MISTOQSIJA ORALI għal waqt il-Ħin għall-Mistoqsijiet fis-seduta parzjali fi Jannar 2010 skond ir-Regola 116 tar-Regoli ta’ Proċedura minn Struan Stevenson lill-Kummissjoni
Suġġett: Deroga mill-identifikazzjoni elettronika tal-annimali tal-ispeċi tan-nagħaġ u tal-mogħoż għal Shetland
Peress li hija gżira mwarrba b’popolazzjoni ta’ 22,000 biss, Shetland għandha biss punt wieħed ta’ dħul u attwalment in-nagħaġ u l-frat li jidħlu fil-gżira jiġu eżaminati minn veterinarju, l-identitajiet tagħhom jiġu reġistrati u d-demm tagħhom jiġi ttestjat. B’dan il-mod, Shetland diġà hi armata tajjeb biex iċ-ċaqliq tal-annimali jiġi ttraċċat b’mod ta’ malajr u effikaċi u għaldaqstant ir-reġistrar taċ-ċaqliq ta’ nagħaġ individwali permezz tal-identifikazzjoni elettronika f’Shetland iqiegħed piż kbir fuq il-produtturi u ma joffri l-ebda benefiċċju addizzjonali għall-kontroll tal-mard fir-Renju Unit jew fl-Ewropa. L-implimentazzjoni tal-identifikazzjoni elettronika se sservi biss biex iġġiegħel lil dawk il-ftit li għad fadal irabbu n-nagħaġ f’Shetland jieqfu mill-attività tagħhom, peress li ħafna minnhom iżommu l-merħliet tagħhom fl-inħawi l-aktar imwarrba u għalhekk ikollhom l-ogħla spejjeż ta’ aġġustament.
Meta wieħed iqis dawn l-arranġamenti xierqa fil-qasam tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tat-traċċabilità u l-kontroll tal-mard u l-ġeografija iżolata ta’ Shetland, il-Kummissjoni taqbel għalhekk li Shetland tingħata deroga mir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika?