Mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni Artikolu 115 tar-Regoli ta’ Proċedura João Ferreira, f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
Suġġett: Il-prevenzjoni ta' diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem
Fil-komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Frar 2009 bl-isem 'Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem' (COM(2009)0082), il-Kummissjoni ħadet l-impenn li:
– tistabbilixxi, fl-2009, inventarju tal-istrumenti Komunitarji eżistenti li huma kapaċi jappoġġaw l-attivitajiet ta' prevenzjoni tad-diżastri, bl-għan li jiġi vvalutat il-grad tal-użu ta' dawn l-istrumenti, kif ukoll li jkunu identifikati kwalunkwe nuqqasijiet fil-kopertura tagħhom;
– tiżviluppa katalgu ta' miżuri preventivi u tistieden l-Istati Membri jivvalutaw il-possibbiltà li jtejbu l-integrazzjoni tal-prevenzjoni tad-diżastri fil-programmazzjoni operattiva nazzjonali għall-finanzjament tal-UE;
– twettaq studju dwar il-prattiki attwali ta' kartografija tal-perikli u r-riskji fl-Istati Membri u, fuq din il-bażi, tiżviluppa linji gwida Komunitarji għall-kartografija tal-perikli u r-riskji , li tkun tiffoka fuq id-diżastri bil-potenzjal ta' impatt transkonfinali avvenimenti eċċezzjonali u diżastri fuq skala kbira.
Fir-rigward tal-ewwel żewġ punti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni iddikjarat fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija E-0424/10 li r-rapport dwar l-istudju fuq sitt xhur varat fi tmiem l-2009, kellu jitlesta sa tmiem Ġunju 2010.
Fir-rigward tat-tielet punt, il-Kummissjoni ddikjarat it-tweġiba tagħha għall-mistoqsija E-0425/10 li l-konklużjonijiet preliminari tax-xogħol imwettaq se jkunu parti minn rapport ta’ Novembru 2010 li għandu jiġi ppubblikat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.
Fir-rigward tar-raba’ punt, il-Kummissjoni ddikjarat fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija E-0423/10) li kienet se tiżviluppa l-linji gwida msemmija qabel tmiem l-2010.
Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tax-xogħol li sar s’issa f’dawn l-oqsma?
X’azzjonijiet speċifiċi ħadet – jew bi ħsiebha tieħu – biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport dwar 'Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem' li ġie approvat mill-Parlament Ewropew f’Settembru 2010?