RAPPORT dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija

4.5.2011 - (14142/2010 – C7‑0369/2010 – 2010/0820(NLE)) - *

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Carlos Coelho


Proċedura : 2010/0820(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0185/2011

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija

(14142/2010 – C7‑0369/2010 – 2010/0820(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14142/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2005, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0369/2010),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern ((A7-0185/2011),

1.  Japprova l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill kif emendat;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Emenda  1

Abbozz ta' deċiżjoni

Premessa 4

Abbozz tal-Kunsill

Emenda

(4) Fi XXXXX 20XX [data ta' adozzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti], il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'kull wieħed mill-oqsma msemmija kienu ġew sodisfatti mill-Bulgarija u r-Rumanija.

(4) Fi XXXXX 20XX [data ta' adozzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti], il-Kunsill ikkonkluda li l-kondizzjonijiet f'kull wieħed mill-oqsma msemmija kienu ġew sodisfatti mill-Bulgarija u r-Rumanija. Kull Stat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-miktub fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni dwar is-segwitu li jkun ingħata għar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapporti ta' evalwazzjoni u msemmija fir-rapporti ta' segwitu li għad iridu jiġu implimentati.

NOTA SPJEGATTIVA

Sfond għal Schengen

Il-koperazzjoni ta' Schengen bdiet fl-14 ta' Ġunju 1985, bil-Ftehim ta' Schengen, li ppermetta l-abolizzjoni tal-kontrolli sistematiċi fil-fruntieri interni tal-istati firmatarji u l-ħolqien ta' żona komuni, bil-moviment liberu tal-persuni, u fruntiera esterna unika (b'regoli komuni dwar il-kontrolli tal-fruntieri esterni, politika komuni dwar il-viżi, koperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura u l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen (SIS)).

Maż-żmien, is-sħubija inizjali ta' 5 Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet estiża. Attwalment, iż-żona Schengen tinkludi 25 Stat Membru: il-pajjiżi tal-UE, l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja, kif ukoll 3 pajjiżi assoċjati mhux fl-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Isvizzera (il-Liechtenstein għandu jsir ir-raba' pajjiż assoċjat u l-protokoll rispettiv għandu jidħol fis-seħħ fis-7 ta' April 2011, segwit biż-żjajjar ta' evalwazzjoni meħtieġa). Il-Bulgarija, ir-Rumanija u Ċipru attwalment japplikaw l-acquis ta' Schengen parzjalment biss u għaldastant għadhom isiru kontrolli fil-fruntieri ma' dawn it-3 Stati Membri.

F'dan il-waqt, il-moviment liberu hu garantit fuq territorju bi 42 673 km ta' fruntieri marittimi esterni u 7 721 km ta' fruntieri terrestri, li jħaddnu 25 pajjiż u 400 miljun ċittadin.

Kriterji ta' Evalwazzjoni ta' Schengen

Ir-Rumanija u l-Bulgarija adottaw l-acquis ta' Schengen meta ngħaqdu mal-UE fl-2007. Skont l-Artikolu 4(2) tal-Att dwar l-Adeżjoni, il-verifika permezz ta' proċeduri ta' evalwazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta' Schengen (Protezzjoni tad-Data, is-SIS, il-Fruntieri tal-Ajru, il-Fruntieri Terrestri, il-Fruntieri Marittimi, il-Koperazzjoni bejn il-Pulizija u l-Viżi) ġew sodisfatti hi prekondizzjoni biex il-Kunsill jiddeċiedi dwar l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni ma' dawk l-Istati Membri.

L-evalwazzjonijiet għal kwalunkwe Stat Membru ġdid għandhom jinbdew b'segwitu għal talba tal-Istat Membru rispettiv (dikjarazzjoni ta' disponibilità). Dawn għandhom jitwettqu taħt ir-responsabilità tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Evalwazzjoni ta' Schengen, u jibdew bi kwestjonarju lill-Istat Membru dwar il-partijiet kollha tal-acquis ta' Schengen, segwit bi żjajjar ta' evalwazzjoni. Timijiet ta' esperti għandhom jintbagħtu fil-faċilitajiet tas-SIS, fl-uffiċċji SIRENE, fil-konsulati, fil-fruntieri, eċċ. u għandhom iħejju rapporti eżawrjenti li jinkludu deskrizzjonijiet fattwali, valutazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li jistgħu jirrikjedu miżuri addizzjonali u żjajjar ta' segwitu. Ir-rapport finali għandu jistabbilixxi jekk l-Istat Membru ġdid ikkonċernat, wara li jkun ġie soġġett għal proċedura sħiħ ta' evalwazzjoni, jissodisfax il-prekundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni prattika.

