RAPPORT dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti

24.11.2011 - (2011/2096(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Mathieu Grosch


Proċedura : 2011/2096(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A7-0425/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti

(2011/2096(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-'White Paper' tal-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2003 dwar il-'White Paper' tal-Kummissjoni "Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu”[1],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar "Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna"[2],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport[3],

  

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-Politika Marittima Integrata (IMP) – Evalwazzjoni tal-progress li sar u sfidi ġodda[4],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta' Koeżjoni tal-Kummissjoni u dwar l-Istrateġija għall-Politika ta' Koeżjoni wara l-2013[5],

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni b'enfasi partikolari fuq l-iskanners tas-sigurtà[6] ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-27 ta' Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq 2011-2020[7],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni bit-titolu “In-Netwerk taċ-Ċittadini” COM(1995)0601) u ‘Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana” (COM(2009)0490),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn prezzijiet ġusti u effikaċi fit-trasport” (COM(95)0691) tal-1995 u l-komunikazzjoni tagħha “it-trasport u s-CO2” (COM(98)0204) tal-1998; u billi l-Kummissjoni għandha terġa' tippublika din tal-aħħar;

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija UE 2020,

–   wara li kkunsidra l-acquis communautaire fil-qasam tat-trasport,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0425/2011),

A.  billi l-politika Ewropea tat-trasport tinfluwenza direttament liċ-ċittadini tal-UE f'diversi sitwazzjonijiet tal-ħajja u billi żona unika Ewropea ġenwina tat-trasport li telimina l-barrieri kollha bejn mezzi ta' trasport u sistemi nazzjonali u li m'għandhiex distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u dumping soċjali, tkun ta’ użu konsiderevoli għalihom;

B.   billi s-settur tat-trasport għandu importanza kbira għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, tar-reġjuni u l-bliet tagħha, peress li huwa jipproduċi madwar 5% tal-prodott gross domestiku, jipprovdi madwarbi 10 miljun post tax-xogħol; billi huwa kruċjali li tinżamm il-kapaċità tal-UE tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni f'oqsma bħall-mobilità, it-trasport u l-loġistika, li huma deċiżivi għall-pożizzjoni tal-Ewropa bħala ċentru industrijali u ekonomiku u għall-pożizzjoni globali kompetittiva tagħha; billi impriżi żgħar u medji jilagħbu rwol partikolarment importanti fis-settur tat-trasport;

C.  billi l-politika futura Ewropea tat-trasport u tal-mobilità għandha tintegra l-miri 20-20-20 għall-perjodu sal-2020 bħala bażi primarja għat-teħid tad-deċiżjonijiet f'dan il-qasam,

D.  billi t-trasport jista’ jagħti kontribut sinifikanti għall-Istrateġija Ewropa 2020, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, ir-riċerka, l-enerġija, l-innovazzjoni u l-ambjent, fejn fil-qafas ta’ din l-istrateġija għandhom jissaħħu s-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali b’mod aktar effikaċi u għandhom jiġu koordinati aktar;

E.   billi ċerti għanijiet tal-aħħar White Paper ma ġewx sodisfatti u b'hekk l-għanijiet stabbiliti hawnhekk għandhom jiġu rieżaminati u verifikati b'mod regolari;

F.   billi l-modi tat-trasport mhumiex f'kompetizzjoni bejniethom, iżda għandhom jikkumplimentaw lil xulxin fil-qafas tal- komodalità effikaċi, skont il-prinċipju bażiku ta' distribuzzjoni effikaċi modali ta' mezzi tat-trasport;

G.  billi l-miri ta’ trasferimenti modali ma jistgħux jintlaħqu permezz tal-liġi, iżda biss bl-isfruttar ta' infrastruttura li tiffunzjona, vantaġġi intrinsiċi u tal-punti tajbin u inċentivi;

H.  billi huwa essenzjali li jiġi żgurat l-iżvilupp b’suċċess tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T), li n-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-UE jkunu mqabbda ma’ xulxin b’mod effikaċi u li jiġu eliminati d-diskrepanzi bejn il-livelli tal-iżvilupp infrastrutturali fl-Istati Membri tal-UE,

I.    billi s-settur tat-trasport u l-infrastruttura transkonfinali għadhom qed jiffaċċjaw bosta ostakli storiċi u ġeografiċi (il-wisa’ differenti tat-toroq jew l-ostakli impenetrabbli tar-ringieli tal-muntanji bħall-Alpi, il-Pirinej jew il-Karpazji) li jipproduċu ‘effetti transkonfinali’, li biċċa minnhom jistgħu jitneħħew faċilment u b’hekk għandhom jitneħħew kollha;

J.    billi d-differenzi bejn ir-reġjuni fl-Ewropa (is-sitwazzjoni periferali, l-infrastruttura, il-pajsaġġ, id-densità tal-popolazzjoni, is-sitwazzjoni soċjoekonomika) joħolqu problemi differenti ħafna li jirrikjedu soluzzjonijiet flessibli;

K.  billi l-ftuħ tas-swieq tat-trasport għandu jkun soġġett għall-iżvilupp tas-salvagwardji regolatorji kollha meħtieġa biex jiżguraw li dan se jwassal għal servizz ta’ kwalità ogħla, taħriġ u sitwazzjoni u kundizzjonijiet aħjar tal-impjiegi;

L.   billi l-UE għandha tistabbilixxi standards konsistenti għall-mezzi kollha tat-trasport, speċjalment dawk relatati mas-sikurezza, it-teknoloġija, il-protezzjoni ambjentali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fejn jittieħed inkonsiderazzjoni l-fatt li f'setturi fejn japplikaw regoli de facto globali, ir-regolazzjoni effikaċi tista’ tinkiseb permezz tal-fora internazzjonali rilevanti;

M.  billi l-leġiżlazzjoni adottata fil-qasam tat-trasport għandha tiġi trasposta, implimentata u inforzata b'mod korrett, konsistenti u veloċi;

1.   Jilqa' l-'White Paper' 2011, iżda jistabbilixxi li għanijiet importanti tal-'White Paper' 2011 ma ġewx sodisfatti jew ġew sodisfatti biss parzjalment, u jissuġġerixxi:

–   li sal-2013 il-Kummissjoni, abbażi tar-rapport dwar is-sikurezza fit-toroq Ewropej 2011-2020 u filwaqt li żżomm mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandha tagħmel proposti speċifiċi, sabiex tnaqqas in-numru ta' mwiet u ta' persuni li jkorru b'mod serju fit-toroq b'50% meta mqabbla mal-2010. Dawn il-proposti għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-utenti tat-triq l-aktar vulnerabbli u għandhom jindikaw, f'kull każ, ir-riżultati mistennija fir-rigward tat-tnaqqis fl-inċidenti;

–              li sal-2014, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta li tippjana l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-tipi kollha tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri skont l-ispeċifiċità tagħhom, filwaqt li tevita l-ħlasijiet doppji u d-distorsjonijiet tas-suq. Id-dħul mill-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandu jintuża għall-finanzjament tal-investiment fis-sikurezza, ir-riċerka, it-teknoloġiji ġodda, il-protezzjoni tal-klima u t-tnaqqis tal-istorbju fil-kuntest tal-mobbiltà sostenibbli u tal-infrastruttura;

2.   Jitlob li, sal-2013, il-Kummissjoni tressaq proposta dwar il-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol, biex tiffaċilita l-ħolqien ta’ suq tat-trasport Ewropew li jkun integrat ġenwinament u fl-istess ħin, iżżid l-attraenza tas-settur għall-impjegati; din il-proposta għandha tkun ibbażata fuq analiżi fid-dettall tas-sitwazzjoni attwali tal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol fil-mezzi kollha tat-trasport, fuq il-livell tal-armonizzazzjni bejn il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u fuq il-valutazzjoni tal-impatt tal-iżviluppi tas-suq tax-xogħol tat-trasport matul il-perjodu sal-2020; din il-proposta għandha żżid l-impjiegi u għandha ttejjeb is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport kollu u tieħu in kunsiderazzjoni t-teknoloġiji ġodda u s-servizzi loġistiċi li jistgħu jintużaw biex itejbu s-servizzi tat-trasport in ġenerali u b'mod partikolari għall-persuni b'diżabbiltà;

3.   Jitlob lill-Kummissjoni biex sal-2013, abbażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri, tissottometti analiżi koerenti u kwantitattiva tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-livell tal-infrastruttura, id-densità tan-netwerk tat-trasport u l-kwalità tas-servizzi tat-trasport fl-Istati Membri kollha tal-UE; dan se jipprovdi ġabra qasira tas-sitwazzjoni attwali fl-UE27, jenfasizza l-unugwaljanzi fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom u jagħti deskrizzjoni tal-mod kif fil-preżent tiġi iffinanzjata infrastruttura tat-trasport fil-mezzi kollha u tal-prijoritajiet futuri tal-investiment;

4.   Huwa konxju tal-kontribut kbir tas-settur tat-trasport għall-politika industrijali, għall-kompetittività u għall-bilanċ kummerċjali tal-UE; jinnota li fl-2009 l-esportazzjonijiet ta’ makkinarju u tagħmir fis-settur tat-trasport ammontaw għal EUR 454.7 biljun, jiġifieri għal 41.5% tal-esportazzjonijiet kollha barra mill-UE27; barra minn hekk jinnota wkoll li fl-2009 l-UE rreġistrat l-ikbar bilanċi kummerċjali favorevoli tagħha fl-oqsma tal-makkinarji u t-tagħmir fis-settur tat-trasport (EUR 112.6 biljun) u fis-servizzi tat-trasport (EUR 21.5 biljun);

5.   Huwa favur l-għaxar għanijiet għal sistema ta' trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u l-għanijiet stabbiliti fil-White Paper għall-2050 u l-2030, iżda jikkunsidra li huma meħtieġa dispożizzjonijiet aktar speċifiċi għall-perjodu taż-żmien sal-2020 rigward il-fondi – fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika tal-Istati Membri rispettivi – u tal-isfidi ġenerali li jiffaċċja t-trasport fil-qasam tal-enerġija u f'dak ambjentali, u b'hekk jitlob lill-Kummissjoni tfassal regoli legali biex takkwista tnaqqis ta' 20% f'emissjonijiet tas-CO2 u ta' GHGs oħra mit-trasport (filwaqt li l-figuri tal-1990 jservu bħala bażi ta' referenza), taħdem mal-imsieħba internazzjonali biex tfassal dispożizzjonijiet legali permezz ta' ftehimiet globali sabiex tilħaq l-għanijiet li ġejjin sal-2020 (filwaqt li l-figuri tal-2010 jservu bħala bażi ta' referenza), skont il-miri 20-20-20 u f'kooperazzjoni tas-sħab internazzjonali:

–  tnaqqis ta' 20% f'emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport fit-toroq,

–  tnaqqis tal-istorbju u tal-konsum tal-enerġija ta' trasport fuq il-binarji b'20%,

–  tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bl-ajru fl-ispazju tal-ajru Ewropew kollu bi 30%,

–  tnaqqis uniformi ta' 30% f'emissjonijiet tas-CO2 mal-Ewropa kollha u tal-pollutanti tat-trasport bil-merkanzija, fejn se tingħata kontribuzzjoni mill-ftehimiet tal-IMO dwar l-Indiċi ta' Effiċjenza Enerġetika u l-Pjan ta' Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika;

u jitlob biex l-għanijiet kollha msemmija f’dan il-paragrafu jiġu kkunsidrati bħala prijoritarji u għalhekk jiġu riveduti kull sena;

6.  Jenfasizza li l-għan għandu jkun li s-suq intern Ewropew tat-trasport jiġi kkompletat billi jkomplu jiġu miftuħa n-networks u s-swieq tat-trasport, billi jiġu kkunsidrati l-aspetti ekonomiċi, ta' impjiegi, ambjentali, soċjali u territorjali, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti dwar il-ftuħ ta' servizzi fis-swieq kollha tat-trasport ma jwasslux għal dumping soċjali, servizzi ta' kwalità aktar baxxa, monopolji jew oligopolji; jenfasizza li għad hemm bżonn urġenti ta’ linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat għall-portijiet.

