Proċedura : 2010/2208(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0084/2011

Testi mressqa :

A7-0084/2011

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 07/06/2011 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2011)0250

RAPPORT     
PDF 202kWORD 125k
24 ta' Marzu 2011
PE 454.505v02-00 A7-0084/2011

dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta’ żmien

(2010/2208(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Silvia-Adriana Ţicău

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta’ żmien

(2010/2208(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2010 mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Programm ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) (COM(2010)0308),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Ottubru 2010 dwar dak il-Pjan ta’ Azzjoni (14146/10),

   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu ‘Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni’ (COM(2010)546),

   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżami ta' nofs it-terminu tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (COM(2011)0005) tat-18 ta' Jannar 2011, li jistipula l-ħtieġa ta' finanzjament sostanzjali sabiex titlesta l-infrastruttura tar-radjunavigazzjoni bis-satellita,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta' Lulju 2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita(2),

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2006 dwar l-Applikazzjonijiet tan-Navigazzjoni bis-Satellita (COM(2006)0769),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-29 ta’ Jannar 2004 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istadju tal-progress tal-programm Galileo(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0084/2011),

A. billi l-applikazzjonijiet tal-GNSS illum huma karatteristika ċentrali u indispensabbli tal-attività f’kull settur tat-trasport u billi t-tħaddim effiċjenti u effettiv tagħhom jirriżulta f’trasport aktar sikur, aktar ekonomiku u li jirrispetta aktar l-ambjent,

B.  billi l-applikazzjonijiet għat-trasport għandhom sehem ta’ 20% tal-volum tal-applikazzjonijiet kollha GNSS, u 44% tal-valur, u billi l-operazzjonijiet ta’ sikurezza – l-aktar dawk relatati mat-trasport – għandhom sehem ieħor ta’ 5%,

C. billi l-Unjoni Ewropea ma tistax tibqa’ għal dejjem dipendenti għall-infrastruttura bażika meħtieġa għat-tħaddim tal-GNSS fuq sistemi li fil-bidu kienu żviluppati għal għanijiet oħra minn pajjiżi oħra,

D. billi l-EGNOS hi sistema awtonoma li tissupplimenta l-GPS u li tiddependi fuq id-disponibilità ta’ sinjali tal-GPS biex twettaq operazzjonijiet ta' kalkolu u ta’ korrezzjoni; billi ma jistax ikun hemm GNSS kompletament indipendenti sakemm tiġi introdotta s-sistema Galileo,

E.  billi s-sistema EGNOS Ewropea hija mfassla biex tissodisfa t-talba attwali u futura sostanzjali u varjata tal-industrija fl-Ewropa u madwar id-dinja, pereżempju fir-rigward tas-sikurezza u t-traċċabilità tat-trasport, fiż-żamma tal-aspetattivi tal-politika industrijali Ewropea ġdida u aktar proattiva, u billi hi kompatibbli wkoll mal-GPS, kif ukoll mal-Galileo, li hija sistema ħafna aktar preċiża, u tissupplimenta lit-tnejn,

F. billi l-applikazzjonijiet għat-trasport kummerċjali tal-GNSS u tal-Galileo jirrappreżentaw suq dinji li qed jikber li għandu jiġi ggarantit kemm jista’ jkun għall-benefiċċju ekonomiku tal-industrija Ewropea u għall-ħolqien ta' impjiegi bi kwalifiki għoljin,

G. billi l-GNSS ser ikollha rwol ewlieni fl-appoġġ u l-promozzjoni tal-użu ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITSs),

H. billi l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u servizzi tal-GNSS hu essenzjali biex jiġi żgurat investiment infrastrutturali tal-Galileo jiġi sfruttat bis-sħiħ u li s-sistema Galileo tiġi żviluppata bis-sħiħ,

I.   billi l-investiment f’dan is-settur għandu implikazzjonijiet għall-politiki kollha tal-UE u billi l-espansjoni u l-implimentazzjoni tiegħu se jkollhom impatt dirett fuq t-twettiq tal-Istrateġija UE 2020 u fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tas-suq Ewropew fl-applikazzjoni u s-servizzi tal-GNSS, bil-ħolqien ta' impiegi u t-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea,

J.   billi l-proġetti GNSS u Galileo ser jwasslu għal valur miżjud kunsiderevoli għall-politika industrijali Ewropea u huwa importanli li jiġi żgurat is-suċċess tagħhom,

1.  Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) u s-sensiela ta’ azzjonijiet settorjali, regolatorji u orizzontali speċifiċi pproposti fih;

2.  Jaqbel mal-Kummissjoni li pjan ta’ azzjoni mmirat huwa, f’dal-punt, l-aħjar għażla biex jitħeġġu aktar l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-EGNOS u tal-Galileo, l-aktar fil-qasam tat-trasport; jenfasizza li s-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita għandhom jiżguraw l-interoperabilità bejn sistemi differenti – inklużi dawk konvenzjonali – u għandhom jippermettu wkoll l-użu intermodali fis-servizzi kemm tal-passiġġieri kif ukoll tat-trasport tal-merkanzija;

3.  Jinnota li, mill-15-il proposta speċifika għal kull sezzjoni fil-pjan ta’ azzjoni, disa’ huma relatati direttament mat-trasport u ħafna mill-oħrajn huma meħtieġa sabiex tingħata bażi għall-applikazzjonijiet relevanti għat-trasport;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm ċertifikazzjoni mħaffa tal-EGNOS għall-avjazzjoni ċivili permezz tal-awtoritajiet kompetenti;

5.  Jaqbel li azzjonijiet biex jiġi promoss l-użu tal-EGNOS u tal-Galileo fl-avjazzjoni ċivili huma ta' ħtieġa strateġika għall-implimentazzjoni tas-SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew), speċjalment fir-rigward tal-użu tagħha għall-proċeduri ta’ nżul u fl-ajruporti żgħar;

6.  Jiddispjaċih li, fil-mument, l-Unjoni Ewropea għadha mhix kollha koperta mill-EGNOS u jappella biex, bħala prijorità, is-sistema tal-EGNOS tiġi estiża lejn in-nofsinhar, il-lvant u x-xlokk tal-Ewropa, biex tkun tista' tintuża f'kull settur tat-trasport madwar l-Ewropa, u jenfasizza l-importanza li jiġu żgurat li l-kopertura tas-sistema testendi kemm lejn il-pajjiżi tal-MEDA, kif ukoll lejn il-Lvant Nofsani u lejn l-Afrika;

7. Jenfasizza l-importanza tal-GNSS fl-iżvilupp tal-ITSs; jirrimarka li l-ITSs jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet ta' trasport aktar effiċjenti, nodfa u sikuri, u li l-implimentazzjoni xierqa ta' għadd ta' servizzi tal-ITS teħtieġ sistemi GNSS li jiffunzjonaw sewwa;

8.  Jappoġġja l-fehma li l-EGNOS u l-Galileo jistgħu jkunu ta’ kontribut importanti għall-ġestjoni tat-traffiku fuq it-triq u li tinħtieġ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni f’dak is-settur sabiex jiżdied l-użu tal-opportunitajiet ipprovduti fir-rigward tal-ġbir ta’ tariffi, is-sistema tas-sejħiet ta’ emerġenza “eCall”, l-ibbukkjar onlajn ta' żoni ta' parkeġġ sikuri għat-trakkijiet u t-tracking fil-ħin reali, biex tkun ta’ kontribut għal trasport bit-triq li jkun aktar sikur u li jirrispetta aktar l-ambjent;

9.  Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti regolatorji meħtieġa biex tagħti valur miżjud mill-GNSS lis-sikurezza f'kull forma ta' trasport, b'mod partikolari fit-toroq, u biex titjieb l-effiċjenza fit-trasport tal-merkanzija;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni industrijali mal-pajjiżi non-Ewropej bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp u l-interoperabilità tal-applikazzjonijiet u s-servizzi EGNOS u Galileo;

11. Jaqbel li l-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-ħtieġa li temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar takografi diġitali sabiex tiżgura li l-opportunitajiet għall-informazzjoni dwar l-ippożizzjonar u l-veloċità li toffri l-GNSS jintużaw b’mod xieraq;

12. Jaqbel li l-GNSS tista' tagħmel ħafna biex issaħħaħ is-sigurtà u l-effiċjenza tat-trasport bil-baħar u li l-Kummissjoni għandha tieħu l-passi biex iżżid is-sensibilizzazzjoni u ttejjeb l-għarfien tal-applikazzjonijiet possibbli tal-GNSS fis-setturi marittimi u tal-ilmijiet navigabbli interni u biex l-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-EGNOS jiġu aċċettati fil-livell tal-IMO u tal-ICAO;

13. Jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni li tniedi kampanji ta' tixrid tal-għarfien fost il-partijiet interessati differenti biex l-industrija Ewropea tingħata l-kunfidenza biex tinvesti fil-potenzjal kummerċjali tal-proġetti tal-UE tan-navigazzjoni bis-satellita;

14. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta b’effikaċja l-miżuri b’saħħithom ta’ sensibilizzazzjoni stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni, sabiex jinkiseb użu estensiv tal-EGNOS fl-Ewropa, f'kull qasam ta' applikazzjoni, ubiex b'hekk jiġu żgurati approċi aktar kumplessi;

15. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tipproponi, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja u tal-qafas finanzjarju multiannwali tal-ġejjieni (MFF), miżuri li jiżguraw li jkun hemm livelli adegwati ta’ finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp tal-GNSS, kif ukoll għall-implimentazzjoni; jenfasizza li l-finanzjament tal-UE fis-settur tat-trasport hu diġà nieqes ħafna u li, għalhekk, finanzjament addizzjonali għall-GNSS ma għandux iwassal għal anqas fondi fi prijoritajiet oħrajn fil-qasam tal-Politika Komuni għat-Trasport; iġedded is-sejħa tiegħu biex il-Kummissjoni, fir-rigward ta’ kemm dan il-proġett speċifiku u ta’ proġetti simili bħat-TEN-Ts, tressaq proposta finanzjarja multiannwali li tmur lil hinn mill-perjodu tal-MFF, sabiex tipprovdi qafas finanzjarju stabbli u affidabbli għal proġetti Ewropej aktar ambizzjużi li l-ambitu tagħhom jmur lil hinn mil-limitazzjonijiet attwali;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk dħul mill-attivitajiet kummerċjali tal-Galileo jistax jingħata lill-baġit tal-UE;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar kif l-ispiża ta' manteniment annwali, stmata għal EUR 800 miljun, ser tkun iffinanzjata ladarba l-Galileo issir operattiva;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija ta' finanzjament komprensiva li, flimkien ma' kontributi adegwati mill-UE u mill-Istati Membri, tkun tista’ tinkludi, inter alia, inċentivi fiskali koordinati, proċeduri simplifikati għall-għoti ta’ applikazzjonijiet, u arranġamenti li jistgħu jwasslu investiment kapitali lill-SMEs u jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-applikazzjonijiet EGNOS u Galileo b'koperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u mal-Fond Ewropew tal-Investiment;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-EUR 100 miljun li x'aktarx mhux ser jintefqu fi ħlasijiet ta' approprjazzjonijiet għar-riċerka fi ħdan is-Seba' Programm ta' Qafas ikunu dsiponibbli għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet GNSS;

20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina kif proċeduri simplifikati jistgħu jiżguraw l-għoti aktar effiċjenti u aktar trasparenti tal-fondi b’appoġġ għar-riċerka fil-qasam tat-trasport assistit mill-GNSS għal kulħadd, b'attenzjoni speċjali fuq il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità u b’enfasi partikolari fuq l-SMEs;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-SMEs jiksbu aċċess iffaċilitat għall-finanzjament Ewropew immirat biex iħeġġeġ l-innovazzjoni marbuta mal-applikazzjonijiet tal-GNSS, speċjalment skont is-seba’ u t-tmien programmi ta’ qafas;

22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina x’riskji dwar il-protezzjoni tad-data jista' jkun hemm bl-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-EGNOS u biex tagħmel dak kollu possibbli biex teliminahom;

23. Jinnota l-ħtieġa ta’ investiment fir-riċerka fl-applikazzjonijiet u s-servizzi speċifiċi għall-GNSS – b'attenzjoni partikolari għar-rekwiżiti speċjali ta’ persuni b'diżabilità – peress li dan l-investiment huwa ta’ importanza deċiżiva għall-iżvilupp u l-użu xieraq tas-servizzi GNSS;

24. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ inizjattivi mmirati għall-iżvilupp ta' ċentri ta' servizz speċifiċi għas-settur, b'mod partikolari għal settur marittimu;

25. Jiddispjaċih li n-nuqqas ta’ fondi allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-EGNOS u l-Galileo qed iwassal għal dewmien kunsiderevoli fil-progress teknoloġiku u fit-tkabbir tal-kapaċità industrijali, u tal-implimentazzjoni effettiva mil-lat ambjentali, fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi arranġamenti li jippermettu l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiksbu aċċess għal finanzjament aktar fil-pront;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

(2)

ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.