Id-deċiżjoni dwar l-integrazzjoni għandha tittieħed mill-Kunsill, permezz ta' deċiżjoni unanima tal-gvernijiet kollha li diġà huma parti miż-żona Schengen.

Il-konklużjonijiet dwar il-Bulgarija

Il-Bulgarija ħarġet id-Dikjarazzjoni ta' disponibilità tagħha fil-25 ta' Jannar 2008.

L-evalwazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data kienet pożittiva. Id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Kunsill, wara li l-Parlament Ewropew ta opinjoni favorevoli, u, mill-5 ta' Novembru 2010, is-SIS ġie konness u sar kompletament operattiv.

Iż-żjara ta' evalwazzjoni tas-SIS żvelat li l-funzjonijiet SIS u SIRENE qed jiġu implimentati b'mod xieraq, f'konformità mal-acquis ta' Schengen rilevanti. Fost il-kwistjonijiet li jeħtieġu attenzjoni ulterjuri hemm: l-implimentazzjoni ta' mudell bi tliet xiftijiet għall-uffiċċju SIRENE; il-forniment ta' aktar taħriġ għall-utenti aħħarin rigward l-użu tal-karattri Latini; il-minimizzazzjoni tal-interventi manwali fl-uffiċċju SIRENE.

Ħafna mill-ħidma preparatorja għall-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-koperazzjoni bejn il-pulizija saret f'dak li għandu x'jaqsam mal-istrutturi istituzzjonali u operattivi. Il-ftehimiet mal-pajjiżi ġirien (ir-Rumanija, il-Greċja u s-Serbja) dwar il-koperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija fi kwistjonijiet kriminali ġew iffinalizzati u ftehimiet ulterjuri ma' Stati Membri oħrajn qegħdin fil-fażi ta' tħejjija.

L-evalwazzjoni tal-ħruġ tal-viżi kienet fil-biċċa l-kbira tagħha pożittivi u f'ċerti aspetti hi eżempju tal-aħjar prattika. Meta tqiesu r-riżultati ta' xi miżuri ta' segwitu, ġie kkunsidrat li l-Bulgarija kienet f'pożizzjoni li timplimenta l-acquis ta' Schengen fiż-żmien dovut. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru saffrattant ġew implimentati. Madankollu, il-persunal għandu jibqa' konxju tar-riskju ta' immigrazzjoni illegali u forom oħra ta' abbuż tal-viżi, kif ukoll tal-possibilità li ssir pressjoni fuq il-persunal ladarba jibda joħroġ viżi ta' Schengen.

Fruntieri tal-ajru: l-infrastruttura li tintuża għall-kontrolli fil-fruntiera tissodisfa r-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u, fil-biċċa l-kbira tiegħu, it-tagħmir għall-ewwel u t-tieni linja hu suffiċjenti u modern. Madankollu, xorta nstabu xi nuqqasijiet fil-qasam tat-tagħmir, it-twettiq tal-kontrolli fil-fruntiera u t-taħriġ, is-separazzjoni fiżika sħiħa fl-ajruport ta' Burgas u l-obbligu li tiġi kkomunikata d-data dwar il-passiġġieri, il-kapaċitajiet lingwistiċi u l-implimentazzjoni tar-responsabilità tat-trasportaturi attwalment qed isir xogħol dwarhom.

Fruntieri marittimi: l-analiżi sistematika tar-riskji tattiċi, il-kontroll tal-bastimenti tas-sajd u l-kontrolli fil-fruntieri tad-dgħajjes tad-divertiment jistgħu jitqiesu bħala l-aħjar prattika. Instab li s-sistema għas-sorveljanza tal-fruntieri tissodisfa ġeneralment ir-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Is-segwitu wera li s-Sistema Integrata għas-Sorveljanza Kostali kompliet tiġi elaborata u li n-nuqqasijiet li nstabu (fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntiera, is-sorveljanza tal-fruntieri, il-ħruġ tal-viżi, l-infrastruttura, il-persunal u l-kapaċitajiet lingwistiċi) ġew indirizzati.