7.   Jenfasizza l-potenzjal tat-trasport f'bosta żoni, u jinsisti dwar l-importanza ta' żona Ewropea unika ta' trasport, b'interkonnessjoni u interoperabbilità, ibbażata fuq il-ġestjoni tal-infrastruttura tat-trasport u fuq sistemi li jinkisbu bl-eliminazzjoni tal- 'effetti konfinali' bejn l-Istati Membri fil-mezzi kollha tat-trasport, sabiex tijieb il-kompetittività u l-attraenza tal-Unjoni Ewropea kollha; jenfasizza l-importanza tal-koeżjoni territorjali u, b'mod partikolari, il-problemi ta' aċċessibilità li jiffaċċaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, reġjuni mingħajr kosta u dawk perifiċi u ta' konnessjonijiet tajbin bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tagħhom;

8.   Jenfasizza li l-komodalità effiċjenti fit-trasport tal-mobilità tal-persuni u tal-merkanzija fis-sekwenza kollha tas-servizzi tat-trasport u loġistiċi, li tiġi mkejla f’termini tal-effikaċità ekonomika, tal-protezzjoni ambjentali, tas-sigurtà enerġetika, tal-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol, tas-sikurezza u tas-sigurtà, u li tieħu in kunsiderazzjoni l-koeżjoni territorjali u l-ambjent ġeografiku f'pajjiżi u reġjuni individwali, għandha tkun l-idea li tiggwida l-politika futura tat-trasport; huwa tal-fehma li l-mezzi tat-trasport għandhom jikkumplimentaw 'il xulxin u jinteraġixxu u li l-parametri mniżżla hawn fuq għandhom jintużaw biex jiddeterminaw id-distribuzzjoni attwali u futura fil-pajjiżi u r-reġjuni, skont il-possibilitajiet individwali tagħhom; jikkunsidra wkoll li l-użu ta' mezz sostenibbli ta' trasport għandu jiġi promoss b'mod sistematiku, anki għal distanzi qosra u medji;

9.   Jinnota l-livell għoli ta' dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili impurtati, li l-provvista tagħhom barra mill-Unjoni tinvolvi riskji kbar f'termini ta' sigurtà ekonomika tal-Unjoni u f'termini ta' flessibilità tal-alternattivi tal-politika esterna tagħha, u jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tkejjel b'mod regolari s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija esterna;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport tal-Istati Membri l-ġodda, inkluża l-infrastruttura tat-toroq, sabiex tiġi stabbilita żona Ewropea unika tat-trasport u sabiex tikkonnettja n-networks tat-trasport tagħhom ma' dawk ta' pajjiżi ġirien; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-ħtiġijiet għall-ħolqien ta’ infrastruttura tat-trasport tal-Istati Membri l-ġodda fil-qafas finanzjarju multiannwali futur tagħha sabiex, sal-2025, l-infrastruttura tat-trasport tal-Istati Membri l-ġodda tkun laħqet il-livell tal-Istati Membri l-oħrajn;

11. Jilqa' u jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-faċilità 'Nikkollegaw l-Ewropa' u l-Inizjattiva dwar il-Bonds Proġettwali, u jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw in-network prinċipali, peress li l-kunċett TEN-T għandu jipprovdi numru limitat ta' proġetti sostenibbli b'valur miżjud Ewropew u b'fondi akbar u aktar realistiċi; iħeġġeġ biex:

–   L-Istati Membri jikkommettu ruħhom biex sal-2020 jeliminaw il-25 post ta' konġestjoni li huma magħrufa fiż-żona Ewropea tat-trasport u biex, jekk ikun meħtieġ, jippromwovu l-fatt li dawn jiġu billi jiżvuluppaw infrastrutturi intermodali fil-punt tat-tluq u tat-tmiem tal-vjaġġ, biex jagħtu prijorità lil proġetti transkonfinali bejn l-Istati Membri, mingħajr ma jittraskuraw il-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien, u biex jissottomettu pjan approvat ta' fondi sal-2015;

–   il-Kummissjoni tikkommetti ruħha li żżid l-istabilità tal-fondi tal-proġetti TEN-T, f'koordinazzjoni mal-politika reġjonali;

–   il-Kummissjoni għandha tikkommetti ruħha li tappoġġa mudelli u strumenti alternattivi ta’ finanzjament, li jinkludu bonds ta’ proġetti, u li tipprovdi għal aktar użu ta’ dawk ir-riżorsi biex jiffinanzjaw proġetti TEN-T meta tagħmel proposti biex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni,

–   sabiex jiżgura l-effiċjenza fuq perjodu ta' żmien twil u l-viżibilità tal-azzjoni tal-UE fil-qafas tat-TEN-T, id-definizzjoni tal-prijoritajiet għandha tiġi kkunsidrata b’rabta mill-qrib mal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ fondi strutturali reġjonali u l-Istati Membri għandhom jiġu obbligati li jiżguraw finanzjament ta’ dawn il-proġetti lil hinn mill-perjodu stipulat tal-programmi multiannwali tal-UE;

–   il-prijorità tal-proġetti wara l-2015 tinżamm biss jekk l-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet baġitarji vinkolanti li jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-kofinanzjament tal-UE għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju “użah jew titilfu”;

–   il-EuroVelo, in-netwerk Ewropew tar-rotta taċ-ċikliżmu fuq distanza twila, għandu jiġi inkluż fin-netwerk TEN-T

12. Jenfasizza li bil-fatt li tiġi stabbilita infrastruttura tajba tat-trasport u livelli tajbin ta' aċċess għaliha, ir-reġjuni kollha se jsiru ekonomikament aktar b’saħħithom u aktar attraenti għall-investiment dirett, u b’hekk fuq żmien aktar fit-tul dan kollu jsaħħaħ kemm il-kompetittività tagħhom stess u kemm il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fit-totalità tagħha, filwaqt li jiġi żgurat li s-suq intern jiżviluppa kif suppost u jintlaħaq il-għan tal-koeżjoni territorjali;

13. Jirrimarka li n-netwerks tat-trasport iwettqu rwol ewlieni fil-politiki tal-ippjanar tal-ispazji; jenfasizza l-importanza partikolari li għandhom l-infrastrutturi maġġuri tat-trasport, bħalma huma l-linji ferrovjarji ta’ veloċità kbira, biex jagħtu spinta lill-iżvilupp lokali; iqis li l-makroreġjuni u l-istrateġiji għall-iżvilupp tagħhom għandhom il-potenzjal li jwettqu rwol aktar attiv fl-implimentazzjoni ta' politika tat-trasport ikkoordinata, effikaċi u sostenibbli; ifakkar kemm hu importanti li jiġu mfassla, ippjanati u implimentati strateġiji konġunti tal-infrastrutturi tat-trasport, kif ukoll fil-ħtieġa li jitferrxu l-aħjar prattiki fil-qasam tat-trasport; jenfasizza li ċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-UE se jkunu l-benefiċjarji diretti ta’ żona unika Ewropea tat-trasport li jkollha, bħala l-għanijiet tagħha, it-tnaqqis fil-ħin u r-riżorsi li jintużaw għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, u l-integrazzjoni aktar mill-qrib tas-swieq;

14.     Jinnota li l-istess standards ta' sigurtà, armonizzati fuq il-livell Ewropew, għandhom japplikaw għall-forom kollha ta' trasport tal-passiġġieri u merkanzija u jitlob li jkun hemm proposta għall-finanzjament tal-konformità mar-rekwiżit; huwa tal-fehma li, f'każ ta' trasport marittimu u trasport bl-ajru, il-koordinazzjoni internazzjonali għandha tkun prerekwiżit, u li għandhom jiġu riveduti r-regoli eżistenti u jekk ikun meħtieġ, jiġu riveduti sal-2015 u jiġu integrati progressivament fil-ftehimiet ma' terzi pajjiżi;

15.     Jenfasizza l-importanza ta' strateġija koerenti biex issir it-tranżizzjoni ta' enerġiji alternattivi u rinovabbli għat-trasport, u jenfasizza l-fatt li l-għanijiet stabbiliti jistgħu jiġu akkwistati permezz ta' taħlita ta' forom differenti ta' enerġija u l-metodi eżistenti għall-iffrankar tal-enerġija; jinnota li din it-tranżizzjoni teħtieġ infrastruttura speċifika u inċentivi korrispondenti u li l-għanijiet ta' tnaqqis għandhom jiġu formulati b'mod teknoloġikament newtrali;

16. Jitlob biex sal-2015, il-proposta għall-mobilità tal-belt, fejn l-għajnuna ta’ proġetti, filwaqt li tħares is-sussidjarjetà, tkun tiddependi mill-pjanijiet sostenibbli ta’ mobilità ta' katina effikaċi ta’ persuni u ta’ merkanzija f'żoni urbani u mibnija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-traffiku, tal-inċidenti, tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju, li tkun konformi mal-istandards u mal-objettivi tal-politika Ewropea tat-trasport, kif ukoll li tissodisfa l-bżonnijiet tal-ibliet u r-reġjuni ta’ madwar u ma toħloqx barrieri ġodda fis-suq; jipproponi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-innovazzjoni u tar-riċerka dwar kunċetti sostenibbli tal-mobilità urbana;

17. Jenfasizza li l-imġiba tal-utenti tat-trasport hija deċiżiva, u jitlob li jinħolqu inċentivi li jagħżlu mezzi ta' trasport u ta' mobilità sostenibbli u li jkunu fiżikament attivi, sikuri u tajbin għas-saħħa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, filwaqt li jħarsu s-sussidjarjetà, sal-2013 jissottomettu proposti għall-iżvilupp ta' inizjattivi li jippromwovu t-trasport pubbliku, il-mixi u l-użu tar-roti li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, speċjalment fil-bliet, bl-għan li jirduppjaw in-numru ta' utenti tagħhom; jikkunsidra li huwa importanti, għalhekk, li tiġi żviluppata infrastruttura sikura għal min jimxi u għaċ-ċiklisti, speċjalment fil-bliet, u għat-titjib tal-inter-operabilità bejn is-servizzi tat-trasport, il-promozzjoni tal-introduzzjoni ta' dokument uniku tat-trasport u sistema integrata ta' biljetti elettroniċi għall-ivvjaġġar multi-modali li torbot ukoll it-trasport fuq distanzi twal mat-trasport lokali; ifakkar li l-aċċessibilità u l-affordabiltà tat-trasport hija importanti ħafna għall-mobilità soċjali, u għandha tingħata aktar attenzjoni għar-rikonċiljazzjoni tal-għanijiet tas-sostenibilità mal-ħtiġijiet soċjali meta jkunu qed jitħejjew il-politiki tat-trasport tal-futur;

