Proċedura : 2011/2195(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0084/2012

Testi mressqa :

A7-0084/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2012 - 7.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


RAPPORT     
PDF 240kWORD 177k
29 ta' Marzu 2012
PE 478.701v01-00 A7-0084/2012

dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020

(2011/2195(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Nuno Teixeira

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020

(2011/2195(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 355 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jagħti status speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi, u l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE rigward is-sistema ta’ għajnuna mill-Istat għal dawn ir-reġjuni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 174 u dawk segwenti tat-TFUE li jassenjaw objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex dan jintlaħaq,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2004 bit-titolu "Sħubija msaħħa għar-reġjuni l-aktar imbiegħda" (COM(2004)0343),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2005 dwar sħubija msaħħa għar-reġjuni l-iktar imbiegħda(1),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2007 bit-titolu "Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni" (COM(2007)0507), u d-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, tat-12 ta' Settembru 2007, li jakkumpanja din il-komunikazzjoni, bit-titolu "Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni" (SEC(2007)1112),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar l-istrateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieni(2),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa" (COM(2008)0642),

–   wara li kkunsidra l-Memorandum Konġunt tar-reġjuni ultraperiferiċi, tal-14 ta’ Ottubru 2009, dwar "Ir-reġjuni ultraperiferiċi fuq ix-xefaq tal-2020",

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Portugall u tar-reġjuni ultraperiferiċi, tas-7 ta’ Mejju 2010, dwar "Viżjoni mġedda tal-istrateġija Ewropea għar-reġjuni ultraperiferiċi",

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3 022 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-14 ta’ Ġunju 2010(3),

–   wara li kkunsidra l-ewwel rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2010, dwar l-impatt tar-riforma tal-POSEI tal-2006 (COM(2010)0501),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2010, li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni (COM(2010)0498),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Ġunju 2011, bit-titolu "Baġit għall-Ewropa 2020" (COM(2011)0500 - Partijiet 1 u 2),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398),

–   wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej fis-suq uniku: l-influwenza tal-UE fid-dinja’, tat-12 ta’ Ottubru 2011, għall-membru tal-Kummissjoni Ewropea s-Sur Michel Barnier, ippreżentat mis-Sur Pedro Solbes Mira,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew, tat-18 ta’ Ottubru 2010, bit-titolu ‘Opinjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 355(6), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-inizjattiva tal-Gvern Franċiż għall-emenda tal-istatus ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni’ (COM(2010)0559), u d-Deċiżjoni 2010/718/UE tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ottubru 2010, li timmodifika l-istatus tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-Unjoni Ewropea(4),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tas-XVII-il Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, tat-3 u l-4 ta’ Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi, tal-15 ta’ Jannar 2010, għall-konsultazzjoni pubblika marbuta mad-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni – Konsultazzjoni dwar l-istrateġija futura "UE 2020" (COM(2009)647),

–   wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni konġunta tar-reġjuni ultraperiferiċi, tat-28 ta' Jannar 2011, fir-rigward tal-Ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–   wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, tat-28 ta' Frar 2011, bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku" (COM(2010)0608 tas-27 ta' Ottubru 2010),

–   wara li kkunsidra l-pjattaforma komuni, tas-6 ta' Lulju 2010, indirizzata lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso, mill-Konferenza tal-Membri Ewropej tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0084/2012),

A. billi fl-Artikolu 349, it-Trattat jipprevedi bażi ġuridika speċifika bbażata fuq il-leġiżlazzjoni primarja, li fuqha ġew ikkonsolidati statut ġuridiku speċifiku u politiki komuni għall-benefiċċju tal-ultraperiferija;

B.  billi l-politika ta’ koeżjoni għandha tkun allinjata mal-istrateġija Ewropa 2020 u billi din tipprevedi li l-inizjattivi politiċi jiġu organizzati madwar tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, u tintegra l-elementi tagħha, filwaqt li tippromwovi ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi li tiffavorixxi l-koeżjoni soċjali u territorjali, u għandha tikkunsidra d-dimensjoni ultraperiferika b’mod xieraq; billi l-kundizzjonijiet inizjali biex reġjun ultraperiferiku jilħaq dawn l-objettivi huma aktar diffiċli minn dawk għal ċerti reġjuni, u billi r-reġjuni ultraperiferiċi huma lesti jikkoperaw biex jiġu kkonkretizzati l-ħames objettivi li għandhom jintlaħqu sal-2020 fl-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, il-klima u l-enerġija u billi l-ħtieġa li l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 jiġu indirizzati lejn l-isfruttament tal-potenzjal tagħhom u lejn it-tkabbir tas-setturi ta' eċċellenza ma tippermettix li jiġu injorati la l-ostakli strutturali li jaffrontaw dawn ir-reġjuni u lanqas ir-rwol fundamentali ta' żvilupp li jiżvolġu s-setturi tradizzjonali;

C. billi l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-azzjoni Ewropea għat-tnaqqis tal-inugwaljanza fir-reġjuni Ewropej b'mod ġenerali u fir-reġjuni ultraperiferiċi b'mod partikulari, biex ikunu jistgħu jiġu integrati fis-suq intern u affermati fl-ispazju ġeografiku rispettiv tagħhom, għall-promozzjoni tal-iżvilupp u tal-konverġenza ekonomika ta' dawn ir-reġjuni mal-UE kontinentali, kif ukoll għall-insegwiment tal-objettivi tal-istrateġija "Ewropa 2020", peress li l-fondi Ewropej jikkostitwixxu strumenti kruċjali, imma din il-politika Ewropea ma tistax issolvi waħedha id-diffikultajiet li jaffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi;

D. billi l-isfida l-kbira għall-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi hija t-tibdil tal-limiti tagħhom f'potenzjalitajiet u possibilitajiet ta' tkabbir, bl-għajnuna ta' strumenti li jippermettu t-tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-oqsma taċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta' persuni u prodotti, ta' kapital u servizzi, u billi l-isfidi, bħall-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, tal-baħar u agrikoli, il-preżervazzjoni tal-bijodiversità, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqas u l-pressjonijiet demografiċi, jirrikjedu l-koordinament tal-politiki u l-istrumenti kollha tal-Unjoni;

E.  billi d-deterjorament tal-qagħda ekonomika mqanqal mill-kriżi ekonomika, soċjali u finanzjarja laqat b'mod partikulari lir-reġjuni ultraperiferiċi u evidenzja d-dgħufijiet strutturali tal-ekonomiji tagħhom u tad-dipendenza tagħhom fuq id-dinja esterna;