(3)

ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.

(4)

ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 128.


NOTA SPJEGATTIVA

Daħla

Fl-14 ta’ Ġunju 2010 l-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS), li kien fih 24 rakkomandazzjoni speċifika għal azzjoni. L-isfond ġenerali tal-Pjan ta’ Azzjoni huwa l-iżvilupp ġenerali tas-sistemi globali tan-navigazzjoni bis-satellita u speċifikament l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-EGNOS (Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja). L-EGNOS hija l-prekursur tas-sistema GALILEO. Is-settur, fis-sħuħija tiegħu, għadda minn espansjoni kbira mindu ġew ipprovduti l-ewwel servizzi GPS mill-istallazzjonijiet tas-satelliti Amerikani fl-2000. Il-valur tas-suq globali fl-2008 kien stmat li jlaħħaq il-124 biljun Euro, u huwa mistenni li jilħaq il-230 biljun Euro sal-2025. Minn dan l-ammont, is-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) għandhom sehem ta’ 20% filwaqt li l-applikazzjonijiet ta’ sikurezza, inklużi l-applikazzjonijiet tas-sikurezza tat-trasport, għandhom sehem ta’ 5%.

L-UE nediet il-proġett EGNOS (u l-Galileo) biex ikun hemm sinjali garantiti għall-użu ċivili u biex jiġi żgurat li l-industrija Ewropea f’kull livell ikollha l-opportunità tikkompeti f’dan is-suq strateġiku li qed jikber. Is-sehem attwali Ewropew tas-suq ta’ 25% huwa aktar baxx mill-aspettattivi. L-EGNOS hija kompatibbli mal-GPS iżda toffri aktar possibilitajiet meta s-sistema Galileo tibda topera fl-2013. L-EGNOS hija għaxar darbiet aktar preċiża mill-GPS.

Il-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-kooperazzjoni dwar il-GPS-Galileo tiżgura li jkun hemm interoperabilità u, filwaqt li n-numru ta’ satelliti jiżdied u jibdew jitħaddmu sistemi avvanzati tal-GPS, jitjiebu wkoll il-livelli ta’ veloċità u ta’ preċiżjoni. Bl-użu tal-aktar sistemi ċivili avvanzati, fil-ġejjieni qarib tista’ tinkiseb preċiżjoni ta’ 45 cm.

Il-Pjan ta’ Azzjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni jiffissa l-passi li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex il-GNSS tilħaq “massa kritika”, wara liema punt is-suċċess tas-sistema jkun garantit. Il-Kummissjoni tippreferi Pjan ta’ Azzjoni mmirat minflok pjan ta’ azzjoni komprensiv li jkollu r-riskju li jegħreq taħt patafjun inizjattivi u sempliċi konsulta bir-riskju li dawn ikunu insuffiċjenti biex ikunu ta’ impuls. Il-Pjan ta’ Azzjoni jkun ikopri mill-2010 sal-2013.

It-trasport fil-Pjan ta’ Azzjoni

Mill-15-il azzjoni settorjali inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni, 9 għandhom applikazzjoni immedjata u importanti għat-trasport. Dawn huma:

- iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema EGNOS fl-avjazzjoni ċivili biex tiffaċilita l-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew,

- il-ħolqien ta’ entità għaċ-ċertifikazzjoni u proċeduri, b’kooperazzjoni mal-manifatturi għas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS), għat-trasport fit-toroq, inklużi Sistemi Avvanzati ta’ Assistenza għas-Sewwieq,

- l-adozzjoni tal-applikazzjonijiet tal-EGNOS u l-GALILEO għat-trasport marittimu, b’konsultazzjoni mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, biex titjieb in-navigazzjoni tat-trasport marittimu, speċjalment fil-portijiet, inħawi tax-xtut u rotot ta’ tbaħħir li jintużaw ħafna. Applikazzjoni oħra tkun għall-ilmijiet navigabbli interni,