Fruntieri terrestri: livell professjonali ta' koperazzjoni fil-fruntieri kemm fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntiera u s-sorveljanza tal-fruntieri. Ġie nnutat ukoll li l-ammont ta' tagħmir disponibbli fl-ewwel u t-tieni linja hu pożittiv, għalkemm il-proċess li jiġi pprovdut it-tagħmir, kif ukoll it-taħriġ meħtieġ f'dan il-kuntest, għadu għaddej. Baqgħu jinstabu nuqqasijiet fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntiera, is-sorveljanza tal-fruntieri, b'mod partikulari t-titjib tal-għarfien sitwazzjonali, il-koperazzjoni bejn l-aġenziji, is-sorveljanza mill-ajru u l-approċċ tattiku magħżul. Ir-riżultati tat-tieni żjara f'Diċembru 2010 kienu għadhom insodisfaċenti u, mill-21 sat-23 ta' Marzu 2011, saret żjara ta' segwitu fil-fruntieri terrestri. Il-Kumitat ta' Evalwazzjoni wasal għall-konklużjoni li l-Bulgarija għamlet progress tajjeb u, fir-rigward tal-qasam tal-kontroll fil-fruntiera terrestri esterna, issa tissodisfa r-rekwiżiti ta' Schengen.

Madankollu, biex ikomplu jissaħħu l-miżuri li diġà twettqu u biex ikun hemm tħejjija xierqa għal pressjoni migratorja li possibilment se tiżdied, wara l-adeżjoni sħiħa, il-Kumitat ta' Evalwazzjoni qed jistieden lill-Bulgarija tħejji "pakkett speċjali" ta' miżuri akkumpanjanti.

Il-konklużjonijiet dwar ir-Rumanija

Ir-Rumanija ħarġet id-Dikjarazzjonijiet ta' disponibilità tagħha fl-2007 u l-2008.

L-evalwazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data kienet pożittiva. Id-deċiżjoni ġiet adottata mill-Kunsill, wara li l-Parlament Ewropew ta opinjoni favorevoli, u, mill-5 ta' Novembru 2010, is-SIS ġie konness u sar kompletament operattiv.

Iż-żjara ta' evalwazzjoni tas-SIS żvelat li l-funzjonijiet SIS u SIRENE qed jiġu implimentati b'mod xieraq, f'konformità mal-acquis ta' Schengen rilevanti. It-tagħmir u l-installazzjonijiet użati għal N.SIS u SIRENE ġew kkunsidrati bħala l-aħjar li toffri t-teknoloġija bħalissa. Madankollu, xi kwistjonijiet irrikjedew attenzjoni ulterjuri, speċifikament il-kwistjoni ta' formoli A u M neqsin għall-allerti (twissijiet) skont l-Artikolu 95 tal-Konvenzjoni ta' Schengen (mandat ta' arrest Ewropew), imma ġie konkluż li jidher li l-awtoritajiet Rumeni indirizzaw il-kwistjoni b'mod sodisfaċenti. Saru rakkomandazzjonijiet u seħħew segwiti fir-rigward ta' diversi kwistjonijiet oħra (taħriġ ulterjuri, minimizzazzjoni tal-interventi manwali, titjib tat-terminali mobbli PDA).

Il-ftehimiet bilaterali dwar il-koperazzjoni bejn il-pulizija mal-Ungerija u l-Bulgarija ġew ratifikati. Il-ħidma preparatorja kollha għall-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen rigward il-koperazzjoni bejn il-pulizija, wara xi segwiti, tista' titqies li lesta.

Il-kontrolli li saru fit-taqsim tal-viżi tal-Ambaxxata Rumena f'Chisinau u l-Konsulat Ġenerali tagħha f'Istanbul, u l-miżuri ta' segwitu li ttieħdu juru li r-Rumanija issa hi f'pożizzjoni li timplimenta kompletament l-acquis ta' Schengen, peress li l-punti kollha li kien jixirqilhom l-attenzjoni jew li jerġgħu jiġu eżaminati ġew irranġati (titjib tal-valutazzjoni tar-riskju, immodernizzar tal-karatteristiki ta' sigurtà tal-bini, titjib tal-proċess ta' tressiq u l-ipproċessar ta' applikazzjoni għal viża, eċċ.) u f'xi aspetti tista' titqies bħala xempju tal-aħjar prattika.

Fruntieri tal-ajru: ġeneralment hemm awtorità pubblika strutturata tajjeb li twettaq ġestjoni tal-fruntieri, hemm kompetenza professjonali tajba fost l-uffiċjali u l-aġenti tal-pulizija tal-fruntiera u konoxxenza sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Kien hemm bżonn ta' żjara oħra u kien possibbli li jiġi vvalutat li n-nuqqasijiet li nstabu ġew irranġati (responsabilità tat-trasportaturi, infrastruttura disponibbli għas-separazzjoni tal-passiġġieri "Schengen" u dawk "mhux Schengen", nuqqasijiet żgħar fit-tagħmir fl-ewwel u t-tieni linja).