F.  billi l-investimenti Ewropej fir-reġjuni ultraperiferiċi m’humiex biss politika ta’ rkupru tad-dewmien u ta’ kumpens għal-limitazzjonijiet, iżda huma wkoll investimenti mwettqa għall-benefiċċju u għall-vantaġġ tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi;

Trattament differenzjat u olistiku għar-reġjuni ultraperiferiċi

1.  Jinsisti fuq il-fatt li skont it-TFUE, ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom dritt għal trattament differenzjat u olistiku, li jippermettilhom li jibbenefikaw minn livell massimu ta’ għajnuna, indipendentement mil-livell ta’ żvilupp tagħhom, sabiex il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom jitqiesu u jitħarsu biżżejjed;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, tiġi estiża l-flessibbiltà tal-istrumenti tal-Politika ta’ Koeżjoni, b’tali mod li jkun possibbli li jsiru investimenti li kapaċi jiżguraw livelli ta’ tkabbir u ta’ żvilupp konformi mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, anke fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet ġeografiċi u demografiċi partikolari;

3.  Jikkondividi l-ħsieb li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jimmiraw biex jilħqu l-objettivi ewlenin definiti fl-istrateġija Ewropa 2020, imma jinsisti fuq il-ħtieġa li dawn jiġu mmodulati skont ir-realitajiet proprji tagħhom, waqt li jitqiesu d-diversità reġjonali, il-qagħda strutturali u l-vantaġġi potenzjali tagħhom, waqt li jenfasizza li l-Artikolu 349 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri speċifiċi maħsuba biex itaffu l-impatt tal-karatteristiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, għandu jintuża aktar u jingħata l-effett ġuridiku, istituzzjonali u politika meħtieġ biex tiġi żgurata integrazzjoni ġusta għar-reġjuni ultraperiferiċi u jitħallew jiżviluppaw ekonomikament u soċjalment fi ħdan is-suq intern u, fuq skala akbar, fi ħdan l-Unjoni, bl-istess mod li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fuq livell indaqs mar-reġjuni l-oħra fil-programmi relevanti kollha tal-Unjoni;

4.  Jemmen li, fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi, għandha tiġi llaxkata l-konċentrazzjoni fuq it-tliet għanijiet tematiċi ewlenin previsti fil-proposti għal regolamenti godda mill-2014 ’il quddiem, biex ikun evitat li jitrażżnu b'mod eċċessiv il-possibilitajiet ta’ diversifikazzjoni u ta’ żvilupp tal-potenzjal eżistenti, kif ukoll il-possibilitajiet biex jintużaw il-benefiċċji komparattivi u kompetittivi tagħhom;

5.   Jitlob li jintużaw kriterji oħra biex jiddeterminaw l-eliġibbiltà tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-allokazzjoni tal-fondi strutturali, billi l-kriterju tal-PDG ‘per capita’ ma jirriflettix ir-realtajiet speċifiċi tagħhom u huwa kuntrarju għall-ispirtu tal-istatus ta' reġjun ultraperiferiku u tat-Trattat innifsu; jitlob f’dan ir-rigward, l-implimentazzjoni ta’ kriterju partikolari, li jelenka lir-reġjuni ultraperiferiċi mar-reġjuni l-inqas żviluppati, indipendentement mil-livell ta’ PDG tagħhom billi dan l-approċċ huwa l-iktar wieħed adattat għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom; jinsisti li, barra minn hekk, ir-rati ta’ kofinanzjament għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu ta’ 85 % għall-istrumenti kollha ta’ għajnuna għal dawn ir-reġjuni; jitlob estensjoni għaż-żmien ta' implimentazzjoni tal-fondi fir-reġjuni ultraperiferiċi bl-iskop ta’ implimentazzjoni aħjar;

6.  Imaqdar, fil-kuntest tal-allokazzjoni addizzjonali għall-FEŻR, il-proposta għal tnaqqis drastiku tal-ammonti allokati lir-reġjuni ultraperiferiċi u lir-reġjuni b'densità ta' popolazzjoni baxxa għall-perjodu finanzjarju 2014–2020 u jitħasseb mill-fatt li n-natura ta' din l-allokazzjoni, li kienet inizjalment maħsuba sabiex tikkumpensa l-effetti tal-limitazzjonijiet strutturali tar-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġuni b'popolazzjoni baxxa, inbidlet minħabba li madwar 50% tagħha ġiet indirizzata lejn objettivi differenti; jitlob sabiex din l-allokazzjoni tiżdied għal rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 %, fuq il-mudell tal-FEŻR mainstream; jitlob f'dan ir-rigward li l-isforz finanzjarju tal-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 tinvolvi l-aċċess għal għajnuna Ewropea tal-inqas identika f'termini reali għal dik tal-qafas finanzjarju attwali biex l-istrateġija Ewropa 2020 tkun tista' tiġi implimentata b'mod koerenti u effikaċi;

7.  Jiddispjaċih li sar tnaqqis f'oqsma oħra tal-politika ta' koeżjoni, u b'mod partikulari, li l-Kummissjoni qed tipproponi tnaqqis globali għall-miżuri ta' finanzjament tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta’ 5.1 % fi prezzijiet kostanti tal-2011 għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, inkluż tnaqqis ta’ 20.2 % fil-finanzjament tal-miżuri għar-reġjuni ta’ konverġenza (esklużi r-reġjuni ta’ tranżizzjoni), tnaqqis ta’ 5.6 % fil-finanzjament għar-reġjuni tal-kompetittività u tnaqqis ta' 2.9% fl-allokazzjonijiet tal-Fond ta' Koeżjoni;

8.  Jilqa’ bi pjaċir il-pjan tal-Kummissjoni li tinkludi linja baġitarja għar-“Reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni b’densità baxxa ħafna ta’ popolazzjoni” fil-qafas finanzjarju multiannwali 2014 - 2020, peress li tippermetti li tiġi stabbilita korrelazzjoni aktar ċara bejn il-fondi allokati għal dawk ir-reġjuni u l-objettivi tagħhom;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-proposta ta’ regolament tal-FSE li jmiss, is-sitwazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi reġgħet ma ssemmitx, meta jitqiesu mhux biss il-karatteristiċi strutturali msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE iżda anke s-sitwazzjoni ekonomika partikolari tagħhom li tpoġġihom fost ir-reġjuni bir-rati ta’ qgħad l-aktar għolja tal-UE;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki finanzjarji u doganali Ewropej jiġu adattati sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomiji ultraperiferiċi, kif ukoll l-importanza suprema tal-eżistenza tal-mekkaniżmi fiskali u doganali adegwati fid-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika u fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

11. Jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini tar-reġjuni ultraperiferiċi jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mis-suq intern bl-istess mod bħaċ-ċittadini l-oħra tal-Unjoni u jitlob li jiġu adottati miżuri f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-Rapport Solbes; jitlob li tiġi eżaminata l-possibilità li jitfassal qafas għall-għajnuniet mill-Istat speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi, u jiddefendi ż-żamma tal-livell attwali ta’ intensità tal-għajnuna għall-investiment lill-intrapriżi kbar, medji u żgħar u l-possibilità li tingħata għajnuna għall-funzjonament li ma tkunx rigressiva u limitata biż-żmien, f’qafas regolatorju flessibbli, billi din l-għajnuna wriet li ma tagħmel l-ebda ħsara lill-kompetizzjoni u li serviet ta’ assistenza għar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari fir-rigward tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-ambjent; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li għandhom is-servizzi pubbliċi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-trasport bl-ajru u marittimu, tal-posta, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni;

12. Jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju permezz tal-allokazzjoni ta' fondi tal-Unjoni, bl-għan li jiġi żviluppat it-tessut produttiv tar-reġjuni ultraperiferiċi u bħala mezz ta' promozzjoni tal-ħiliet tal-ħaddiema, biex b'hekk jissaħħu l-prodotti speċifiċi ta' dawn ir-reġjuni u l-ekonomija lokali;

13. Iqis li l-interventi tal-Unjoni għandu jkollhom l-objettiv li jiżvolġu rwol kruċjali u jagħtu spinta lill-ispirtu ta’ inizjattiva biex jiġu żviluppati, inizjalment fir-reġjuni ultraperiferiċi, ċentri ta’ eċċellenza bl-appoġġ tas-setturi li jisfruttaw il-vantaġġi u l-għarfien tagħhom, bħal pereżempju l-ġestjoni tal-iskart, l-enerġiji rinnovabbli, l-awtosuffiċjenza fil-qasam tal-enerġija, il-bijodiversità, il-mobilità tal-istudenti, ir-riċerka fil-klima jew anke l-ġestjoni tal-kriżijiet; iqis li, anke jekk il-miżuri meħuda fil-livell u abbażi tal-karatteristiċi ġenerali tal-kontinent Ewropew ma jkunux dejjem effikaċi fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-miżuri sperimentali awtorizzati mill-Artikolu 349 tat-Trattat li jkollhom suċċess reali, jistgħu jiġu estiżi għall-bqija tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmassimizza dawn l-iskemi f’dawn ir-reġjuni bil-għan li jkun hemm tkabbir innovattiv, sostenibbli u bbażat fuq is-solidarjetà;

Qafas proprju u speċifiku għall-politiki Ewropej fir-reġjuni ultraperiferiċi

14. Jitlob it-tisħiħ tal-miżuri ta’ għajnuna għall-agrikoltura tar-reġim POSEI, bħala reazzjoni għall-kompetizzjoni minn produtturi li jibbenefikaw minn spejjeż ta’ produzzjoni aktar baxxi, u jappella għaż-żamma tal-miżuri speċifiċi maħsuba għal dawk ir-reġjuni bħala parti mill-PAK;

15. Jiddefendi l-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tal-impatt preliminari tal-proġetti ta’ regolamentazzjoni Ewropea fil-livell tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li jinżammu l-miżuri ta’ ġestjoni sostenibbli u ta' protezzjoni tar-riżorsi tal-baħar, li progressivament jitrażżan l-aċċess għaż-żoni marittimi identifikati bħala bijoġeografikament sensittivi għall-flotot reġjonali biss u li jintuża tagħmir tas-sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, li tiġi żviluppata l-akkwakultura, li tiġi introdotta mill-ġdid il-possibilità li tingħata għajnuna għat-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-flotta sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ iġjene u l-implimentazzjoni ta’ prattika tajba, u jitlob li jissaħħaħ il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali fir-reġim POSEI tas-Sajd; Jinsisti fuq il-ħtieġa li jkun hemm approċċ adattat aħjar għar-realitajiet ta' kull reġjun abbażi tal-mudelli ta' żvilupp għas-settur imfassla minn atturi lokali;

17. Jiddispjaċih li l-proposta ta' riforma tal-politika komuni tas-sajd ma qisitx biżżejjed is-sitwazzjoni u r-realitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi; jisħaq fuq id-dimensjoni marittima tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-importanza tal-attività tas-sajd fl-ippjanar tat-territorju u għall-impjieg tal-popolazzjonijiet lokali, minħabba ż-żona ekonomika esklussiva ta’ dawn ir-reġjuni, li l-potenzjal tagħhom għandu jiġi tradott f'miżuri konkreti u koerenti għal ekonomija marittima ta’ vera u li għandhom jitqiesu kif xieraq fil-programm tal-politika marittima integrata Ewropea; ifakkar fl-interess ekonomiku li qed jikber, imqanqal mill-ġid bijoġenetiku u minerali immens tal-qiegħ tal-baħar fir-reġjuni ultraperiferiċi, u l-importanza li dan jitqies f'"l-istrateġija Ewropea ġdida għar-reġjuni ultraperiferiċi", sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' ekonomija ta' tkabbir ibbażata fuq il-baħar; jargumenta f'dan il-kuntest li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom ikunu fil-qalba tal-politika marittima tal-Unjoni, waqt li jinsisti fuq ir-rwol tagħhom fil-qasam tal-isfruttament sostenibbli tal-baħar u l-inħawi kostali, kif ukoll f'termini ta' governanza marittima internazzjonali, u li r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Atlantiku għandhom jieħdu sehem fl-istrateġija għall-Atlantiku li qed titfassal bħalissa;

18. Ifakkar fl-importanza tas-settur turistiku u jistieden lill-Kummissjoni tħaffef it-twettiq tal-pjan ta’ azzjoni Ewropew u tiggarantixxi koordinament akbar tal-linji ta’ finanzjament eżistenti, waqt li tingħata attenzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi;

