L-għeluq ta' setturi kbar tal-ispazju tal-ajru Ewropew f'April/Mejju ta' din is-sena minħabba li żbroffa vulkan fl-Islanda, ikkaġuna tfixkil serju fit-traffiku tal-ajruplani, danni ekonomiċi u affettwa direttament 10 miljun passiġġier. Sabiex jiġi zgurat li dan it-tip ta' kriżi ma jerġax iseħħ, għandhom jittieħdu l-passi li ġejjin.
B'kunsiderazzjoni għall-fatt li d-dejta li ntużat għat-tbassir tad-direzzjoni tas-sħab tal-irmied ma kinitx kompluta minħabba nuqqas ta' installazzjonijiet tal-ajru u tal-art fil-post, jinħtieġ li jsir aktar investiment f'tagħmir teknoloġiku tal-art u tal-arja (tagħmir LIDAR, installazzjonijiet tar-radar, ajruplani ta' verifika mgħammrin tajjeb, immaġni tas-satelliti). Dejta fil-pront preċiża mija fil-mija u tbassir stabbli jistgħu jiġu pprovduti biss permezz ta' titjib fl-istruttura teknika.
Ir-rwoli tal-istituzzjonijiet individwali matul il-ġestjoni tal-kriżi ma kinux ċari u dan wassal biex is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar. Il-partijiet involuti (ir-Regolatur, iċ-Ċentri ta' Konsultazzjoni dwar l-Irmied Volkaniku (VAAC) u dawk li jipprovdu servizzi marbutin man-navigazzjoni fl-ajru) għandhom ikunu ppreparati bis-sħiħ. Għal dan il-fini, għandhom jiġu introdotti korsijiet ta' taħriġ li jinvolvu kriżijiet simulati (taħriġ fil-proċessi marbuta mal-ġestjoni tal-kriżijiet).
L-operaturi huma dawk prinċipalment responsabbli għas-sikurezza tat-titjiriet, u għalhekk għandhom jiġu pprovduti b'dejta preċiża. Il-bdoti jitħarrġu biex jimmaniġġjaw kundizzjonijiet straordinarji waqt titjira, il-manwali dwar is-sikurezza tal-kumpaniji tal-ajru kummerċjali jiġu riveduti, sorveljati u konfermati minn awtoritajiet regolatorji, u l-kumpaniji tal-ajru għandhom l-esperjenza meħtiega biex joperaw titjiriet f'żoni b'attività vulkanika fejn ir-rekord tagħhom dwar is-sikurezza jservi bħala prova ta' din l-esperjenza. Għalhekk, l-operatur tal-ajruplan (il-bdot) għandu jkun responsabbli biex jivvaluta r-riskju u jiżgura s-sikurezza tat-titjiriet tiegħu, pereżempju, billi jagħżel rotta partikolari jew jiddeċiedi jekk għandhiex tinbidel ir-rotta, filwaqt li jikkunsidra l-informazzjoni kollha disponibbli (żieda fil-provvediment tal-informazzjoni u titjib fit-tagħmir tekniku fuq l-ajruplani).
Għalhekk xtaqna nistaqsu lill-Kummissjoni:
1. X'inhu l-istatus tal-miżuri msemmija hawn fuq?
2. Il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jsir aktar trasparenti sabiex jiġu żgurati reazzjonijiet aħjar u aktar koordinati fi żminijiet ta' kriżi?
3. Iż-żieda fil-volum tat-traffiku tal-ajruplani li hi mistennija fil-futur, m'għandhiex twassal għall-implimentazzjoni aktar mgħaġġla tas-SES?
4. X'sar s'issa biex l-AESA tingħata r-riedni tal-kwestjoni u tmexxi t-tibdil operattiv li l-Ewropa teħtieġ f'dan il-qasam?