Fruntieri marittimi: hemm livell tajjeb ta' koperazzjoni u komunikazzjoni, għarfien sitwazzjonali u kapaċità ta' reazzjoni tajbin, u livell tajjeb ta' analiżi tar-riskji. In-nuqqasijiet li nstabu rigward ir-responsabilità tat-trasportaturi, it-twettiq tal-kontrolli fil-fruntiera u t-taħriġ ġew irranġati.

Fruntieri terrestri: livell tajjeb ta' kontrolli fil-fruntiera, approċċ tattiku u operattiv għas-sorveljanza tal-fruntieri globalment professjonali. L-infrastruttura disponibbli u l-ammont ta' persunal fuq il-post instabu li huma biżżejjed. In-nuqqasijiet żgħar li nstabu ġew indirizzati sew fil-proċess ta' segwitu u l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati (twettiq tal-kontrolli fil-fruntiera, disponibilità tat-tagħmir fl-ewwel u t-tieni linja, żieda tan-numru ta' spezzjonijiet mingħajr avviż minn qabel bħala mezz biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni). Iż-żewġ Postijiet ta' Kontroll tal-Fruntiera li rrikjedew żjara oħra issa huma kompletament operattivi u mgħammra skont ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti; anke n-nuqqasijiet tat-tagħmir għas-sorveljanza tal-fruntieri ġew irranġati sew.

Skont ir-Rapporti ta' Valutazzjoni, ir-Rumanija ġeneralment uriet li hi biżżejjed lesta biex tapplika kemm id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen mhux relatati mas-SIS, kif ukoll dawk relatati mas-SIS b'mod sodisfaċenti. Il-prekundizzjonijiet biex il-Kunsill jieħu d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2005 ġew sodisfatti, u b'hekk jistgħu jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni tal-ajru, terrestri u marittimi.

L-aċċess tal-Parlament Ewropew għar-riżultati tal-proċedura ta' evalwazzjoni

Permezz ta' ittra tat-12 ta' Novembru 2010, il-Kunsill irrefera l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija lill-Parlament għal opinjoni.

Skont il-ġurisprudenza konsolidata tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta' koperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet, rifless fl-Artikolu 13(2) TUE, il-Parlament għandu jingħata l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiżvolġi kompletament ir-rwol tiegħu fil-proċedura.

Permezz ta' ittra tas-16 ta' Diċembru 2010 mill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (Juan Fernando López Aguilar) lill-Ministru għall-Intern tal-Presidenza Belġjan tal-Kunsill (Annemie Turtelboom), il-Parlament irrikjeda r-rapporti ta' evalwazzjoni dwar il-Bulgarija u r-Rumanija, kwalunkwe rapport li sar dwar iż-żjajjar ġodda, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li saru lil kull wieħed minnhom u l-informazzjoni dwar il-qagħda attwali rigward l-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-Istat Membru kkonċernat.

Fil-25 ta' Jannar, waslet it-tweġiba tal-Kunsill lill-Parlament, fejn ġie ddikjarat li d-dokumenti mitluba setgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-President, tal-koordinaturi tal-gruppi politiċi u tar-rapporteurs. Kellhom isiru arranġamenti għall-aċċess f'kamra invjolabbli fil-bini tal-Kunsill. F'konformità mar-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill għall-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, id-dokumenti se jibqgħu fil-pussess tal-Kunsill, u m'għandha ssir l-ebda referenza diretta sussegwenti għall-kontenut tad-dokumenti fi kwalunkwe laqgħa pubblika.

Hu importanti li jiġi enfasizzat il-fatt li, f'din it-tweġiba, il-Kunsill ħa pass kbir lura fir-rigward ta' dik li kienet il-pożizzjoni tiegħu fl-2007, meta l-Parlament intalab jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-adeżjoni għaż-żona Schengen ta' disa' pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja), li hu inaċċettabbli.

B'mod parallel, l-Ambaxxaturi kemm tar-Rumanija u kemm tal-Bulgarija bagħtu ittra lill-Kunsill biex jitolbu li dawn id-dokumenti ma jibqgħux ikklassifikati u jintbagħtu lill-Membri kollha. Il-Coreper approva din it-talba, permezz ta' maġġoranza tal-Membri tiegħu, u fl-aħħar id-dokumenti ntbagħtu lill-Parlament fil-15 ta' Frar 2011, biex b'hekk il-Membri kollha seta' jkollhom aċċess għall-kontenut tal-evalwazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet finali.