19. Jinsisti fuq il-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi bi ħsiebhom jiffokaw fuq strateġija ta’ riċerka u innovazzjoni u fuq it-tkabbir tal-istruttura kummerċjali tagħhom, speċjalment permezz tal-inkoraġġiment tal-ispirtu tal-imprenditorjat fost iż-żgħażagħ sabiex l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jkunu jistgħu jevolvu u jiġi evitat il-qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob li jinħolqu infrastrutturi teknoloġiċi u ċentri ta' innovazzjoni fuq livell Ewropew, li jiġu żviluppati proġetti u sħubijiet ma' entitajiet tas-sistema xjentifika u teknoloġika u li jiġu skambjati ideat u prattiki tajbin, permezz tan-netwerks Ewropej ta' għajnuna għall-innovazzjoni u ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, bħall-pjattaforma S3, u ta' investimenti fit-tul għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-qafas tal-finanzjament għall-koeżjoni u għall-garanzija tal-parteċipazzjoni attiva fil-proġetti emblematiċi tal-istrateġija Ewropa 2020; jitlob li l-isforzi li saru s’issa maħsuba għar-reġjuni ultraperiferiċi jkomplu jsiru sabiex tikber l-implimentazzjoni ta’ faċilitajiet lokali ta’ riċerka bl-ogħla potenzjal min-naħa l-waħda u li jkun iffaċilitat u mgħejjun l-iżvilupp ta’ universitajiet attraenti, effikaċi u b'riżorsi ta' vera u li jkunu fuq l-istess livell tal-universitajiet attwali fi mkejjen oħra fit-territorju tal-Unjoni min-naħa l-oħra;

20. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata s-sinerġija bejn il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi u jitrażżan in-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tal-fondi maħsuba għar-riċerka;

21. Jenfasizza li żona unika Ewropea tat-trasport għandha tikkontribwixxi għat-tkabbir inklussiv tar-reġjuni ultraperiferiċi, għat-tnaqqis fid-distakk tagħhom fl-aċċessibbiltà u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jitlob li jinħoloq qafas speċifiku għall-għajnuniet għat-trasport fir-reġjuni ultraperiferiċi speċifikament għall-promozzjoni tat-trasport komuni u għall-iżvilupp tat-trasport marittimu bejn il-gżejjer; jitlob ukoll li jinħolqu pjattaformi loġistiċi u jappella għall-implimentazzjoni ta’ proġetti bħall-awtostradi fil-baħar; jenfasizza l-potenzjalitajiet tal-Programm Marco Polo għar-reġjuni ultraperiferiċi; jiistieden lill-Kummissjoni tagħmlu aktar flessibbli u testendih għal wara l-2013 u jitlob li "l-mekkaniżmu għall-interkonnessjoni fl-Ewropa" jagħmel referenza speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi; jinsisti fuq l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fit-TEN-T tal-istrument il-ġdid intiż sabiex jiffaċilita l-interkonnessjonijet fl-Ewropa;

22. Ifakkar li d-dipendenza tar-reġjuni ultraperiferiċi fir-rigward tal-fjuwils fossili impurtati tinvolvi spejjeż addizzjonali sinifikanti; jinnota wkoll li l-investimenti tal-politika reġjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huma relattivament dgħajfa; jipproponi li s-settur tal-enerġiji rinnovabbli u l-effikaċja tal-enerġija jissaħħu, permezz ta' inizjattivi bħall-"Patt tal-Gżejjer", maħsub għat-tfassil ta' pjanijiet ta' azzjoni lokali għall-enerġiji rinnovabbli u proġetti li jrendu sabiex jintlaħaq tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 ta' mill-inqas 20 % sal-2020, permezz tal-ħolqien ta' programm speċifiku intenzjonat għal proġetti ta' riċerka fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli u tad-diversifikazzjoni tal-bażi enerġetika reġjonali, u b'mod aktar partikulari, fil-qasam tal-enerġija ġeotermika, tal-enerġija tal-mareat u tal-idroġenu u għall-ħolqien ta' programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija biex titnaqqas l-ispiża tat-tbegħid, tal-infrastrutturi u tas-servizzi pprovduti, sabiex jitħeġġu politiki ambizzjużi li adottaw ir-reġjuni ultraperiferiċi fil-qasam tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

23. Jinnota bi tħassib l-effetti tat-tibdil fil-klima fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari l-livelli tal-ilma li dejjem telgħin; jistieden lill-Unjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tal-istrateġija tagħha dwar il-prevenzjoni tat-tibdil fil-klima u r-reazzjonijiet għaliha; jirrakkomanda l-użu xieraq tar-riżorsi tal-enerġija u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-enerġiji rinnovabbli;

24. Jistieden lill-Kummissjoni toħloq programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija, tat-trasport u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, abbażi tas-sistemi POSEI, bl-ogħla livell ta’ sinerġija posibbli mal-linji l-oħra ta’ azzjoni tal-Unjoni f’dawn l-oqsma;

25. Iqis li hemm bżonn ta' appoġġ għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-abitanti ta' dawn ir-reġjuni jkollhom aċċess sħiħ għall-mezzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni pprovduti permezz ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju t-teknoloġija tal-broadband, it-teknoloġiji wifi, inklużi s-satelliti u, b'mod partikolari, l-aċċess għall-infrastrutturi tal-broadband b'mod li jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u amministrazzjoni aħjar permezz tad-diġitizzazzjoni tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk kollha li jgħixu fir-reġjuni ultraperiferiċi jkollhom aċċess għall-internet broadband sal-2013;

26. Jirrikonoxxi, minħabba l-fatt li l-ekonomija diġitali mingħajr dubju tqanqal l-iżvilupp ekonomiku fl-Unjoni, l-effetti tal-problema dejjem tikber tal-esklużjoni diġitali, li tista' ssir ostakolu serju għall-iżvilupp;

27. Iqis li l-finanzjamenti innovattivi tal-Politika ta' Koeżjoni jistgħu jservu ta' reazzjoni parzjali għan-nuqqas ta' investiment kroniku tal-intrapriżi żgħar ħafna/l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju fir-reġjuni ultraperiferiċi u jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess għall-finanzjamenti min-naħa tal-kumpaniji tar-reġjuni ultraperiferiċi, speċifikament billi jitwaqqaf djalogu mal-"Grupp tal-BEI" u billi jiġu appoġġati, kemm il-ħolqien ta' fondi ta' investiment ta' qrubija f'kull reġjun ultraperiferiku, kif ukoll l-iżvilupp tas-swieq tal-kapital-investiment reġjonali f'konformità mal-proposta tar-Rapport ta' Pedro Solbes Mira dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej fis-suq uniku, imsemmi hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi att leġiżlattiv f’dan ir-rigward lill-Parlament u lill-Kunsill;

28. Jixtieq li, f’dawn ir-reġjuni, jiġu implimentati strumenti sperimentali f’ċerti oqsma limitati fir-rigward tal-akkwist pubbliku, b’tali mod li l-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkunu jagħtu importanza lit-territorjalità tal-offerenti;

