Proċedura : 2010/2206(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0265/2011

Testi mressqa :

A7-0265/2011

Dibattiti :

PV 26/09/2011 - 19
CRE 26/09/2011 - 19

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 27/09/2011 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


RAPPORT     
PDF 418kWORD 378k
13 ta' Lulju 2011
PE 450.742v03-00 A7-0265/2011

dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

(2010/2206(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Carlo Fidanza

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

(2010/2206(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Orjentamenti ta' bażi għas-sostenibilità tat-turiżmu Ewropew' (COM(2003)0716),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Tiġdid tal-Politika tal-UE dwar it-Turiżmu: Lejn partenarjat aktar b'saħħtu għat-Turiżmu Ewropew' (COM(2006)0134),

   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv' ("Aġenda 21") (COM(2007)0621),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew' (COM(2010)0352),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu 'Ewropa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv' (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistiċi Ewropej dwar it-turiżmu (COM(2010)0117),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Madrid 'Lejn mudell turistiku soċjalment responsabbli' approvata fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-15 ta' April 2010,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2010 dwar 'L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew' (14944/10),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu 'L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja: qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew' (CoR 342/2010 fin),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1986(1) għall-protezzjoni kontra n-nar fil-lukandi diġà eżistenti (86/666/KEE),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990(2) dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE(4) tal-5 ta' Mejju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Lulju 2009(5) li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-ekotikketta Komunitarja lis-servizz ta' akkomodazzjoni turistika (2009/578/KE),

   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010(6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2005(7) dwar linji gwida bażiċi għal turiżmu Ewropew sostenibbli,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007(8) dwar it-tiġdid tal-Politika tal-UE dwar it-Turiżmu: Lejn partenarjat aktar b'saħħtu għat-Turiżmu Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2008(9) dwar l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali tal-impatt tat-turiżmu f'reġjuni kostali,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2011(10) dwar l-prattiċi rigward ir-reviżjoni tal-istrumenti tal-UE biex jappoġġjaw lill-SMEs fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0265/2011),

A. billi s-settur tat-turiżmu jirrappreżenta 10 % tal-PDG u 12 % tal-impjiegi totali, li jagħmluh it-tielet attività soċjoekonomika l-aktar sostanzjali fl-UE; billi s-settur huwa magħmul fil-biċċa l-kbira tiegħu minn impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, huwa r-riżorsa prinċipali għal uħud mir-reġjuni tal-UE, bħall-gżejjer, u jiżvolġi rwol ewlieni fl-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u reġjonali tal-UE, kif ukoll għall-ilħiq tal-objettivi tal-istrateġija UE 2020,

B.  billi t-turiżmu jikkontribwixxi wkoll għall-arrikkament, l-iskambju, il-welfare, il-benessri, il-kultura tal-bnedmin u l-koeżjoni soċjali; billi, għalhekk, l-attenzjoni għandha tkun fuq approċċ kwalitattiv,

C. billi l-Unjoni Ewropea hija l-ewwel destinazzjoni turistika dinjija f'wasliet internazzjonali u billi jeħtieġ li dan ir-riżultat jissaħħaħ filwaqt li jiġu ttrattati l-isfidi li ġejjin, minn naħa, minn kompetizzjoni globali akbar u minn suq tad-domanda f'varjazzjoni kostanti, u min-naħa l-oħra, mill-bżonn li tiġi garantita sostenibilità akbar u aktar fit-tul,

D.  billi t-turiżmu fl-Ewropa jħabbat wiċċu ma' ħafna sfidi: il-kriżi ekonomika dinjija, il-kompetittività ta' destinazzjonaijiet oħra barra l-UE u d-diversità tal-attrazzjonijiet turistiċi offruti, l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-instabilità staġjonali fl-attività turistika, l-iżviluppi demografiċi fl-Ewropa, l-impatt dejjem jikber tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u ta' ħafna avvenimenti mhux previsti li jaffettwaw lill-industrija minn żmien għal żmien,

E.  billi t-turiżmu jikkontribwixxi biex jippromwovi l-Ewropa u l-patrimonju kulturali u lingwistiku tagħha, fir-rispett tad-diversità, biex jafferma l-valuri komuni tagħha u jsaħħaħ is-sentiment ta' identità, appartenenza u ċittadinanza Ewropea; billi l-iżvilupp tat-turiżmu għandu rwol importanti x'jiżvolġi fit-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali fl-UE,

F.  billi d-diversità, in-natura b'diversi aspetti u l-multikulturaliżmu tal-Ewropa joffru tkabbir massimu għal kull tip ta' turiżmu tematiku, u l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' tipi ta' turiżmu diversifikat jistgħu jkunu l-unika reazzjoni effikaċi għad-distorsjonijiet, il-problemi u d-deterjorament li l-mudell tat-turiżmu tal-massa mhux regolat u mingħajr distinzjonijiet qed iwassal għalihom,

G.  billi, bit-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 195), it-turiżmu sar kompetenza speċifika tal-UE, li tista' ssostnih u tikkompleta l-azzjonijiet tal-Istati Membri billi tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' atmosfera li twassal għall-iżvilupp ta' impriżi turistiċi u t-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tiġi eskluża kwalunkwe armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġuridiċi u regolamentari tal-Istati Membri,

H.  billi, fuq il-bażi ta' din il-kompetenza l-ġdida, jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija Ewropea integrata b'objettivi ċari u ambizzjużi, fir-rispett sħiħ tal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

I.   billi sabiex il-kompetenzi l-ġodda u l-politika futura tat-turiżmu tal-UE jkollhom l-effikaċja u l-viżibilità li jeħtieġu ċ-ċittadini Ewropej u dawk li jżuruna, mhux biss jinħtieġu strateġija u pjan ta' azzjoni, iżda wkoll għandhom jingħataw ir-riżorsi suffiċjenti fl-ambitu tal-programmazzjoni finanzjarja tal-UE għall-2014-2020,

J.   billi l-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi u ċerti reġjuni insulari tal-UE jiddependu kważi esklużivament mit-trasport bl-ajru minħabba li jinsabu 'l bogħod ħafna u minħabba l-insularità tagħhom, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu adottati miżuri adegwati għad-dipendenza tagħhom fuq dan il-mezz ta' trasport,

1.  Jilqa' favorevolment l-istrateġija politika ppreżentata mill-Kummissjoni, li tiddefinixxi 21 azzjoni speċifika biex tingħata spinta lis-settur; iqis li dan id-dokumentt, flimkien mal-pjan ta' implimentazzjoni tiegħu, jirrappreżenta punt ta' tluq konkret għall-iżvilupp ta' politika Ewropea għal turiżmu kompetittiv, modern, ta' kwalità għolja, sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-pjan ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi kalendarji speċifiċi malajr kemm jista' jkun biex jintlaħqu l-azzjonijiet u l-objettivi kollha; jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw billi jippreżentaw programmi għal kull azzjoni flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali kompetenti; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq l-azzjonijiet prijoritajiet li huma innovattivi u li jinvolvu valur miżjud Ewropew;

2.  Jikkunsidra li l-istrateġija tal-UE għat-turiżmu hija bbażata, minn naħa, fuq pakkett ta' miżuri speċifiċi intiżi esklużivament għas-settur turistiku u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura trasversali tat-turiżmu, f'koordinament ma' setturi politiċi relatati oħrajn sabiex tinkiseb sistema li tippromwovi ġenwinament it-turiżmu; iqis, barra minn hekk, li tinħtieġ valutazzjoni preċiża tal-mod kif il-miżuri f'setturi oħrajn jħallu riperkussjonijiet fuq it-turiżmu u jappella għal approċċ integrat bil-għan li jkunu żviluppati sinerġiji kemm bejn il-politiki settorjali differenti kif ukoll il-varji strumenti ta' finanzjament;

3.  Jiddeplora n-nuqqas ta' koerenza fil-Kummissjoni fir-rigward tal-politika tat-turiżmu; iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għal approċċ koordinat u integrat fost id-Direttorati Ġenerali kkonċernati;

4.  Jenfasizza l-bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib, minn naħa, bejn l-awtoritajiet tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali u bejn l-istituzzjonijiet kollha kemm huma u l-partijiet interessati, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet transversali tat-turiżmu, filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà; ifakkar fil-kompetenza diretta fil-qasam tat-turiżmu ta' ħafna reġjuni u muniċipalitajiet Ewropej, u b'hekk dawn tal-aħħar jiżvolġu rwol ċentrali fl-implimentazzjoni ta' proġetti u azzjonijiet speċifiċi; jittama, anki fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020, li jara lir-reġjuni u lill-muniċipalitajiet jikkooperaw ma' xulxin aktar mill-qrib u jiżvolġu parti sostenibbli, diretta u effikaċi fl-iżvilupp ta' politika tat-turiżmu ġdid; iqis li, għall-istess perjodu, strumenti ta' programmazzjoni speċifiċi bħal strateġiji għall-makroreġjuni jistgħu jżidu t-turiżmu intrareġjonali u interreġjonali u jrawmu l-attrattiva u l-viżibilità tar-reġjuni u tal-muniċipalitajiet Ewropej;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tintroduċi żewġ prinċipji ġodda għat-turiżmu: l-'interreġjonalità' u l-'komplementarjetà', sabiex issir promozzjoni favur l-ippjanar konġunt u l-kooperazzjoni bejn servizzi turistiċi f'żona ġeografika unika, jiġifieri jew bejn reġjuni ġirien li huma parti minn Stati Membri differenti jew f'livell tematiku speċifiku bejn reġjuni konnessi b'elementi komuni;

Turiżmu kompetittiv, modern u ta' kwalità

6.   Huwa tal-fehma li t-turiżmu għandu jiġi kkunsidrat parti integrali tal-politika industrijali u tal-politika dwar l-innovazzjoni tal-UE u jtenni li l-ispinta mogħtija lit-turiżmu tirrappreżenta objettiv strateġiku u vitali għall-impjiegi fid-diversi Stati Membri; jenfasizza b'rabta ma' dan, l-importanza ta' impriżi mikro, żgħar jew ta' daqs medju (SMEs) li kollha kemm huma jikkontribwixxu għall-innovazzjoni li tibda mill-qiegħ u l-istabilità fis-settur u jiggarantixxu l-kwalità, id-diversità u l-awtentiċità tar-reġjuni fejn huma stabbiliti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi aktar dan l-approċċ fis-servizzi turistiċi Ewropej;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena tiġbor u tippubblika prattiki tajba tat-turiżmu;

8.  Jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li għandha tiġi żviluppata mal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-aġenziji nazzjonali tat-turiżmu t-"tikketta Ewropa" bil-għan li tiġi promossa fid-dinja l-Ewropa bħala destinazzjoni turistika waħda; jistieden, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tniedi kampanja pubbliċitarja f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-aġenziji tat-turiżmu kompetenti; jissottolinja li kwalunkwe inizjattiva promozzjonali għandha tirrispetta u tenfasizza d-diversità territorjali tal-Ewropa filwaqt li tevita li tiffavorixxi xi destinazzjoni Ewropea fuq oħrajn, u huwa tal-fehma li t-"tikketta Ewropa" ma għandhiex tipprevjeni lid-diversi reġjuni, bliet u entitajiet lokali milli jkunu jistgħu jippromwovu d-dehra tagħhom stess b'mod liberu;

9.  Jilqa' favorevolment l-inizjattiva dwar iċ-'Ċertifikat tal-patrimonju Ewropew' bħala strument għall-valorizzazzjoni ta' ċerti siti li jirrappreżentaw l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea; jinsisti fuq il-bżonn li din l-inizjattiva tkun ikkoordinata mas-siti rikonoxxuti mill-UNESCO u rotot storiċi oħra; iqis bħala meħtieġ il-koordinament ma' inizjattivi simili oħra bħall-Premju Europa Nostra bil-għan li ma jinħoloqx xogħol doppju; jistieden lill-Kummissjoni tindika lill-Istati Membri s-siti li jirċievu ċ-'ċertifikat tal-patrimonju Ewropew' għandhom jibqgħu dejjem miftuħin u aċċessibbli, anke meta jkun hemm numru minimu ta' impjegati (skeleton staff);

10. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-inklużjoni tat-tradizzjonijiet popolari fuq il-Lista tal-Patrimonju Dinji fi ħdan l-Istati Membri, inklużi t-tradizzjonijiet kulinarji, bil-għan li dawn jiġu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri u li tiġi stabbilita strateġija Ewropea għall-promozzjoni tat-tradizzjonijiet popolari fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt li l-programm tal-UE "Kapitali Ewropej tal-Kultura" qiegħed ikollu fuq it-turiżmu u biex tħejji rapport lill-Parlament dwar jekk l-istrateġiji ta' governanza, l-arranġamenti ta' finanzjament u l-proċeduri għall-involviment ta' korpi u assoċjazzjonijiet kulturali għandhomx jiġu riveduti, bl-għan li jsir investiment fi proċessi u sħubiji sostenibbli u dejjiema;

12. Jisħaq fuq l-importanza ta' kollaborazzjoni, pereżempju permezz ta' sħubiji jew il-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru, mal-pajjiżi mhux Ewropej, b'mod partikolari mal-pajjiżi ġirien u l-pajjiżi BRIC (Brażil, Russja, Indja u Ċina), li jirrappreżentaw suq ta' bosta miljuni ta' turisti potenzjali ġodda; jenfasizza, f'dawn ir-rirgward, l-importanza ta' sforzi kontinwi biex tiżdied il-viżibilità, il-kwalità, il-kompetittività u d-diversifikazzjoni tal-industrija tat-turiżmu Ewropea u jappella għall-iżvilupp ta' attivitajiet Ewropej konġunti ta' marketing u prodotti turistiċi kkombinati bil-għan li jinġibdu l-viżitaturi minn dawn is-swieq il-ġodda;

13. Iqis li jkun rakkomandabbli, fir-rispett tad-dritt/dmir tal-UE li jiġi kkontrollat l-aċċess fil-konfini tagħha, għall-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri biex jiżviluppaw, fil-kuntest tal-politika komuni, ta' strateġija fit-tul għal proċeduri tal-ħruġ ta' viżi jkunu aktar ikkoordinati u semplifikati, filwaqt li tiġi valutata l-possibilità li jinħolqu f'livell tal-UE taqsimiet/ċentri konsolari komuni li jiggarantixxu l-implimentazzjoni fil-ħin tal-proċeduri tal-viża u t-tnaqqis tal-ispejjeż burokratiċi; għal dan l-għan, wara li jinħoloq is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tistabbilixxi uffiċċji ta' delegazzjoni tal-UE fid-dinja sabiex tkun tista' toħroġ viżi turistiċi b'kollaborazzjoni mal-ambaxxati nazzjonali tal-Istati Membri u teżamina modi supplementari kif tissemplifika l-ħruġ ta' viżi turistiċi, bħal 'viżi turistiċi għal gruppi' għall-gruppi organizzati u aċċess aktar faċli għall-vjaġġaturi fuq xogħol;

14. Jitlob lill-Istati Membri jivvalutaw, quddiem bosta sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jinvolvu riskju għat-turist imsiefer, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), l-opportunità li tiġi kodifikata proċedura uniformi biex jinħarġu avviżi ta' "parir kontra l-ivvjaġġar", jinħoloq kodiċi uniku Ewropew ta' gravità tal-"parir kontra l-ivvjaġġar" u, fl-agħar ipoteżi, jingħata l-aċċess tal-operaturi għall-proċedura ta' għajnuna Komunitarja, fil-limiti tad-disponibilità tal-fondi ta' finanzjament Ewropej;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-konklużjonijiet mill-każijiet reċenti ta' emerġenza bħall-eruzzjoni tal-vulkan, u biex tfassal xenarji speċifiċi għall-ġestjoni tal-kriżi tal-UE sabiex il-koordinament u l-azzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha, fir-rigward tal-informazzjoni u l-miżuri li għandhom jittieħdu, isiru r-regola;

16. Jenfasizza l-bżonn li jiġu ffavoriti l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku tal-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju biex issir aktar effikaċi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti u l-promozzjoni tad-destinazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq pjattaforma 'ICT u Turiżmu', tniedi proġett pilota speċifiku, sa tmiem l-2011, biex tinċentiva l-parteċipazzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fil-katina tal-provvista diġitali, fuq l-eżempju tal-esperjenzi f'setturi oħra, bħat-tessuti, it-trasport u l-loġistika u l-industrija tal-karozzi; jitlob inizjattivi diretti lejn il-promozzjoni tal-kummerċ elettroniku fis-settur u t-tneħħija tal-barrieri, li għadhom jeżistu fis-suq intern, għall-iżvilupp ta' dan; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżviluppaw internet b'veloċità għolja fit-territorju kollu tagħhom sabiex jippermettu li jiġu żviluppati servizzi avvanzati u li l-operaturi jsiru interoperabbli;

17. Jitlob li jiġi promoss u appoġġat l-ispirtu imprenditorjali fis-settur, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u ż-żgħażagħ, u li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għall-mikrokrediti, l-impriżi żgħar u ta' daqs medju u l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inkubatur speċifiku għall-innovazzjoni għall-impriżi fis-settur tat-turiżmu;

19. Iqis li s-sostenibilità tas-settur tat-turiżmu se tibbenefika bil-kbir minn approċċ għar-R&Ż aktar ikkoordinat u mill-promozzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-industrija tat-turiżmu huwa marbut direttament mal-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u t-teknoloġiji rinnovabbli;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq Osservatorju Virtwali tat-Turiżmu li jkollu rabta mhux biss mal-istituti ta' riċerka, iżda wkoll mal-impriżi u mal-awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li jiġu promossi studji tas-suq, bl-użu ta' sistemi ta' intelliġenza kompetittiva, tiġi fornuta lill-impriżi u lill-korpi pubbliċi informazzjoni prospettiva dwar l-evoluzzjoni tal-offerta u tad-domanda u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-pożizzjonament strateġiku aħjar tal-impriżi u tas-settur pubbliku;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-atturi nazzjonali tas-settur, liema azzjonijiet innovattivi jistgħu jieħdu għall-promozzjoni ta' pakketti ta' vaganzi ad hoc minn prospettiva Ewropea, f'okkażjoni ta' avvenimenti storiċi, kulturali u sportivi li ċerti Stati Membri se jospitaw fis-snin li ġejjin, pereżempju l-Logħob Olimpiku, l-Espożizzjoni Universali u oħrajn, bil-għan li tiġi promossa d-destinazzjoni 'Ewropa' fir-rikkezza moltepliċi tagħha; huwa tal-fehma li l-avvenimenti Ewropej u internazzjonali ta' tipi differenti għandhom ikunu promossi flimkien mal-offerta turistika lokali eżistenti;