18. Jemmen li r-regoli bażiċi dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għandhom jiġu stabbiliti għall-mezzi kollha tat-trasport f'Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri, li tkopri l-mezzi kollha tat-trasport, u b'hekk tistenna li mhux aktar tard mill-bidu tal-2012, il-Kummissjoni tressaq proposta li tieħu in kunsiderazzjoni kemm il-karatteristiċi speċifiċi ta' kull mezz ta' trasport u l-esperjenza fil-passat u tinkludi kapitlu dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b'diżabilitajiet; jitlob, fl-istess ħin, li jkun hemm interpretazzjoni uniformi u applikazzjoni konsistenti, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dawn id-drittijiet, fuq il-bażi ta' definizzjonijiet u linji gwida ċari, u trasparenza rigward il-ġestjoni tagħhom; jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ħlasijiet addizzjonali tal-mezzi kollha tat-trasport;

19.  Jenfasizza l-bżonn ta’ politika tat-trasport integrata għall-katina tal-valur tat-trasport u tal-loġistika kollha kemm hi biex jiġu indirizzati kif jixraq l-isfidi tat-trasport u tal-mobilità b’mod partikolari dawk li jkunu ġejjin minn żoni urbani; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni msaħħa fost dawk li jfasslu l-politika fl-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll djalogu u konsultazzjoni permanenti mal-industrija loġistika, mal-fornituri tas-servizzi tat-trasport u mal-konsumaturi f’forum Ewropew tal-loġistika u tal-mobilità;

20. Jitlob li tingħata prijorità għall-iżvilupp tal-loġistika ħadra u għall-ġestjoni aħjar tal-mobilità;

21. Jafferma li l-multimodalità sostenibbli għal-loġistika tal-passiġġieri u l-merkanzija titlob il-forniment tal-punti ta’ konnessjoni u terminals intermodali, ippjanar u loġistika integrati, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali integrati;

22.  Jenfasizza li l-UE għandha tibqa' minn ta' quddiem fl-innovazzjoni teknoloġika sabiex tippromwovi l-effikaċja, is-sostenibilità u l-impjiegi; jitlob li jiġi provdut finanzjament għal programm ta' riċerka u żvilupp li għandu l-għan speċifiku ta' mobilità sostenibbli u sigura, bi strateġija ta' implimentazzjoni speċifika, skeda ta' żmien u kontroll finanzjarju effikaċi, bl-għan li:

–  iż-żamma tar-rwol ta' tmexxija tal-UE bħala ċentru ta' produzzjoni u riċerka għall-forom kollha tat-trasport, b'enfasi partikolari fuq id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, l-emissjonijiet aktar baxxi, it-tnaqqis tal-istorbju, is-sikurezza u s-sigurtà;

–  il-ħolqien ta' sistemi intelliġenti, interoperabbli u konnessi biex jappoġġaw is-SESAR, Galileo, il-GMES, L-ERTMS, is-Sistemi ta' Informazzjoni għax-Xmajjar, l-LRIT u l-ITS;

–   jinstabu soluzzjonijiet orjentati lejn il-prattika, bl-involviment ta’ grupp ta’ esperti ġejjin mill-oqsma tal-ekonomija, ix-xjenza, il-politika u mis-soċjetà;

–   titjieb is-sikurezza fit-toroq bit-tkomplija tal-inizjattiva Sikurezza-e u tiġi żviluppata l-infrastruttura li hija meħtieġa għall-introduzzjoni tas-sistema ta’ sejħiet ta’ emerġenza eCall, filwaqt li jiġu osservati r-regoli tal-protezzjoni tad-data;

23. Huwa tal-fehma li għandhom jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi għall-forom kollha tat-trasport u b’hekk jitlob li jkun hemm simplifikazzjoni aktar qawwija tad-dokumenti tat-trasport u l-loġistika, partikolarment għat-trasport tal-merkanzija u biex sal-2013 tiġi sottomessa proposta dwar l-istandardizzazzjoni tad-dokumenti tal-merkanzija u tad-dokumenti elettroniċi, anki bil-ħsieb tal-promozzjoni tal-merkanzija multimodali;

24. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm titjib u standardizzazzjoni ta' tagħmir ta’ kontroll, bħal pereżempju radars tal-veloċità u "on-board-units", kif ukoll tas-sistemi jew il-mezzi tal-komunikazzjoni u jitlob biex sal-2013 tiġi sottomessa proposta rigward ir-rikonoxximent reċiproku u għall-interoperabilità ta' dan l-apparat; jenfasizza l-bżonn ta' titjib fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-prosekuzzjonijiet transkonfinali u l-iżgurar ta' aktar konverġenza fl-applikazzjoni tal-istandards tas-sikurezza tat-toroq;

25.  Jenfasizza l-fatt li t-tibdiliet possibli fil-, u l-istandardizzazzjoni tal-unitajiet tal-ġarr, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-unitajiet tal-ġarr użati fit-trasport globali u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-trasport, għandhom iservu biex jottimizzaw it-trasport multi-modali u joffru benefiċċji li jidhru fil-forma ta' ffrankar ta' fjuwils, nuqqas fl-emissjonijiet u titjib fis-sikurezza tat-toroq;

26. Jipproponi li l-Kummissjoni tawtorizza biss l-użu tas-Sistema Modulari Ewropea fuq ċerti rotot fuq talba tal-Istat Membru jekk l-infrastruttura eżistenti u r-rekwiżiti tas-sikurezza jippermettu dan;

27. Jenfasizza l-importanza tad-diversi Aġenziji Ewropej tat-Trasport, u jitlob sforzi ġodda biex tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tagħhom;

28. Jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw u jaħdmu favur l-istabbiliment ta' livell ekwu bejn il-mezzi ta’ trasport kollha, u jappoġġawh, f’termini tat-tassazzjoni fuq l-enerġija u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT);

29. Jitlob li, rigward it-trasport fit-toroq, ikun hemm:

–   rivista oħra, sal-2013, tal-qafas regolatorju li jmexxi perjodi ta' sewqan u ta' serħan fit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija u l-implimentazzjoni tiegħu, u għall-armonizzazzjoni tal-interpretazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-infurzar, u li jieħu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-armonizzazzjoni tal-penalitajiet fis-settur tat-trasport fit-toroq; jemmen li hemm bżonn li jiġu armonizzati, fl-Unjoni Ewropea kollha, ir-restrizzjonijiet dwar it-trasport tal-merkanzija bil-baħar;

–   jiġu ssodisfati l-iskadenzi diġà stabbiliti u jingħataw spinta l-proġetti ta’ prijorità tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej;

–   ġeneralment sal-2020 jiżdiedu b’40% l-postijiet sikuri għall-ipparkjar tat-trakkijiet fin-network trans-Ewropew tat-toroq (TERN) u jkun hemm titjib fil-kwalità tagħhom (standards ta' iġjene), meta mqabbla mal-valuri tal-2010,

–   il-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi tal-Istati Membri li jippromwovu l-ħolqien ta' flotta tat-trasport sikura u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent permezz ta' eżenzjonijiet fiskali;

–   il-Kummissjoni biex sa tmiem l-2013 tfassal rapport dwar il-qagħda tas-suq tat-trasport fit-toroq tal-Komunità li jkun jinkludi analiżi tas-sitwazzjoni tas-suq, inkluż l-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kontrolli u l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tal-impjiegi tal-professjoni, u valutazzjoni dwar jekk l-armonizzazzjoni tar-regoli fl-oqsma, inter alia, tal-infurzar u tal-ħlasijiet tal-utenti tat-toroq, kif ukoll tal-leġiżlazzjoni soċjali u ta' sikurezza, għamlitx progress tant li wieħed jara l-possibiltà ta' ftuħ ta' swieq domestiċi tat-trasport fit-toroq, inkluż l-eliminazzjoni tar-restrizzjoni fuq il-kabotaġġ;

–   jissaħħaħ it-taħriġ u t-taħriġ avanzat u l-aċċess għall-impjiegi minn persuni impjegati fit-trasport u minn professjonijiet konċernati, inklużi dawk li jipprovdu servizzi relatati mat-trasport għall-passiġġieri, sabiex ikun hemm titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u fis-salarji u sabiex is-settur isir iktar attraenti;

–   tiġi stabbilita metodoloġija standard tal-UE biex biha jiġi kkalkulat l-impront tal-karbonju, kif ukoll operazzjonijiet loġistiċi biex tiġi evitata l-proliferazzjoni tal-approċċi nazzjonali u appoġġ għall-inizjattivi tal-industrija biex jiġi promoss il-kalkolu tal-impront tal-karbonju speċjalment għat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

30. Jitlob li rigward in-navigazzjoni:

–   ikun hemm proposta li għandha tiġi mnedija sal-2013 dwar il-'Blue Belt', biex tiffaċilita l-formalitajiet għall-vapuri li joperaw bejn portijiet tal-UE u għall-iżvilupp tal-potenzjal tal-mogħdijiet tal-baħar billi jiġi stabbilit suq uniku ġenwin għat-trasport marittimu fl-UE skont il-leġiżlazzjoni ambjentali u tal-konservazzjoni tan-natura tal-preżent;

–   ikun hemm inizjattivi li jiżguraw li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-kubrit mill-vapuri ma jirriżultax f’bidla modali lura;

–   tiġi introdotta politika Ewropea għal navigazzjoni bil-baħar fuq distanzi qosra u medji sabiex tintuża l-kapaċità żejda disponibbli fl-ilmijiet interni navigabbli u sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport;

–   ikompli jiġi appoġġat il-programm NAIADES, f'konformità mal-leġiżlazzjoni diġà eżistenti dwar il-ħarsien tal-ambjent u tan-natura, kif ukoll programm li jsegwi biex jiżgura l-kontinwazzjoni tal-programm attwali NAIADES sa mill-2014,

–   issir proposta għaż-żieda ta’ 20% tan-numru ta’ konnessjonijiet multimodali (pjattaformi) għall-ilmijiet navigabbli interni, il-portijiet interni u l-binarji sal-2020, meta mqabbla mal-valuri tal-2010, u l-appoġġ finanzjarju rispettiv, flimkien mal-estensjoni wara l-2013 tal-programm Marco Polo, sabiex isir użu effiċjenti tal-potenzjal tan-navigazzjoni;

–   skont il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020, għall-anqas 15% tal-fondi TEN-T jiġi ddedikat għall-proġetti li jtejbu l-konnessjonijiet sostenibbli u multimodali tal-portijiet, tal-portijiet interni u tal-pjattaformi multimodali, b’enfasi fuq il-proġetti tat-trasport akkwatiku;

–   minħabba l-karattru internazzjonali tat-trasport marittimu, sal-2012 tinkiseb approssimazzjoni fit-taħriġ fin-navigazzjoni ma' standard internazzjonali u partikolarment, l-adozzjoni veloċi tal-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta' taħriġ ta' ħaddiema tal-port sabiex jiġu inkorporati l-emendi tal-2010 fil-liġi tal-UE l-emendi tal-Konvenzjoni dwar l-Istandards tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, is-sottomissjoni ta' proposta dwar l-għarfien reċiproku tal-kundizzjonijiet qafas dwar it-taħriġ għall-ħaddiema tal-port qabel tmiem l-2013, u l-abbozzar ta' strateġija għar-reklutaġġ ta' żgħażagħ lesti biex jitħarrġu fi professjonijiet marittimi,

31.  Jitlob li rigward it-trasport bl-ajru:

–  il-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ta' Ajru Uniku Ewropew II, li fiha l-użu tas-SESAR se jilgħab rwol importanti u jitlob lill-Kummissjoni biex sal-2013 tipproponi proposta dwar it-tlestija ta' spazju uniku Ewropew permezz ta' tnaqqis fin-numru ta' blokok funzjonali tal-ispazju tal-arja,