- kampanja ta’ sensibilizzazzjoni biex turi l-benefiċċji tal-EGNOS għall-komunità tat-trasport bit-triq speċjalment f'oqsma diġà koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE bħall-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi tal-ġbir tat-tariffi jew it-trasport tal-annimali jew f’oqsma oħra bħall-eCall u t-tracking f’ħin reali tal-kontejners,

- flimkien mal-Eurocontrol, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ żvilupp tas-suq li tiffoka fuq il-manifatturi tal-ajruplani, fuq l-avjazzjoni ġenerali u fuq ajruporti żgħar ladarba l-EGNOS tiġi ċċertifikata għall-użu fl-avjazzjoni,

- bl-istess mod il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq kampanja ta’ sensibilizzazzjoni ffukata fuq il-manifatturi ta’ tagħmir u fuq il-bennejja tal-vapuri, l-awtoritajiet tal-portijiet u s-sidien tal-vapuri, fir-rigward tad-disponibilità tal-EGNOS għas-settur marittimu,

- minħabba li jista’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ miżuri regolatorji biex jiġi żgurat li jkun hemm valur miżjud tal-GNSS għas-sikurezza tat-toroq (eż. il-monitoraġġ tat-trasport ta’ prodotti perikolużi, jew għal trasport pubbliku fuq distanzi twal) u għall-effiċjenza tat-trasport tal-merkanzija, jew għal ġestjoni mtejba tat-traffiku, il-Kummissjoni għandha, b’mod komplimentari, teżamina l-vantaġġi li tipproponi Direttivi dwar monitoraġġ ibbażat fuq il-GNSS ta’ kowċis li joperaw fuq distanzi twal, u dwar il-loġistika multimodali bbażata fuq il-GNSS,

- il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-urġenza li temenda r-Regolament dwar it-takografi diġitali biex tieħu vantaġġ mid-disponibilità ta’ pożizzjonar, timing u informazzjoni dwar veloċità bbażata fuq il-GNSS,

- Il-Kummissjoni Ewropea se tinvestiga l-espedjenza ta' Direttiva dwar it-tgħammir tal-vetturi b'tagħmir funzjonali abbord il-vettura bil-GNSS u bl-Identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju (RFID) li jagħti l-pożizzjoni awtentikata eżatta u l-identifkazzjoni elettronika tal-vettura, filwaqt li jitqiesu kif xieraq ir-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

Id-9 azzjonijiet orizzontali fil-Pjan ta’ Azzjoni, bħall-promozzjoni tal-EGNOS f’pajjiżi terzi jew iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi terzi, ukoll ikolhom implikazzjonijiet kbar għas-settur tat-trasport. Huwa ċar li meta dawn l-azzjonijiet kollha jitqiesu flimkien l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-modi kollha tat-trasport, fuq terminu medju jew fit-tul, huwa sinifikanti.

X’jeħtieġ li jsir?

Il-Kummissjoni hija fl-aħjar pożizzjoni biex tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi evitat li jkun hemm duplikazzjoni fil-livell tal-Istati Membri u sabiex jiġi żgurat li jkun hemm progress ġenerali fl-għadd ta' oqsma ta' politika tal-UE koperti mill-applikazzjonijiet tal-GNSS.

Fid-dawl ta’ dan u tal-impatt ekonomiku maġġuri ta’ benefiċċju li l-EGNOS, jekk tiġi żviluppata sal-akbar potenzjal tagħha, ikollha fuq l-ekonomija Ewropea ġenerali, jinħtieġ li jkun hemm żewġ passi oħra. L-ewwelnett il-Kummissjoni trid tipprijoritizza l-miżuri li hija qed tipproponi fil-Pjan ta’ Azzjoni.

L-EGNOS trid tkopri l-Unjoni Ewropea kollha u, bħala kwistjoni prijoritarja, għandha tiġi estiża lejn l-Ewropa tat-Tramuntana, tal-Lvant u tax-Xlokk. Sabiex l-EGNOS tkun effettiva bis-sħiħ minn perspettiva ta’ trasport, il-medda li hija tkopri għandha tkun l-Unjoni Ewropea kollha u anki lil hinn lejn il-ġirien qrib tagħna.

Fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili l-Istati Membri jridu jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ proċeduri ta’ nżul ibbażati fuq l-EGNOS u, bħala prijorità, is-servizzi għandhom jiġu ċċertifikati għall-avjazzjoni ċivili. Din hija ħtieġa strateġika biex jintlaħaq Ajru Uniku Ewropea reali.

Huwa ċar ukoll li, b’mod ġenerali, l-EGNOS u l-GNSS jistgħu jagħtu kontribut importanti lill-objettivi ta’ sikurezza u ambjentali, u għall-fluss ta’ traffiku aktar ħieles, fit-trasport tat-triq permezz tad-disponibilità ta’ sistema ta’ ħlas għall-użu tat-toroq.

Barra minn hekk it-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni tal-EGNOS u tal-Galileo fl-oqsma marittimi u tal-avjazzjoni ċivili għandhom iwittu t-triq biex l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) jaċċettaw applikazzjonijiet essenzjali għas-sikurezza bbażati fuq dawn is-sistemi.

Madankollu, huwa ċar li xejn minn dan ma jista’ jintlaħaq mingħajr ma jkun hemm investiment adegwat fir-riċerka u l-iżvilupp relatat. In-nuqqas ta’ finanzjament f’dan l-ambitu huwa ta’ tħassib kbir.

Fir-rigward ta’ dal-punt u dak kollu msemmi hawn fuq, fl-1 ta’ Diċembru 2010 l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu kellu seduta ta’ smigħ dwar l-applikazzjonijiet għat-trasport tal-GNSS u sema' żewġ esperti mill-qasam tal-GNSS li kienu qed jirrappreżentaw, rispettivament, impriża teknoloġika relattivament żagħżugħa u speċjalist fil-finanzjamenti ta’ bidu f’dan il-qasam. Huma identifikaw nuqqas ta’ finanzjament fir-rigward ta’ kapital ta’ riskju fl-UE għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u l-ħtieġa ta’ proċeduri simplifikati FP7/FP8 biex jiġu attirati operaturi kummerċjali. Barra minn hekk, l-industrija teħtieġ ċertezza ta’ finanzjamenti kontinwi għar-riċerka u għall-iżvilupp li għandhom jerġgħu lura għal-livelli inizjali tal-FP7. L-UE huwa l-uniku blokk kummerċjali li ma jagħtix finanzjamenti diretti lill-programm tal-GNSS.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (28.1.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta’ żmien

(2010/2208(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Norbert Glante

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi s-Sistema Globali tan-Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) għandha potenzjal kbir tas-suq rigward applikazzjonijiet li jibnu fuqha, li minnhom madwar 25% huma applikazzjonijiet fil-qasam tat-trasport;

B.  billi t-teknoloġija tan-navigazzjoni bis-satelliti qiegħda tirrevoluzzjona l-mezzi kollha ta’ trasport, speċjalment it-traffiku fuq l-art, bl-ajru u bil-baħar, b'tali mod li t-traffiku jiġi ottimizzat b’mod aktar effettiv, jonqsu l-impatt tat-traffiku u l-emissjonijiet tas-CO2, u jittejbu l-loġistika u s-sikurezza,

C. billi t-teknoloġija tan-navigazzjoni bis-satelliti għandha tkun sinkronizzata fil-mezzi kollha tat-trasport biex tinżamm komodalità xierqa per eżempju fiċ-ċentri tal-loġistika biex tiġi żgurata l-merkanzija xierqa tal-prodotti,

1.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tal-GNSS (COM(2010)308) tal-Kummissjoni, li għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet li jibnu fuq il-GNSS permezz taċ-ċertifikazzjoni, l-istandardizzar u l-koordinazzjoni mal-industrija kif ukoll ma' pajjiżi oħra, bit-tixrid tal-informazzjoni, it-trawwim tal-għarfien, l-implimentazzjoni ta' miżuri regolatorji u aktar finanzjament;

2.  Jitlob li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tal-GNSS li jfittxu li jtejbu s-sostenibilità bħal ma huma: l-immaniġġjar effiċjenti tat-trasport/loġistika, il-ħlas għall-użu tat-toroq, l-immaniġġjar tal-ippjanar u tar-riżorsi tal-użu sostenibbli tal-art, l-infurzar u s-sorveljanza ambjentali (foresti u protezzjoni marittima);