22. Jemmen li jeħtieġ tiġi żviluppata l-potenzjalità tal-portal www.visiteurope.com, promoss mill-Kummissjoni Ewropea tat-Turiżmu (ETC), bil-għan li jiġu massimalizzati d-disponibilità u l-aċċessibilità sħiħa tiegħu (preżenza ta' testi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u fil-lingwi prinċipali mhux tal-UE, b'rigward partikolari għall-pajjiżi BRIC, użu ta' formati aċċessibbli għall-persuni b'vista batuta u b'informazzjoni bil-lingwa tas-sinjali għal dawk neqsin mis-smigħ u użu tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi kollha) u li jsir pjattaforma Ewropea ta' vera tat-turiżmu, b'aċċess faċli għall-portali turistiċi nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri individwali; jemmen, barra minn hekk, il-portal għandu jagħti viżibilità akbar lis-sistema ta' Tikketta Ewropea ta' Kwalità, kif ukoll lill-aħjar prattiki u lill-inizjattivi bħal Calypso, NECSTouR u EDEN, u għandu jinforma lit-turisti dwar drittijiethom f'ċirkostanzi differenti;

23. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mal-Istati Membri l-opportunità li tinħoloq 'Karta Ewropea tat-turist', bil-għan li titrawwem il-lealtà tat-turist mill-UE jew minn barra, li jivvjaġġa fl-Ewropa biex jagħmlu dan regolarment, permezz tal-offerta ta' informazzjoni, inkluża lista ta' drittijiethom, aġevolazzjonijiet u servizzi ddedikati;

24. Iqis li l-Unjoni Ewropea hi bbażata fuq id-diversità kulturali u lingwistika u li għalhekk hu importanti li jiġi promoss l-aċċess għas-siti turistiċi billi l-viżitaturi jiġu pprovduti bi strumenti sabiex iż-żjara tagħhom tiġi ffaċilitata u jiġu megħjunin jifhmu, bħal pereżempju awdjogwidi jew fuljetti li joffru spjegazzjonijiet f'tal-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE, partikolarment meta s-siti li tkun saritilhom żjara jkunu qed jirċievu finanzjament strutturali;

25. Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati fit-turiżmu, tivvaluta l-vijabilità ta' 'tikketta Ewropea tat-turiżmu ta' kwalità', billi tidentifika kriterji komuni minimi ta' kwalità; jemmen li dan għandu jsir bil-koordinament tal-aħjar esperjenzi diġà miksuba mid-diversi Stati Membri u mill-għaqdiet f'dan il-qasam, bil-għan li tinħoloq tikketta komplementari li taħtha jaqgħu t-tikketti nazzjonali u li tkun rikonoxxuta abbażi ta' akkreditament volontarju ("opt-in");

26. Iqis li, biex jiġu evitati riskji ta' taħwid min-naħa tal-konsumaturi u piżijiet eċċessivi għall-impriżi, għandha tiġi evitata l-proliferazzjoni tat-tikketti u jitnaqqas in-numru tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta t-tikketti eżistenti f'termini ta' affidabilità, trasparenza u monitoraġġ tal-konformità; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippromwovu l-istrumenti u l-aħjar prattiki eżistenti u jivvalutaw fit-tul il-possibilità ta' integrazzjoni gradwali f'tikketta unika tat-'tikketta Ewropea ta' kwalità' u tal-'Ekotikketta għas-servizzi ta' akkomodazzjoni turistika', bis-sostenibilità bħala kriterju essenzjali tal-kwalità;

27. Jitlob lill-Kummissjoni tagħmilha ta' promotur ta' inizjattiva konkreta għall-armonizzazzjoni progressiva tas-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-akkomodazzjoni (lukandi, guesthouses, kmamar għall-kiri, eċċ.) permezz tal-identifikazzjoni ta' kriterji minimi komuni, billi tibda mill-esperjenzi pożittivi diġà miksuba mill-għaqdiet f'dan is-settur (pereżempju l-Hotelstars Union) u mir-rappreżentanti tas-settur; iqis li armonizzazzjoni progressiva bħal din taf iżżid il-viżibilità kemm tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika kif ukoll l-informazzjoni mogħtija lit-turisti; jistieden lill-industrija Ewropea tal-ospitalità biex:

     - tkompli l-isforzi tagħha favur armonizzazzjoni progressiva tal-klassifikazzjoni tal-lukandi, filwaqt li tqis il-kriterji tal-aċċessibilità;

     - tikkoopera mal-Istituzzonijiet u tinformahom regolarment dwar il-progress li jkun sar;

28. Jisħaq fuq l-importanza li jingħata attenzjoni lit-tema tas-sikurezza fil-varji tipi ta' akkomodazzjoni, b'riferiment partikolari għar-regoli għall-protezzjoni kontra n-nar u l-miżuri tas-sikurezza fir-rigward tal-monossidu tal-karbonju; huwa tal-fehma li, għalhekk, għandha tkun inċentivata l-adeżjoni mal-metodu MBS (Management, Building and System), diment li r-regoli nazzjonali fis-seħħ ikunu konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-1986 jew li għandhom jittieħdu azzjonijiet regolatorji alternattivi kull fejn l-awtoregolamentazzjoni tonqos milli tagħmel dan; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rwol importanti li l-persunal tal-lukandi jingħata taħriġ fl-ippjanar tal-emerġenza u l-ġestjoni tal-protezzjoni kontra n-nar, u jisħaq fuq il-bżonn għall-ġbir sistematiku ta' data dwar is-sikurezza fl-akkomodazzjoni; jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkunsidrati dejjem il-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilitajiet u dawk b'mobilità mnaqqsa, inkluż f'termini ta' taħriġ dwar s-sensibilizzazzjoni għad-diżabilità fil-prevenzjoni kontra n-nirien u s-sikurezza tal-akkomodazzjoni;

29. Iqis li jkun xieraq li l-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-industrija tas-settur u mal-imsieħba soċjali, tħejji mappa tal-kompetenzi professjonali eżistenti (Tourism Skill Competence Framework), biex ikun hemm punt ta' tluq li minnu tittieħed azzjoni konkreta biex jitlaqqgħu d-domanda u l-offerta fis-suq tal-impjiegi tas-settur tat-turiżmu fl-Ewropa;

30. Jistieden lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tħeġġeġ il-mobilità u tivvalorizza u tippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja, l-esperjenzi ta' taħriġ professjonali u universitarja u apprendistati fis-settur tat-turiżmu, iżżomm kuntatt mill-qrib mad-dinja tar-riċerka u tal-impriżi u tpoġġi aktar enfasi fuq l-innovazzjoni fit-turiżmu fit-tmien Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku; jemmen li l-programmi Komunitarji bħal 'Erasmus għall-imprendituri żgħażagħ' u 'Leonardo da Vinci' jirrappreżentaw programmi uniċi għall-ksib ta' kompetenzi professjonali u ta' taħriġ, barra milli jżidu alternattivi għall-karriera, u għalhekk għandhom ikunu żviluppati u promossi aktar, filwaqt li titqies il-possibilità li jiġu riveduti bil-għan li jedukaw dwar l-aħjar prattiki relatati, fost affarijiet oħra, mal-kwalità tal-akkoljenza, l-aċċessibilità u s-sostenibilità;

31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod aktar preċiż l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi fl-Istati Membri fir-rigward tat-turiżmu;

32. Jitlob it-titjib tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali fl-industrija turistika min-naħa tal-Istati Membri, biex b'hekk lil min diġà jaħdem fis-settur u lil min biħsiebu jibda jagħmel hekk jitħallew isibu żbokki professjonali aqwa u titrawwem il-mobilità tagħhom fl-industrija; jemmen li dan ikun jgħin biex jiġu ttrattati l-problemi tan-natura staġjonali tax-xogħol f'dan is-settur, minn naħa, u tax-xogħol mhux iddikjarat, min-naħa l-oħra;

33. Jenfasizza r-rabta stretta bejn it-turiżmu u t-trasport u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex jimmodernizzaw l-infrastruttura nazzjonali, reġjonali u transfruntiera għall-modi ta' trasport differenti, b'attenzjoni partikolari fuq il-progress u l-implimentazzjoni fil-ħin tal-proġetti tan-Netwerks Trans-Ewropej fis-settur tat-trasport u fuq it-tlestija tal-Ajru Uniku Ewropew bil-għan li jkun hemm aktar ġestjoni effiċjenti tat-traffiku bl-ajru; iqis li huwa importanti tiġi inċentivata l-komodalità u adottati miżuri adegwati fil-ġestjoni tal-flussi turistiċi, b'mod partikolari matul staġuni bl-ogħla livell u l-emerġenzi ta' natura varja;

34. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' mezzi tat-trasport aktar sostenibbli, pereżempju permezz tal-kombinazzjoni tat-trasport pubbliku, dak bil-ferrovija, bir-rota u l-mixi; Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tappoġġa, fost affarijiet oħra, inkluż fil-kuntest tan-Netwerks Trans-Ewropej fis-settur tat-trasport, l-iżvilupp ta' kollegamenti bejn il-gżejjer, iż-żoni rurali, iż-żoni muntanjużi, ir-reġjuni ultraperiferiċi u, b'mod aktar ġenerali, mad-destinazzjonijiet anqas aċċessibbli;

35. Jenfasizza l-bżonn li jiġu promossi s-sistemi ta' bejgħ elettroniku integrat tal-biljetti tal-mezzi tat-trasport differenti, li għandhom jinċentivaw l-intermodalità tas-sistema, jiffaċilitaw il-vjaġġi internazzjonali bejn l-Istati Membri, jiggarantixxu l-libertà tal-moviment u jneħħu l-ostakli għat-tlestija tas-suq intern; huwa tal-fehma li matul il-proċess tal-iżvilupp għandha tingħata attenzjoni lir-rekwiżiti tal-aċċess speċjali għall-persuni b'diżabilità;

36. Jilqa' favorevolment il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, partikolarment fir-rigward ta' dawk b'mobilità mnaqqsa, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq, fit-terminu l-qasir, qafas leġiżlattiv ambizzjuż u koerenti b'ġabra ta' regoli komuni li jkopru d-diversi modi tat-trasport, flimkien ma' regoli speċifiċi li jieħdu f'kunsiderazzjoni l-karatteristiċi ta' kull wieħed minnhom;

37. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibilità ta' Karta dwar id-drittijiet u r-responsabilitajiet tat-turisti li tikkonsisti fi prinċipji fir-rigward tal-aċċessibilità, l-għoti ta' informazzjoni, id-determinazzjoni ta' prezzijiet trasparenti, il-kumpens, eċċ.; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' arbitraġġ indipendenti sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu wkoll jiżguraw b'mod ġenwin dawn id-drittijiet;

Turiżmu sostenibbli u diversifikat

38. Jenfasizza li l-politika tat-turiżmu għandha tinkorpora b'mod konsistenti l-iżvilupp sostenibbli: il-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-ġenerazzjonijiet preżenti għandhom jiġu ssodisfatti mingħajr ma tonqos l-importanza tal-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri;

39. Jilqa' favorevolment ir-rieda tal-Kummissjoni li tiddiversifika l-offerta turistika, li jkun jikkanċella l-effetti tal-istaġjonalità; jisħaq partikolarment fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni diġà mibdija mal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tat-turiżmu kulturali, storiku, reliġjuż, soċjali, ambjentali u tal-pajsaġġi permezz ta' rotot/itinerarji tematiċi li mhux biss jivvalorizzaw l-għeruq kulturali u storiċi u t-tradizzjonijiet tal-kontinent tagħna, iżda jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp ta' turiżmu alternattiv, aċċessibbli għal kulħadd u sostenibbli; jemmen li l-użu ta' mezzi tat-trasport sostenibbli, fosthom ir-rota u t-tbaħħir bil-qlugħ, għandu jiġi inċentivat skont l-itinerarji differenti;

40. Huwa tal-fehma li sabiex it-turiżmu Ewropew jiġi differenzjat minn dak ta' pajjiżi jew kontinenti oħra, huwa importanti li s-settur tat-turiżmu tradizzjonali jingħaqad ma' dak li għandu x'joffri t-territorju f'termini ta' prodotti u servizzi u ta' beni materjali u immaterjali;

41. Jemmen li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom ikomplu jagħtu s-sostenn tagħhom, inkluż b'mezzi finanzjarji, għall-iżvilupp ta' 'Rotot Ewropej' u għaż-żamma ta' dawk eżistenti, inkluż fil-gżejjer u fir-reġjuni mal-kosta, fil-muntanji u ultraperiferiċi; huwa tal-fehma li dawn il-perkorsi għandhom jenfasizzaw l-identità Ewropea, permezz tal-promozzjoni u tar-rabta tas-siti simboliċi, bħall-katidrali, il-kastelli, l-universitajiet, is-siti arkeoloġiċi u l-istabbilimenti industrijali, kif ukoll personaġġi simboliċi jew promoturi tal-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jipproteġu l-wirt u l-beni tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet futuri;

42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita n-netwerk u l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-UE sabiex jingħaqdu l-perkorsi għaċ-ċikliżmu reġjonali, nazzjonali u Ewropej u jiżdied it-turiżmu taċ-ċikliżmu fl-UE li jkun sostenibbli, li ma jaħlix u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent;

43. Jisħaq fuq l-importanza ta' netwerks bħal NECSTouR u EDEN għall-iskambju tal-aħjar prassi bejn ir-reġjuni Ewropej u l-promozzjoni ta' destinazzjonijiet sostenibbli; jinsisti wkoll fuq il-bżonn li tinħoloq sistema ta' indikaturi komuni għall-ġestjoni sostenibbli tad-destinazzjonijiet, f'kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-"Grupp għas-Sostenibilità tat-Turiżmu" (TSG) u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

44. Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-istorja tal-kontinent Ewropew, il-Kummissjoni jmissha tippromwovi b'mod iktar vigoruż il-partimonju industrijali Ewropew, li l-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex rikonoxxut biżżejjed; jenfasizza li l-iżvilupp tal-patrimonju industrijali tal-Ewropa, bħala qasam ewlieni ta' interess kulturali, jista' wkoll ikun ta' benefiċċju għal destinazzjonijiet sekondarji u jikkontribwixxi biex jinkiseb settur turistiku aktar sostenibbli, diversifikat u mifrux uniformement fl-Ewropa, bis-saħħa tal-konservazzjoni, trasformazzjoni u riabilitazzjoni tas-siti industrijali;

45. Huwa tal-fehma li t-turiżmu rurali u l-agrituriżmu għandhom ikunu sostnuti adegwatament, billi huma setturi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja, jiddiversifikaw l-ekonomija u s-sors tal-introjtu taż-żoni rurali, joħolqu impjiegi f'dawn ir-reġjuni, iżommu l-popolazzjoni fit-territorju biex jiġi evitat it-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' dan stess u joħolqu kollegament dirett bejn il-promozzjoni ta' prodotti alimentari tradizzjonali, ekoloġiċi u naturali; josserva li, għal dan il-għan, huwa importanti li tiġi garantita l-aċċessibilità sħiħa għan-netwerk tat-trasport u anki għall-infrastruttura informatika f'dawn iż-żoni; jemmen li dan se jgħin sabiex jintlaħaq l-objettiv li jiġu promossi forom ġodda ta' turiżmu, jiġu estiżi l-istaġuni tat-turiżmu u jerġgħu jiġu distribwiti l-attivitajiet tat-turiżmu bejn iż-żoni li jkollhom konċentrazzjoni għolja ta' turiżmu u żoni b'potenzjal ta' turiżmu qawwi iżda li jkun qed jiġi sfruttat insuffiċjentement;

46. Iqis li hu meħtieġ li tiġi rinfurzata l-kapaċità tal-kummerċjalizzazzjoni tal-agrikulturi u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-swieq lokali, filwaqt li l-impriżi tas-settur jitħallew jerġgħu jixtru iktar faċilment il-prodotti lokali li jeħtieġu;

47. Jenfasizza kif it-turiżmu tan-natura jikkontribwixxi għal żvilupp sostenibbli tas-settur; iqis li huwa importanti li jingħata attenzjoni partikolari lir-riservi naturali u ż-żoni protetti, biex isiru iktar aċċessibbli għat-turist, anki permezz tal-iżvilupp ta' perkorsi transnazzjonali, fir-rispett tal-patrimonju ambjentali u tal-bijodiversità lokali;

48. Jindika li l-iżvilupp tal-passaġġi fuq l-ilma interni ġodda jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu kulturali, naturali jew inkella rikreattiv;

49. Ifakkar li l-ivvjaġġar b'rabta mal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport qed isir dejjem aktar popolari, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġaw dan it-tip ta' turiżmu billi jkunu aktar flessibbli u jadattaw għal tipi ġodda ta' konsumaturi li jirriżultaw mit-tibdil demografiku u ħalli jqisu tipi ġodda ta' turiżmu mfassla skont l-aspettattivi espressi mill-konsumaturi; jiġbed l-attenzjoni għar-rwol prinċipali li l-isports għandu fil-promozzjoni tat-turiżmu, kemm għall-ispettaturi kif ukoll għall-parteċipanti li jivvjaġġaw għall-avvenimenti, u jitlob għall-introduzzjoni ta' politiki speċifiċi li jippromwovu u jappoġġaw it-turiżmu sportiv;

50. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi inizjattiva Komunitarja orizzontali rigward l-impatt ambjentali tat-turiżmu, b'riferiment partikolari għall-bijodiversità Ewropea, għaċ-ċiklu tal-iskart, għat-tifdil enerġetiku u għat-tifdil tal-ilma, għal dieta tajba għas-saħħa u għall-użu tal-art u r-riżorsi naturali, bil-għan li tinxtered l-informazzjoni u materjal utli, tiġi sensibilizzata l-opinjoni pubblika u jitnaqqas l-impatt tat-turiżmu fuq l-ambjent;

51. Jilqa' l-isforzi volontarji tal-industrija biex jinftiehem u jitnaqqas l-effett tal-impatt tat-turiżmu fuq l-ambjent u fuq id-destinazzjonijiet, bħas-Sistema ta' Sostenibilità Travelife, parzjalment iffinanzjata mill-UE, skema innovattiva li tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet sostenibbli u lill-industrija tifhem u tiġġestixxi l-impatti tagħha fuq il-katina tal-provvista;

52. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tappoġġa l-inizjattivi innovattivi tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju tat-turiżmu u biex tippreserva u ttejjeb il-ġid tal-bijodiversità billi jiġi promoss l-ekoturiżmu;

53. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li jingħażel il-Jum Ewropew favur turiżmu responsabbli u sostenibbli, billi torganizza laqgħat ta' informazzjoni fl-Istati Membri kollha biex issir promozzjoni tat-tipi ta' turiżmu vijabbli u l-imġiba responsabbli tat-turisti;

54. Jisħaq fuq l-impatt qawwi tat-tibdil fil-klima fuq iż-żoni turistiċi tal-Ewropa, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, partikolarment iż-żoni mal-kosta, il-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi; jikkunsidra li għandhom jitfasslu strateġiji biex dan jiġi evitat u mblukkat, fost affarijiet oħra, billi titħeġġu l-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni fis-servizzi turistiċi, tissaħħaħ il-prevenzjoni tar-riskji naturali u l-politiki ta' mitigazzjoni billi jiġu adattati l-infrastrutturi, jiġi prevenut l-impatt tal-iskarsezza tal-ilma u salvagwardata s-sostenibilità tal-fawna, il-fora u l-pajsaġġ taż-żoni kkonċernati;

55. Jindika li r-reġjuni kostali jirrappreżentaw id-destinazzjoni turistika prinċipali fl-Ewropa u li għalhekk huwa importanti li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-metodi tal-ippjanar tal-ispazju fiż-żoni kostali, lir-riskji tal-urbanizzazzjoni estensiva, lill-ħtieġa li jinżammu l-kwalità u s-sostenibilità taż-żoni kostali, lill-wirt tagħhom u lill-infrastruttura tas-servizz turistiku; jenfasizza l-bżonn, fl-ambitu ta' strateġija tat-turiżmu mal-kosta, insulari u tal-baħar, li jsir investiment ta' riżorsi adegwati bil-għan li jiġu preservati l-kosti Ewropej mill-fenomenu tal-ħiefa, jitħares il-wirt ambjentali u fawnistiku tagħhom u titjieb il-kwalità tal-ilma tagħhom, bil-għan li jiġi żviluppat turiżmu għall-għawwiema u għall-għaddasa li jkun sostenibbli u ta' kwalità; f'dan ir-rigward, jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija għal turiżmu mal-kosta u marittimu sostenibbli, u jitlob li jiġu żviluppati strateġiji speċifiċi simili għall-gżejjer, ir-reġjuni tal-muntanji u żoni vulnerabbli oħra;

56. Itenni l-importanza tat-turiżmu tal-għawm bħala karatteristika speċifika ta' ċerti reġjuni Ewropej mal-kosta; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk id-Direttiva 2006/123/KE hijiex ikollha riperkussjonijiet negattivi fuq l-SMEs f'dan is-settur u, jekk tqis bħala neċessarju, tipproponi miżuri biex ittaffi dawn ir-riperkussjonijiet u tiggarantixxi li jitqiesu l-karatterisitiċi speċifiċi ta' din il-kategorija professjonali fl-applikazzjoni tad-Direttiva; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jeżaminaw, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, l-introduzzjoni ta' miżuri kumpensatorji biex jittaffew id-danni imposti fuq l-operaturi turistiċi bl-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida li ġġib magħha t-telf tad-drittijiet miksuba u tikkawża telf relatat mal-investimenti mhux irkuprati maħsuba għat-tiġdid u l-adattament tal-istrutturi tagħhom fir-rispett tal-leġiżlazzjoni preċedentement fis-seħħ; huwa tal-fehma li dawn l-azzjonijiet huma meħtieġa biex jiġu salvagwardati l-investimenti li għamlu l-operaturi u biex titjieb il-kwalità tas-servizzi tal-klijenti;

57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fl-ambitu ta' politika marittima integrata (PMI), isostnu l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-port, kemm bil-għan li jiġu adattati t-terminals tal-portijiet għall-esiġenzi tal-persuni b'mobilità mnaqqsa kif ukoll biex jiġu żgurati l-interkonnessjonijiet ma' mezzi oħra ta' trasport u kollegamenti ma' servizzi turistiċi taż-żoni interni, li huma aspetti essenzjali għat-trasport marittimu tal-passiġġieri, għat-turiżmu tal-kruċieri u għat-turiżmu tad-dgħajjes tad-divertiment; fi ħdan dan il-kuntest, jistieden lill-Istati Membri jneħħu kull restrizzjoni li jaf ikollhom;

58. Jieħu nota tal-fatt li l-iżviluppi demografiċi fl-Ewropa se jwasslu għal żieda kontinwa tat-turiżmu tas-saħħa u b'mod partikolari tat-turiżmu termali; huwa u josserva li jeżistu regoli Komunitarji dwar temi marbutin mat-termaliżmu, jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibilità li tippreżenta proposta leġiżlattiva unika dwar it-termaliżmu bil-għan li tagħti struttura organika u regolamentata lis-settur u tinċentiva l-kompetittività fiha, u tispeċifika b'mod immedjat li l-kumpaniji termali li joperaw fl-Istati Membri, bħala fornituri tas-servizzi tas-saħħa, huma esklużi mill-ambitu tad-Direttiva 2006/123/KE; jisħaq fuq ir-rilevanza ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar is-saħħa transfruntiera u jikkunsidra li, sabiex l-implimentazzjoni tagħhom tkun sodisfaċenti għalkollox, din għandha titwettaq fir-rispett rigoruż tal-kriterji u l-kundizzjonijiet li jimponi l-qafas leġiżlattiv il-ġdid;

59. Jenfasizza l-importanza ekonomika tat-'turiżmu għax-xiri'; jisħaq li, għal għadd kbir ta' turisti, din il-forma ta' turiżmu hi waħda mir-raġunijiet ewlenin li għalihom iqattgħu l-vaganzi tagħhom fl-UE, fejn hemm uħud mill-aqwa kumpaniji u ditti tad-dinja fis-settur tal-lussu; jindika li filwaqt li dan is-settur qed jikber rapidament, l-UE tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni qawwija minn destinazzjonijiet turistiċi internazzjonali oħra li joffru, pereżempju, faċilitajiet għax-xiri mingħajr taxxa jew rimborż tal-VAT; jirrakkomanda, għalhekk, f'kooperazzjoni mas-settur tal-lussu u mal-professjonisti tat-turiżmu, li ssir ħidma fuq miżuri u servizzi ġodda sabiex l-UE tibqa' tiġbed in-nies lejha u żżomm il-kompetittività;

60. Jisħaq li hemm bżonn li jiġi promoss it-turiżmu tan-negozju Ewropew fl-UE u fid-dinja, minħabba l-importanza ekonomika tiegħu għal ċerti postijiet fl-Ewropa u minħabba l-ammont ta' servizzi marbuta mal-akkoljenza u l-organizzazzjoni tal-fieri kummerċjali, l-esibizzjonijiet, il-konferenzi u avvenimenti kummerċjali oħra (lukandi u servizzi tal-forniment tal-ikel, ħwienet, trasport, komunikazzjoni u aġenziji li jiġġestixxu l-avvenimenti, eċċ.);

61. Ifakkar li turiżmu etikament responsabbli huwa objettiv indispensabbli; jilqa' favorevolment il-kontenut tal-kodiċi etiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu (UNWTO) u jawspika li dawn jiġu fil-pront aċċettati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri; f'dan is-sens, jifraħ bil-proposta tal-Kummissjoni li testendi l-ġurisdizzjoni nazzjonali tal-Istati Membri għar-reati ta' abbuż sesswali fuq il-minuri kommessi barra mill-pajjiż, b'hekk tikkastiga, fil-fatt, it-turiżmu sesswali;

Turiżmu għal kulħadd

62. Jenfasizza li l-istaġjonalità, li hi karatteristika inerenti fl-attività turistika, tista' tkun sors ta' nuqqas ta' stabilità tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol; jitlob, għaldaqstant, li tiġi żviluppata politika speċifika favur il-ħaddiema staġjonali, partikolarment permezz tal-estensjoni tal-istaġuni permezz tad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet turistiċi;

63. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan biex tippromwovi destaġjonalizzazzjoni progressiva tal-offerta turistika; f'dan il-kuntest, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tibni fuq ir-riżultati, s'issa pożittivi, tal-azzjoni preparatorja 'Calypso' u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu b'din l-azzjoni, biex b'hekk il-persuni żvantaġġati, bħall-anzjani, il-persuni b'diżabilitajiet, iż-żgħażagħ u l-familji b'introju baxx ikunu jistgħu jaċċedu għall-vaganzi, partikolarment waqt l-istaġun baxx u f'livell transnazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-aċċessibilità fiżika, is-servizzi adegwati u l-informazzjoni affidabbli jiġu ppjanati aktar u inkorporati fil-prodotti tat-turiżmu; iqis li d-diversi prattiki tajbin eżistenti jistgħu jservu ta' ispirazzjoni għax jenfasizzaw proċess faċli għall-aċċessibilità u l-għoti tas-setgħa;

64. Jisħaq fuq l-importanza, fil-qafas ta' strateġija Ewropea ġdida dwar id-diżabilità, li tiġi garantita l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilitajiet, mhux biss għall-mezzi tat-trasport, iżda wkoll għall-akkomodazzjoni, għar-ristoranti, għall-informazzjoni aċċessibbli għal kulħadd u għas-servizzi turistiċi inġenerali; jisħaq fuq il-fatt li informazzjoni ċara għandha tingħata sussegwentement dwar il-miżuri meħuda; jistieden lill-Kummissjoni taċċerta ruħha li l-aċċessibilità għal kulħadd hija garantita fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha relatati mat-turiżmu;

65. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni tal-programmi ta' rkupru, konservazzjoni u kustodja ta' siti ta' interess kulturali/storiku/ambjentali, bl-iskop li tiġi favorita tgawdija akbar għat-turisti; jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ jipparteċipaw bħala voluntiera għal dawn il-programmi fl-2011, jiġifieri s-Sena Ewropea tal-Volontarjat, u lil hinn mill-2011;

66. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-hekk imsejjaħ turiżmu VFT (Ħbieb u Qraba li qed Iżuru) bħala mod importanti li bih tittejjeb l-integrazzjoni fil-kultura Ewropea;

Turiżmu u riżorsi

67. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina, testendi u tagħti viżibilità lill-istrumenti finanzjarji favur it-tisħiħ tal-kompetittività tat-turiżmu eżistenti li jaqgħu taħt id-diversi Direttorati Ġenerali, kif ukoll tivverifika l-użu eżatt tagħhom, b'riferiment partikolari għall-FEŻR, il-FAEŻR, il-FSE u l-FES; iqis li f'kuntest ta' restrizzjonijiet baġitarji huwa essenzjali li jinbnew sinerġiji bejn id-diversi strumenti finanzjarji eżistenti, li għandhom jiġu adattati għall-bidliet fit-turiżmu u l-klijentela, għad-diversifikazzjoni tal-attivitajiet li jirrigwardaw it-turiżmu u għall-ħtiġijiet tal-iżvilupp lokali; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tiżviluppa indikazzjonijiet ċari fir-rigward tad-disponibilità ta' finanzjamenti għall-proġetti marbuta mat-turiżmu, kif ukoll toħloq bank tad-data b'aċċess faċli li jinvolvi lid-diversi DĠ għas-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni dwar il-proġetti mabuta mat-turiżmu kofinanzjati mill-UE;

68.  Jenfasizza li t-turiżmu għandu jibqa' jiżvolġi rwol importanti fil-politika ta' koeżjoni fil-qafas tal-perspettivi finanzjarji 2014-2020; jitlob biex il-perspettivi finanzjarji li jmiss u r-regoli tal-Fond Strutturali jinkludu fost il-prijoritajiet tagħhom ir-riabilitazzjoni ta' żoni turistiċi li waqgħu lura, sabiex jiġu ggarantiti l-kompetittività u sostenibilità tagħhom.

69. Jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri u lill-entitajiet lokali u reġjonali jibbenefikaw bis-sħiħ mill-istrumenti ta' taħriġ professjonali offruti mill-FSE u minn strumenti Komunitarji, nazzjonali, reġjonali u lokali oħrajn; iqis bħala essenzjali li l-Istati Membri u l-entitajiet ikunu sensibilizzati biex jiżviluppaw sejħa għall-offerti maħsuba għat-turiżmu, fuq il-bażi tal-prijoritajiet previsti mill-Fondi Strutturali;

70. Jappella għall-ħolqien, fl-ambitu tal-perspettivi finanzjarji 2014-2020, ta' programm speċifiku għat-turiżmu b'riferiment partikolari għall-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, u jinkoraġġixxi s-sħubija bejn l-impriżi u bejn is-settur pubbliku u sak privat għal proġetti pan-Ewropej fis-settur, u fl-istess ħin jinkoraġġixxi lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju jinvestu f'dak is-settur;

71. Jinsisti fuq il-bżonn li tiġi żgurata kontinwità fis-sostenn għall-proġetti pilota fis-settur tat-turiżmu wara l-2011, u eventwalment li jiġu valutati oħrajn ġodda biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida;

Kwistjonijiet importanti oħrajn għas-settur turistiku

72. Josserva li l-impriżi turistiċi jeħtieġu statistika komparabbli, u ta' kwalità għolja għal raġunijiet ta' ppjanar fit-tul tal-provvista u tal-istrutturi tat-talba u għall-iżvilupp ta' destinazzjonijiet turistiċi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex fejn tista', tiżgura d-disponibilità tad-data għall-Ewropa kollha; jiddeplora l-fatt li ma tinżamm l-ebda statistika uffiċjali dwar it-turiżmu rurali u l-agrituriżmu, u li l-unika informazzjoni disponibbli hija bbażata fuq stimi; jilqa' l-miżuri li qed jiġu kkunsidrati biex jikkonsolidaw il-bażi ta' għarfien soċjali u ekonomiku fil-qasam tat-turiżmu, filwaqt li jitqies li meta jkun possibbli għandu jiġi evitat li jiġu imposti piżijiet finanzjarji u amministrattivi supplementari;

73. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva sa Settembru 2011 għar-reviżjoni tad-Direttiva 90/314/KEE, imsejħa "vjaġġi kollox kompriż", biex tiggarantixxi qafas leġiżlattiv ċert għall-konsumaturi u għall-impriżi tas-settur, u dan kemm f'sitwazzjonijiet ordinarji kif ukoll f'sitwazzjonijiet straordinarji, pereżempju minħabba ċerti fenomeni klimatiċi u naturali jew minħabba diżordni politiku; jisħaq li l-kunċett kollu tal-pakkett tal-ivvjaġġar ilu li ma baqax validu, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħmel, matul ir-reviżjoni tagħha, l-istess leġiżlazzjoni applikabbli għall-partijiet kollha li joffru servizzi turistiċi; jisħaq li, f'dan il-kuntest, il-kwalità ta' servizz provdut lill-konsumatur u l-kompetizzjoni ġusta għandhom ikunu fatturi ewlenin;

74. Jenfasizza l-opportunità ta' armonizzazzjoni progressiva għal rata mnaqqsa tal-VAT fuq it-turiżmu bejn l-Istati Membri bħala kundizzjoni meħtieġa għal kompetizzjoni trasparenti fost l-impriżi turistiċi fi ħdan l-UE u fil-konfront tal-pajjiżi terzi; jilqa' favorevolment minn din il-prospettiva d-dibattitu li beda bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-futur tal-VAT;

75. Jistieden lill-Istati Membri jqisu li l-effetti negattivi tat-tendenza li qed tiżdied li t-turisti li qed jivvjaġġaw fl-UE jew fl-Istati Membri jiġu suġġetti għal rati ogħla ta' taxxi, pereżempju, taxxa fuq il-fjuwil, imposti tas-sigurtà u taxxi tal-arjuport, muniċipali u tal-port, partikolarment matul l-istaġun baxx; jenfasizza li f'każ li tiġi applikata taxxa supplementari fuq it-turiżmu, din għandha tkun pubbliċizzata kif xieraq bil-għan li t-turisti u l-operaturi jkunu konxji sew tagħha;

76. Jistieden lill-Kunsill tal-UE jgħaġġel fl-adozzjoni tal-proposta għal direttiva dwar il-modernizzazzjoni tar-reġim speċjali tal-VAT (TOMS), billi jipprevedi d-dħul ta' mekkaniżmu ta' "opt-in" kapaċi li jxejjen id-distorsjoni kompetittiva bejn kategoriji ta' operaturi tas-settur, billi t-traspożizzjonijiet nazzjonali mhux omoġenji jwasslu attwalment għal konsegwenzi gravi;

77. Jenfasizza l-ħtieġa ta' politika ta' kompetenza attiva li tissorvelja t-tendenza għall-konċentrazzjoni tas-settur u l-abbuż mill-pożizzjonijiet dominanti;

78. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija integrata għat-turiżmu sa tmiem l-2012 li tkun konformi mal-istrateġija attwali u l-pjan ta' implimentazzjoni tagħha u tkun komplementari magħha;

79. Iqis li jkun xieraq li tinħoloq task force teknika speċifika għat-turiżmu f'livell ta' Parlament Ewropew, bil-għan li tiġi segwita mill-viċin l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni u tal-indikazzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

80. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 384, 31.12.1986, p. 60

(2)

ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59

(3)

ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36

(4)

ĠU L 116, 9.5.2009, p. 18.

