MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura minn Joseph Daul u Janusz Wojciechowski f’isem il-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali lill-Kummissjoni
Suġġett: Is-sitwazzjoni tas-settur tal-frott żgħir u taċ-ċirasa li huma maħsuba għall-ipproċessar
Fit-28 ta' Ġunju l-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-frott iż-żgħir u taċ-ċirasa li huma maħsuba għall-ipproċessar (KOM(2006)0345 fin.). Ir-rapport jikkonferma dak li diġa huwa magħruf dwar is-sitwazzjoni kurrenti u jindika li s-suq tal-frott iż-żgħir għaddej minn kriżi dejjiema. Din il-kriżi taffettwa l-aktar lill-Istati Membri l-ġodda speċjalment il-Polonja, u l-konsegwenzi negattivi tagħha fir-reġjuni l-aktar foqra ta' l-UE huma konsiderevoli. Għalkemm il-Parlament emfasiżża repetutament l-importanza ta' din il-problema, il-Kummissjoni għadha ma ħaditx il-passi neċessarji sabiex tissolva din il-kriżi. Jogħġobha l-Kummissjoni tindika liema miżuri taħseb li tieħu sabiex:
titnaqqas l-importazzjoni, minn pajjiżi terzi, ta' frott żgħir maħsub biex ikun proċessat, partikolarment billi twaqqaf il-prattiċi ta' 'dumping' li huma karatteristika ta' ċertu importazzjonijiet?
tintroduċi mekkaniżmu ta' appoġġ għall-gruppi u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi maħsub speċifikament għas-sitwazzjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda?
tiffaċilita l-kisba ta' kumpens għal danni magħmula minn kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli;
tagħti l-possibilità lill-bdiewa li jiksbu kumpens għal prodotti tar-raba' li jiġu abbandunati fil-każ ta' sitwazzjoni diffiċli mhux mistennija riżultat ta' eċċess tal-provvista fis-suq?
tistieden lill-Istati Membri sabiex jintroduċu inċentivi finanzjarji għall-qirda ta' l-impjanti ta' frott żgħir fil-każ ta' sitwazzjoni ta' provvista eċċessiva fis-suq?
tħoll il-fondi għall-promozzjoni u l-konsum ta' frott żgħir fl-UE?