Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : O-0083/2009

Testi mressqa :

O-0083/2009 (B7-0206/2009)

Dibattiti :

PV 16/09/2009 - 15
CRE 16/09/2009 - 15

Votazzjonijiet :

Testi adottati :


Mistoqsijiet parlamentari
28 t'Awissu 2009
O-0083/09
MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura minn Michael Cashman, Claude Moraes u Emine Bozkurt f’isem il-Grupp S-D lill-Kunsill

 Suġġett: Il-Liġi tal-Litwanja għall-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika
 Tweġiba 

Fil-11 ta' Ġunju 2009 l-Parlament Litwan approva emendi għal-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika. Il-liġi ssostni li “effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-minorenni” huwa kkawżat minn “informazzjoni pubblika li tħeġġeġ relazzjonijiet omosesswali u bisesswali” (Art 4.14) u li “tisfida l-valuri tal-familja” (Art 4.15). Dispożizzjoni bħal din tpoġġi l-informazzjoni dwar l-omosesswalità fl-istess livell ma' kwistjonijiet bħal ma huma d-deskrizzjoni tal-vjolenza fiżika, il-wiri ta' ġisem ta' persuna mutilata b'mod krudili u informazzjoni li tħeġġeġ l-awto-mutilazzjoni jew is-suwiċidju. Il-liġi twassal għall-projbizzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni dwar l-omosesswalità jekk jista' jkollha aċċess mill-minorenni.

Il-President tal-Litwanja uża l-veto kontra l-liġi fis-26 ta’ Ġunju 2009, peress li ġiet imfassla b'termini vagi u mhux ċari, u talab lill-Parlament biex jerġa' jqisha ħalli jiġi żgurat li tikkonforma mal-“prinċipji kostituzzjonali tal-istat tad-dritt, iċ-ċertezza legali, u ċ-ċarezza legali” u biex “ma tkunx f'kunflitt mal-garanziji ta' demokrazija pluralistika u ta' soċjetà miftuħa”. Il-Parlament ħassar il-veto tal-President fl-14 ta’ Lulju 2009. L-NGOs tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-MEPs talbu ripetutament lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jintervjenu u lis-Seimas biex tirrevedi l-abbozz ta’ liġi, filwaqt li se jsir appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Barra minn hekk, fil-ħarifa se jiġu eżaminati emendi għall-kodiċi penali u amministrattivi, li jikkriminalizzaw atti minn persuni privati jew legali “li jxerrdu l-ideat tal-omosesswalità” f'żoni pubbliċi, atti li jridu jiġu kkastigati jew b'xogħlijiet pubbliċi, b'multa sa EUR 1,500, jew b'arrest.

Il-Kunsill iddiskuta mal-awtoritajiet Litwani l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq? Il-Kunsill ma jaħsibx li liġi u emendi bħal dawn huma inkompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u mal-libertajiet fundamentali kif jinsabu fil-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej u b'mod partikolari mal-libertà ta’ espressjoni - li tinkludi d-dritt li tfittex, tirċievi u toffri informazzjoni, u li huma inkompatibbli mal-liġi u l-politiki tal-UE dwar l-anti-diskriminazzjoni? Il-Kunsill ma jaħsibx li liġi bħal din tikser il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, l-Artikolu 6 tat-Trattat UE u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, jiġifieri l-valuri fundamentali li fuqhom hija bbażata l-UE? Il-Kunsill se jitlob lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex tevalwa l-liġi u l-emendi? X'bi ħsiebu jagħmel il-Kunsill biex jiżgura li l-Litwanja tirrispetta l-obbligi tagħha skont it-Trattati tal-UE, il-liġi Ewropea u Internazzjonali? Huwa lest, jekk hemm bżonn, jattiva l-proċedura stipulata fl-Artikolu 7 tat-Trattat tal-UE?

Lingwa oriġinali tal-mistoqsija: EN
Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Settembru 2009Avviż legali