(5)

ĠU L 198, 30.7.2009, p. 57.

(6)

ĠU L 27 30.1.2010, p. 1.

(7)

ĠU C 193E, 17.8.2006, p. 325.

(8)

ĠU C 297E, 20.11.2008, p. 184.

(9)

Testi adottati, P6_TA(2008)0597.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2011)0057.


NOTA SPJEGATTIVA

It-turiżmu, bħala t-tielet l-akbar attività soċjoekonomika tal-UE, li tirrappreżenta 10% tal-PDG u tikkontribwixxi għat-12% tal-impjiegi totali, huwa settur ta' importanza kruċjali billi, barra milli jimmira għall-integrazzjoni u l-iżvilupp tar-reġjuni l-inqas avvanzati, jirnexxilu jlaqqa' t-tkabbir, l-iżvilupp sostenibbli u l-etika fil-pajjiżi tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa strument essenzjali biex isaħħaħ, ixerred u jippromwovi l-mod kif nidhru fid-dinja.

It-turiżmu minn dejjem kien ikkontemplat fil-politiki Komunitarji. B'mod partikolari, minn Diċembru 2009 sal-lum, l-istituzzjonijiet Ewropej bdew proċess ġdid biex iwettqu l-prerogattivi l-ġodda mogħtija mit-Trattat ta' Lisbona, li jipprevedi l-kompetenza tal-UE biex tissupplementa u tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu. Id-dikjarazzjoni ta' Madrid f'April 2010, li fiha l-Istati Membri wrew ir-rieda li japplikaw miżuri speċifiċi, iżda anki li jippromwovu valuri bħall-etika u l-ħarsien tal-ambjent u tal-kultura u s-sostenibilità ekonomika tas-settur; il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni f'Ġunju 2010 bil-21 azzjoni; il-konklużjonijiet tal-Kunsill "Kompetittività" ta' Ottubru 2010, li fihom l-Istati Membri għarfu l-importanza tat-turiżmu għall-ekonomija u impenjaw ruħhom biex jiżviluppaw is-settur; il-Forum Ewropew tat-Turiżmu li sar f'Novembru 2010 f'Malta, fejn il-Kummissjoni ppreżentat abbozz ta' pjan ta' implimentazzjoni u, permezz ta' djalogu kostruttiv bejn l-istituzzjonijiet u l-operaturi, sar sforz biex jiġu fissati prijoritajiet fost il-21 azzjoni proposti fil-komunikazzjoni; fl-aħħar, flimkien ma' dawn il-fażijiet, hemm ir-rapport fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea

Permezz tal-komunikazzjoni tagħha ta' Ġunju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea, anki permezz tal-prijoritajiet il-ġodda ddefiniti fl-istrateġija Ewropa 2020, trid tinċentiva approċċ ikkoordinat u tiddefinixxi qafas ta' azzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività u l-kapaċità ta' tkabbir sostenibili fis-settur tat-turiżmu (objettivi msemmija u deskritti fl-Artikolu 195 TFUE).

Huwa possibbli li jiġi enfasizzat qafas ta' azzjoni magħmul minn erba' pilastri: l-ewwel nett, il-Kummissjoni jidhrilha li huma indispensabbli li tiġi stimolata l-kompetittività tas-settur billi tkun promossa diversifikazzjoni tal-offerta, b'appoġġ għall-innovazzjoni, titjib tal-kompetenzi professjonali u fl-aħħar billi jiġi inkoraġġit staġun itwal. It-tieni nett, l-UE għandha l-għan li tippromwovi t-turiżmu sostenibbli, responsabbli u ta' kwalità jiġifieri li tiffaċilita ġestjoni soda tal-impriżi billi tistabbilixxi tikketti Ewropej (Tikketta Ewropa, Ekotikketta, tikketta Ewropea tat-turiżmu ta' kwalità) jew tippromwovi proġetti bħal EDEN jew netwerks bħal NECSTouR. Min-naħa l-oħra, irridu nikkonsolidaw id-dehra tal-UE f'livell internazzjonali bħala grupp ta' destinazzjonijiet magħqudin u kkoordinati. Biex nagħlqu, konxji li l-politika tat-turiżmu hija definita min-natura trasversali tagħha, nixtiequ nimmassimizzaw il-potenzjal tal-politiki u tal-istrumenti finanzjarji mqiegħda għad-dispożizzjoni biex inkunu nistgħu nsostnu l-kompetittività tas-settur.

Rapport fuq inizjattiva - pożizzjoni tar-rapporteur

Ir-rapporteur iqis li d-dibattitu dwar ir-rapport fuq inizjattiva tal-Parlament għandu jkollu skop doppju: minn naħa li janalizza b'attenzjoni l-21 azzjoni proposti mill-Kummissjoni u l-pjan ta' implimentazzjoni relatat ippreżentat f'Malta, billi l-attenzjoni tiġi ffokalizzata fuq l-identifikazzjoni tal-azzjonijiet prijoritarji u fuq t-twettiq konkret tagħhom; min-naħa l-oħra li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġu stimolati biex jittrattaw f'perjodu ta' żmien ċert u b'soluzzjonijiet effikaċi kwistjonijiet pendenti oħra billi r-riżoluzzjoni tagħhom hija fundamentali biex l-Ewropa żżomm ir-rwol tagħha bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja.

Fost l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni, ir-rapporteur iqis li wħud minnhom jiġu ttrattati bi prijorità billi huma partikolarment konformi mal-prospettivi ta' Ewropa 2020:

Taħriġ

Ir-rapporteur jaqbel mal-enfasi kbira fuq it-tema tat-taħriġ u tal-kwalifikazzjoni professjonali. Huwa proprju bis-saħħa tal-kapital uman u bit-taħriġ, mhux biss ta' figuri professjonali f'kuntatt dirett mal-klijent, iżda l-aktar b'figuri ġodda f'livell maniġerjali, ta' ġestjoni u imprenditorjali li se nkunu nistgħu nirbħu l-isfida ta' politika industrijali effikaċi tat-turiżmu. F'dan is-sens huwa fundamentali li jiġu valorizzati u promossi l-esperjenzi ta' taħriġ professjonali u universitarju diġà eżistenti, li jingħaqdu f'netwerk u jiġu stimolati oħrajn ġodda, f'kuntatt mill-qrib mad-dinja tal-impriżi. Ir-rapporteur iqis li jeħtieġ li tiġi stipulata mappa tal-kompetenzi eżistenti fis-settur biex insiru nafu kif għandha naġixxu konkretament fis-settur tat-taħriġ fil-qasam turistiku. Programmmi bħal "Erasmus għall-imprendituri żgħażagħ" huma wkoll essenzjali għall-iżvilupp ta' kompetenzi professjonali ġodda fost iż-żgħażagħ u dawn il-kompetenzi u l-kwalifiki għandhom jiġu rikonoxxuti b'mod adegwat fost il-varji Stati Membri.

Innovazzjoni u ICT

Ir-rapporteur jinsab konvint li jeħtieġ isir investiment qawwi fl-innovazzjoni u fl-ICT, elementi essenzjali biex tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji turistiċi tagħna u tingħata risposta, mhux biss lill-firxa ta' klijenti dejjem aktar orjentata lejn l-użu tal-internet u tat-teknoloġiji l-ġodda, iżda wkoll lill-istess dinja tal-impriżi turistiċi, li llum iktar minn qatt qabel tirriżulta l-ewwel utent ta' prodotti turistiċi online. F'dan is-sens, il-proposta tal-iżvilupp ta' pjattaforma Ewropea hija sfida li ma tistax titħalla tispiċċa fix-xejn. Aspett importanti ieħor huwa li l-aċċessibilità totali tal-internet tkun ukoll garantita fit-territorji kollha tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk l-aktar żvantaġġati. Ir-rapporteur jipproponi lill-Kummissjoni li tniedi proġett pilota biex jinċentiva l-parteċipazzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju fid-"Digital Supply Chain" (katina tal-provvista diġitali) bil-għan li dawn l-impriżi jitħallew ikollhom aċċess għal teknoloġiji avvanzati ġodda biex tiżdied il-kompetittività tagħhom.

Viżi turistiċi

It-tema tal-viżi, b'riferiment partikolari lill-pajjiżi BRIC, hija tema ċentrali f'dak li huwa turiżmu fl-Ewropa, b'riferiment partikolari lill-miljuni ta' viżitaturi potenziali ġodda minn pajjiżi terzi. Ir-rapporteur jawspika li d-dritt/dmir leġittimu tal-Ewropa li tikkontrolla l-aċċess fit-territorji tagħha ma jippenalizzax ulterjorment il-kapaċitajiet ta' attrazzjoni tad-destinazzjonijiet turistiċi tagħna u jqis xieraq li l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri jiġu sensibilizzati bil-għan li jikkoordinaw u jissemplifikaw il-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi turistiċi, u jivvalutaw ukoll il-possibilità li jinħolqu taqsimiet konsolari komuni biex jitnaqqsu d-differenzi burokratiċi u l-ispejjeż amministrattivi.

Tikketti Ewropej

Dwar il-kwistjoni tat-tikketti, ir-rapporteur iqis li, l-ewwel nett, għandna nsibu bilanċ mhux banali bejn l-esiġenzi li aktarx jidhru f'kunflitt, u t-tieni nett, li nevitaw proliferazzjoni eċċessiva ta' tikketti li jispiċċaw iħawdu lill-konsumaturi.

Fil-każ ta' "brand Europe", huwa importanti li jinżammu flimkien l-esiġenza li l-Ewropa tiġi promossa bħala destinazzjoni waħda bil-għan li jiġu valorizzati l-ispeċifiċitajiet tat-territorji.

Fil-każ taċ-"Ċertifikat tal-partrimonju Ewropew" jeħtieġ li nistabbilixxu djalogu kostruttiv mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra, bħall-UNESCO, biex nevitaw irduppjar tat-tikketti għall-patrimonju.

Fil-każ tat-"tikketta ta' kwalità" iżda, qegħdin naffaċċjaw minn naħa l-bżonn li jiddaħħlu kriterji ta' kwalità minimi komuni biex isostnu l-kompetittività tal-impriżi tagħna, u min-naħa l-oħra l-bżonn li dan l-objettiv jintlaħaq f'suq intern mhux armonizzat għalkollox, li fih għad hemm regoli u sistemi fiskali differenti ħafna minn xulxin. Ir-rapporteur isostni l-idea ta' tikketta komplementari li taħtha jaqgħu t-tikketti nazzjonali u reġjonali u li tkun rikonoxxuta abbażi ta' akkreditament volontarju ("opt-in"). Barra minn hekk, ir-rapporteur jinsab konvint li, proprju biex jiġi evitat taħwid fost il-konsumaturi, ikun awspikabbli li maż-żmien naħsbu għall-integrazzjoni gradwali f'tikketta unika tat-tikketta Ewropea ta' kwalità u tal-Ekotikketta għas-servizzi ta' akkomodazzjoni turistika.

Fil-każ tas-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-lukandi, ir-rapporteur iqis li tinħtieġ armonizzazzjoni gradwali permezz tal-kriterji minimi komuni li għandhom ikunu stabbiliti f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-operaturi tas-settur u mal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni.

Turiżmu u trasport

Ir-rapporteur jisħaq fuq l-importanza tat-trasport għall-mobilità tat-turisti u jawspika modernizzazzjoni tal-infrastrutturi, użu ta' mezzi ta' trasport iktar sostenibbli, kollegamenti mad-destinazzjonijiet inqas aċċessibbli u enfasi partikolari fuq il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.

Viżibilità tal-Ewropa

Ir-rapporteur jittratta wkoll f'iktar fond it-tema tas-sostenibilità permezz ta' xi suġġetti importanti, bħat-tneħħija ta' staġjonalizzazzjoni riġida wisq, l-iżvilupp ta' offerta turistika diversifikata, sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd, it-tisħiħ tal-esperjenza tal-itinerarji tat-turiżmu kulturali u reliġjuż, kif ukoll tan-netwerks bħal NECSTouR u EDEN, il-valorizzazzjoni tal-avvenimenti Ewropej il-kbar bħal okkażjonijiet għall-promozzjoni tad-"destinazzjoni Ewropa". Għal dan il-għan, ir-rapporteur jinsab konvint li l-portal www.visiteurope.com, promoss mill-Kummissjoni Ewropea tat-Turiżmu, jekk isir aħjar u aktar interattiv, anki permezz tal-preżenza ta' testi fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u fil-lingwi prinċipali mhux tal-UE, u permezz tal-użu ta' formati aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità sensorjali, jista' jsir pjattaforma ta' vera tat-turiżmu li jgħaqqad f'netwerk il-pjattaformi tat-turiżmu nazzjonali, reġjonali u lokali, u jippermetti li tiġi promossa l-Ewropa kemm għal turiżmu intern kif ukoll għal turiżmu li ġej minn pajjiżi terzi. Il-portal jista' aktarx jintrabat mal-itinerarji turistiċi u mal-pakketti ta' vaganzi biex isiru aktar attrattivi u aċċessibbli għall-viżitaturi potenzjali.

Ir-rapporteur jisħaq fuq l-importanza ta' ċerti tipi ta' turiżmu, bħat-turiżmu rurali u l-agrituriżmu, it-turiżmu tan-natura, it-turiżmu mal-kosta u tal-għawm, it-turiżmu tal-kruċieri, it-turiżmu termali u tas-saħħa u t-turiżmu etiku.

Turiżmu għal kulħadd

Ir-rapporteur jenfasizza kemm hu essenzjali li tingħeleb staġjonalità dejjem ikbar tat-turiżmu u jqis li l-azzjoni preparatorja Calypso taf tkun waħda mis-soluzzjonijiet. S'issa Calypso kellha riżultati pożittivi, u l-Kummissjoni jmissha tiżviluppa aktar l-azzjoni preparatorja mil-lat transnazzjonali, b'hekk tippermetti lil ċerti kategoriji ta' persuni, iż-żgħażagħ, l-anzjani, dawk b'diżabilità u l-familji f'kundizzjonijiet diffiċli li jkollhom aċċess għat-turiżmu, anki u partikolarment matul l-istaġun baxx.

Ir-rapporteur jinsab ukoll konvint li ż-żgħażagħ jirrappreżentaw potenzjal konsiderevoli għall-żvilupp tat-turiżmu u jappella biex jissielet benefiċċju bis-sħiħ mill-2011, is-Sena Ewropea tal-Volontarjat, biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni ta' volontarji żgħażagħ fi programmi ta' rkupru, konservazzjoni u kustodja ta' siti ta' interess storiku/ambjentali, bl-iskop li tiġi favorita tgawdija akbar għat-turisti.

Turiżmu u riżorsi

Ir-rapporteur jinsab konvint li politika ġdida u ambizzjuża tat-turiżmu tiddependi minn finanzjamenti u riżorsi umani adegwati. Din hija tema delikata, partikolarment f'din il-fażi tal-istorja tal-UE, iżda ma tistax titħalla barra.

Ir-rapporteur iqis li għandha tittieħed azzjoni minn żewġ naħat: minn naħa koordinarment aħjar u viżibilità tal-linji ta' finanzjament diġà eżistenti li jaqgħu taħt id-diversi direttorati ġenerali, fl-ambitu tal-fondi strutturali, sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiġu żviluppati sejħiet għall-offerti apposta għat-turiżmu abbażi tal-linji gwida previsti mid-diversi fondi; min-naħa l-oħra l-inklużjoni fil-perspettivi finanzjarji 2014-2020 ta' programm speċifiku għat-turiżmu bil-linji tal-baġit relatati, b'riferiment partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju u għall-ħolqien ta' sħubiji bejn l-impriżi għat-twettiq ta' proġetti pan-Ewropej fis-settur. Ir-rapporteur iqis ukoll li jeħtieġ riorganizzazzjoni tal-kompetenzi u tisħiħ tal-istruttura tal-Kummissjoni maħsuba għat-turiżmu, fid-dawl tal-kompetenza l-ġdida mogħtija mit-Trattat ta' Lisbona u l-bżonn konsegwenti ta' riżorsi umani.

Kwistjonijiet prijoritarji oħrajn

Ir-rapporteur isiq bħala neċessarju jiġi stimolat id-dibattitu dwar ċerti kwistjonijiet rilevanti għas-settur tat-turiżmu li jeħtieġu azzjonijiet immirati.

B'mod partikolari jqis bħala prijorità r-reviżjoni tad-direttiva "vjaġġi kollox kompriż", li tmur lura għall-1990 u ma għadhiex tirrifletti l-imġiba tal-konsumatori f'soċjetà li qiegħda tinbidel. Ir-rapporteur jawspika li l-Kummissjoni tkun tista' tippreżenta proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tad-direttiva sa Settembru 2011, bil-għan li tiggarantixi qafas leġiżlattiv aktar ċar u ċert għall-konsumaturi u għall-impriżi fis-settur tat-turiżmu.