Governanza aħjar u l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Unjoni u fl-ispazju ġeografiku tagħha

29. Jitlob li jkun hemm parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fit-tħejjija u t-twettiq tal-programmi u tal-politiki tal-Unjoni, skont il-prinċipju ta' flessibilità, adattabilità u modularità, fil-kuntest tas-sussidjarjetà u ta' governanza fuq diversi livelli u bi sħubija mas-settur privat u s-soċjetà ċivili, sabiex jiġi ggarantit li l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom jitqiesu fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll għal viżibilità akbar ta' dawn ir-reġjuni fl-istituzzjonijiet Ewropej;

30. Jikkunsidra li waħda mid-dgħjufijiet ewlenin tar-reġjuni ultraperiferiċi hija l-ġestjoni tar-riżorsi tagħhom; jemmen li hemm bżonn jingħataw l-elementi meħtieġa biex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw l-investimenti tagħhom, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-infrastrutturi, mhux biss tat-trasport, iżda anke tal-ilma, l-enerġija u l-ġestjoni tal-iskart;

31. Ifakkar li r-rapport ta' Pedro Solbes Mera dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej fis-suq uniku, msemmi hawn fuq, evidenzja l-fatt li l-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi huma limitati kważi f'kull aspett mill-ispejjeż addizzjonali; jiġbed ukoll l-attenzjon tal-Kummissjoni għas-sitwazzjonijiet ta' monopolji, ta' abbuż ta' pożizzjoni dominanti u ta' qbil illegali li għandhom il-konsegwenza inġusta li jaċċentwaw l-għoli tal-ħajja; Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dettaljat dwar it-tiswir tal-prezzijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi sabiex jiġu identifikati l-azzjonijiet adatti biex jagħmlu s-suq uniku iktar effiċjenti f’dawn it-territorji;

32. Jindika r-rwol tar-reġjuni ultraperiferiċi bħala fruntieri tal-UE mal-bqija tad-dinja u jargumenta favur approċċ, b’mod partikolari permezz tat-tkomplija tar-riflessjonjiet imħabbra mill-Kummissjoni bi sħab mar-reġjuni ultraperiferiċi, li jirrikonoxxi r-relazzjonijiet ta' viċinat mal-pajjiżi terzi tal-UE, inkluż mal-pajjiżi b'relazzjonijiet storiċi u kulturali privileġġati; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet ta' integrazzjoni fiż-żoni ġeografiċi rispettivi, u għall-ħtieġa li jinstabu modi innovativi speċifiċi li jħeġġu integrazzjoni reġjonali reali permezz ta’ programmi u proġetti komuni bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi ġirien u li tingħata assistenza fit-twaqqif ta’ konnettività tajba fiż-żoni ġeografiċi rispettivi; jenfasizza l-importanza tal-impatt tal-aspetti esterni ta' ċerti politiki Ewropej fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi u jinsisti fuq il-ħtieġa li jitwettqu studju li jkejlu l-impatt tal-ftehimiet internazzjonali fil-qasam kommerċjali u fil-qasam tas-sajd u l-effetti tagħhom fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-produzzjoni lokali tagħhom, waqt li jiġu stabbiliti wkoll miżuri ta' kumpens li jippermettu li tittaffa l-ħsara kollha li tirriżulta minn dawn il-ftehimiet;

33. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ interess inizjali muri mid-DĠ Kummerċ fir-rigward tar-rikonnoxximent tal-ispeċifiċitajiet ultraperiferiċi waqt in-negozjati tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE), u jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni tkompli tfittex kompromessi li jirrispettaw l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati fil-qafas tal-ftehimiet definittivi li se jiġu konklużi mal-pajjiżi AKP;

34. Ifakkar, għal darb’oħra, il-ħtieġa ta' sinerġija aħjar bejn il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp sabiex ikun hemm titjib fil-proġetti ta’ interess komuni u fl-integrazzjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi; ifakkar, f’dan ir-rigward, fil-pożizzjoni mtennija tal-Parlament Ewropew dwar l-ibbaġitjar tal-FEŻ;

35. jisħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni territorjali għar-reġjuni ultraperiferiċi u jitlob biex jitkomplew il-programmi ta' koperazzjoni territorjali fir-reġjuni ultraperiferiċi; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun hemm flessibilità regolatorja bl-għan li jsir użu aħjar tal-allokazzjoni disponibbli u li jiġu kkonkretizzati l-proġetti ta’ kooperazzjoni, filwaqt li r-rati ta’ kofinanzjament tal-FEŻR jiżdiedu sa 85%, li tingħata attenzjoni akbar lill-kooperazzjoni transnazzjonali u li jitneħħa, f’dak li jikkonċerna r-reġjuni ultraperiferiċi, il-kriterju ta’ 150 km ta’ fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali; ifakkar ukoll li s-sitwazzjoni ġeografika vantaġġuża u l-importanza tar-rwol ġeostrateġiku tar-reġjuni ultraperiferiċi tikkostitwixxi valur miżjud konsiderevoli għall-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi Afrikani, tal-Amerika Ċentrali u l-Istati Uniti tal-Amerika;

36. Iqis li l-iżvilupp ta' servizzi transkonfinali ta' gvern elettroniku għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-suq intern tal-Unjoni;

37. Ifakkar li l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej Daniżi, Franċiżi u Olandiżi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 355 tat-TFUE jistgħu jiddeċiedu li jsiru reġjuni ultraperiferiċi billi jagħżlu l-istatus li jaqblillhom l-aktar, u jiġbed l-attenzjoni lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi attwali dwar ir-rwol deċiżiv li jistgħu jiżvolġu fil-promozzjoni u t-tisħiħ tal-istatus tagħhom;

38. Jindika l-adeżjoni imminenti ta’ Mayotte għall-istatus ta' reġjun ultraperiferiku u jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-assistenza indispensabbli għal assorbiment korrett tal-fondi; ifakkar f'dan ir-rigward il-linja baġitarja disponibbli għall-azzjoni preparatorja ta' akkompanjament ta' Mayotte u l-ħtieġa li jiġu previsti strumenti speċifiċi għal dan ir-reġjun jew kull territorju ieħor potenzjalment ikkonċernat fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, fil-proċess ta' tibdil għall-istatus ta' reġjuni ultraperiferiċi, sabiex it-territorji jiġu akkompanjati waqt il-proċess ta' trasformazzjoni f'reġjuni ultraperiferiċi;

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.

(1)

ĠU C 227E 21.9.2006, p. 512.

(2)

ĠU C 279E, 19.12.2009, p. 12.

