MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura minn Malcolm Harbour, Andreas Schwab, Evelyne Gebhardt, Cristian Silviu Buşoi u Heide Rühle f’isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur lill-Kummissjoni
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkonferma fis-sentenza tagħha għall-kawża C-42/07 li kull Stat Membru huwa liberu li jistabbilixxi l-objettivi tal-politika tiegħu dwar l-imħatri u l-logħob tal-ażżard kif ukoll li jiddefinixxi l-livell ta' protezzjoni mitluba. Għalhekk kull Stat Membru jista' jipprojbixxi lill-operaturi milli joffru logħob tal-ażżard permezz tal-internet fi ħdan it-territorju ta' dak l-Istat Membru, anke meta jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħra fejn ikunu qed jipprovdu servizzi simili legalment. Madankollu, ir-restrizzjonijiet (fuq il-libertà li jingħataw is-servizzi) għandhom ikunu xierqa sabiex jintlaħaq/jintlaħqu l-objettiv(i) invokati mill-Istat Membru konċernat, għandhom ikunu proporzjonati u applikati bla diskriminazzjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tisħaq fuq dan il-punt tal-aħħar fis-sentenza tagħha għall-kawża C-153/08. F'dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija xierqa sabiex jintlaħaq l-objettiv mixtieq biss jekk dan isir b'mod konsistenti u sistematiku. Sadattant, diversi Stati Membri qed jirrevedu l-qafas regolatorju tagħhom f'dan il-qasam.
B'referenza għar-Riżoluzzjoni tiegħu dwar l-integrità tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet tal-10 ta' Marzu 2009 (P6_TA(2009)0097), il-Parlament jistaqsi lill-Kummissjoni:
1. Fid-dawl ta' dawn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-logħob tal-ażżard online, il-Kummissjoni x'inizjattivi bi ħsiebha tieħu, u barra minn hekk, x'inhi s-sitwazzjoni attwali tal-proċeduri ta' ksur li l-Kummissjoni bdiet kontra diversi Stati Membri sabiex tivverifika jekk il-miżuri nazzjonali li jillimitaw l-għoti transkonfinali ta' servizzi tal-logħob tal-ażżard online humiex kompatibbli mal-liġi Komunitarja?
2. Il-Kummissjoni tista' tikkumenta dwar l-iżviluppi leġiżlattivi riċenti fl-Istati Membri fil-kuntest ta' dawn is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja?
3. Il-Kummissjoni tipprevedi qafas regolatorju komuni għall-attivitajiet transkonfinali dejjem jiżdiedu ta' logħob tal-ażżard online, sabiex ikun żgurat logħob tal-ażżard online responsabbli, b'referenza għall-ħarsien tal-konsumatur vulnerabbli, għall-prevenzjoni tal-vizzji u l-koerċizzjoni, kif ukoll sabiex tkun evitata l-kriminalità organizzata?