–   il-Kummissjoni issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn ir-Regolamenti ta’ Ajru Uniku u s-SESAR u l-proġetti Galileo kif ukoll l-inizjattivi Clean Sky, sabiex timplimenta b'mod aktar effikaċi miżuri ta' effiċjenza enerġetika u miżuri għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra,

–  kwalità tas-servizz, u koordinazzjoni ma' standards internazzjonali, biex jiġu prijoritizzati

proposti oħra dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq,

–  il-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li sal-2012 jiġi aċċettat internazzjonalment in-negozju Ewropew fiċ-ċertifikati tal-emissjonijiet u b'hekk jiġu garantiti kundizzjonijiet ugwali internazzjonalment;

–   xogħol attiv dwar l-iżvilupp ta' 'Checkpoint of the Future' għal verifiki tas-sigurtà tal-passiġġieri u l-merkanzija;

32. Jitlob li rigward it-trasport fuq il-binarji:

–  il-Kummissjoni tassumi l-impenji tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport pubbliku lokali

u tal-livelli eżistenti ta' servizz meta hija tipproponi aktar ftuħ tas-swieq, bl-għan li ttejjeb il-livelli attwali tas-servizz filwaqt li tiggarantixxi kompetizzjoni aktar ġusta u tipprevjeni d-dumping soċjali,

–  aktar promozzjoni ta' armonizzazzjoni teknika u interoperabilità bejn l-Istati Membri, u partikolarment l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-vetturi sal-2015, sabiex l-awtorizzazzjoni ma ddumx aktar minn xahrejn f'kundizzjonijiet finanzjarji trasparenti, u tibdiliet relevanti fil-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-finanzjament tagħha fl-2012,

–  jingħata impetu ġdid, b'mod maħsub sew, lill-infrastruttura ferrovjarja, lit-tnaqqis tal-istorbju u lill-pjan ta' azzjoni tal-ERTMS matul il-perjodu sal-2020,

–  il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, tissottometti proposta għal Direttiva li jkun fiha d-dispożizzjonijiet relatati mar-relazzjoni bejn l-immanniġġjar tal-infrastruttura u l-operazzjonijiet tat-trasport, kif ukoll proposta għall-ftuħ tas-suq nazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li ma tnaqqasx il-kwalità tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju u tissalvagwardja l-obbligi tas-servizz pubbliku,

–  l-indipendenza u tisħiħ tal-poteri tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, fl-interessi ta' linji ta' ferroviji aktar effikaċi, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom f'network Ewropew u s-sottomissjoni, sal-2014, ta' proposta tal-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa dan l-għan u tistabbilixxi awtorità regolatorja Ewropea;

–  tingħata aktar importanza lit-taħriġ u t-taħriġ avanzat ibbażat fuq standards għoljin u li tingħata spinta lir-rikonoxximent transkonfinali taċ-ċertifikati u l-kwalifiki;

33. Jirrikonoxxi li l-industrija ferrovjarja Ewropea qed tkun dejjem iżjed vulnerabbli għall-kompetizzjoni fis-suq tal-UE minn fornituri ta’ pajjiżi terzi; jesprimi tħassib dwar l-ostakli sostanzjali li jipprevjenu lill-fornituri tal-UE milli jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi f’pajjiżi li mhux membri fl-UE;

34. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, fl-istudji dwar l-impatt tal-proposti leġiżlattivi, tidentifika, tikkwantifika u tevalwa l-ħolqien “tal-impjieg ekoloġiku” kif ukoll tal-miżuri li jippromwovuh.

35. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreżentaw strateġija konġunta ta’ informazzjoni, komunikazzjoni u konsultazzjoni tal-atturi involuti kollha, inkluża, b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini konċernati, dwar il-ħtiġijiet, l-ippjanar, l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastrutturi meħtieġa għat-tkabbir, il-mobilità, l-iżvilupp u l-impjiegi, b’konformità mal-impenji li huma parti mill-istrateġija Ewropa 2020.

36. Fil-kunsiderazzjoni tal-fatt li l-korpi lokali u reġjonali għandhom kompetenzi sinifikanti fil-qasam tal-politika tat-trasport, jikkunsidra li jeħtieġ il-parteċipazzjoni tagħhom f’approċċ ta’ governanza mifrux fuq diversi livelli.

37. Jitlob biex il-Kummissjoni kull sena tanalizza l-għanijiet tal-‘White Paper’, il-progress li sar u r-riżultati u tippreżenta rapport lill-Parlament, darba kull 5 snin, dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper;

38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

It-trasport għandu relevanza kbira għaċ-ċittadini tal-UE għax huwa jiddefinixxi l-mobilità. Iċ-ċittadini tal-UE huma dawk li jibbenifikaw mill-ispazju Ewropew, peress li huwa jgħinhom jiċċaqalqu fis-sitwazzjonijiet kollha tal-ħajja, sabiex japprofittaw kemm professjonalment kif ukoll privatament mill-moviment ħieles fl-Ewropa. Bħala medja, 13.2% tal-infiq mill-baġit tal-familji jsir għal oġġetti u servizzi tat-trasport. Minbarra dan, it-trasport tal-persuni u tal-oġġetti joffri ħafna postijiet tax-xogħol għaċ-ċittadini tal-UE u jieħu ħsieb it-tlestija tas-suq intern Ewropew, peress li huwa jikkontribwixxi, meta mqabbel mal-prodott gross domestiku, għal madwar 5% tal-prosperità tal-UE u jimpjega aktar minn 10 miljun ċittadin tal-UE.

Għall-bliet u r-reġjuni, it-trasport huwa fattur importanti, peress li huwa mhux biss jgħaqqad flimkien bliet u reġjuni, iżda wkoll jikkontribwixxi għall-istatus tal-UE bħala post tar-riċerka u tal-innovazzjoni u b'hekk huwa element bażiku fl-iżvilupp tal-UE u tar-reġjuni tagħha b'effett dirett fuq il-koeżjoni soċjali tar-reġjuni. Il-ħolqien ta' spazju Ewropew uniku bħala l-mira tal-politika Ewropea tat-trasport, jinstab f'relazzjoni diretta mal-politika reġjonali, ambjentali, ekonomika, soċjali u tax-xogħol. Minħabba din ir-rabta, is-settur tat-trasport jagħti kontribut sinifikanti għall-Istrateġija Ewropea 2020.

Ir-rapporteur huwa mistagħġeb dwar il-fatt li l-Istati Membri jissottovalutaw il-valur miżjud Ewropew tal-politika tat-trasport u jostakolawh permezz ta' implimentazzjoni ħażina jew tard wisq tad-direttivi. Minbarra dan, huwa sorpriż li fi żminijiet tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, ma jittiħdux aktar inizjattivi li jaċċelleraw il-bini tat-TEN-Ts, peress li dan jikkostitwixxi infrastruttura sostenibbli li toħloq l-impjiegi u tistimula l-ekonomija.

1. Għanijiet koerenti u konkreti sal-2020

L-għan ta' din il-White Paper tal-2011 għandu jkun li jiġu stabbiliti għanijiet koerenti u effikaċi, fejn wieħed għandu jitgħallem mill-iżbalji tal-passat. Il-passat wera, li għalkemm is-settur tat-trasport ħoloq parzjalment kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u ppromwova l-ftuħ tas-suq bħal dak tat-toroq, bosta mill-għanijiet tal-White Paper tal-2001 baqgħu ma ġewx milħuqa. Jekk dan huwiex minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-Istati Membri biex jistabbilixxu għanijiet ambizzjużi, minħabba l-implimentazzjoni jew il-kontroll jew minħabba raġunijiet oħra, għadu jrid jiġi investigat. Huwa importanti li fil-futur, sitwazzjoni bħal din tiġi evitata. Dan jista' jsir billi ma jiġux ippjanati għanijiet ġodda, iżda billi jiġu riveduti l-għanijiet qodma u dawn jew għandhom jinżammu jew jiġu definiti mill-ġdid. Fost l-oħrajn, żewġ miri, li għandhom jinżammu, huma dawk tat-tnaqqis tan-numru tal-imwiet u tal-persuni li jkorru serjament fit-toroq b'50% u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-forom kollha tat-trasport. Minbarra dan, dawn il-miri għandhom jiġu verifikati regolarment u mhux biss fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu.

Huwa wkoll importanti li jiġi stabbilit iż-żmien sa meta għandhom jintlaħqu dawn l-għanijiet, sabiex il-progress jiġi analizzat. L-għanijiet stabbiliti fil-'White Paper il-ġdida jirrigwardaw il-perjodu ta' żmien sal-2050 u/jew sal-2030. Ir-rapporteur jippreferi l-għanijiet fit-tul, iżda jenfasizza li wieħed ma wieħed ma jistax jipprevedi r-ritmu tal-iżvilupp tal-innovazzjoni u t-teknoloġija u s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiżi sa dak iż-żmien, u liema sfidi ġodda se tiffaċċja l-politika Ewropea tat-trasport sal-2050. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa jipproponi miri konkreti u li jaqblu ma' oqsma politiċi koerenti sal-2020, li jirrigwardaw il-mezzi kollha tat-trasport u jitlob biex l-għanijiet jiġu verifikati kull sena.

2. Standards tal-UE għal Spazju Intern Uniku Ewropew tat-Trasport

Għat-tlestija tas-suq intern tat-trasport, għandhom jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti bażiċi. B'hekk jistgħu jiġu konfrontati l-isfidi attwali u l-mira hija li jkun hemm armonizzazzjoni tar-regolamenti li jirrigwardaw it-trasport. Minbarra dan, jitnaqqsu “l-effetti transkonfinali”, li spiss huwa faċli li jitneħħew.

a) Is-sikurezza

Is-sikurezza hija waħda mill-aktar pilastri importanti tal-politika Ewropea tat-trasport u l-konformità mar-regolament tas-sikurezza huwa rekwiżit importanti għall-ħolqien ta' spazju Ewropew uniku tat-trasport.

Fit-toroq, għandhom jiġu enfasizzati l-"Viżjoni Żero" bħala għan fit-tul u ż-żamma mal-mira tat-tnaqqis fin-numru ta' persuni mejta u korruti serjament fit-toroq b'50% sal-2020. Il-miżuri stabbiliti fir-rapport dwar is-sikurezza tat-toroq Ewropej 2011–2020 għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni u jiġu inklużi fil-proposti tagħha.

Iżda mhux biss għat-toroq, iżda wkoll għall-mezzi l-oħra kollha tat-trasport, għandhom japplikaw l-istess standards tas-sikurezza fl-Ewropa kollha, fejn speċjalment fit-trasport bl-ajru u bil-baħar, minħabba n-natura internazzjonali tagħhom, għandhom jiġu koordinati ma' standards globali. Minbarra dan, għandhom jiġu stabbiliti standards ċari dwar l-iffinanzjar tar-rekwiżiti tas-sikurezza.

Il-katini sikuri tat-trasport għall-passiġġieri u għall-merkanzija huma indispensabbli. L-għan huwa li jkun hemm "one-stop-security", li tiffaċilita wkoll kontroll tas-sikurezza ta' darba ta' passiġġiera u ta' merkanzija, anki fi vjaġġar internazzjonali. Hawnhekk ir-rapporteur jenfasizza li f'dan il-kuntest, l-informazzjoni ġusta għandha importanza kbira ferm. L-aktar f'każ ta' informazzjoni teknika tal-miżuri tas-sikurezza, il-Kummissjoni għandha taħdem fil-qrib mal-Parlament u tieħu ħsieb li l-informazzjoni tkun korretta u l-implimentazzjoni tal-miżuri tkun miftiehma mal-Istati Membri, sabiex jitfasslu pjanijiet realistiċi li jistgħu jiġi implimentati fi żmien ta' skadenza raġonevoli.

b) L-enerġija u l-ambjent

L-isfidi attwali tal-politika Ewropea tat-trasport jirrigwardaw fost l-oħrajn problemi ambjentali u tal-enerġija. Hawnhekk għandhom jiġu stabbiliti standards Ewropej, li jippromwovu spazju uniku Ewropew tat-trasport.