(3)

Dokument tal-Kunsill Nru 11021/10

(4)

ĠU L 325, 9.12.10, p. 4.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu grupp ta’ reġjuni li, minħabba l-karatteristiċi partikolari relatati mal-kundizzjonijiet fiżiċi u strutturali tagħhom, li jirriżultaw minn distanza, mill-insularità, mit-topografija u l-klima diffiċli tagħhom, jiffurmaw grupp speċifiku ta’ reġjuni, rikonoxxut mill-Artikolu 349 TFUE(1).

Dawn ir-reġjuni għandhom status speċjali mogħti lilhom mit-Trattat, li jippermetti li tingħata deroga mir-regoli tat-Trattat u li jiġu adattati għar-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-karatteristiċi u l-kundizzjonijiet partikolari tagħhom. Bħalma l-kundizzjonijiet u d-diffikultajiet ta’ dawn ir-reġjuni huma ta’ natura permanenti u li dawn jagħmluhom differenti minn reġjuni Ewropej oħra, ir-regoli u l-programmi tal-UE ma jistgħux japplikaw għalihom bl-istess mod bħal ma japplikaw għat-territorju kollu tal-UE. L-implimentazzjoni tagħhom għandha ssegwi approċċ territorjali.

Għalhekk huwa xieraq u opportun li wieħed janalizza, għal dak li jirrigwardja l-politika ta' koeżjoni futura fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif dawn ir-reġjuni Ewropej jistgħu jilħqu l-għanijiet ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv elenkati fl-istrateġija UE 2020, billi għandhom karatteristiċi u limitazzjonijiet permanenti li fuq kollox jirriżultaw mid-distanza tagħhom u li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi min-naħa tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prinċipji ta’ Cayenne, formulati fl-1999, huma l-prinċipji fundamentali tal-qafas ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi u, skont dawn il-prinċipji – il-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs, il-prinċipju tal-valur tal-potenzjal, il-prinċipju tal-koerenza u l-prinċipju tas-sħubija – l-azzjoni Ewropea għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi jinbidel f'fatturi veri ta' tkabbir ekonomiku, speċjalment permezz ta' miżuri speċifiċi.

F'dan il-kuntest, il-memorandum dwar "Viżjoni mġedda tal-istrateġija Ewropea għar-reġjuni ultraperiferiċi", ta' Mejju 2010, jiddefinixxi l-linji prinċipali li għandha tieħu l-azzjoni Ewropea fil-ġejjieni f'dak li għandu x'jaqsam mar-reġjuni ultraperiferiċi, waqt li jindika l-ħtieġa li jiġi rispettat il-bilanċ bejn il-potenzjalitajiet u l-limiti, bejn l-aspetti interni u esterni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea, waqt li jippromwovi koerenza territorjali u bejn l-adattament tal-politiki tal-Unjoni Ewropea ta' natura ġenerali u l-adozzjoni ta' strumenti speċifiċi għall-ġid tar-reġjuni ultraperiferiċi;

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-14 ta' Ġunju 2010 talab lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta dokument dwar dan is-suġġett u, għall-bidu tal-2012, tipprevedi l-pubblikazzjoni ta' komunikazzjoni dwar strateġija mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE. Dan id-dokument għandu janalizza l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jitqiesu fit-tbassir tal-prestazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

Fir-rigward tal-prijoritajiet prinċipali li għandhom jitqiesu mill-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi fil-kuntest tal-istrateġija UE 2020, ir-Rapporteur talab:

1.  Trattament differenzjat u olistiku tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE li jqis kif jixraq l-ispeċifiċitajiet tagħhom fil-kuntest tal-politiki tal-UE, b'enfasi partikulari fuq il-politika ta' koeżjoni bħala l-lieva ewlenija għall-ekonomiji żgħar tagħhom; madankollu, dan id-differenzjar ma jfissirx biss l-għoti ta' attenzjoni speċjali f'termini ta' kumpens tal-effetti tal-bogħod tagħhom, imma anke l-inklużjoni ta' stateġija adattata li tipprevedi mudell ta' żvilupp kapaċi li jisfrutta l-vantaġġi tagħhom, għall-kompetittività akbar, aktar tkabbi u aktar ħolqien ta' impjiegi;

2.  Adattament tal-applikazzjoni tal-politiki Ewropej fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, peress li hu biss grazzi għal qafas speċifiku tal-politiki tal-UE li dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jilħqu aħjar l-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020; fl-oqsma tal-politika agrikola u tas-sajd, il-miżuri speċifiċi tal-programmi POSEI irnexxew u għaldaqstant tista' titqies il-possibilità li jitnedew programmi oħrajn ta' dan it-tip f'setturi potenzjali oħrajn bħall-enerġija u s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, it-trasport u t-teknloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni; L-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, il-politika doganali u fiskali, iż-żoni ħielsa u l-politiki kummerċjali jistħoqilhom ugwalment attenzjoni partikolari fl-applikazzjoni tal-politiki Ewropej għar-reġjuni ultraperiferiċi.

3.  Integrazzjoni aħjar tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-UE, li timplika governanza aktar effikaċi permezz ta’ sistema ta’ governanza fuq livelli differenti, kontinwità territorjali biex jittejjeb l-aċċess għall-vantaġġi tas-suq uniku u l-iżvilupp tal-integrazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-pjanijiet reġjonali ta' viċinat. Integrazzjoni aħjar tar-reġjuni ultraperiferiċi fi ħdan iż-żoni ġeografiċi tagħhom, permezz ta' valorizzazzjoni ta' dawn ir-reġjuni fid-dimensjoni esterna tal-politiki Ewropej, speċjalment meta wieħed jikkunsidra r-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi u l-pajjiżi b’relazzjonijiet storiċi privileġġati.

Permezz tal-proposti differenti kontestwalizzati fil-prioritajiet imsemmija, ir-Rapporteur jixtieq jikkontribwixxi biex tinstab reazzjoni aktar bilanċjata tal-azzjoni Ewropea fil-konfront tal-isfidi li jkollhom jaffaċċaw ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020, filwaqt li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni u filwaqt li jiġu antiċipati ċerti kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati fil-proposta għal strateġija mġedda tal-UE fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi, f'pożizzjoni li għandu jieħu l-Parlament Ewropew.

