Mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura Sharon Bowles, f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Suġġett: Il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja u azzjonijiet futuri
Fil-11 ta’ Mejju 2010 twaqqaf il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) (Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010(1)). Fis-7 ta’ Ġunju 2010 l-Istati Membri taż-żona tal-euro waqqfu l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), fejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro pprovdew garanziji ta’ ħruġ tal-EFSF sa massimu ta’ EUR 440 biljun. Fit-18 ta’ Frar 2002, ġiet stabbilita faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ nofs it-terminu għall-bilanċ tal-ħlasijiet tal-Istati Membri (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002(2)).
1. Rigward l-EFSM, il-Kummissarju jista' jiċċara x'ifissru fil-prattika l-kliem 'limitat għall-marġni disponibbli taħt il-limitu tar-riżorsi proprji tagħhom għall-approprjazzjonijiet għall-pagamenti' għall-baġit annwali tal-UE u għall-qafas finanzjarju multiannwali u r-relazzjoni mas-EUR 60 biljun kif imsemmi fil-konklużjonijiet tal-Ecofin?
2. Billi jitqies li ż-żewġ strumenti, jiġifieri l-EFSM u l-EFSF, kellhom jiġu stabbiliti malajr fuq bażi ad hoc, il-Kummissjoni lesta li twettaq valutazzjoni tal-impatt tagħhom?
3. X’salvagwardji jipprevjenu effetti differenti possibbli ta’ dawn l-istrumenti fuq is-self u l-finanzjament mill-BEI?
4. Meta wieħed iħares lura, kien ikun aħjar kieku dawn iż-żewġ strumenti kienu jeżistu qabel il-kriżi, u x'tagħlimiet, inkluż dwar il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, għandha tieħu l-UE minn din l-esperjenza riċenti?
5. Il-Kummissjoni għal meta qed tipprevedi l-proposta leġiżlattiva mistennija għal mekkaniżmu tal-ġestjoni tal-kriżi tad-dejn sovran permanenti u xi tkun il-bażi legali tiegħu?
6. Il-Kummissjoni kif biħsiebha tiżgura l-involviment tal-Parlament Ewropew rigward dawn il-proċeduri l-ġodda kollha?
7. Il-koordinazzjoni bejn l-EFSF u l-IMF kif se topera f’termini ta’ rati ta’ interessi u allokazzjoni ta’ fondi u x’se jkun l-effett jekk ma jkunux fuq livelli pari passu?
8. Fil-każ li l-EFSM jintuża kollu, kif se tiġi indirizzata l-ħtieġa minn Stat Membru mhux miż-żona tal-euro?
9. L-Artikolu 122(2) tat-Trattat għaliex intuża bħala l-bażi legali għar-Regolament (UE) Nru 407/2010 u l-Artikolu 352 (ex Artikolu 308) bħala l-bażi legali għar-Regolament (KE) Nru 332/2002?