L-għan li joqos l-użu tal-karbonju fit-trasport għadu mira politika sinifikanti. Dwar dan għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ċari għall-mezzi kollha tat-trasport u jinħolqu inċentivi rispettivi, sabiex titjieb is-sostenibilità fil-mezzi kollha tat-trasport. L-evalwazzjoni tas-sostenibilità tal-mezzi tat-trasport għandha tibbaża fuq kriterji oġġettivi, li jinkludu mhux biss l-użu, iżda wkoll "il-footprint" kollu mill-ġenerazzjoni, l-infrastruttura meħtieġa, sar-rimi.

Sabiex ikun hemm sostenibilità fil-mezzi tat-trasport permezz tat-tnaqqis tal-gassijiet tat-traffiku u t-tnaqqis fil-konġestjonijiet tat-traffiku, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tista' tagħti kontribut importanti – iżda biss meta l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tirrigwarda l-mezzi kollha tat-trasport u d-dħul jerġa' jmur lura għas-sostenibilità tal-mobilità u tat-traffiku jew tal-infrastruttura. Id-dispożizzjonijiet dwar l-Eurovignette bl-obbligu li 15% tad-dħul jiġi investit mill-ġdid, u d-dispożizzjonijiet dwar is-sistema Ewropea tal-emissjonijiet għal negozjar b'ċertifikati tal-emissjoni (ETS) fl-avjazzjoni kienu passi lejn id-direzzjoni t-tajba. Iżda dawn mhumiex ambizzjużi biżżejjed, peress li d-Direttiva dwar l-ispejjeż tat-toroq lanqas biss hija obbligatorja.

Minħabba d-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt, l-enerġiji alternattivi u rinovabbli għandhom isiru dejjem aktar importanti. Fl-istess ħin, għandu jiġi innutat li l-Parlament Ewropew għandu jkun newtrali mill-aspett teknoloġiku u b'hekk kull forma ta' enerġija alternattiva għandu jkollha l-karatteristika partikolari tagħha u jkollha ċerti vantaġġi jew żvantaġġi. Jekk humiex qed jintużaw jew jistgħux jintużaw vetturi mħaddma bl-elettriku jew bl-idroġenu, jew fjuwils bijoloġiċi jew sintetiċi, LPG jew gass bijoloġiku, jiddependi mill-forom ta' trasport u mill-Istati Membri infushom. Skont l-opinjoni tar-rapporteur, hija biss taħlita ta' sorsi tal-enerġija li tista' twassal għal soluzzjonijiet realistiċi u sostenibbli. Iżda l-mezzi kollha tat-trasport għandhom jagħtu aktar attenzjoni lil soluzzjonijiet għall-iffrankar tal-enerġija li huma disponibbli llum, bħall-istil tas-sewqan, bl-appoġġ ta' taħriġ u taħriġ avvanzat korrispondenti, il-ħolqien bla telf ta' żmien ta' blokok funzjonali tal-ispazju, il-possibilitajiet ta' nżul u tlugħ jew il-pjanijiet ta' mobilità, li jagħtu aktar lok għall-użu tal-karrozzi tal-linja u t-trasport bit-tram. L-iffrankar tal-enerġija jista' jwassal għal riżultati sinifikanti.

Rigward il-kunsiderazzjonijiet dwar enerġiji alternattivi, wieħed m'għandux jinsa l-ħolqien ta' infrastruttura rispettiva. Għalhekk huwa ta' importanza kbira li jinħolqu stimuli għall-bini ta' infrastruttura rispettiva. Peress li anki s-soluzzjonijiet l-aktar sostenibbli ma jiġux realizzati, jekk ikollhom prezz għoli wisq għall-konsumaturi komuni u jekk l-infrastruttura meħtieġa tkun nieqsa. Hawnhekk, il-koerenza bejn l-informazzjoni ta' oqsma politiċi differenti hija importanti ħafna. B'hekk l-informazzjoni dwar l-enerġija u l-protezzjoni ambjentali għandha torjenta ruħha lejn il-kriterji tal-politika Ewropea u viċe versa, sabiex timplimenta l-armonizzazzjoni.

c) Kundizzjonijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet soċjali

Minbarra dan, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u dawk soċjali tal-persuni impjegati fil-qasam tat-trasport huma rekwiżit importanti li jiggarantixxi suq Ewropew intern tat-trasport.

L-approssimazzjoni tat-taħriġ u t-taħriġ avanzat, tal-aċċess għax-xogħol u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-mezzi kollha tat-trasport, wara ċertu ammont ta' żmien, se jwassal għal approssimazzjoni tal-pagi u b'hekk iwaqqaf ukoll is-social dumping kif ukoll id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Anki r-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ u t-taħriġ avanzat għandu rwol determinati f'dan il-kuntest. Fin-navigazzjoni, għandha tingħata attenzjoni lill-approssimazzjoni internazzjonali.

Indipendentement mill-fatt jekk dan jirrigwardax proposti tal-Kummissjoni rigward il-liberalizzazzjoni tas-servizzi tas-suq, tas-servizzi ta’ ground handling jew kull ftuħ ieħor tas-swieq, dawn il-proposti għandhom itejbu l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tax-xogħol u d-dipożizzjonijiet dwar aspetti soċjali u jpoġġu l-kwalità tas-servizz fuq quddiem.

Rigward it-trasport fit-toroq, ir-regoli dwar is-sewqan u l-ħinijiet tal-mistrieħ għandhom ikunu verifikati mill-ġdid u għandhom jiġu faċilitati kontrolli li jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkostanzi speċifiċi. Il-postijiet tal-ipparkjar tat-trakkijiet għandhom jiġu magħmula aktar sikuri u jiżdiedu fl-Ewropea kollha, sabiex is-sewwieqa professjonali tat-trakkijiet ikunu jistgħu jżommu l-ħinijiet tal-mistrieħ. L-implimentazzjoni tad-direttiva fl-Istati Membri, in-numru ta' kontrolli u l-infurzar għandhom jiġu armonizzati aktar.

Fil-mezzi kollha ta' trasport il-kwalità tat-taħriġ għandha tiġi kkunsidrata bħala l-bażi tal-garanzija tas-sikurezza, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-utenti tat-trasport.

d) Simplifikazzjoni amministrattiva

B'mod speċjali fil-fruntieri tal-Istati Membri, il-mezzi tat-trasport jiltaqgħu ma' sfidi, li f'ħafna każijiet jistgħu jiġu eliminati faċilment. Wieħed jiltaqa' ma' dawn l-hekk imsejħa “effetti transkonfinali” b'mod speċjali f'reġjuni tal-fruntieri. Hawnhekk spiss ikun hawn ftehimiet bilaterali bejn l-Istati, sabiex isolvu ċerti problemi, iżda anki hawnhekk jeħtieġ li jkun hawn regolamenti Ewropej. Pereżempju għar-reġistrazzjoni ta' vetturi fuq binarji hemm 6 000 regolament differenti mal-Ewropa kollha u l-approvazzjoni ta' dawn tista' testendi għal snin sħaħ. Dawn ir-regolamenti, li huma spiss protezzjonistiċi, iwaqqfu l-impriżi tal-ferroviji Ewropej milli joffru s-servizz tagħhom f'pajjiż ieħor, u għandhom jitnaqqsu. Din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli. B'hekk ir-rapporteur jissuġġerixxi l-armonizzazzjoni tar-regoli tar-reġistrazzjoni tal-vetturi fuq il-binarji u t-tnaqqis tal-perjodu ta' kemm iddum il-proċedura ta' reġistrazzjoni għal xahrejn. Sabiex jiġi implimentat dan l-effett transkonfinali, l-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għandha tingħata l-kompetenzi rispettivi.

Anki l-apparat tal-kontroll għandu jiġi standardizzat mal-Ewropa kollha. M'għandux ikun li pulizija fil-fruntiera ma jkunx jista' wkoll juża l-apparat tal-kontroll tal-pajjiż ġar, għax dan ma ġiex ikkalibrat f'pajjiżu. Għalhekk, hawnhekk jeħtieġ li jsir inventarju u li l-Kummissjoni tagħmel proposta għall-istandardizzazzjoni.

Minbarra dan, l-armonizzazzjoni tad-dokumenti tat-trasport fit-tipi kollha tat-trasport trendi t-traffiku aktar effikaċi. B'mod partikolari l-'E-freight' tista' twassal għal tnaqqis sostanzjali ta' intoppi amministrattivi u taċċellera t-traffiku.

e) Fattur globali

L-UE għandha tkun minn tal-ewwel biex fil-livell globali timplimenta dawn il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sikurezza, il-protezzjoni ambjentali, l-enerġija u t-teknoloġija. Iżda dan se jkun possibli biss, jekk l-ewwel isir ftehim dwar l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni bejn is-27 Stat Membru u fit-tieni pass, dan jiġi implimentat b'suċċess. Huwa biss jekk l-Ewropa titkellem b'vuċi waħda, li hija tkun tista' tiddefendi l-parametri tagħha. L-eżempji li ġejjin juru li llum dan għadu problematiku. Minn naħa l-ETS, li għandu jiġi introdott fl-2012, juri kemm hi kbira r-reżistenza fil-livell internazzjonali. Min-naħa l-oħra l-progress bil-mod tal-użu tal-ERTMS juri wkoll l-eżitazzjoni tal-Istati Membri. Finalment, il-ftehim tal-avjazzjoni mal-Istati Uniti, li għandu dispożizzjonijiet insuffiċjenti dwar l-armonizzazzjoni tar-regolament, ir-rikonoxximent reċiproku u l-appoġġ tekniku, huwa eżempju tajjeb tal-isfidi li l-UE għandha tegħleb fil-livell internazzjonali.

3. Il-komodalità effikaċi bħala idea gwida għal politika futura Ewropea tat-trasport

Iż-żona Ewropea tat-trasport se jkollha tiffaċċja problemi serji ta' kapaċità fit-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Bejn l-2005 u l-2030, huwa maħsub li t-trasport tal-merkanzija se jiżdied b'40% u t-trasport tal-passiġġieri b'34%. Dan juri kemm soluzzjonijiet Ewropej huma meħtieġa b'mod urġenti. Dawn is-soluzzjonijiet jistgħu jinstabu fil-kunċett tal-komodalità effiċjenti. Fl-opinjoni tar-rapporteur, minħabba problemi ta' kapaċità, il-mezzi tat-trasport m'għandhomx jikkompetu ma' xulxin, iżda jikkumplimentaw 'il xulxin fil-qafas ta' komodalità effikaċi. Dan jagħti l-istess attenzjoni lill-aspetti ekonomiċi, ambjentali, soċjali u tas-sikurezza u jivvaluta l-effikaċja, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni differenti inizjali tal-forom ta' trasport, il-kundizzjonijiet ġeografiċi u l-iżviluppi tat-trasport u tal-mobilità f'kull reġjun rispettiv. Dan għandu jiġi meqjus bħala l-ħsieb li jmexxi l-politika futura tat-trasport, minflok ma wieħed iżomm mal-limitu ta' 300 km għaż-żona Ewropea sħiħa tat-trasport, kif ġie propost mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni qed tippjana li sal-2030 30% tal-merkanzija tat-toroq li taqbeż it-300 km għandha jiġi trasferita għal mezzi oħra bħat-trasport bil-ferroviji jew bil-vapuri. Għalkemm dan m'għandux jinżamm, xorta jista’ jintuża ċertu limitu bħala linja gwida, sakemm l-Istati Membri u r-reġjuni jiddeterminaw dan il-limitu skont l-għażliet attwali u futuri tagħhom.