(1)

Attwalment, ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea huma: Madejra, l-Azores, il-Gżejjer Kanarji, il-Martinique, il-Gwadelup, Réunion, il-Gujana Franċiża u Saint Martin.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (8.3.2012)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020

(2011/2195(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ivars Godmanis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Istrateġija Ewropa 2020 kienet ikkonċeputa bħala l-istrument ewlieni biex toħroġ lill-ekonomiji Ewropej mill-kriżi ekonomika u li l-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni huma rikonoxxuti bħala strumenti ċentrali għall-ilħuq tal-miri tagħha, minħabba d-dimensjoni baġitarja u l-approċċ ta’ governanza b’ħafna livelli tagħhom; iqis għalhekk li r-reġjuni ultraperiferiċi, bħala parti integrali mill-Unjoni, għandhom ikunu strumentali fl-ilħuq tal-għanijiet u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għandhom għalhekk jingħataw il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex jiġi kkunsidrat kif xieraq kemm jinsabu 'l bogħod, l-insularità tagħhom, id-daqs żgħir, it-topografija u l-klima diffiċli u d-dipendenza ekonomika tagħhom fuq għadd żgħir ta’ prodotti, kif stipulat fl-Artikolu 349 tat-TFUE, b'mod li jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod sħiħ għall-istrateġija ekonomika u baġitarja ġdida tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu sal-2020 għall-benefiċċju tagħhom u għall-benefiċċju tal-UE kollha kemm hi;

2.  Jiddispjaċih li fil-proposta tal-Kummissjoni għal qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020, ġie propost tnaqqis għall-firxa sħiħa ta’ miżuri u objettivi tal-Politika ta’ Koeżjoni (-5.1 % fi prezzijiet kostanti tal-2011(1)) u li l-allokazzjoni addizzjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi ntlaqtet ukoll; jenfasizza li huwa impossibbli li jiġi ddeterminat l-ammont totali ta' tnaqqis għar-reġjuni ultraperiferiċi peress li l-allokazzjoni speċjali ta’ EUR 926 miljun fl-MFF li jmiss tkopri mhux biss ir-reġjuni ultraperiferiċi iżda wkoll iż-żoni tat-Tramuntana b’popolazzjoni baxxa, kif stabbilit fil-Protokoll 6 għat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja; jinnota madankollu li l-allokazzjoni addizzjonali, li tkopri kemm ir-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll iż-żoni tat-Tramuntana b'popolazzjoni baxxa għall-perjodu 2014-2020 (EUR 926 miljun) tirrappreżenta madwar 50 % tal-ammont allokat fil-perjodu 2007-2013 (EUR 1 738 miljun);

3.  Ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jibbenefikaw minn miżuri speċifiċi u finanzjament addizzjonali sabiex jingħata kumpens għall-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat; jikkunsidra li l-iffissar tar-rati ta’ kofinanzjament fil-livell ta' 85% għar-reġjuni ultraperiferiċi huwa pass pożittiv f'din id-direzzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina modi oħra kif jiġu megħjuna dawn ir-reġjuni, b’mod partikolari jekk il-finanzjament allokat lilhom jiġi mnaqqas għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa – skont il-Konklużjonijiet tal-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali – li tiġi estiża l-flessibbiltà tal-istrumenti tal-Politika ta’ Koeżjoni, b’tali mod li jkun possibbli li jsiru investimenti li kapaċi jiżguraw livelli ta’ tkabbir u ta’ żvilupp skont l-objettivi tal-Istrateġija UE 2020, anke fil-preżenza ta’ kundizzjonijiet ġeografiċi u demografiċi partikolari;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata s-sinerġija bejn il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp, sabiex jiżdied l-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi u jitrażżan in-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tal-fondi maħsuba għar-riċerka;

6.  Jiddispjaċih li sar tnaqqis f'oqsma oħra ta' koeżjoni – b'mod aktar preċiż, il-Kummissjoni tipproponi tnaqqis globali għall-finanzjament tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta’ 5.1% fi prezzijiet kostanti tal-2011 għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, inkluż tnaqqis ta’ 20.2% fil-finanzjament għar-reġjuni ta’ konverġenza (esklużi r-reġjuni ta’ tranżizzjoni), tnaqqis ta’ 5.6% fil-finanzjament għar-reġjuni tal-kompetittività u tnaqqis ta' 2.9% fl-allokazzjonijiet tal-Fond ta' Koeżjoni;

7.  Jilqa’ bi pjaċir il-pjan tal-Kummissjoni li tinkludi linja baġitarja għar-“Reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni b’densità baxxa ħafna ta’ popolazzjoni” fl-MFF 2014 - 2020, peress li dan se joħloq rabta aktar ċara bejn il-fondi allokati għal dawk ir-reġjuni u l-objettivi tagħhom;

8.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li l-proposta għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali futur tikkunsidra l-fatt li ċerti territorji Ewropej se jiksbu status ta’ “reġjun ultraperiferiku” matul il-perjodu 2014-2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-previżjonijiet baġitarji tagħha f'dan is-sens.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

8.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

4

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marta Andreasen, Francesca Balzani, Jean-Luc Dehaene, Isabelle Durant, Göran Färm, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazábal Rubial, Jens Geier, Ivars Godmanis, Ingeborg Gräßle, Carl Haglund, Jutta Haug, Monika Hohlmeier, Sidonia Elżbieta Jędrzejewska, Anne E. Jensen, Jan Kozłowski, Alain Lamassoure, Giovanni La Via, George Lyon, Barbara Matera, Claudio Morganti, Dominique Riquet, László Surján, Helga Trüpel, Derek Vaughan, Jacek Włosowicz

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Frédéric Daerden, Jan Mulder

1.3.2012

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020

(2011/2195(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Niki Tzavela

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-istrateġija mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, li se tindirizza l-prestazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi f'termini tal-għanijiet tal-UE 2020, jiġifieri dawk tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli, u inklussiv; jisħaq fuq il-vantaġġi li tiġi żviluppata politika tal-viċinat iffukata fuq l-emerġenza ta' swieq reġjonali integrati xierqa; jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020 għandha tkun adattata għar-realtà speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi;

2.  Jitlob strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u investiment fuq perjodu ta' żmien twil fir-reġjuni ultraperiferiċi, fil-qafas tal-istrateġija UE 2020 u l-finanzjament ta' koeżjoni, u bl-għan li tiġi żgurata parteċipazzjoni attiva fil-proġetti emblematiċi;

