Mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kunsill Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura Monika Flašíková Beňová, Claude Moraes, Sylvie Guillaume, Carmen Romero López, Antonio Masip Hidalgo, f'isem il-Grupp S&D
Suġġett: Il-qagħda kurrenti rigward il-proposta tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil
Kif intqal qabel imkien ieħor, ir-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Settembru 2010 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85/KE dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat (COM(2010)0465) juri li l-garanziji proċedurali jvarjaw konsiderevolment madwar l-UE minħabba l-istandards spiss vagi u ambigwi stipulati fid-Direttiva.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni jistabbilixxi ċar il-ħtieġa għal riformulazzjoni tad-Direttiva 2005/85/KE (minn hawn 'il quddiem id-"Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil") biex tintlaħaq armonizzazzjoni sħiħa f'dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Programm ta' Stokkolma jenfasizza u jikkonerma l-impenn għall-ħolqien ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil sal-2012.
Biex l-UE tkun tista' taqdi dan l-impenn – inkluż inter alia fil-Programm ta' Stokkkolma – sal-2012, partikolarment bil-għan li tiggarantixxi standards ogħla u aktar armonizzati ta' protezzjoni, huwa urġenti li fil-Kunsill u l-Parlament nimxu 'l quddiem fuq ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil. Għaldaqtant, fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin, jeħtieġ b'urġenza li jiġu ċċarati diversi kwestjonjiet.
Il-Kunsill jista' jindika fiex waslet fid-diskussjoni tagħha dwar il-proposta tal-Kummissjoni mressqa fil-21 ta' Ottubru 2009?
Jista' jelabora fuq il-valutazzjoni inizjali tiegħu tat-test, inter alia billi jagħti dettalji dwar id-diffikultajiet li tqajmu?
Xi Stati Membri esprimew tħassib dwar ir-riformulazzjoni proposta, speċjalment rigward l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta tal-Kummissjoni. Il-Kunsill jista' jispjega, għalhekk, il-għala r-riformulazzjoni proposta tiġġenera fit-tul spejjeż finanzjarji konsiderevoli?