Madankollu, il-Parlament iddeċieda li jittratta dawn id-dokumenti bħala "ikklassifikati" minħabba n-natura sensittiva tagħhom fir-rigward tas-sigurtà tal-fruntieri esterni ta' dawn iż-żewġ Stati Membri. Il-Membri ngħataw aċċess, f'"kamra invjolabbli", waqt li ġew applikati r-regoli tal-Parlament Ewropew biex jiġu ttrattati d-dokumenti konfidenzjali.

L-aċċess sħiħ għar-rapporti ta' evalwazzjoni tal-esperti dwar il-progress tal-preparamenti minn dawn iż-żewġ pajjiżi hu essenzjali sabiex jingħata ġudizzju ċar bl-elementi kollha li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk, fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew, dawn iż-żewġ pajjiżi humiex lesti biex jingħaqdu maż-żona Schengen.

Il-konklużjonijiet tar-Rapporteur

Waqt li jqis ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet u ż-żjarat l-oħra li kien hemm bżonn imwettqa mit-timijiet ta' esperti, ir-rapporteur jikkonkludi li, għalkemm għad fadal xi kwistjonijiet pendenti li jirrikjedu rapportaġġ regolari u segwitu f'xi punt fil-ġejjieni, dawn ma jikkostitwixxux ostaklu għas-sħubija sħiħa ta' dawn iż-żewġ Stati Membri.

Il-konklużjonijiet tal-esperti diġà ġew approvati mill-Kunsill u mibgħuta lill-Parlament Ewropew, bl-eċċezzjoni tal-aħħar rapport ta' segwitu rigward it-tieni żjara fil-fruntieri terrestri tal-Bulgarija, li għad irid jiġi approvat u jintbagħat formalment lill-Parlament Ewropew (allavolja r-rapporteur diġà kellu ċ-ċans li jirċevih "b'mod informali").

Ir-rapporteur, flimkien ma' xi shadow rapporteurs, kellu wkoll iċ-ċans li jżur liż-żewġ pajjiżi (mit-22 sal-25 ta' Marzu) u jirrikonoxxi in loco l-qagħda attwali u t-titjib meħtieġ li sar. Għaldaqstant, ir-rapporteur jappoġġa d-deċiżjoni li jinfetħu l-fruntieri għal dawn l-Istati Membri.

Bħalissa, kemm ir-Rumanija u l-Bulgarija pprovaw li huma preparati biżżejjed biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen b'mod sodisfaċenti.

Madankollu, għandu jitqies li ż-żona Bulgarija - Turkija - Greċja hi waħda mill-aktar żoni sensittivi tal-fruntieri esterni tal-UE, f'termini ta' immigrazzjoni illegali. Dan jirrikjedi li l-Bulgarija tadotta xi miżuri addizzjonali, speċifikament li tħejji pjan speċjali li jinkludi azzjonijiet biex jiġu implimentati fil-waqt li tidħol f'Schengen u anke approċċ konġunt (bejn EL-TK-BG) sabiex tkun tista' tirreaġixxi għaż-żieda qawwija possibbli fil-pressjoni migratorja.

F'dan il-kuntest, ir-rapporteur qed jippreżenta emenda li titlob li l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bil-miktub, fuq perjodu ta' sitt xhur li jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri addizzjonali u n-nuqqasijiet.

Hu essenzjali li dak li jkun iżomm f'moħħu li t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni tirrikjedi livell għoli ta' fiduċja reċiproka, bejn l-Istati Membri, dwar l-eżistenza ta' kontrolli effikaċi fil-fruntieri esterni, peress li s-sigurtà taż-żona Schengen tiddependi fuq id-dixxiplina u l-effiċjenza li kull Stat Membru juża fil-kontrolli tiegħu fil-fruntieri esterni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

2.5.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Emine Bozkurt, Philip Claeys, Carlos Coelho, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Kinga Göncz, Nathalie Griesbeck, Anna Hedh, Sophia in ‘t Veld, Juan Fernando López Aguilar, Monica Luisa Macovei, Louis Michel, Claude Moraes, Jan Mulder, Georgios Papanikolaou, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Wim van de Camp, Daniël van der Stoep, Renate Weber, Tatjana Ždanoka

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Oana Antonescu, Edit Bauer, Anna Maria Corazza Bildt, Ioan Enciu, Stanimir Ilchev, Iliana Malinova Iotova, Franziska Keller, Marian-Jean Marinescu, Mariya Nedelcheva, Jens Rohde, Cecilia Wikström

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Kovatchev, Traian Ungureanu, Pablo Zalba Bidegain