Tema ċentrali oħra għar-rapporteur hija l-kwistjoni tal-VAT fis-settur tat-turiżmu. Skont ir-rapporteur, armonizzazzjoni progressiva tal-VAT għat-turiżmu tirrappreżenta kundizzjoni meħtieġa għal kompetizzjoni trasparenti u punt ta' tluq indaqs fost l-impriżi turistiċi. Il-ftehim li laħaq il-Kunsill ECOFIN ta' Marzu 2009 dwar it-test tad-Direttiva 2009/47/KE, jistabbilixxi fuq bażi permanenti, il-possibilità għall-Istati Membri individwali li jadottaw rata mnaqqsa tal-VAT għal għadd ta' attivitajiet li jeħtieġu ħafna ħaddiema ("labour-intensive") fosthom is-servizzi tar-ristoranti: dan huwa pass 'il quddiem importanti ferm, iżda għad jeżistu wisq differenzi li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-varji Stati Membri.

Il-modernizzazzjoni tar-reġim speċjali tal-VAT (TOMS) għall-aġenziji tal-ivvjaġġar u l-operaturi turistiċi hija kwistjoni oħra li jistħoqqilha attenzjoni partikolari. Ir-rapporteur jistieden lill-Kunsill iħaffef l-adozzjoni ta' din id-direttiva, billi jipprevedi l-inklużjoni ta' mekkaniżmu ta' "opt-in" kapaċi jxejjen id-distorsjoni kompetittiva fost il-kategoriji ta' operaturi li llum t-traspożizzjonijiet nazzjonali mhux omoġenji jwasslu għal konsegwenzi gravi.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jinsab konvint li huwa importanti jsir monitoraġġ mill-qrib tal-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni u l-proposti mressqa mill-Parlament u tiġi verifikata bl-eżatt l-implimentazzjoni konkreta tal-proposti msemmija. Għal dan l-għan iniedi l-idea li tinħoloq task force f'livell tal-PE, b'tekniċi speċjalizzati fis-settur tat-turiżmu li tippermetti li tiġi garantita kontinwità tal-azzjonijiet proposti u tippermetti li t-twettiq konkret tal-istrateġija politika l-ġdida tat-turiżmu tal-Unjoni Ewropea.


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (1.3.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

(2010/2206(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jürgen Creutzmann

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi, meta jitqiesu l-effetti multiplikaturi kollha, l-ekonomija turistika tirrappreżenta aktar minn 10% tal-prestazzjoni totali tal-ekonomija Ewropea,

B.  wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, li għall-ewwel darba jagħti lill-Unjoni Ewropea is-setgħat li tikkoordina u tissuplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-turiżmu b'attenzjoni partikolari għall-prinċipju ta' sussidjarjetà,

C. billi l-maġġoranza tal-operaturi turistiċi huma SMEs u billi, minħabba l-istrutturi tagħhom u minħabba n-naturastaġjonali tal-attivitajiet tagħhom, huma jiġu affettwati b'mod aktar dirett minn varjazzjonijiet tal-ekonomija u minn forzi naturali,

D. billi t-turiżmu għandu jiġi rikonoxxut b'mod aktar ċar bħala settur trasversali u r-rabtiet tiegħu ma' oqsma u setturi oħra tal-politika u l-ekonomija għandhom jissaħħu,

E.  billi politika għat-turiżmu ġdida għandha tikkunsidra l-popolazzjoni dejjem aktar anzjana, it-tibdil fil-klima u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u ta' komunikazzjoni l-ġodda;

F.  billi fl-industrija turistika jidher li hemm sinjali ċari ta' nuqqas ta' sfruttament ta' setturi mhux staġjonali u tal-ħtieġa biex tiżdied u tinżamm il-provvista ta' ħaddiema speċjalizzati kwalifikati u ta' apprendisti,

G. billi t-turiżmu Ewropew għandu jkompli jiffoka fuq it-turiżmu intern kif ukoll fuq it-turiżmu ta' ċittadini minn pajjiżi terzi,

H. billi jenħtieġ suq intern b'saħħtu biex nimxu lejn industrija turistiku Ewropea reali; billi l-kummerċ elettroniku fit-turiżmu u f'oqsma oħrajn, qed isir dejjem aktar importanti,

1.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromwovu t-taħriġ u l-apprendistati għall-organizzaturi ta' attivitajiet turistiċi, jappoġġjaw id-diversifikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tat-turiżmu Ewropew u, flimkien mal-Kummissjoni, iħeġġu lill-organizzazzjonijiet turistiċi jaqsmu prattiki tajba; jitlob għal titjib fir-rikonoxximent reċiproku ta' kwalifiki professjonali fl-industrija tat-turiżmu sabiex isir aktar faċli kemm għall-ħaddiema speċjalizzati kif ukoll għal dawk li jbiddlu l-impjieg biex isibu xogħol fil-qasam tat-turiżmu tul is-sena kollha; jappoġġja bil-qawwa l-isforzi tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta' tessera professjonali li tista' ttejjeb il-mobilità u l-impjegabilità ta' ħaddiema ta' kwalità f'dan is-settur, iqis li l-ewwel tip ta' din it-tessera professjonali għandha tindaħħal għall-gwidi turistiċi;

2.  Iqis li l-implimentazzjoni adegwata tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandha tgħin b'mod sinifikanti biex jitnaqqsu l-ostakli u l-konġestjoni legali, amministrattivi u burokratiċi esperjenzati mill-konsumaturi u minn impriżi fis-settur turistiku; f'dan ir-rigward, jistieden il-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar is-Servizzi li għandha tgħin bis-sħiħ il-benefiċċji tal-parteċipanti interessati kollha involuti f'din l-industrija;

3.  Jistieden lill-UE tadotta approċċ aktar integrat għat-turiżmu, b'mod partikolari fil-qasam tas-servizzi u tal-protezzjoni tal-konsumatur, u jenfasizza l-importanza tal-eżami li jmiss tad-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż Nru 90/314/KEE, li issa waqgħet lura fir-rigward tal-iżviluppi fit-turiżmu u tat-tendenzi ta' ivvjaġġar il-ġodda, speċjalment f'termini ta' użu aktar qawwi tal-internet u tal-kummerċ elettroniku u l-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp ġejjieni tas-settur tat-turiżmu;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tkabbar l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità u l-kontenut tal-informazzjoni mogħtija lit-turisti li għandha tkun aċċessibbli b'mod faċli u affidabbli u li għandha tinkludi l-istrutturi tal-prezzijiet tal-elementi differenti li jiffurmaw il-Pakkett tal-Ivvjaġġar;

5.  Iqis li l-klassifikazzjoni armonizzata tal-lukandi madwar l-UE bħala element ewlieni fl-iżvilupp tat-turiżmu u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-proposta mill-industrija tal-lukandi għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-lukandi u tal-istandards ta' kwalità u biex tieħu azzjoni legiżlattiva jekk din l-armonizzazzjoni ma tkunx tista' tinkiseb madwar l-UE;

6.  Josserva li l-impriżi turistiċi jeħtieġu statistika komparabbli, u ta' kwalità għolja għal raġunijiet ta' ippjanar fit-tul tal-provvista u tal-istrutturi tat-talba u għall-iżvilupp ta' destinazzjonijiet turistiċi; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex fejn tista', tiżgura d-disponibilità tad-data għall-Ewropa kollha;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-settur turistiku jikkonforma mar-regoli eżistenti dwar is-sigurtà tal-kumditajiet turistiċi, speċjalment dawk rigward is-sigurtà min nirien, ippjanar ta' emerġenza, apparat ta' sigurtà tat-tfal, taħriġ tal-persunal u l-ħtiġijiet ta' nies b'diżabilità u biex tfassal standards Ewropej fejn meħtieġ;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja t-tfassil ta' lista bajda ta' operaturi turistiċi għall-appoġġ ta' impriżi li joffru servizzi ta' kwalità u għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni timmassimizza t-tixrid tal-inizjattivi turistiċi proprji, bl-użu sħiħ tal-midja kollha disponibbli u biex issib mezzi innovattivi biex dawn l-inizjattivi jiffinanzjaw lilhom infushom;

10. Jenfasizza l-ħtieġa ta' żvilupp ta' tikketta Ewropea ta' “Turiżmu ta' Kwalità” ibbażata fuq l-esperjenza nazzjonali sal-lum, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja u s-sigurtà tal-konsumatur rigward il-prodotti turistiċi u li fl-istess ħin tippremja l-imprendituri f'dan is-settur u lill-intrapriżi li jgħinu biex jitjiebu s-servizzi u għas-sodisfazzjon tal-konsumaturi; jisħaq li, bi prinċipju, li hu pożittiv ħafna li l-inizjattiva għandha "Marka Ewropea" kkonsolidata; jinnota, madankollu, li għandna niżguraw li ma tkunx imminata d-diversità tal-wirt kulturali u naturali fl-Istati Membri differenti;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem aktar mill-qrib mal-impriżi privati permezz ta' sħubijiet pubbliċi privati fl-ixprunar ta' inizjattivi turistiċi; jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni intelliġenti tas-settur privat f'dawn l-inizjattivi għandha twassal għal aktar effiċjenza kif ukoll għall-awto-sostenibilità tal-inizjattivi;

12. Japprova d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tintegra l-objettivi tal-politika tat-turiżmu fil-politiki differenti tagħha, li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-settur turistiku;

13. Jinnota l-importanza tat-turiżmu bħala sors ta' dħul għall-ekonomiji tar-reġjuni gżira, muntanjużi u ta' reġjuni b'popolazzjoni baxxa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal miżuri mmirati għall-appoġġ tal-industrija turistika f'reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi severi u permanenti, bħal reġjuni gżira, muntanjużi u reġjuni b'popolazzjoni baxxa;

14. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa turiżmu mingħajr ostakli u adattat skont l-età u turiżmu għal nies b'diżabilità permezz ta' kampanji ta' promozzjoni u ta' żieda ta' għarfien u bl-introduzzjoni ta' ttikettar ta' kwalità mal-Ewropa kollha, li tkopri, inter alia, id-destinazzjonijiet turistiċi li jippermettu vjaġġar mingħajr ostakli u akkomodazzjoni għall-persuni b'diżabilità u persuni b'mobilità mnaqqsa, inkluż l-anzjani u t-tfal; jistieden b'mod partikolari lill-industrija tal-lukandi, biex tiffaċilita l-aċċess għall-faċilitajiet tagħha għall-persuni b'diżabilità u b'mobilità mnaqqsa skont il-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2010 dwar l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabbiltà 2010 – 2020 (COM(2010)0636), billi tfassal u tadotta kodiċi ta' prattika tajba; jinnota li għal dan il-għan il-Programm Calypso għandu, bl-involviment tal-partijiet interessati, jiġi vvalutat u, jekk ikun il-każ, jitkompla; biex dan iseħħ, madankollu jeħtieġ jiġi żgurat li dawn il-programmi jkunu awto-finanzjati fuq perjodu twil ta' żmien.

15. Jilqa' t-tnedija mill-Kummissjoni tal-Programm Calypso fl-2009, li għandu għan kemm soċjali (biex jippermetti lill-kategoriji ta' persuni li x'aktarx ma jivvjaġġawx fuq vaganza biex jagħmlu dan) kif ukoll ekonomiku (għajnuna għat-turiżmu billi jħeġġeġ lin-nies jivvjaġġaw fuq vakanza tul l-'istaġun turistiku batut'). iqis li din għandha titkompla wara valutazzjoni tar-riżultati miksuba – bil-parteċipazzjoni tal-parteċipanti interessati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lit-turiżmu treġjonali u lokali transkonfinali fl-istrateġiji turistiċi tagħhom;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-passiġġieri jkunu informati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom rigward il-forom kollha ta' trasport pubbliku, sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej jkollhom ċertezza legali meta jivvjaġġaw fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta' applikazzjoni għall-viża għal “gruppi ta' turisti”, mingħajr l-ebda periklu għall-aspetti ta' sigurtà u dwana għal ċittadini minn pajjiżi terzi;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tippromwovi mezzi intelliġenti għall-ġbir flimkien ta' finanzjament pubbliku u privat għas-sostenn tal-wirt kulturali Ewropew, bħal pereżempju bil-promozzjoni ta' mudelli tal-aħjar prattika; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw bħala parti minn skambju tal-aħjar prattika, għall-promozzjoni tat-turiżmu Ewropew u ta' forom ta' turiżmu alternattiv;

19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu forom ta' turiżmu bħall-agrituriżmu; hu tal-opinjoni li dawn il-forom ta' żvilupp għandhom jixprunaw l-attivitajiet tal-SMEs, b'mod partikolari lukandi b'ġestjoni familjari, fis-settur turistiku; jisħaq li dawn l-intrapriżi għandhom jiġu kklassifikati b'mod differenti; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu aktar mill-qrib mal-Kummissjoni biex jinstabu mezzi aktar ġodda u aħjar li jiżviluppaw u jippromwovu l-ġiti Ewropej;

20. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa kull miżura ġdida fil-qasam tat-turiżmu biex tiżgura li din tkun effiċjenti u li tkun tista' tiġi amministrata u ffinanzjata;

21. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti li jiffavorixxu aktar l-ambjent, b'kunsiderazzjoni tal-impatti ambjentali u klimatiċi tal-industrija turistika u tal-importanza tal-ippreservar tal-wirt naturali u kulturali tal-Istati Membri;

22. Jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-UE, bħall-proġett EDEN (Destinazzjonijiet ta' Eċċellenza Ewropej), li ta' kull sena jagħżel individwi partikolari f'pajjiż parteċipanti, bi qbil ma' tema speċifika, id-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej li jagħtu prijorità lill-mudell ta' żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji ta' informazzjoni sabiex tenfasizza dawn l-inizjattivi;

23. Hu tal-opinjoni li l-wirt komuni Ewropew għandu jingħata aktar promozzjoni, pereżempju fis-sura ta' rotot kulturali Ewropej; hu tal-opinjoni li l-kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħrajn bħall-Kunsill tal-Ewropa, għandhom ukoll jiġu mfittxija f'dan il-mument;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pablo Arias Echeverría, Cristian Silviu Buşoi, Anna Maria Corazza Bildt, António Fernando Correia De Campos, Jürgen Creutzmann, Christian Engström, Evelyne Gebhardt, Louis Grech, Małgorzata Handzlik, Philippe Juvin, Eija-Riitta Korhola, Mitro Repo, Robert Rochefort, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Catherine Stihler, Kyriacos Triantaphyllides, Bernadette Vergnaud

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Damien Abad, Cornelis de Jong, Constance Le Grip, Emma McClarkin, Antonyia Parvanova, Konstantinos Poupakis, Olga Sehnalová, Wim van de Camp


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (2.3.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

(2010/2206(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jorgo Chatzimarkakis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-kompetittività tal-industrija tat-turiżmu Ewropew tista' tiġi ggarantita biss permezz tal-użu tal-aqwa teknoloġiji disponibbli; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-adozzjoni ta' strateġiji fuq l-effikaċja enerġetika u l-istabbiliment ta' enerġiji rinnovabbli min-naħa tas-settur turistiku; jilqa' t-tnedija mill-Kummissjoni ta' pjattaforma dwar l-"ICT u turiżmu" li tista' tgħin biex taċċellera l-intrapriżi turistiċi, speċjalment l-SMEs, fl-iżvilupp ta' għodda u servizzi ġodda u interattivi; jemmen li suq uniku għas-servizzi onlajn għandu jżid il-kompetittività tal-industrija turistika fl-Ewropa u li l-ICT għandu joffri kontribut għall-iżvilupp sostenibbli b'kunsiderazzjoni wkoll tal-istrateġija tal-UE dwar il-klima u b'rispett għall-ħtiġijiet speċjali tar-reġjuni rurali, muntanjużi u mal-kosta; jemmen li għandu jissaħħaħ il-koordinament aħjar tal-attivitajiet turistiċi kollha permezz tal-ICT taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni, peress li t-turisti qegħdin jibbukkjaw dejjem aktar servizzi tal-ivvjaġġar permezz tal-pjattaformi elettroniċi u bl-użu ta' search engines elettroniċi mhux Ewropej; jemmen li l-Kummissjoni għandha tiżgura kompetizzjoni ġusta u legali f'dan il-qasam;

2.  Jemmen li l-ħiliet, l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fis-settur turistiku għandhom jkunu maqsuma u għalhekk iħeġġeġ għal "approċċ ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti", li permezz tiegħu r-reġjuni jiffukkaw fuq is-saħħiet partikolari tagħhom li fihom jistgħu jiksbu l-eċċellenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jestendu aktar il-programmi ta' skambju tal-Kummissjoni, bħal-Leonardo, li huma adattati għall-ħtiġijiet u t-talbiet tas-settur; jenfasizza l-importanza ta' forza tax-xogħol b'ħiliet għolja u jitlob għal aktar taħriġ vokazzjonali fit-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni toħloq unità speċjali għall-iżvilupp tat-turiżmu sabiex ġġib 'il quddiem programmi universitarji u ta' taħriġ speċjalizzati dwar turiżmu sostenibbli Ewropew; jenfasizza l-importanza ta' ipproċessar rapidu tar-rikonoxximent reċiproku ta' diplomi u kwalifiki fis-settur turistiku madwar l-Ewropa bi qbil mar-regoli u standards Ewropej u nazzjonali;

3.  Jemmen li użu aħjar ta' prodotti u servizzi innovattivi fis-settur turistiku għandu jwassal għal benefiċċji fis-sostenibilità; jitlob għall-inklużjoni tat-turiżmu ekoloġiku innovattiv u ambjentali bħala kwistjoni orizzontali fil-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP); jenfasizza l-ħtieġa ewlenija li t-turiżmu Ewropew jitmexxa aktar u aktar fid-direzzjoni tar-responsabilità u s-sostenibilità għar-rispett tal-ambjent, il-kulturi lokali u l-popolazzjonijiet; jinkoraġġixxi, għalhekk, l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tas-sostenibilità, bħall-iżvilupp tal-indikaturi ta' ġestjoni sostenibbli, il-karta għal turiżmu sostenibbli u responsabbli, b'kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet politiċi tat-Taskforce Internazzjonali għall-Iżvilupp ta' Turiżmu Sostenibbli (GTI-DTD) fi ħdan il-proċess ta' Marrakech, is-sinerġiji ta' azzjonijiet flimkien mal-Isħubija Globali għal Turiżmu Sostenibbli u strateġija għal turiżmu kostali u tal-baħar sostenibbli, u billi jiġi enfasizzat li aktar sostenibilità tfisser aktar kwalità u għal akbar sodisfazzjon min-naħa tal-konsumatur; jitlob għal approċċ aktar globali f'dan il-qasam, u b'mod partikolari jinnota l-impatt negattiv possibbli tal-iżviluppi immobiljari spekulattivi dwar l-ambjent fir-reġjuni turistiċi;