Il-ko-modalità titjieb ukoll jekk l-unitajiet tal-ġarr jiġu adattati u jekk ma jintilef l-ebda volum meta tagħbija tgħaddi bejn tip ta' trasport u ieħor. Dan jeħtieġ armonizzazzjoni tal-unitajiet tal-ġarr u adattament rispettiv għad-dimesjonijiet tal-vetturi.

4. TEN-Ts u l-fondi

It-TEN-Ts huma ta' importanza kbira għall-politika Ewropea tat-trasport, u għalhekk l-effikaċja u l-fattibilità tagħhom għandha tiżdied. Dan jista' jsir billi jiġu limitati n-numru ta' proġetti u jiġu provduti aktar fondi. Network ewlieni sempliċi b'fondi garantiti, li jiġi vvalutat skont kriterji ta' żvilupp sostenibbli fil-livell Ewropew u dak reġjonali, għandu jippromwovi l-progress f'dawk iż-żoni fejn huwa attwalment baxx (partikolarment fiż-żoni tal-fruntieri). Wara li jiġu definiti proġetti ta' prijorità, ir-rapporteur jitlob li l-prijorità tagħhom tinżamm biss jekk Stati Membri jadottaw deċiżjonijiet vinkolanti li jippromwovu b'mod sinifikanti t-tlestija tal-proġetti. Dan huwa l-uniku mod li jiżgura li n-network ewlieni jiġi komplut kemm jista' jkun malajr u li jipprevjeni li jibqgħu jeżistu proġetti li għandhom ċans żgħir li jitkomplew.

Spiss jiġri li ma jsirx progress fil-proġetti peress li m'hemmx fondi. B'hekk ir-rapporteur jitlob lill-Istati Membri biex sal-2015 jissottomettu pjan għall-finanzjament biex jiġu eliminati 25 żona ta’ konġestjoni magħrufa.

Minbarra dan, l-istabbiliment tal-prijoritajiet għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mill-qrib mal-kundizzjonijiet għall-użu ta' fondi strutturali reġjonali u l-pajjiżi għandhom jiġu obbligati li jiżguraw fondi għal dawn il-proġetti lil hinn mill-iskadenza tal-programmi pluriennali tal-UE.

Minbarra dan, ir-rapporteur jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tagħti fondi direttament għal dawn il-proġetti b'rata ta' għall-anqas 30% tal-investimenti totali u li għandha tappoġġa mudelli u strumenti alternattivi ta' fondi u bonds ta' proġetti. Dawn jistgħu jiġu implimentati f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej. Il-Fond Marguerite huwa eżempju tajjeb għal dan. Strument alternattiv ta' finanzjament jista' jinħoloq b’konnnessjoni mal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jekk id-dħul ikompli jintuża b’aktar qawwa biex jiffinanzja proġetti TEN-T. Dan jikkrea wkoll inċentiv għal sħubiji pubbliċi-privati. Il-fluss sikur tal-flus iwassal għal sikurezza fl-ippjanar u b'hekk irendi l-investimenti fi proġetti TEN-T aktar attraenti għal impriżi privati.

5. Mobilità urbana

Fil-bliet, hemm ħtieġa kbira li tittieħed azzjoni, peress li l-popolazzjoni fiċ-ċentri urbanistiċi b’densità qawwija qed tiżdied, u dan se jwassal għal żieda fit-traffiku, l-istorbju u t-tniġġis tal-arja.

Sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi, il-bliet għandhom jistabilixxu pjanijiet sostenibbli ta' mobilità, u l-appoġġ finanzjarju għandu jkun jiddependi mis-sottomissjoni ta' dawn il-pjanijiet. Konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-bliet jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar liema proġetti urbani jippjanaw, iżda dawn il-proġetti għandhom ikunu konformi mal-istandards tal-politika Ewropea tat-trasport, jiġifieri li għandhom jipprovdu katini multimodali effikaċi u tal-loġistika tajbin għall-passiġġieri, li jnaqqsu mhux biss it-traffiku fil-bliet, iżda wkoll l-impatt ambjentali. Għal din ir-raġuni, il-pjanijiet tal-mobilità għandhom jipprovdu aktar infrastruttra għall-persuni fit-toroq u għaċ-ċiklisti u jwasslu għall-irduppjar tal-utenti tat-trasport pubbliku. Partikolarment, it-trasport bil-karrozzi tal-linja u bit-tram jista' jikkontribwixxi għal komodalità effikaċi fit-trasport urban, suburban u reġjonali, sakemm tiġi adattata jew provduta l-infrastruttura neċessarja.

Minbarra dan, għandha tingħata attenzjoni lill-kwistjoni tal-koerenza bejn il-pjanijiet tal-mobilità ta' bliet u reġjuni individwali, li tiżgura li jkunu koordinati ma' dawk ta' bliet u reġjuni fil-qrib, anki dawk allokati fi Stati Membri oħrajn.

Fil-bliet u fiż-żoni ta' madwarhom, jeħtieġ li jkun hemm sistema ta' trasport sikura, attraenti u affidabbli, fejn il-mezzi tat-trasport huma koordinati u fejn huwa possibli l-ivvjaġġar multimodali. Minbarra dan, il-prezzijiet tal-biljetti, id-disponibbiltà ta' biljetti elettroniċi li jistgħu jiġu bbukjati onlajn u d-drittijiet tal-passiġġieri huma wkoll importanti, peress li dawn jinfluwenzaw l-għażla tal-mezz tat-trasport.

6. Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma partikolarment importanti fis-settur tat-trasport, peress li s-sistema tat-trasport żviluppata tista' tnaqqas l-impatt ambjentali, iżżid is-sikurezza u tiżgura fluss kontinwu tat-traffiku. Huma jippromwovu wkoll l-istatus tal-UE bħala post tal-produzzjoni u tar-riċerka.

B'hekk ir-rapporteur jitlob li jkun hemm programm ta' riċerka u żvilupp li għandu l-għan speċifiku li l-mobilità tiġi stabbilita u appoġġata finanzjarjament sabiex jinħolqu sistemi intelliġenti, interoperazzjonali u konnessi għall-gwida tat-trasport għall-forom kollha ta' trasport, bħal SESAR, Galileo, ERTMS, PIDS, SafeSeaNet u ITS.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (15.11.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport - Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti
(2011/2096(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Bogusław Sonik

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa' l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni li qed jimxi fid-direzzjoni ta' ekonomija kompetittiva b'livelli baxxi tal-karbonju fl-2050 inkluż l-objettiv ta' tnaqqis ta' 60 % tal-gassijiet b'effett ta' serra għas-settur sal-2050;

2.   Jindika li netwerk tat-trasport sostenibbli u li jibża’ għall-ambjent huwa s-sistema nervuża tal-ekonomija Ewropea li għandha tipprovdi l-inċentivi neċessarji u għandha tirċievi l-inċentivi leġiżlattivi u/jew finanzjarji xierqa, biex tagħmel possibbli l-qalba għall-propulsjoni li ma tiġix mill-karburanti fossili;

3.   Jappella għall-introduzzjoni ta' objettiv vinkolanti għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tat-trasport sas-sena 2050;

4.   Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrapporta dwar azzjoni kosteffiċjenti li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju iswed mit-trasport u tippreżenta proposti li jkollhom effetti rapidi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u kobenefiċċji tas-saħħa addizzjonali;

5.   Hu konxju li l-emissjonijiet tas-CO2, kif ukoll l-emissjonijiet ta’ CO, NOx, VOC u SO4 u l-partikoli residwi mill-brejkijiet tal-vetturi u mit-tajers mikulin, għandhom influwenza qawwija fuq il-kwalità tal-arja, l-ewwel u qabel kollox fiż-żoni urbani, u għaldaqstant fuq is-saħħa tal-bniedem fil-forma ta' mard tal-pulmun u forom differenti ta’ kanċer;

6.  Huwa tal-fehma li, minħabba li t-trasport jiddependi fuq iż-żejt, l-enerġiji alternattivi u li jiġġeddu qegħdin isiru iktar importanti, iżda li għandu jkun hemm investiment ħafna akbar fl-infrastruttura xierqa; jenfasizza, madanakollu, li l-agrofjuwils jistgħu biss ikollhom rwol fit-trasport sostenibbli jekk is-settur isir ħafna aktar effiċjenti u jnaqqas il-bżonn ġenerali tiegħu għall-fjuwils u jekk il-kriterji għas-sostenibbiltà jkunu kumplimentati billi jqisu, fit-tigward tal-gassijiet b'effett ta' serra, it-tibdil indirett fl-użu tal-art minħabba spostar; jinnota, madankollu, li llum il-ġurnata diġà nistgħu niffrankaw l-enerġija u l-fjuwil b'manjiera ta' sewqan ekoloġika u li tekniki għall-iffrankar tal-fjuwil għandhom jiġu wkoll żviluppati u promossi f’modi oħra – pereżempju bl-inżul kostanti (CDA) tal-ajruplani;

7.   Jieħu nota tal-fatt li fil-passat reċenti t-titjib fl-emissjonijiet minn mezzi ta’ trasport li jużaw fjuwils fossili dejjem kien kontrobilanċjat minn domanda ogħla li wasslet għal konġestjoni u għal tniġġis tal-arja li xorta jaqbeż il-limiti legali; għaldaqstant jinsisti fuq il-ħtieġa li naqilbu għal teknoloġija differenti jew għall-aħjar teknoloġija tal-fjuwils fossili possibbli u, għalhekk, jappoġġa r-riċerka mwettqa bl-appoġġ finanzjarju tal-UE, jew mingħajru, li l-għan tagħha hu li tħaffef l-introduzzjoni ta’ innovazzjonijiet ekoloġiċi u teknoloġiji ġodda fit-trasport;

8.   Jenfasizza l-fatt li s-sussidji biex is-settur tat-trasport urban isir aktar ekoloġiku jkunu ta' benefiċċju għall-ħolqien tal-impjiegi kemm-il darba dawn jiġu investiti fit-trasport pubbliku;

9.   Jinsisti sabiex, fejn dawn l-inċentivi ma jaħdmux fuq bażi kummerċjali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandu jkollhom il-kuraġġ jintervjenu u jiżguraw li jitħaddem il-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas";

10.  Jieħu nota tal-fatt li bosta reġjuni fl-UE li l-bżonnijiet tat-trasport tagħhom ma ntlaħqux għad iridu ‘jlaħħqu’ u xorta għad iridu jaraw tkabbir kbir fit-trasport ladarba l-infrastruttura titlesta u l-ekonomija terġa’ tirpilja; iqis, minħabba f'hekk, li hu wkoll importanti li l-azzjonijiet futuri jiġu ffukati fuq it-tneħħija tad-differenzi fl-iżvilupp tal-infrastruttura bejn ċerti reġjuni/pajjiżi Ewropej, li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-qafas ta' valutazzjonijiet tal-impatt soċjali, li l-politika reġjonali tal-UE tkun applikata għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza strumenti ta' finanzjament mill-UE skont it-termini ta' strateġija komprensiva ta' finanzjament li ġġib flimkien kemm il-fondi tal-UE kif ukoll fondi nazzjonali pubbliċi u privati;

11. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mtejba bejn operaturi tat-trasport differenti bil-għan li tiġi żgurata interoperabbiltà akbar u, konsegwentement, kundizzjonijiet u konnessjonijiet aħjar għal minn jivvjaġġa, speċjalment bejn żoni rurali u urbani;

12.  Ifakkar li, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'firxa t'art kbira, id-distanzi jistgħu jkunu twal ħafna u l-popolazzjoni skarsa; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis ukoll, fis-sistema tat-trasport Ewropea, il-bżonnijiet tat-trasport tar-reġjuni b'popolazzjoni skarsa u dawk periferiċi;

13.  Jirrakkomanda li għandhom jitqiesu miżuri xierqa li jkollhom l-għan li jipprovdu trasport sostenibbli, b'konformità mal-Istrateġija għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni;

14.  Japprova l-pass propost lejn l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji "l-utent iħallas" u "min iniġġes iħallas", u l-impenn biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet, inklużi sussidji dannużi, biex jiġi ġġenerat dħul u jiġi żgurat il-finanzjament, inkluż għall-investimenti tat-trasport futuri, u jitlob għall-implimentazzjoni ta' miżuri għall-ksib ta' dawn l-għanijiet sal-2020;

15.  Jirrikonoxxi li l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni tal-mezzi kollha tat-trasport, b'riflessjoni tal-prinċipju "min iniġġes iħallas", hija miżura politika essenzjali biex tgħin fit-tranżizzjoni lejn trasport b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju;

16.  Jinnota li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż hija meħtieġa sabiex tiġi promossa l-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport, li ma għandhiex tiġi mxekkla minn sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent;

17.  Jenfasizza li l-mezzi kollha tat-trasport għandhom jinternalizzaw l-ispejjeż esterni tagħhom ta' adattament;

18.  Jenfasizza l-bżonn ta’ politika tat-trasport integrata li tiżgura li l-katina kollha tal-valur tat-trasport u tal-loġistika tindirizza kif xieraq l-isfidi tat-trasport u tal-mobbiltà, partikolarment dawk li joriġinaw f'żoni urbani; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni msaħħa fost dawk li jfasslu l-politika fl-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll djalogu u konsultazzjoni permanenti mal-industrija loġistika, mal-fornituri tas-servizzi tat-trasport u mal-konsumaturi f’forum Ewropew tal-loġistika u tal-mobilità;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin l-Istati Membri jikkalkulaw aħjar u fid-dettall l-ispejjeż ekonomiċi, ambjentali u tas-saħħa assoċjati ma' din l-istrateġija, sabiex tiġi faċilitata bl-aħjar mod possibbli l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni;

20.  Jenfasizza li l-imġiba tal-utenti tat-toroq hija deċiżiva u jitlob biex jinħolqu inċentivi għall-għażla ta’ mezzi sostenibbli tat-trasport, fejn sal-2013 għandhom jitressqu proposti għall-iżvilupp ta’ inizjattivi li jippromwovu l-bidla fl-imġiba, l-aktar fost iż-żgħażagħ, u l-iżvilupp ta’ infrastruttura għan-nies fit-triq u għaċ-ċiklisti fil-bliet, sabiex jirdoppja l-għadd ta’ dawk li jużaw il-mezzi tat-trasport pubbliku ekoloġiku li prinċipalment jużaw sorsi alternattivi tal-enerġija, kif ukoll għall-istabbiliment ta’ ‘e-tickets’ għall-ivvjaġġar multimodali, fejn il-mod kif jiġu ffissati l-prezzijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala inċentiv; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija għall-promozzjoni tal-użu tar-roti u l-ivvjaġġar sikur bil-mixi f'żoni urbani.

21.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tkompli tappoġġa u, jekk xieraq, tniedi kampanji flimkien mal-Istati Membri biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar trasport alternattiv li jibża’ għall-ambjent, magħruf aħjar bħala l-kunċett ta' vjaġġar attiv, jiġifieri l-mixi u s-sewqan tar-roti, speċjalment f’żoni urbani sensittivi fejn il-kwalità tal-arja u l-istorbju huma ta’ theddida għas-saħħa tal-bniedem; jirrakkomanda, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, tiżviluppa Pjan Ġenerali dwar il-Mixi u ċ-Ċikliżmu; jissuġġerixxi li dawk li jħaddmu, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, jistgħu jinċentivaw lill-impjegati jużaw mezzi tat-trasport aktar effikaċi fl-użu tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet għall-mobilità urbana għall-ibliet tal-UE kollha, b'miżuri speċifiċi li jippromwovu l-intermodaliżmu u li jiffaċilitaw u jħeġġu l-użu tar-roti u mezzi oħra ta' trasport li jirrispettaw l-ambjent;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippreżentaw strateġija konġunta ta’ informazzjoni, komunikazzjoni u konsultazzjoni tal-atturi involuti, inkluża, b'mod partkolari, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini kkonċernati, dwar il-ħtiġijiet, l-ippjanar, l-iżvilupp u l-finanzjament tal-infrastrutturi meħtieġa għat-tkabbir, il-mobilità, l-iżvilupp u l-impjiegi, b’konformità mal-impenji tal-istrateġija Ewropa 2020.

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-monopolji tat-trasport lokali li evolvew fl-Istati Membri u li joħolqu diskontinwazzjonijiet u distorsjonijiet; jieħu nota, għalhekk, tal-bżonn ta' politika kontra l-monopolji, speċifikament għas-settur tat-trasport;

24.  Jenfasizza li, meta mqabbel mat-trasport bit-triq, it-trasport bil-ferrovija jiġġenera ħafna anqas tniġġis, juża ħafna anqas enerġija, għandu impatt ambjentali ħafna iċken, huwa aktar sikur għal min jużah u huwa kompetittiv ekonomikament; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġa, tippromwovi u tipprovdi appoġġ finanzjarju għan-netwerks Ewropej tat-trasport, b'referenza partikolari għall-appoġġ għall-iżvilupp tal-infrastruttura ferrovjarja fl-Istati Membri li fihom it-trasport bit-triq jiddomina fuq it-trasport ferrovjarju;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tipprovdi s-sostenn finanzjarju meħtieġ għall-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej għat-trasport ferrovjarju u tal-passiġġieri;

26.  Jitlob li tingħata prijorità għall-iżvilupp tal-loġistika ħadra u għall-ġestjoni aħjar tal-mobilità;

27.  Jenfasizza l-firxa wiesgħa ta' benefiċċji potenzjali marbutin mal-użu tal-ICT għall-ġestjoni tan-netwerks tat-trasport, pereżempju billi jitnaqqsu l-vjaġġi meħtieġa għall-kunsinna tal-prodotti billi jiġi żgurat użu aktar effikaċi tad-distribuzzjoni tan-netwerks, u t-titjib tal-fluss tat-traffiku li jista' jnaqqas it-tniġġis tal-arja, il-konsum tal-fjuwil u l-ħin tal-vjaġġi;

28. Jinnota li l-Ajru Uniku Ewropew u s-SESAR, barra mit-tnedija ta’ inġenji tal-ajru ġodda, effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u relattivament silenzjuż, juru kif il-konsum tal-fjuwil jista’ jitnaqqas b’madwar 10%;

29. Jirrimarka li l-ferroviji u l-linji ferrovjarji ta' veloċità kbira b'mod partikolari, jistgħu jagħtu kontribut kbir għal sistema tat-trasport kompetittiva u effikaċi fl-użu tar-riżorsi li jipprovdu konnessjonijiet veloċi bejn ir-reġjuni tal-Ewropa;

30. Hu konxju li bidla kbira lejn teknoloġija ġdida fis-settur tat-trasport għandha bżonn iż-żmien, u li azzjonijiet fi ħdan dan il-proċess għandhom iqisu s-sitwazzjonijiet differenti tal-Istati Membri individwali, iżda fl-istess ħin jinkuraġġixxi l-innovazzjoni ekoloġika u jappella għall-użu ta' fjuwils li jistgħu jiġġeddu aktar faċilment u li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, għall-investiment fil-komodalità u biex il-kunċett tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jiġi estiż għall-mezzi kollha tat-trasport; josserva li f'dan il-mument l-użu razzjonali ta' fjuwils fossili għadu l-eħfef mod biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport;

31.  Jinnota li s-suċċess tal-objettivi li nistabbilixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 jiddependi fuq l-iżviluppi teknoloġiċi, u għalhekk jeħtieġ li ninvestu fir-Riċerka u l-Iżvilupp sabiex jitnaqqas id-distakk eżistenti bejn l-objettivi kosteffikaċi u l-investimenti fit-teknoloġiji ġodda, li jagħmlu dawn l-objettivi fattibbli;

32.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha tappoġġja r-riċerka u tippromwovi tmexxija teknoloġika Ewropea fir-rigward tat-teknoloġiji meħtieġa għall-iżvilupp ta' mezzi tat-trasport sostenibbli u favur l-ambjent, bħalma huma vetturi li jaħdmu bl-elettriku minn sorsi rinnovabbli jew vetturi li jaħdmu bl-idroġenu;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforz addizzjonali sabiex tikkoordina l-azzjonijiet u inizjattivi - s'issa frammentati - meħuda mill-awtoritajiet lokali dwar il-mobilità urbana, u biex tiffaċilita t-trasferimenti tal-politika bejn l-ibliet;

34.  Jenfasizza li l-UE għandha żżomm it-tmexxija tagħha billi tikkonsolida r-rwol tagħha bħala ċentru għall-produzzjoni u r-riċerka għall-modi kollha tat-trasport, li l-prijoritajiet tagħhom huma t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-settur, it-titjib fil-katina loġistika, is-sikurezza u t-titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku;

35.  Jinsisti li l-leġiżlazzjoni, inklużi r-regolamenti dwar il-ħin tax-xogħol, għall-benefiċċju tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport, għandha tiġi implimentata u infurzata fil-modi tat-trasport kollha;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

59

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

János Áder, Elena Oana Antonescu, Kriton Arsenis, Sophie Auconie, Pilar Ayuso, Paolo Bartolozzi, Sergio Berlato, Martin Callanan, Nessa Childers, Chris Davies, Bairbre de Brún, Esther de Lange, Anne Delvaux, Bas Eickhout, Edite Estrela, Jill Evans, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Françoise Grossetête, Satu Hassi, Jolanta Emilia Hibner, Dan Jørgensen, Karin Kadenbach, Christa Klaß, Holger Krahmer, Jo Leinen, Peter Liese, Linda McAvan, Radvilė Morkūnaitė-Mikulėnienė, Miroslav Ouzký, Gilles Pargneaux, Antonyia Parvanova, Andres Perello Rodriguez, Mario Pirillo, Pavel Poc, Anna Rosbach, Oreste Rossi, Daciana Octavia Sârbu, Carl Schlyter, Horst Schnellhardt, Richard Seeber, Theodoros Skylakakis, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Salvatore Tatarella, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, Glenis Willmott, Sabine Wils, Marina Yannakoudakis, Andrea Zanoni

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Matthias Groote, Romana Jordan Cizelj, Philippe Juvin, Riikka Manner, Jiří Maštálka, Michail Tremopoulos

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Peter Šťastný

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (7.10.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar il-Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti
(2011/2096(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Krišjānis Kariņš

