Il-kriżi tas-settur tas-sajd bħala konsegwenza taż-żieda fil-prezz tad-diżil
28.5.2008
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU O-0064/08
skond ir-Regola 108 tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Philippe Morillon f’isem il-Kumitat għas-Sajd
lill-Kummissjoni
Mill-2004 'l hawn il-prezz taż-żejt immultiplika ruħu b’erbgħa. Matul ix-xahar ta’ Mejju, il-prezz tal-karburant spara 'l fuq u b'hekk qajjem kriżi serja għas-settur tas-sajd. Fil-fatt, in-netwerks kollha ġew affettwati.
Iffaċċjati minn sitwazzjoni bħal din, ħafna sajjieda u intrapriżi ġew sfurzati li jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom, ħaġa li timplika konsegwenzi ekonomiċi u soċjali gravi ħafna fi ħdan l-Unjoni.
Ħafna ħaddiema tal-baħar jinsabu f’sitwazzjoni ta’ disperazzjoni li teżiġi l-adozzjoni ta’ miżuri urġenti u ta’ arranġamenti effikaċi sabiex tiġi ffaċċjata sitwazzjoni ta' urġenza.
Il-ġimgħa li għaddiet, is-settur tas-sajd fi Franza sab ruħu pparalizzat billi l-bastimenti baqgħu blukkati fil-port. Is-sajjieda talbu lill-awtoritajiet pubbliċi l-adozzjoni ta’ inizjattivi sabiex jiffaċċjaw din is-sitwazzjoni serja. Il-kunflitt u l-waqfien ta’ l-attivitajiet ta' sajd bħalissa qed jiġu estiżi għal partijiet oħra ta’ l-Unjoni Ewropea.
Peress li d-dispożizzjonijiet attwali, b’mod partikulari dawk li jikkonċernaw l-għajnuniet “de minimis”, jidhru b’mod partikulari insuffiċjenti biex jiżguraw il-ħarsien tas-settur tas-sajd Komunitarju, hu neċessarju li jittieħdu miżuri għaż-żmien qasir, medju u twil sabiex jgħinu lil dan is-settur ta’ importanza vitali għall-Unjoni Ewropea.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kumitat għas-Sajd jixtieq jagħmel lill-Kummissjoni l-mistoqsija li ġejja:
X’miżuri u arranġamenti ta' urġenza kif ukoll miżuri għaż-żmien twil biħsiebha tadotta l-Kummissjoni sabiex jgħin lis-settur tas-sajd biex jiffaċċja ż-żieda kostanti fil-prezz tad-diżil?
Tressiq: 28.05.2008
Mibgħuta: 30.05.2008
Skadenza: 06.06.2008