4.  Jenfasizza l-fatt li, biex ikun hemm fiduċja akbar fl-ambjent diġitali u sabiex is-settur turistiku Ewropew ikun jista' jibbenefika mill-opportunitajiet kollha li l-ambjent diġitali jista' joffrilu, l-Ewropej kollha għandhom ikunu infurmati dwar id-drittijiet u l-obbligi diġitali fundamentali tagħhom permezz ta' karta Ewropea tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-utilizzaturi fl-ambjent diġitali, filwaqt li jkun ikkonsolidat u aġġornat l-Acquis Communautaire, jekk meħtieġ; jemmen li din il-Karta għandha tikkonsolida l-Acquis Communautaire u tinkludi, b'mod partikolari, id-drittijiet tal-utilizzaturi rigward il-ħarsien tal-ħajja privata, tal-utilizzaturi vulnerabbli u l-kontenut diġitali;

5.  Jemmen li koordinament aħjar fir-Riċerka u l-Iżvilupp fil-qasam tat-turiżmu għandu jwassal għall-benefiċċji għas-sostenibilità tas-settur tat-turiżmu; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni toħloq Ċentru Virtwali għall-Monitoraġġ tat-Turiżmu li jkollu rabta mhux biss mal-istituti tar-riċerka, imma wkoll mal-intrapriżi u mal-awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li jiġu promossi studji tas-suq, bl-użu ta' sistemi ta' intelliġenza kompetittiva, tiġi fornuta lill-intrapriżi u lill-korpi pubbliċi informazzjoni prospettiva dwar l-evoluzzjoni tal-offerta u tad-domanda u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-pożizzjonament strateġiku aħjar tal-intrapriżi u tas-settur pubbliku;

6.  Jinnota li t-turiżmu huwa settur li jiddependi ħafna fuq il-klima, peress li din tiddefinixxi t-tul u l-kwalità tal-istaġuni turistiċi, u li jikkontribwixxi fl-istess ħin għat-tibdil tal-klima minħabba l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġġenerati primarjament mit-trasport u mill-akkomodazzjoni tat-turisti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur jista' jwettaq rwol importanti fit-twettiq tal-objettivi tal-Unjoni permezz ta' politika tal-enerġija ffukata fuq il-bini; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-adozzjoni ta' strateġiji fuq l-effikaċja enerġetika u l-istabbiliment ta' enerġiji rinnovabbli min-naħa tas-settur turistiku;

7.  Jenfasizza li l-attivitajiet marbuta mat-turiżmu, żviluppati b'mod sostenibbli, għandhom jikkostitwixxu għall-ekonomiji lokali (b'mod partikolari għar-reġjuni żvantaġġjati) għajn ta' dħul sostenibbli u mezz ta' promozzjoni ta' impjiegi stabbli flimkien ma' drittijiet, u li dawn jappoġġaw l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra (kemm dawk li jiġu qabilhom u kemm dawk li jiġu warajhom), filwaqt li fl-istess ħin jiġi salvagwardjat u msaħħaħ il-wirt kulturali, tal-pajsaġġ naturali, storiku u dak ambjentali;

8.  Hu tal-fehma li s-settur tat-turiżmu għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-industrija reġjonali assoċjata miegħu, għall-ħolqien tal-iżvilupp ekonomiku u ta' impjiegi fil-livell reġjonali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ orizzontali f'termini ta' politiki u fondi, pereżempju, permezz tal-ħolqien ta' programmi Komunitarji speċifiċi, li jikkumplementaw l-azzjoni tal-Istati Membri, għall-promozzjoni tas-settur u biex jitħeġġu s-sinerġiji bejn l-atturi ekonomiċi u soċjali differenti kkonċernati;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa għad-diversifikazzjoni tal-portafoll tas-servizzi turistiċi fl-Ewropa u jenfasizza l-aġġustament staġjonali bħala fattur determinanti tal-kompetittività tas-settur turistiku Ewropew; jitlob għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-promozzjoni tal-UE bħala destinazzjoni turistika, iżda jenfasizza wkoll ir-rwol tal-awtoritajiet lokali; jitlob għal strateġija ta' komunikazzjoni Ewropea u għal kampanja fl-UE u madwar id-dinja kollha sabiex l-Ewropa tibqa titqies bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja, abbażi tal-wirt naturali, kulturali, storiku u etniku għani; hu tal-fehma li l-burokrazija u l-piż amministrattiv għal servizzi fis-settur tat-turiżmu għandhom jitnaqqsu kemm għall-klijenti kif ukoll għall-kumpaniji, b'rikonoxximent tal-fatt li l-kwalità għolja għandha prezz;

10. Jirrikonoxxi li d-distanzi twal li jeżistu fl-UE, b'mod partikolari bejn l-Istati Membri tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, u jenfasizza konsegwentement, l-importanza li għandu t-traffiku tal-ajru għat-turiżmu fi ħdan l-UE, l-istess bħal meta jkun ġej minn pajjiżi terzi; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tevita li tiffissa responsabilitajiet leġiżlattivi eċċessivi fuq il-kumpaniji tal-ajru Ewropej peress li din il-ħaġa żżidilhom mad-diffikultajiet li għandhom fil-kuntest tal-kompetizzjoni dinjija;

11. Jinnota li, minħabba t-tibdil tal-klima matul is-snin li ġejjin, jeħtieġ li nistennew tibdiliet sinifikanti fuq il-livell tal-ambjent, bħalma huma ż-żieda fil-livell tal-baħar, iż-żieda fit-temperaturi u nixfa aktar mifruxa, filwaqt li t-turiżmu se jkun l-ewwel settur li se jintlaqat mit-tibdil tal-klima fil-Mediterran;

12. Jinnota l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lid-diversifikazzjoni tat-turiżmu u tal-importanza dejjem akbar ta' turiżmu speċjalizzat bħat-turiżmu kummerċjali, it-turiżmu ta' xiri, it-turiżmu patrimonjali, it-turiżmu soċjali, l-ekoturiżmu u t-turiżmu sportiv, u jitlob għal aktar miżuri ta' appoġġ għall-promozzjoni tat-turiżmu Ewropew f'dawk l-oqsma fil-kuntest ta' kompetizzjoni globali;

13. Ifakkar fl-impatt straordinarju tal-inċident tal-vulkan Eyjafjallajökull f'April 2010 fuq is-servizzi u l-industrija tal-ajru, li soffrew telfiet enormi tul il-ġimgħat ta' wara u jenfasizza l-importanza ta' deċiżjonijiet rapidi min-naħa tal-UE u tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) f'sitwazzjonijiet simili sabiex jiġi żgurat traffiku tal-ajru adegwat u mexxej;

14. Jemmen, li fid-dawl tas-soċjetà dejjem tixjieħ, it-turiżmu tas-saħħa u tal-benesseri għandu l-akbar potenzjal sinifikanti ta' tkabbir fil-ġejjieni; jemmen li sistema ta' ċertifikazzjoni Ewropea ta' standards u kontrolli ta' kwalità f'dan il-qasam bħas-"sistema blue cross" għall-faċilitajiet mediċi jew ta' benesseri, pereżempju f'lukandi li joffru trattamenti bħal kontrolli ta' saħħa, għandhom itejbu b'mod sinifikanti l-kompetittività tat-turiżmu tas-saħħa Ewropew; f'dan il-kuntest, jipproponi li jiġu żviluppati l-attivitajiet ta' termaliżmu biex permezz tagħhom dan il-qasam isir speċjalità Ewropea;

15. Jenfasizza li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs għandu jingħata rikonoxximent wiesgħa fl-iżvilupp tal-politika tat-turiżmu fl-Ewropa; jemmen li l-qafas leġiżlattiv u fiskali għalhekk għandu jkun aktar favorevoli għal dawn l-intrapriżi b'kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi tal-intrapriżi u tal-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu, bħall-arranġamenti ta' ħinijiet ta' xogħol flessibbli bi qbil mad-drittijiet tal-ħaddiema;

16. Jenfasizza li r-reġjuni ultraperiferiċi (OR) u l-pajjiżi u t-territorji barra mill-Ewropa (OCTs), minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, huma l-vetrini tal-Unjoni Ewropea fid-dinja u jwieġbu perfettament għal ċerti għażliet proposti mill-Kummissjoni Ewropea speċjalment l-iżvilupp ta' turiżmu ta' barra l-istaġun għaċ-ċittadini tal-UE; jinnota li l-OR joffru wkoll lill-pajjiżi viċin tagħhom, bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-pajjiżi tal-grupp BRIC b'mod partikolari l-Brażil, l-opportunità li jiskopru l-ispeċifiċitajiet tat-turiżmu fuq it-territorju Ewropew li jikkombina s-sikurezza taċ-ċaqliq minn post għall-ieħor, l-infrastrutturi sanitarji u l-kwalità tal-lukandi u dik gastronomika;

17. Ifakkar li dan is-settur jiġġenera aktar minn 5% tal-PDG tal-UE, u konsegwentement iqis essenzjali l-analiżi tal-impatt tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-settur tat-turiżmu;

18. Jemmen li r-regoli dwar il-klassifikazzjoni tal-akkomodazzjoni għandhom jiġu armonizzati skont standards u kriterji ta' evalwazzjoni komuni għall-Ewropa kollha;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas lġeiżlattiv Ewropew għas-sigurtà u l-aċċessibilità tas-servizzi tat-turiżmu; jieħu nota tar-rabtiet qawwija bejn l-iżvilupp turistiku u l-infrastruttura tat-trasport; jinnota li terz tal-ilmenti minn konsumaturi fis-sistema SOLVIT jikkonċernaw id-drittijiet tal-passiġġieri u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-passiġġieri; jilmenta b'mod partikolari għall-fatt li l-inċidenti tat-traffiku huma l-akbar kawża ta' mwiet fost il-vjaġġaturi; jitlob għalhekk għal regolamenti tat-traffiku u standards ta' sikurezza armonizzati, pereżempju, regoli armonizzati tat-traffiku għal traffiku madwar roundabout.

20. Jipproponi l-kunsiderazzjoni tal-ħolqien ta' organizzazzjoni Ewro-Mediterranja għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp turistiċi bil-għan li l-Mediterran isir spazju statistiku wieħed, li jiġu prodotti analiżijiet bħala gwida għall-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi meta jiġu biex jieħdu d-deċiżjonijiet, li ssir il-promozzjoni tad-destinazzjonijiet, li jitqiegħdu f'netwerk ċentri ta' formazzjoni għax-xogħlijiet relatati mas-settur turistiku;

21. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jutilizzaw b'mod effikaċi l-fondi Ewropew destinati għat-turiżmu, kemm biex joħolqu impjiegi ġodda u kemm biex iżidu l-kompetittività tal-SMEs fis-settur tat-turiżmu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Pilar del Castillo Vera, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Arturs Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Philippe Lamberts, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Angelika Niebler, Jaroslav Paška, Herbert Reul, Paul Rübig, Amalia Sartori, Konrad Szymański, Patrizia Toia, Ioannis A. Tsoukalas, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Alejo Vidal-Quadras

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, Francesco De Angelis, Françoise Grossetête, Jolanta Emilia Hibner, Gunnar Hökmark, Mario Pirillo, Catherine Trautmann


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (10.3.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

(2010/2206(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Salvatore Caronna

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-Artikolu 195 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-UE setgħat ġodda fir-rigward tat-turiżmu, b'mod partikolari bil-għan li titwettaq l-azzjoni meħuda mill-Istati Membri rigward il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bil-għan li jissaħħu l-kompetittività u l-potenzjal ta' dak is-settur għal tkabbir dinamiku u sostenibbli; jenfasizza l-importanza li s-settur tat-turiżmu jiżviluppa sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni reġjonali fi ħdan l-UE u jkun ikkonsolidat sens ta' ċittadinanza Ewropea;

2.  Ifakkar li r-Regolament (KE) Nru. 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jinkludi fost il-prijoritajiet tiegħu, il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt naturali u kulturali peress li dan għandu potenzjal ta' żvilupp għal turiżmu sostenibbli b'prospettiva ta' valur miżjud, billi tiġi enfasizzata l-importanza ta' approċċ integrat u koerenti, biex b'hekk jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda u billi tiġi megħjuna l-promozzjoni tal-Ewropa bħala d-destinazzjoni favorita għall-viżitaturi kemm ġewwa u barra mill-UE, b'enfasi fuq ir-rikkezza kulturali straordinarja tagħha kif muri mis-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u s-sbuħija naturali inkredibbli li tinstab fis-siti Natura 2000 madwar l-UE; jappella f'dan il-kuntest għal impenn ċar biex tiżdied il-promozzjoni tat-turiżmu permezz tal-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmar li jmiss;

3.  Jenfasizza li t-turiżmu għandu impatt tanġibbli fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Istati Membri kollha; jenfasizza wkoll li t-turiżmu jirrappreżenta, jew jista' jirrappreżenta, ir-riżorsa ewlienija għal xi reġjuni tal-UE – pereżempju l-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi, il-bliet tal-fruntiera mbiegħda, reġjuni b'densità baxxa ta' popolazzjoni, żoni rurali u l-ibgħad reġjuni - li kienu waqgħu lura ekonomikament, u li dan għandu impatt dirett fuq it-tkabbir f'setturi oħrajn, u fl-istess ħin jenfasizza l-importanza li t-turiżmu ma jkunx separat mill-politika ta' koeżjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li t-turiżmu jista' joffri opportunità ta' rkupru ekonomiku, speċjalment f'dawk ir-reġjuni li huma milquta minn tnaqqis demografiku jew minn depopolazzjoni, u għandha titqies l-aċċessibilità tagħhom, primarjament permezz tal-estensjoni lejn dawn ir-reġjuni tal-objettivi tan-netwerk għat-trasport trans-Ewropew;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal politika ta' kompetizzjoni attiva li tissorvelja kwalunkwe xejra lejn il-konċentrazzjoni tas-settur jew l-abbuż ta' pożizzjoni dominanti;

5.  Ifakkar li l-wirt kulturali tal-Ewropa u d-diversità reġjonali u lingwistika jirrappreżentaw vantaġġ komparattiv sinifikanti fis-suq tat-turiżmu globali. jitlob biex dawn l-elementi jingħataw l-attenzjoni li tistħoqqilhom fl-analiżi ekonomika tas-settur tat-turiżmu, speċjalment fil-kuntest tal-allokazzjoni tar-riżorsi għaż-żamma u t-titjib tad-destinazzjonijiet ta' sinifikat kulturali;

6.  Jenfasizza li s-sostenibilità soċjali, ekonomika u ambjentali hi prerekwiżit għall-iżvilupp u ż-żamma ta' kull attività turistika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, sabiex wara t-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, u b'kunsiderazzjoni tal-aħjar prattiki minn Stati Membri, tiżviluppa, jekk meħtieġ, “tikketta Ewropea” bil-għan li tiddistingwi prodotti u servizzi ta' kwalità u biex fl-istess ħin issaħħaħ id-dehra tal-Ewropa fid-dinja, waqt li tikkoordina din l-inizjattiva mat-'Tikketta tal-Wirt Ewropew' u mas-siti tal-UNESCO;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inklużjoni tat-tradizzjonijiet popolari fuq il-Lista tal-Patrimonju Dinji fi ħdan l-Istati Membri, inklużi t-tradizzjonijiet kulinarji, bil-għan li dawn jiġu ppreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri u li tiġi stabbilita strateġija Ewropea għall-promozzjoni tat-tradizzjonijiet popolari fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali;

8.  Itenni li l-iżvilupp ta' forom tat-turiżmu sostenibbli u soċjalment responsabbli, jipprovdi sors dejjiemi ta' dħul u mezz għall-promozzjoni ta' okkupazzjoni stabbli għall-ekonomiji lokali, li jippermetti fl-istess ħin is-salvagwardja u t-tisħiħ tal-pajsaġġ u tal-wirt ambjentali, kulturali, artiġġjanali, storiku u soċjali tar-reġjuni kollha filwaqt li jikkunsidra b'mod partikolari l-opportunitajiet provduti min-Natura 2000; jappoġġja għalhekk l-isfruttament ta' sinerġiji bejn il-promozzjoni tat-turiżmu u tal-partikolaritajiet reġjonali, li jistgħu jikkontribwixxu biex jagħtu l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomiji lokali u reġjonali; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għall-ippjanar ta' turiżmu kostali u marittimu sostenibbli, u jittama li jitwettqu wkoll strateġiji speċifiċi fir-rigward tal-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ta' żoni sensittivi oħrajn;

9.  Iqis li l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu għandu jkun organizzat b'tali mod li l-ġidnaturali, kulturali u ta' patrimonju jkunu apprezzati ndaqs fil-preżent u wkoll ippreservati għall-ġenerazzjonijiet futuri;

10. Jenfasizza r-rwol ewlieni li l-FEŻR u l-FAEŻR jistgħu jwettqu fl-iżvilupp tal-potenzjal tat-turiżmu tal-ambjent rurali u fid-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu;

11. Jenfasizza r-rwol tal-isports fil-promozzjoni tat-turiżmu u jilqa' inizjattivi bħall-proġett "Sports tal-baħar fiż-Żona Atlantika"; ifakkar li l-isports huwa rikreazzjoni kulturali u bbażat fuq l-attività, li jista' jiġbed it-turisti lejn ir-reġjuni periferiċi Ewropej;

12. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tiġbor flimkien l-azzjonijiet dwar it-turiżmu madwar erba' prijoritajiet: iqis madankollu, li l-iżvilupp ta' qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew jeħtieġ approċċ integrat marbut mill-qrib man-natura speċifika ta' kull reġjun u koordinament effikaċi tal-politiki Komunitarji, nazzjonali, reġjonali u lokali li jippermetti l-użu favorevoli ta' sinerġiji maħluqa fost oqsma ta' attività differenti li jħallu impatt dirett jew indirett fuq it-turiżmu, b'rispett tal-prinċipju ta' solidarjetà; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu lill-awtoritajiet relevanti reġjonali u lokali sa mill-istadji l-aktar bikrin tan-negozjati;

13. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jħeġġu u jappoġġjaw l-iżvilupp ta' netwerks turistiċi integrati u proġetti li jħaddnu l-aspetti kollha infrastrutturali sabiex jiġi evitat żvilupp mhux koordinat u jkun inkoraġġit il-ħolqien ta' partenarjati għall-iskambju ta' prattiki tajba; jitlob parteċipazzjoni attiva mill-korpi reġjonali u lokali, skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u partenarjat; jenfasizza l-ħtieġa għal inizjattivi reali u ta' appoġġ għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u ta' kanali ta' komunikazzjoni ġodda; jitlob għal inizjattivi mfassla biex isir użu adegwat ta' sistemi ta' inġinerija finanzjarja, għall-promozzjoni tal-kummerċ elettroniku u għall-eliminazzjoni tal-ostakli għas-suq intern li fadal; jitlob is-semplifikazzjoni tar-regoli sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għodod finanzjarji partikolari, speċjalment il-mikrofinanzi, għall-parteċipanti interessati fl-industrija tat-turiżmu, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, dawk li jaħdmu għal rashom u għall-industriji kulturali u ta' kreattività;

14. Iqis il-ħtieġa li tiddaħħal politika Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-turisti u s-sikurezza tagħhom;

15. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi protetta u msaħħa d-diversità tas-servizzi turistiċi li toffri l-Ewropa abbażi tal-kriterji ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tal-koeżjoni territorjali;

16. Jenfasizza l-vulnerabilità partikolari tar-reġjuni kostali, insulari, tal-ibgħad reġjuni u tar-reġjuni muntanjużi, li l-ekonomija tagħhom spiss tiddependi mit-turiżmu, għall-effetti ambjentali tat-turiżmu u għall-isfida globali tat-tibdil fil-klima, li wkoll għandhom jitqiesu fil-qafas tat-turiżmu l-ġdid; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa għall-investimenti li saru f'dawn ir-reġjuni li jkunu sostenibbli;

17. Iqis il-ħtieġa li l-effetti tat-turiżmu staġjonali jkunu kontrobilanċjati permezz tad-diversifikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tal-offerta turistika anke peremezz tal-appoġġ għal forom ġodda ta' turiżmu sostenibbli tul is-sena kollha, tar-rotot turistiċi, tat-turiżmu ekoloġiku u soċjalment responsabbli, b'mod partikolari dak dirett lejn persuni b'mobilità mnaqqsa, lil żgħażagħ u anzjani li jiffurmaw suq bi tkabbir potenzjali qawwi; jilqa' r-riżultati pożittivi miksuba mill-azzjoni preparatorja CALYPSO u jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli taħdem fuq l-iżvilupp futur tagħha u biex tappoġġja l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu li jippromwovi l-iskambji turistiċi barra l-istaġun bejn l-Istati Membri, għal ċittadini anzjani, żgħażagħ, persuni b'diżabilità u gruppi żvantaġġjati oħra;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan strateġiku biex jinġibdu t-turisti minn pajjiżi emerġenti, speċjalment il-pajjiżi BRIC (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina), permezz ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni, inizjattivi ta' promozzjoni turistika u arranġamenti aktar flessibbli dwar il-viża turistika; huwa tal-opinjoni li l-inizjattivi tal-UE ta' promozzjoni turistika għandhom ipenġu l-Ewropa bħala destinazzjoni globali, jikkumplimentaw inizjattivi mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali u jevitaw li jiffavorixxu xi destinazzjonijiet Ewropej aktar minn oħrajn;

19. Jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni tal-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali dwar is-settur turistiku u jħeġġeġ il-ksib ta' livell ta' kompetittività ogħla f'bilanċ ma' ġestjoni responsabbli tar-riżorsi (enerġija, ilma, materja prima, eċċ);

20. Jindika l-importanza li jiġu assigurati l-mobilità u l-konnettività reġjonali, partikolarment fir-reġjuni bl-aktar aċċess fqir, sabiex jiġi assigurat li politiki dwar it-turiżmu ġenwinament jirnexxu fir-reġjuni kollha tal-UE;

21. Jitlob għal insistenza aktar qawwija fuq il-kwalità tal-okkupazzjoni fis-settur turistiku b'enfasi partikolari fuq it-taħriġ b'kontenut teknoloġiku u lingwistiku qawwi, fuq l-appoġġ għall-SMEs u l-intrapriża, speċjalment fost in-nisa u ż-żgħażagħ, il-mobilità tal-forza tax-xogħol, grazzi għall-programmi Komunitarji differenti u għall-ġlieda kontra x-xogħol illegali u li l-prevenzjoni tal-isfruttament; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-entitajiet reġjonali u lokali jużaw l-istrumenti ta' taħriġ vokazzjonali offruti mill-Fond Soċjali Ewropew u minn strumenti Komunitarji u nazzjonali oħrajn; jenfasizza l-importanza tat-teħid ta' miżuri biex jipprevjenu żbilanċi fis-suq reġjonali tal-impjiegi bħala riżultat tal-attivitajiet turistiċi staġjonali;

22. Jenfasizza li s-settur turistiku għandu jagħmel użu aħjar mill-potenzjal sħiħ tal-investimenti transkonfinali f'raggruppamenti kompetittivi kemm fil-fruntieri interni kif ukoll dawk esterni tal-Unjoni Ewropea;

23. Jistieden lill-Istati Membri biex jissimplifikaw ir-regoli u jnaqqsu l-piż amministrattiv sabiex jagħmlu l-aħjar użu tal-istrumenti finanzjarji Ewropej disponibbli għall-perjodu ta' pprogrammar finanzjarju attwali u biex tkun żviluppata l-kompetittività tas-settur u tad-destinazzjonijiet turistiċi; iħeġġeġ li fil-qafas tar-reviżjoni tal-politika ta' koeżjoni u fid-dawl tal-kompetenza tat-Trattat il-ġdid għat-turiżmu, jingħata valur akbar lir-rwol tat-turiżmu bħala fattur ta' ekwilibriju soċjali, ekonomiku u territorjali ġdid; jittama li kull tip ta' finanzjament tal-UE marbut mat-turiżmu jissarraf fl-għoti ta' servizzi kompetittivi, bi standards ta' eċċellenza u ta' kwalità, u f'sostenibilità; jitlob biex il-perspettivi finanzjarji li jmiss u r-regoli tal-Fond Strutturali jinkludu fost il-prijoritajiet tagħhom ir-riabilitazzjoni ta' żoni turistiċi li waqgħu lura, sabiex jiġu ggarantiti l-kompetittività u sostenibilità tagħhom.

24. Iqis li koordinament aħjar bejn il-partijiet kollha interessati, inklużi l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll aktar komplimentarjetà ta' azzjonijiet u riżorsi finanzjarji pprovduti nill-Fondi Strutturali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali se jinkoraġġixxi żvilupp aktar integrat u sostenibbli tas-settur tat-turiżmu u se jgħin biex joħroġ il-potenzjal sħiħ tiegħu;

25. Jenfasizza l-importanza ta' infrastrutturi adegwati għas-settur turistiku u għaldaqstant jitlob biex isir progress fl-iżvilupp tan-Netwerks tat-Trasport Trans-Ewropew, speċjalment ir-Rotot tal-Baħar.

26. Jistieden lir-reġjuni b'potenzjal turistiku li għadu mhux żviluppat biex jieħdu nota tal-eżempji ta' prattika tajba rigward it-turiżmu kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE, li wasslu għall-iżvilupp ta' attività turistika sinifikanti matul l-aħħar għaxar snin;

27. Jirrakkomanda l-ħolqien ta' pjattaforma tal-UE onlajn dwar it-turiżmu biex tippromwovi l-potenzjal turistiku lokali u reġjonali b'mod effikaċi kemm jista' jkun;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Jean-Paul Besset, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Rosa Estaràs Ferragut, Danuta Maria Hübner, Seán Kelly, Evgeni Kirilov, Constanze Angela Krehl, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jan Olbrycht, Wojciech Michał Olejniczak, Markus Pieper, Tomasz Piotr Poręba, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michail Tremopoulos, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Hermann Winkler

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Karima Delli, Karin Kadenbach, Andrey Kovatchev, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Patrice Tirolien, Derek Vaughan

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanimir Ilchev


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (1.3.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

(2010/2206(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Rareş-Lucian Niculescu

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-valur tal-kontribuzzjoi tal-FEAŻR għall-iżvilupp tat-turiżmu rurali fl-Ewropa u jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri appoġġati permezz ta' dak il-fond u fil-kuntest tal-PAK ta' wara l-2013 jitkomplew f'livell ta' finanzjament suffiċjenti bi qbil mal-ambizzjonijiet dikjarati; ifakkar fil-bosta talbiet li diġà saru għal simplifikazzjoni tal-PAK u għal tnaqqis tal-burokrazija f'dik il-politika, li tagħha l-FEAŻR huwa parti integrali;

2.  Jiġbed attenzjoni għall-fatt li miżuri tal-ġejjieni b'appoġġ għat-turiżmu rurali u l-agrituriżmu jeħtieġ li jkunu għalkollox allinjati mal-objettivi, strateġiji u strumenti tal-PAK tal-ġejjieni fil-qasam tal-iżvilupp rurali, u b'mod speċjali dawk li jirrigwardaw il-provvista tal-beni pubbliċi, bħalma huma l-manutenzjoni tal-artijiet, il-konservazzjoni tal-pajsaġġ, il-bijodiversità u l-forestrija, il-konservazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt rurali;

3.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt tal-bidla fil-klima fuq iż-żoni Ewropej, u l-konsegwenzi ta' dan għall-ekonomija turistika; jissuġġerixxi għal dan il-għan il-ħolqien ta' karta ta' kwalità biex tippromwovi turiżmu dejjiemi fiż-żoni fil-perikolu, sabiex jiġu mħeġġa l-prattiki tajba f'dak li għandu x'jaqsam mal-infrastruttura u s-servizzi turistiċi;

4.  Jemmen li l-finanzjament tal-iżvilupp tat-turiżmu rurali u tal-agrituriżmu fl-UE huwa għalkollox ġustifikat, minħabba li dawk is-setturi jinkludu aktar minn 500 000 stabbiliment tal-alloġġ u madwar 6 500 000 sodda, li minnhom 15-20% huma fi stabbilimenti tal-agrituriżmu; dawn is-setturi kellhom tkabbir annwali medju fl-offerta u d-domanda ta' 10-15% matul dawn l-aħħar 10 snin–15-il sena, f'ċirkustanzi fejn it-tkabbir globali medju fit-turiżmu kien 4-5%;

5.  Huwa tal-opinjoni li l-programmi futuri ta' żvilupp rurali u reġjonali għandhom jappoġġaw lis-settur tat-turiżmu b'mod effikaċi; huwa tal-opinjoni wkoll li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tat-trasferiment tal-għarfien u l-iskambju transkonfinali ta' prattiki tajbin, b'enfasi fuq il-ħidma tan-netwerks Ewropej eżistenti bħal NECSTouR;

6.  Jenfasizza l-fatt li t-turiżmu rurali u l-agrituriżmu jagħmlu kontribut vitali biex itejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, peress li joħolqu opportunitajiet ġodda, partikolarment għaż-żgħażagħ u n-nisa, fejn dawn l-attivitajiet huma kompletament kumplimentari mal-attivitajiet tradizzjonali tas-settur primarju, inkluż ir-rinfurzar tagħhom fil-każ tal-agrituriżmu, b'kontribut għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali kif ukoll l-ekwilibru territorjali, u jgħinu biex irażżnu l-ispopolament taż-żoni rurali permezz tal-ħolqien tal-impjieg; iżid billi jgħid li jikkontribwixxu wkoll biex ikomplu jgħinu jippreservaw u jkunu konxji dwar l-identitajiet kulturali u d-drawwiet tradizzjonali, kif ukoll il-prodotti tal-ikel tradizzjonali; barra minn hekk jitlob li jkun hemm enfasi kbira fuq il-kwalità tal-impjiegi f'dan is-settur;

7.  Jenfasizza li l-attivitajiet turistiċi għandhom dejjem jirrispettaw il-pajsaġġ u l-ambjent; jenfasizza wkoll li, kif inhu indikat fil-Konvenzjoni Ewropea tal-pajsaġġ, l-objettiv għandu jikkonsisti fl-istabbiliment ta' relazzjoni bbilanċjata u armonizzata bejn il-ħtiġijiet soċjali , l-attività ekonomika u l-ambjent ;

8.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li t-turiżmu rurali u l-agrituriżmu huma parti minn settur ekonomiku nadif u mhux lokalizzabbli li l-karatteristiċi prinċipali tiegħu, li huma differenti minn mudelli oħra tat-turiżmu Ewropew bħat-turiżmu kostali, jagħmluh inqas dipendenti fuq l-istaġuni u, konsegwentement, il-fatt li d-dipendenza fuq l-iżvilupp tiegħu jwassal għall-ħolqien ta' firxa ta' impjiegi fit-tul u ta' kwalità;

9.  Jenfasizza li t-turiżmu rurali u l-agrituriżmu huma importanti għall-indirizzar tal-karattru staġjonali tat-turiżmu, partikolarment fir-reġjuni ultraperiferiċi; huwa tal-opinjoni għalhekk li hu essenzjali li titqies l-aċċessibbiltà ta' dawn ir-reġjuni fil-previżjoni tal-possibbiltajiet ta' estensjoni tan-netwerks Ewropej tat-trasport ;

10. Jenfasizza wkoll li t-turiżmu rurali u l-agrituriżmu jeħtieġu attenzjoni speċjali minħabba li huma aktar vulnerabbli f'aspetti speċifiċi minn setturi turistiċi oħra, inkluża l-ħtieġa tat-titjib tal-infrastruttura fiż-żoni rurali kif ukoll in-netwerk tat-trasport li joħloq konnessjoni maċ-ċentru urban, l-aċċess limitat għall-kreditu għall-iżvilupp ta' attivitajiet tal-agrituriżmu, u offerta mhux biżżejjed strutturata b'nuqqasijiet fil-konnessjonijiet mas-suq;

11. Jenfasizza l-ħtieġa għat-tħeġġiġ tat-taħriġ u l-innovazzjoni bħala elementi essenzjali għall-iżvilupp tal-kompetittività tat-turiżmu rurali u l-agrituriżmu; ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi li jwettqu din l-attività huma mikrointrapriżi, li għandhom rwol importanti ħafna fil-ħolqien tal-impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ, l-istrumenti stabbiliti għat-titjib tal-kwalifiki tal-persunal biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu applikati għal attivitajiet ekonomiċi oħra fiż-żoni rurali;

12. Jenfasizza r-rwol maġġuri li t-turiżmu rurali u l-agrituriżmu għandhom fil-ħolqien ta' rabta diretta mal-katina ta' provvista għall-prodotti tal-ikel lokali u għal prodotti oħra ta' kwalità differenzjata (prodotti mill-agrikultura bijoloġika, DPO, IĊP), b'tali mod li tinħoloq sistema li tiggarantixxi l-produzzjoni, it-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fil-post;

13  Huwa tal-opinjoni li hu meħtieġ li tiġi rinfurzata l-kapaċità tal-kummerċjalizzazzjoni tal-agrikulturi u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-swieq lokali, filwaqt li l-intrapriżi tas-settur jitħallew jerġgħu jixtru iktar faċilment il-prodotti lokali li jeħtieġu;

14. Jenfasizza li hu importanti li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi jkunu jafu iktar dwar il-possibbiltajiet tat-turiżmu rurali, billi jingħataw viżibbiltà ikbar fil-portal Ewropew visiteurope.com; jipproponi wkoll li tittejjeb l-interkonnessjoni bejn l-offerta turistika u n-netwerk Natura 2000 bil-għan li tinħoloq viżibbiltà ikbar għall-isforzi mwettqa għall-protezzjoni u l-priservazzjoni ta' dawn iż-żoni u iktar promozzjoni tal-iżvilupp tagħhom ;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' taħriġ maħsuba għall-isfruttar tal-kompetenzi professjonali tal-agrikulturi fis-settur turistiku, bil-ħsieb li tiġi promossa d-diversifikazzjoni ekonomika fiż-żoni rurali;

16. Ifakkar li, fl-Unjoni Ewropea, persuna waħda minn kull sitta tbati minn xi tip ta' diżabilità u għalhekk hu meħtieġ ukoll li jiġi promoss it-turiżmu rurali u l-agrituriżmu adattat u aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u b'mobilità limitata;

17. Jirrikonoxxi l-importanza tal-pjattaforma "ICT u turiżmu" proposta mill-Kummissjoni, imma jemmen li għandha ssir l-implimentazzjoni tagħha biex jgħammru ż-żoni rurali bl-aktar infrastruttura moderna tal-IT (eż. servizzi ta' konnessjoni broadband mal-Internet) sabiex tinħoloq u tiġi konnessa l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-iskambju tal-aqwa prattiki, u għall-istabbiliment ta' miżuri ta' taħriġ dwar kif għandhom jintużaw kif ukoll għall-iżvilupp, pereżempju fil-qafas tal-programm għall-innovazzjoni u l-kompetittività, riżorsi informatiċi b'lingwi differenti li jistgħu jiffaċilitaw it-turiżmu internazzjonali;