3.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu analizzati l-fatturi tat-tkabbir f'dawn ir-reġjuni kkaratterizzati minn diffikultajiet strutturali, filwaqt li jiġu identifikati kemm l-istrateġiji li jistgħu jtejbu l-kompetittività tagħhom kif ukoll oħrajn li huma maħsuba biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom; iqis li huwa fundamentali li jiġu identifikati proġetti strateġiċi permezz ta' analiżijiet ex ante u evalwazzjonijiet ex post bir-reqqa, li huma essenzjali biex jiġi determinat l-impatt soċjoekonomiku tagħhom; jiffavorixxi, barra minn hekk, li f'tali analiżijiet jiġu inklużi d-diversi atturi reġjonali, lokali u dawk tas-soċjetà ċivili, li huma dawk li jafu tassew kemm il-punti pożittivi kif ukoll id-dgħufijiet ta' dawn it-territorji;

4.  Iqis li waħda mid-dgħufijiet ewlenin tar-reġjuni ultraperiferiċi hija l-ġestjoni tar-riżorsi; jemmen li huwa meħtieġ li jingħataw l-elementi meħtieġa biex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw l-investimenti tagħhom, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-infrastrutturi mhux biss tat-trasport, iżda anke tal-ilma, l-enerġija u l-ġestjoni tal-iskart;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita rabta ċara bejn il-miri u l-fondi; josserva bi tħassib li fil-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali futur li jibda mill-2014, il-politika ta' koeżjoni hija waħda mill-aktar milquta mit-tnaqqis u li, konsegwentement, ir-riżorsi allokati għall-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi se jonqsu b'7.5 %, EUR 70 miljun inqas minn dawk allokati għall-perjodu preċedenti;

6.  Jitlob integrazzjoni aħjar tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Unjoni u fiż-żoni ġeografiċi tagħhom; jenfasizza f'dan il-kuntest il-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi li jaġixxu bħala pontijiet għar-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni bejn l-Ewropa u l-pajjiżi terzi, u jistieden lill-Unjoni u l-Istati Membri biex iqisu r-rwol importanti tagħhom meta jittrattaw ma' pajjiżi terzi;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-karatteristiċi ġeografiċi u territorjali tar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu fl-ilħuq tal-għanijiet stipulati fl-Istrateġija UE 2020, anki billi jadattaw il-programmi Ewropej għall-ispeċifiċitajiet tagħhom;

8.  Jirrikonoxxi l-bżonn li jiġi żblukkat il-potenzjal u l-ispirtu imprenditorjali innovattiv fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari permezz ta' netwerks ta' skambju; jinnota bi tħassib il-parteċipazzjoni baxxa tagħhom fil-Programm ta' Qafas tar-Riċerka; jitlob li l-politika ta' koeżjoni u l-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni jiġu adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, u li jiġu żviluppati sinerġiji bejn il-Programm ta' Qafas tar-Riċerka Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali, biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' unitajiet ġodda ta' eċċellenza u jżidu l-investiment fit-taħriġ;

9.  Jenfasizza li l-użu ta' strumenti tal-politika ta' koeżjoni għandu jkun adattat għall-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li titqies kif xieraq l-importanza tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju tagħhom u l-bżonn tal-kompetittività u tal-impjiegi;

10. Jenfasizza l-importanza ta' appoġġ għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju permezz tal-allokazzjoni ta' fondi tal-Unjoni, bl-għan li jiġi żviluppat it-tessut produttiv tar-reġjuni ultraperiferiċi u bħala mezz ta' promozzjoni tal-ħiliet tal-ħaddiema, biex b'hekk jissaħħu l-prodotti ta' reġjun speċifiku u l-ekonomija lokali;

11. Jinnota bi tħassib l-effetti tat-tibdil fil-klima fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari l-livelli tal-ilma li dejjem telgħin; jistieden lill-Unjoni biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet fl-istrateġija tagħha dwar il-prevenzjoni tal-bidla fil-klima u r-reazzjoni għaliha; jirrakkomanda l-użu xieraq tar-riżorsi tal-enerġija u l-iżvilupp tal-potenzjal ta' enerġiji rinnovabbli;

12. Iqis li hu neċessarju li l-Istati Membri jiġu megħjuna jiżguraw li l-abitanti ta' dawn ir-reġjuni jkollhom aċċess sħiħ għas-sorsi tal-midja tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni pprovduti permezz ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju t-teknoloġija tal-broadband, it-teknoloġiji bla fili, inklużi s-satelliti u, b'mod partikolari, l-aċċess għall-infrastruttura tal-broadband biex jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u amministrazzjoni aħjar permezz tad-diġitizzazzjoni tas-servizzi. jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-abitanti kollha tar-reġjuni ultraperiferiċi jkollhom aċċess għall-internet broadband sal-2013;

13. Jirrikonoxxi, minħabba l-fatt li l-ekonomija diġitali hija mingħajr dubju xprun tal-iżvilupp ekonomiku fl-UE, l-effetti tal-problema dejjem tikber tal-esklużjoni diġitali, li tista' ssir ostakolu serju għall-iżvilupp;

14. Jenfasizza l-importanza li jissaħħu s-servizzi pubbliċi bl-għan li jkun hemm koeżjoni ekonomika u soċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod speċifiku t-trasport bl-ajru u bil-baħar, l-enerġija, il-komunikazzjoni u r-riċerka;

15. Iqis li l-iżvilupp ta' servizzi ta' gvern elettroniku transkonfinali għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-suq intern tal-Unjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gabriele Albertini, Josefa Andrés Barea, Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Pilar del Castillo Vera, Gaston Franco, Norbert Glante, Fiona Hall, Edit Herczog, Kent Johansson, Romana Jordan, Krišjānis Kariņš, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Vittorio Prodi, Miloslav Ransdorf, Teresa Riera Madurell, Jens Rohde, Paul Rübig, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Badia i Cutchet, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Seán Kelly, Alajos Mészáros, Vladko Todorov Panayotov, Mario Pirillo, Pavel Poc, Vladimír Remek, Hannu Takkula

(1)

Iċ-ċifri kollha użati f'din l-opinjoni huma bbażati fuq il-kalkoli pprovduti minn DĠ REGIO, Direttorat għall-Iżvilupp, il-Koordinament u l-Komunikazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni, tal-Kummissjoni Ewropea.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

20.3.2012

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, John Bufton, Salvatore Caronna, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Vincenzo Iovine, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva, Constanze Angela Krehl, Petru Constantin Luhan, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jens Nilsson, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Younous Omarjee, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Ewald Stadler, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Lambert van Nistelrooij, Kerstin Westphal, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Cozzolino, Karima Delli, Cornelia Ernst, Ivars Godmanis, Maurice Ponga, Vilja Savisaar-Toomast, Elisabeth Schroedter, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias, Derek Vaughan, Sabine Verheyen

Aġġornata l-aħħar: 16 t'April 2012Avviż legali