3.  Jenfasizza li l-GNSS tirrappreżenta parti mill-qalba tal-istrateġija UE2020 fir-rigward tal-innovazzjoni, li tgħin biex twassal għal ekonomija aktar ħadra u aktar konnessa u t-tkabbir, kif ukoll fil-bidla fil-klima u l-mobilità sostenibbli;

4.  Jinnota li l-GNSSs - bħall-internet ­- huma aktar li jippermettu s-servizz milli sempliċi servizz għalih waħdu ladarba jaġixxu bħala katalist għall-attivitajiet ekonomiċi, li jwassal għall-ħolqien ta’ valur miżjud u impjiegi f’firxa wiesgħa ta’ setturi konnessi (swieq upstream u downstream) u fil-livell makroekonomiku permezz ta’ benefiċċji soċjo-ekonomiċi għas-soċjetà fit-totalità tagħha;

5.  Jinnota li d-daqs tas-suq downstream tal-GNSS fl-UE fl-2010 huwa stmat għal EUR 17 biljun, filwaqt li jitqies id-dħul minn kumpaniji involuti direttament fin-navigazzjoni bis-satelliti, jiġifieri manifatturi tar-riċevituri, l-iżviluppaturi tas-softwer tan-navigazzjoni eċċ...;

6.  Jenfasizza li medja ta’ 15-il miljun euro fis-sena għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiiet u servizzi tal-GNSS mhijiex biżżejjed u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw żieda sinifikanti f’dan l-ammont sabiex jiġu pprovduti r-riżorsi neċessarji għall-iżvilupp tal-GNSS;

7.  Huwa tal-fehma li l-istabbiltà, ir-responsabbiltà u t-trasparenza fl-introduzzjoni tal-Programm tal-GNSS huma ta' importanza deċiżiva għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet: jemmen li l-effiċjenza, il-kompatibilità u l-interoperabilità huma fatturi essenzjali għal sistema u applikazzjonijiet li jiffunzjonaw;

8.  Jitlob f’dan il-kuntest għal koordinazzjoni interna mtejba fl-iżvilupp tas-sistemi EGNOS u Galileo, li hemm bżonnha biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ sistema tal-UE effiċjenti; jitlob ukoll għal koordinazzjoni u kooperazzjoni esterni ma’ sistemi oħrajn (bħal ma huma l-GPS u l-Glonass), it-tnejn fir-rigward tal-użu u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-applikazzjonijiet sabiex jiġu identifikati effetti ta’ benefiċċju għal kulħadd u jiġu żgurati l-kompatibilità u l-interoperabilità xierqa;

9.  Jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li ddaħħal skema ta' vawċers tal-GNSS, biex takkumpanja l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet provduti b'għarfien espert tekniku u b'konsulenza finanzjarja, kif ukoll tissimplifikalhom l-aċċess għall-faċilitajiet eżistenti għat-testijiet u s-simulazzjonijiet ta' Galileo;

10. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-GSA biex, permezz ta' sejħiet għall-offerti, kampanji ta' informazzjoni u mekkaniżmi tat-trasferiment tat-teknoloġiji, javviċinaw awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll SMEs, kemm dawk li jittrattaw it-teknoloġija relatata mal-ispazju kif ukoll dawk li jittrattaw direttament mat-teknoloġija tal-ispazju, bħala utenti potenzjali ta' applikazzjonijiet tal-GNSS;

11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-iskambju bejn żviluppaturi, investituri u utenti potenzjali ta' applikazzjonijiet tal-GNSS;

12.      Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis aktar l-iffinanzjar R&D tal-UE għall-applikazzjonijiet tal-GNSS biex jitrawwem l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq EGNOS u Galileo, u biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-Ewropa mis-sistemi barranin u kkontrollati militarment;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

27.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

46

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Jan Březina, Reinhard Bütikofer, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Ioan Enciu, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Romana Jordan Cizelj, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Britta Thomsen, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Niki Tzavela, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Oriol Junqueras Vies, Bernd Lange, Vladko Todorov Panayotov, Silvia-Adriana Ţicău, Catherine Trautmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marit Paulsen


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.3.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Luis de Grandes Pascual, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Ville Itälä, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Gesine Meissner, Hella Ranner, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Dirk Sterckx, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Spyros Danellis, Isabelle Durant, Tanja Fajon, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Ioan Mircea Paşcu, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Sabine Wils

Aġġornata l-aħħar: 28 t'April 2011Avviż legali