18. Jiddeplora l-fatt li ma tinżamm l-ebda statistika uffiċjali fuq it-turiżmu rurali u l-agrituriżmu, u li l-unika informazzjoni disponibbli hija bbażata fuq stimi; jilqa' l-miżuri li qed jiġu kkunsidrati biex jikkonsolidaw il-bażi ta' għarfien soċjali u ekonomiku fil-qasam tat-turiżmu, filwaqt li jitqies li meta jkun possibbli għandu jiġi evitat li jiġu imposti piżijiet finanzjarji u amministrattivi supplimentari ;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa t-turiżmu rurali u l-agroturiżmu tul is-sena kollha; jissuġġerixxi b'hekk li tittawwal l-inizjattiva CALYPSO sa wara l-2011 u li tagħti aktar attenzjoni lit-turiżmu rurali u lill-agrituriżmu fil-programmi żviluppati, filwaqt li jinħolqu sinerġiji utli ma' forom oħra tat-turiżmu preżenti fiż-żoni li jinsabu ħdejn reġjuni rurali (pereżempju, it-turiżmu sportiv, tal-għawm, kulturali u reliġjuż, eċċ ); jitlob lill-Kummissjoni tiffoka partikolarment fuq it-turiżmu rurali u l-agrituriżmu fil-qafas tal-istrateġiji makroreġjonali kollha tal-Unjoni, bħall-istrateġija għad-Danubju li tkopri l-ifqar reġjuni tal-Unjoni Ewropea ;

20. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tistabbilixxi regoli ta' armonizzazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-definizzjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni tal-kwalità fil-qasam tat-turiżmu rurali u l-agroturiżmu, kif inhu l-każ fis-settur tal-lukandi tradizzjonali, jew id-diversi tikketti jingħataw abbażi ta' sett ta' kriterji stretti biex tiġi evitata d-divalwazzjoni tat-tikketti kkonċernati;

21.  Jipproponi li, fid-dawl tas-suċċess tal-inizjattivi tal-"kapitali Ewropej tal-kultura" u "t-tikketta tal-wirt Ewropew", tiġi żviluppata inizjattivi simili għat-tfassil ta' tikketta Ewropea għaż-żoni rurali ta' interess turistiku; jenfasizza li tikketta Ewropea għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji ta' objettivi ta' valutazzjoni, li tikketti ta' kwalità nazzjonali eżistenti għandhom jinżammu u l-importanza tal-iżgurar tat-trasparenza meħtieġa għall-konsumatur ; jitlob li dik it-tikketta tkun użata fuq bażi volontarja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.2.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, José Bové, Luis Manuel Capoulas Santos, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Béla Glattfelder, Martin Häusling, Peter Jahr, Elisabeth Jeggle, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Agnès Le Brun, George Lyon, Krisztina Morvai, Mariya Nedelcheva, Rareş-Lucian Niculescu, Wojciech Michał Olejniczak, Georgios Papastamkos, Marit Paulsen, Britta Reimers, Ulrike Rodust, Alfreds Rubiks, Giancarlo Scottà, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Alyn Smith, Csaba Sándor Tabajdi, Marc Tarabella

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Giovanni La Via


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (3.2.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar l-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew

(2010/2206(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Hella Ranner

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-ivvjaġġar b'rabta mal-kultura, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport qed isir dejjem aktar popolari, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġaw dan it-tip ta' turiżmu billi jkunu aktar flessibbli u jadattaw għal tipi ġodda ta' konsumaturi minħabba t-tibdil demografiku u ħalli jqisu tipi ġodda ta' turiżmu mfassla skont l-aspettattivi espressi mill-konsumaturi;

2.  Jinnota li t-turiżmu kulturali huwa l-akbar segment fl-industrija Ewropea tat-turiżmu u li f'dawn l-aħħar snin sar tibdil sinifikanti fih u issa huwa ffukat mhux biss fuq bliet storiċi u lokalitajiet turistiċi kbar jew avvenimenti u esibizzjonijiet kbar iżda wkoll fuq bliet żgħar u rotot storiċi, kulturali u tan-natura, li jattiraw persuni li jfittxu l-għarfien, id-djalogu interkulturali, in-natura u l-kultura;

3.  Iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jitjieb l-aċċess għal persuni b'diżabbiltà permezz tal-adattament tal-bini u t-taħriġ tal-persunal;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' skemi turistiċi ġusti u sostenibbli bħala mezz biex attivitjiet ta' rikreazzjoni jintużaw biex irawmu l-kummerċ ġust, is-solidarjetà u l-iżvilupp ekoloġiku;

5.  Jitlob kif jixraq lill-Kummissjoni, b'konformità mal-kompetenzi ġodda li jirriżultaw mit-Trattat ta' Lisbona, biex titfa' dawl fuq id-dimensjoni kulturali tat-turiżmu Ewropew, bl-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali, territorjali, tal-pajsaġġ u tal-ambjent;

6.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-korpi pubbliċi, b'mod partikolari l-awtoritajiet u l-assoċjazzjonijiet territorjali, li jipprovdu l-aktar aċċess wiesa' possibbli għal attivitajiet ta' rikreazzjoni, fosthom għal gruppi tal-popolazzjoni żvantaġġati u għaż-żgħażagħ (villaġġi turistiċi, ċentri ta' rikreazzjoni, attivitajiet sportivi u kulturali, eċċ.), filwaqt li tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li fi kwalunkwe ħin, ikun hemm taħlita soċjali wiesgħa;

7.  Jenfasizza l-importanza li l-kwalità tal-edukazzjoni titjieb permezz tal-użu ta' programmi ta§ Tagħlim Matul il-ħajja li jenfasizzaw azzjonijiet immirati għall-mobbiltà (per eżempju l-azzjonijiet ta' mobbiltà Leonardo da Vinci u proġetti pilota ta' tħejjija bħal Erasmus għall-Intraprendituri, u Grundtvig); iqis li huwa essenzjali wkoll li jitjieb it-taħriġ, l-għarfien, il-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-prospetti professjonali tal-persunal tan-negozji tat-turiżmu permezz tal-programmi ta' Tagħlim għal Matul il-Ħajja;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-mobbiltà Ewropea u internazzjonali tal-istudenti fi ħdan istituzzjonijiet vokazzjonali u/jew ta' edukazzjoni ogħla fil-qasam tat-turiżmu tingħata spinta ħalli l-istudenti jkunu jistgħu jitgħallmu mill-aħjar prattika u jakkwistaw għarfien prattiku filwaqt li jtejbu l-ħiliet lingwistiċi;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istandardizzazzjoni tal-kultura u l-lingwa, li kulma tmur qiegħda tikber; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tad-diversità kulturali, lingwistika u tal-wirt storiku;

10. Jinnota li l-merti ta' sistema edukattiva "doppja" fis-settur tat-turiżmu u l-importanza li jingħaqdu flimkien l-esperjenza prattika mat-tagħlim f'istituzzjonijiet vokazzjonali u/jew ta' edukazzjoni ogħla, u b'hekk jitjiebu kemm il-ħiliet teoretiċi kif ukoll dawk prattiċi;

11. Ifakkar li l-wirt kulturali u d-dversità lingwistika tal-Ewropa jirrappreżentaw vantaġġ komparattiv sinifikanti fis-suq turistiku globali u jitlob biex dawn il-fatturi jingħataw l-attenzjoni li jistħoqqilhom fl-analiżi ekonomika tas-settur tat-turiżmu, speċjalment fil-kuntest tal-allokazzjoni tar-riżorsi għaż-żamma u t-titjib tad-destinazzjonijiet b'sinifikat kulturali;

12. Iqis li inizjattivi tal-Unjoni Ewropea bħalma huma "l-Kapitali Ewropea tal-Kultura", iċ-"Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew" u "l-Passaġġ tal-Purtiera tal-Ħadid" li għandhom bżonn sinerġiji sinifikanti mal-proġetti mill-programm tar-Rotot Kulturali tal-Ewropa (bħal ma huma t-"Triq ta' San Ġakbu", il-“Via Francigena” jew waħda mir-rotot rikonoxxuti l-oħrajn) u l-Istitut Ewropew tar-Rotot Kulturali huma neċessarji biex jippromwovu l-wirt Ewropew, il-kreattività kontemporanja u s-sostenibbiltà fit-turiżmu kulturali, billi jilħqu pubbliku konsumatur ġdid u jappoġġaw reġjuni mbegħdin u mhux daqstant magħrufa; jitlob f'dan il-kuntest għal rabtiet aktar fil-qrib mal-kultura reġjonali tradizzjonali u għal miżuri sabiex jiġu kkonservati l-pajsaġġi tradizzjonali urbani u rurali; jilqa' programmi bħal EDEN u NECSTouR minħabba l-potenzjal li għandhom biex jagħtu spinta lill-iżvilupp ekonomiku sostenibbli;

13. Jenfasizza l-valur kulturali u turistiku tar-Rotot Kulturali Ewropej li jippromwovu wirt kulturali Ewropew komuni, u jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam u tipprevedi l-finanzjament neċessarju għalih;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt li l-programm tal-UE "Il-Kapitali Ewropej tal-Kultura" qiegħed ikollu fuq it-turiżmu u biex tħejji rapport lill-Parlament dwar jekk l-istrateġiji ta' governanza, l-arranġamenti ta' finanzjament u l-proċeduri għall-involviment ta' korpi u assoċjazzjonijiet kulturali għandhomx jiġu rriveduti, bl-għan li jsir investiment fi proċessi u sħubijiet sostenibbli u li jdumu;

15. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol prinċipali li l-isports għandu fil-promozzjoni tat-turiżmu, kemm għall-ispettaturi kif ukoll għall-parteċipanti li jivvjaġġaw għall-avvenimenti, u jitlob għall-introduzzjoni ta' politiki speċifiċi li jippromwovu u jappoġġaw it-turiżmu sportiv;

16. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tar-rotot Ewropej, bħar-'Rotot Kulturali' tal-Kunsill tal-Ewropa, li jiffukaw fuq temi speċifiċi jew passaġġi storiċi, joffru kemm kontenut kulturali popolari kif ukoll mhux popolari u jippromwovu d-dibattitu u approċċ kreattiv u personalizzat; huwa tal-fehma li rotot bħal dawn jistgħu jitqiesu huma stess bħala prodotti kulturali li għandhom rwol effettiv fit-twaqqif ta' netwerks ta' operaturi u assoċjazzjonijiet minn iżjed minn Stat Membru wieħed li jaħdmu flimkien fuq skemi promozzjonali u ta' ġestjoni li jfittxu li jippromwovu l-kulturi tal-Ewropa, il-fehim reċiproku u l-koeżistenza paċifika, it-turiżmu, il-mobbiltà tal-operaturi, ta' min jimxi u tal-artisti, il-familjarità mat-tradizzjonijiet u mal-potenzjal lokali u d-djalogu interkulturali u bejn ir-reliġjonijiet;

17. Fl-istess waqt, jitlob li jkun hemm segwitu, ġestjoni u interkonnessjoni effikaċi tal-programmi eżistenti tal-UE, b'tali mod li jitħallew jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom billi jingħatawlhom riżorsi suffiċjenti, u sostenn għal approċċ integrat għat-turiżmu;

18. Jenfasizza li t-turiżmu kulturali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u tal-impjiegi attwali minħabba li jagħmel użu tajjeb tal-potenzjal tal-ħiliet u tat-territorju u jagħti spinta lill-iżvilupp rurali u ta' rħula żgħar billi jxerred id-domanda għall-akkomodazzjoni turistika matul is-sena u fuq id-diversi segmenti, kif ukoll billi jippromwovi l-wirt u l-mobbiltà kulturali u tal-pajsaġġ, filwaqt li jagħti spinta lill-ikel u l-inbejjed lokali u tradizzjonali u joħloq rotot ta' kwalità għolja;

19. Jenfasizza r-rwol tal-isports fil-promozzjoni tat-turiżmu u jilqa' inizjattivi bħall-proġett "Sports tal-baħar fiż-Żona Atlantika"; ifakkar li l-isports huwa rikreazzjoni kulturali u bbażata fuq l-attività li jista' jiġbed it-turisti lejn ir-reġjuni periferali tal-Ewropa;

20. Jikkunsidra li l-organizzazzjoni ta' attivitajiet artistiċi u kulturali u ta' avvenimenti sportivi tħeġġeġ il-mobbiltà u sservi ta' attrazzjoni turistika;

21. Jitlob biex id-djalogu interkulturali jitqies bħala mezz għat-trawwim tal-iżvilupp soċjokulturali kemm f'żoni urbani kif ukoll f'dawk li mhumiex u jenfasizza l-potenzjal kreattiv tad-diversità kulturali u tal-programmi li jiffukaw fuqha (pereżempju, il-programm konġunt "Bliet Interkulturali" tal-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa, bħala spinta għall-intrapriża u l-innovazzjoni, mhux l-anqas fl-industrija tat-turiżmu;

22. Ifakkar li www.visiteurope.com hija pjattaforma li għandha tiġi żviluppata aktar, b'tali mod li tqawwi l-viżibbiltà tal-Ewropa u tal-wirt kulturali tagħha billi tagħti informazzjoni mħejjija biex tissodisfa l-bżonnijiet tat-turisti fl-akbar għadd possibbli ta' lingwi uffiċjali tal-UE kif ukoll tal-lingwi dinjija ewlenin; jenfasizza li għandha tkun waħda mill-pjattaformi ċentrali li jgħaqqdu flimkien il-programmi u l-applikazzjonijiet l-oħra;

23. Jenfasizza l-problema strutturali tal-istaġjonalità fis-settur tat-turiżmu Ewropew; jenfasizza r-rwol tat-turiżmu kulturali u edukattiv li jestendi l-istaġuni turistiċi u jnaqqas l-effetti negattivi soċjoekonomiċi tal-istaġjonalità; jilqa' għal dan il-għan l-Azzjoni Preparatorja Calypso tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tat-turiżmu soċjali u għat-tnaqqis tal-istaġjonalità;

24. Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħiliet tradizzjonali u ġodda fis-setturi tat-turiżmu, tal-akkomodazzjoni u tal-promozzjoni territorjali jkunu rikonoxxuti fi ħdan il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK);

25. Jenfasizza l-ħtieġa li gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni – bħall-anzjani, iż-żgħażagħ u l-familji – jiġu identifikati b'mod ċar biex ikunu jistgħu jingħataw servizzi u attivitajiet adattati skont il-ħtiġijiet tagħhom;

26. Jilqa' l-proposta għal mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni li jtejjeb il-koordinament tal-vaganzi tal-iskejjel;

27. Jitlob għal referenza aktar espliċita li għandha ssir b'rabta mal-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE fil-perjodu 2010-2017 għall-promozzjoni ta' rotot kulturali u turistiċi u l-konnessjoni bejn ir-rotot fid-diversi Stati Membri bħala mezz biex tingħata spinta lill-iżvilupp territorjali ta' kwalità għolja;

28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-turiżmu relatat mal-isports u jżidu l-investiment f'rotot bħal mogħdijiet Ewropej fil-muntanji u għar-roti li jaqsmu diversi reġjuni Ewropej jew mezzi oħra għall-promozzjoni tal-mobbiltà, l-attività fiżika u stil ta' ħajja f'saħħitha;

29. Jenfasizza li l-organizzazzzjoni u l-promozzjoni xierqa ta' avvenimenti kulturali, festi tal-mużika, esibizzjonijiet tal-arti u ġrajjiet simili jrawmu t-turiżmu kulturali, li huwa ta' importanza fundamentali biex l-Ewropa tibqa' tkun l-aqwa destinazzjoni turistika fid-dinja;

30. Jitlob biex skemi li jiffukaw fuq oqsma bħall-ikel, il-fotografija, it-teatru u ċ-ċinema jiġu esplorati u appoġġati bħala mezzi ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu kulturali;

31. Huwa tal-fehma li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna l-ġdid jista' jkollu rwol prinċipali fil-promozzjoni u l-konsolidazzjoni tal-istatus tal-Ewropa bħala l-aqwa destinazzjoni turistika fid-dinja.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

25.1.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Magdi Cristiano Allam, Maria Badia i Cutchet, Zoltán Bagó, Malika Benarab-Attou, Lothar Bisky, Piotr Borys, Jean-Marie Cavada, Silvia Costa, Santiago Fisas Ayxela, Mary Honeyball, Cătălin Sorin Ivan, Petra Kammerevert, Morten Løkkegaard, Emma McClarkin, Marek Henryk Migalski, Katarína Neveďalová, Doris Pack, Chrysoula Paliadeli, Marie-Thérèse Sanchez-Schmid, Marietje Schaake, Marco Scurria, Joanna Senyszyn, Timo Soini, Emil Stoyanov, Hannu Takkula, László Tőkés, Helga Trüpel, Corneliu Vadim Tudor, Gianni Vattimo, Marie-Christine Vergiat, Sabine Verheyen, Milan Zver

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Liam Aylward, Dominique Baudis, Ivo Belet, Luigi Berlinguer, Rita Borsellino, Nessa Childers, Knut Fleckenstein, Nadja Hirsch, Stephen Hughes, Oriol Junqueras Vies, Seán Kelly, Timothy Kirkhope, Ryszard Antoni Legutko, Ramona Nicole Mănescu, Hans-Peter Martin, Iosif Matula, Jean-Luc Mélenchon, Francisco José Millán Mon, Elisabeth Morin-Chartier, Paul Nuttall, Georgios Papanikolaou, Bernd Posselt, Hella Ranner, Mitro Repo, Robert Rochefort, Olga Sehnalová, Joanna Katarzyna Skrzydlewska, Alyn Smith, Monika Smolková, Rui Tavares, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Iva Zanicchi


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

21.6.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Mike Nattrass, Hubert Pirker, David-Maria Sassoli, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Giommaria Uggias, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Frieda Brepoels, Spyros Danellis, Rosa Estaràs Ferragut, Tanja Fajon, Markus Ferber, Dominique Riquet, Laurence J.A.J. Stassen, Ramon Tremosa i Balcells

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Settembru 2011Avviż legali