġan, peress li dawn il-kuntatti huma ta' importanza kbira biex tissewwa l-mibegħda storika bejn iż-żewġ pajjiżi; f'dan ir-rigward, ifakkar fil-ħidma importanti li saret f'dan il-qasam minn Leyla Yunus u żewġha Arif;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Azerbajġan jistieden u jikkoopera bis-sħiħ mal-Kummissarju u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u mal-proċeduri speċjali tan-NU, fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika u l-libertà ta' espressjoni u l-arrest arbitrarju, bil-għan li jemenda l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż u jadatta l-prattiki tiegħu skont il-konklużjonijiet tal-esperti;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani biex iwettqu, mingħajr aktar dewmien, ir-riformi fid-drittijiet tal-bniedem li ilhom biex isiru, inkluż il-ħafna impenji li ħa l-Azerbajġan meta ssieħeb fil-Kunsill tal-Ewropa u li għadhom pendenti, u jirrispettaw is-sentenzi kontra l-Azerbajġan li ngħataw mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani jneħħu l-projbizzjoni fuq il-laqgħat pubbliċi fiċ-ċentru ta' Baku u jieqfu jimmultaw dimostranti paċifiċi jew iżommuhom f'arrest amministrattiv;

10. Jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li l-appoġġ tal-UE lir-Repubblika tal-Azerbajġan u l-kooperazzjoni magħha, inklużi n-negozjati li għaddejjin dwar Sħubija Strateġika għall-Modernizzazzjoni, għandhom ikunu marbutin ma' klawżoli relatati mal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-midja, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda;

11. Jenfasizza li l-kunsens tiegħu għall-iffirmar ta' ftehim ta' sħubija mal-Azerbajġan se jingħata bil-kundizzjoni li jiġu riflessi b'mod sodisfaċenti r-rekwiżiti msemmija hawn fuq, li jinħelsu d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li tiġi rtirata l-leġiżlazzjoni li ċċekken l-operat tas-soċjetà ċivili indipendenti, u li tieqaf ir-repressjoni u l-intimidazzjoni tal-NGOs, tal-midja indipendenti, tal-forzi tal-oppożizzjoni, tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti żgħażagħ u tan-netwerks soċjali;

12. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE japplikaw strettament il-prinċipju ta' "aktar għal aktar", billi jiffukaw b'mod speċjali fuq is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (bi qbil mal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem), l-arresti arbitrarji u motivati politikament, l-indipendenza tal-ġudikatura, ir-riformi demokratiċi u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jappella b'mod partikolari biex tiġi eżaminata mill-ġdid il-programmazzjoni tal-ENI, biex b'hekk tinġieb fi tmiemha l-assistenza kollha li mhijiex orjentata strettament lejn id-drittijiet tal-bniedem u/jew is-soċjetà ċivili;

13. Jiddeplora l-fatt li d-djalogu tad-drittijiet tal-bniedem UE-Azerbajġan ma għamel ebda progress sostanzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jistieden lis-SEAE jtejjeb dan id-djalogu bil-ħsieb li jagħmlu effikaċi u orjentat lejn ir-riżultati, u jirrapporta regolarment lill-Parlament;

14. Jistieden lill-Gvern tal-Azerbajġan jissimplifika l-proċedura attwali kumplikata u twila għar-reġistrazzjoni tal-NGOs, jintroduċi emendi leġiżlattivi sostanzjali sabiex jitħassru l-miżuri reċenti li jillimitaw il-libertà tal-NGOs li jaċċettaw donazzjonijiet mingħajr ma jkunu reġistrati uffiċjalment, u jirrispeta r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)14 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar l-istatus ġuridiku tal-NGOs fl-Ewropa;

15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jħeġġu lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) biex jistieden lill-awtoritajiet Azerbajġani jwaqqfu r-repressjoni, u jagħmilha ċara li jistennihom, bħala l-organizzaturi tal-Logħob Olimpiku Ewropew li se jsir is-sena d-dieħla, josservaw ir-rekwiżit tal-Karta Olimpika li jirrispettaw il-libertajiet tal-istampa;

16. Jistieden lis-SEAE japplika bis-sħiħ il-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u jorganizza laqgħat regolari fl-uffiċċji tad-Delegazzjoni tal-UE f'Baku ma' organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż billi jikkoordina dawn il-laqgħat ma' rappreżentanti mill-Istati Membri tal-UE, u juża dawk il-laqgħat biex jesprimi appoġġ pubbliku għall-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lis-SEAE jissorvelja mill-qrib il-proċessi u l-proċeduri ġudizzjarji kollha kontra d-d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jirrapporta lill-Parlament dwar il-kwistjoni;

17. Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 u jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-possibilità ta' sanzjonijiet immirati fil-konfront ta' dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, jekk dan jibqa' għaddej;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Azerbajġan, lis-SEAE, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Ewropa.