MISTOQSIJA ORALI B' DIBATTITU skond ir-Regola 115 tar-Regoli ta’ Proċedura minn Pervenche Berès f’isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali lill-Kummissjoni
Suġġett: Id-dimensjonijiet soċjali u ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020
Objettivi: L-ilħuq ta’ ftehim dwar l-objettivi primarji fuq livell tal-UE huwa wieħed mill-elementi fundamentali tal-istrateġija Ewropa 2020. Billi fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ma kienx hemm qbil dwar il-koeffiċjenti numeriċi tal-objettivi kollha proposti mill-Kummissjoni, x’inizjattivi ħadet il-Kummissjoni biex tiffaċilita l-ilħuq ta’ ftehim dwar l-objettivi kwantifikabbli tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni u tat-tnaqqis tal-faqar? X’inizjattivi qed jitwettqu biex jgħinu lill-Istati Membri jittrasponu l-objettivi primarji maqbula f’objettivi nazzjonali?
Governanza: Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill enfasizzaw ir-rwol fundamentali tal-Parlament fl-istrateġija Europa 2020 u esprimew l-impenn tagħhom li jiżguraw li jkun hemm involviment aħjar tal-Parlament fil-ftehim dwar il-linji gwida u l-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida. Tista’ l-Kummissjoni tispjega, mill-punt tal-vista tagħha, meta u x’tip ta’ inizjattivi konkreti jistgħu jittieħdu f’dan ir-rigward?