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li l-UE jeħtieġ li taħdem lejn settur tat-trasport aktar sostenibbli u effiċjenti li jagħti kontribut għall-miri tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet u ta’ tnaqqis fid-dipendenza fuq l-enerġija u l-importazzjonijiet tal-enerġija, fosthom mingħand reġimi instabbli u mhux demokratiċi, kif ukoll għal integrazzjoni sħiħa tar-reġjuni tal-UE, sabiex tkun kompetittiva fl-ekonomija dinjija;

2.  Isemmi l-fatt li s-settur tat-trasport huwa responsabbli għal aktar minn kwart tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-UE; jenfasizza l-bosta inizjattivi li ħadet l-Unjoni Ewropea biex tnaqqas l-emissjonijiet tat-trasport u biex tippromwovi l-kompetittività u l-effiċjenza tas-settur tat-trasport Ewropew, bħal pereżempju l-Eurovignette, l-użu ta’ Sistemi tat-Trasport Intelliġenti, l-effiċjenza tal-fjuwil għall-vetturi u t-tikkettar tat-tajers; jenfasizza li l-emissjonijet mis-settur tat-trasport għadhom qed jiżdiedu u li l-impenji tas-settur li jieħu azzjoni jeħtieġ li jiżdiedu, jiġifieri billi tiġi indirizzata l-inadegwatezza tal-infrastruttura biex tkun promossa l-effiċjenza enerġetika u billi jiġu applikati teknoloġiji ħodor;

3.  Huwa konxju tal-kontribut kbir tas-settur tat-trasport għall-politika industrijali, għall-kompetittività u għall-bilanċ kummerċjali tal-UE; jinnota li fl-2009 l-esportazzjonijiet ta’ makkinarju u tagħmir fis-settur tat-trasport ammontaw għal EUR 454.7 biljun, jiġifieri għal 41.5% tal-esportazzjonijiet kollha barra mill-UE 27; barra minn hekk jinnota wkoll li fl-2009 l-UE rreġistrat l-ikbar bilanċi kummerċjali favorevoli tagħha fl-oqsma tal-makkinarji u t-tagħmir fis-settur tat-trasport (EUR 112.6 biljun) u fis-servizzi tat-trasport (EUR 21.5 biljun);

4.  Jenfasizza li l-iffrankar tal-enerġija, inklużi l-istandards tal-effiċjenza tal-fjuwil, u l-politiki ta' tnaqqis fl-emissjonijiet għas-settur tat-trasport jistgħu jagħtu spinta lill-kompetittività u l-innovazzjoni fl-UE filwaqt li jirriżultaw f’iffrankar konsiderevoli mingħajr ma jillimitaw il-mobilità; jemmen li kwalunkwe mira ġdida għandha tkun imsejsa fuq ftehim wiesa’ bejn il-partijiet kollha konċernati u għandha tkun tista’ tinkiseb permezz tal-implimentazzjoni tal-progress tekniku li sar; jemmen li settur tat-trasport effiċjenti mil-lat ta' riżorsi jista' jinkiseb biss permezz ta' approċċ tal-politika bbilanċjat u integrat li jipprovdi l-inċentivi t-tajba għall-atturi ekonomiċi;

5.  Jenfasizza l-potenzjal qawwi tal-effiċjenza tal-enerġija u s-sorsi tal-enerġija li tiġġedded għas-settur tat-trasport; jenfasizza li l-objettivi tal-enerġija u tal-klima għas-settur tat-trasport jistgħu jintlaħqu billi tiġi applikata taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija differenti u billi jiġu sfruttati l-possibilitajiet eżistenti ta’ ffrankar tal-enerġija;

6.  Jinnota li ħafna innovazzjonijiet f’teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-fjuwil huma diġà disponibbli kompletament fis-suq;

7.  Jenfasizza l-importanza li tkun promossa l-elettromobilità, flimkien mal-introduzzjoni ta’ aktar enerġija li tiġġedded fis-settur tal-elettriku, sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020, b’mod partikulari rigward l-impjiegi ħodor u t-tkabbir kif ukoll biex jonqos it-tniġġis tal-arja; jinnota li l-elettriċizzazzjoni tat-trasport se tiffoka l-ewwel fuq it-trasport tal-passiġġieri; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu u jiġu implimentati l-miżuri regolatorji meħtieġa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’ħeffa jadottaw standards komuni interoperabbli u li jħejju għall-użu infrastruttura tal-iċċarġjar fl-UE kollha kemm hi; jemmen li d-dibattitu dwar ‘il-mobilità elettrika’ għandu jitpoġġa f’kuntest bilanċjat, sabiex jinkludi l-potenzjal tas-suq għal roti elettriċi u l-esperjenza tat-tranżitu tal-massa permezz ta’ trams u ta’ ferroviji tal-elettriku;

8.  Jenfasizza l-potenzjal kbir li għandha l-ICT u s-Sistemi u s-Servizzi tat-Trasport Intelliġenti biex inaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport mill-ivvjaġġar u mill-merkanzija, speċjalment fir-rigward ta' sistema tal-enerġija futura fejn is-sistemi tat-trasport bl-elettriku għandhom rwol kruċjali; huwa tal-fehma li jeħtieġ jiżdiedu l-obbligi tas-settur tat-trasport f’termini ta’ teknoloġija u li tiġi promossa organizzazzjoni iktar effiċjenti tas-servizzi tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li jkunu promossi soluzzjonijiet innovattivi bħall-ippjanar ottimizzat tar-rotot, l-intermodalità u l-komunikazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura; ifakkar li l-użu tal-ICT, u b’mod speċjali l-vidjokonferenzi, jista' jgħin sabiex titnaqqas il-ħtieġa li wieħed jivjaġġa, kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet tat-trasport intermodali u li l-ebda forma waħda ta' trasport ma tista' tagħti riżultati fl-oqsma kollha minħabba li hemm bżonn ċar ta' taħlita iktar intelliġenti ta' trasport bit-triq, trasport ferrovjarju, avjazzjoni u trasport marittimu;

10. Jikkunsidra li l-użu tal-ICT fis-settur tat-trasport bit-triq u l-mod ta' kif tinteraġixxi ma’ modi ta’ trasport oħrajn se jkunu ta’ kontribut sinifikanti biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali, l-effiċjenza, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport bit-triq, is-sikurezza pubblika u l-mobilità tal-passiġġieri u tal-prodotti, filwaqt li jiġu żgurati wkoll il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, kompetittività ikbar u iktar impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa kbira li tiġi adottata politika ta’ standardizzazzjoni tal-ICT li mhux biss tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ITS iżda wkoll għat-tħaffif tar-ritmu tax-xogħol fuq l-istandards tekniċi għall-vetturi elettriċi kif ukoll grilji u arloġġi intelliġenti; dawn għandhom jiġu implimentati fil-kuntest tal-qasam ta’ prijorità li ġej: il-forniment, fil-livell tal-UE, ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-alternattivi tat-trasport multimodali;

11. Itenni l-opinjoni tiegħu li teżisti ħtieġa li jintużaw aktar trakkijiet bi trejlers (road trains) modulari, għax dawn huma soluzzjoni sostenibbli b'kontribut għal livell ogħla ta' effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport bit-triq; jirrikonoxxi wkoll li s-sett ta’ regoli diverġenti li jiffaċċaw it- trakkijiet bi trejlers modulari meta jaqsmu l-fruntieri tal-pajjiżi ma jagħtix lok għal użu ikbar ta’ dan il-metodu ta’ transport bit-triq; jitlob lill-Kummissjoni tfittex liema differenzi fir-regoli jistgħu jingħelbu faċilment u kif jista’ jiġi żgurat livell ogħla ta’ transport transkonfinali permezz ta’ trakkijiet bi trejlers modulari;

12. Jindika li r-riċerka Ewropea tista' tipprovdi soluzzjonijiet ġodda biex jonqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 u sabiex tiżdied l-effiċjenza tat-trasport, u jilqa' l-approċċ strateġiku tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward; jinnota l-bżonn ta’ subprogramm dedikat għall-mobilità bl-għan li tiżdied l-effiċjenza tat-trasport eż. permezz tal-promozzjoni ta’ sistemi ta’ rotot intelliġenti u interoperabbli għall-modi tat-trasport kollha li jintegraw sistemi bħal Galileo, is-SESAR, l-ERTMS eċċ.; jinnota li l-aktar teknoloġiji moderni bħall-Identifikazzjoni tal-Frekwenzi tar-Radju (RFID) jew l-EGNOS/Galileo jistgħu jintużaw fl-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-ITS; jitlob li jkun hemm ċertifikazzjoni tal-EGNOS, għax din hija element ewlieni f'termini ta' użu; jemmen barra minn hekk li jinħtieġu mezzi aktar effiċjenti ta’ kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka, kif ukoll riċerka ulterjuri dwar l-integrazzjoni ta’ volumi dejjem ikbar ta’ enerġija li tiġġedded flimkien ma’ sistema tal-enerġija iktar intelliġenti fejn it-trasport bl-elettriku jkun element ċentrali tas-soluzzjoni;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta’ apparat innovattiv biex tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija (eż. spojlers għat-trakkijiet u forom oħra ta’ titjib ajrudinamiku jew tat-tħaddim) għall-mezzi kollha tat-trasport b’mod effiċjenti għan-nefqa;

14. Itenni li d-diversifikazzjoni tal-fjuwil u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija huma żewġ sfidi ewlenin għas-settur tat-trasport tal-UE li fir-rigward tagħhom, l-elettriku prodott minn sorsi tal-enerġija varji, jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti;

15. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha żżomm il-pożizzjoni b’saħħitha tagħha fis-suq dinji fil-qasam tal-prodotti tat-trasport u l-mobilità sostenibbli, bħalma huma s-sistemi tas-senjalazzjoni u tal-infrastruttura tal-ferroviji, u s-softwer għall-ġestjoni tal-mobilità; jinsisti, għaldaqstant, li għandhom jiżdiedu l-isforzi tagħha ta’ riċerka u żvilupp relatati mat-trasport sostenibbli bl-art u bil-baħar;

16. Hu favur rwol ikbar għall-biofjuwils ġenwinament sostenibbli, b’mod partikolari l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, fil-firxa enerġetika tal-UE, filwaqt li titqies il-bidla indiretta fl-użu tal-art; jenfasizza l-vantaġġ ekonomiku għall-industrija tal-UE li jirriżulta jekk il-produzzjoni tinqaleb għall-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni; jinnota, madankollu, li kwalunkwe introduzzjoni ta' proporzjon ogħla ta' biofjuwils trid tkun imħejjija tajjeb, armonizzata fl-UE kollha, ikkomunikata u mwettqa sew, li l-partijiet interessati relevanti kollha jridu jkunu lesti li jipprovdu t-taħlita ta' fjuwil mitluba fil-mument li l-bidla tiġi introdotta, u li l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ jispjegaw il-konsegwenzi ta' kwalunkwe bidla fit-taħlita tal-fjuwil;

17. Iqis li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija hija neċessarja għas-sigurtà tal-provvista u f’dan ir-rigward huwa tal-fehma li kwalunkwe inċentiv fiskali ġdid għandu jiġi kkunsidrat mil-lat ta’ firxa ta’ fjuwils sostenibbli u kompetittiva fis-settur tat-trasport;

18. Jisħaq li jeħtieġ jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi biex jingħata lok ta' interoperabilità sħiħa tal-ferroviji tal-Ewropa u li l-proċedura ta' awtorizzazzjoni għall-vetturi ferrovjarji, b’mod partikolari, jeħtieġ issir aktar effettiva u standardizzata fl-UE kollha kemm hi;

19. Jisħaq li l-karozzi elettriċi għandhom potenzjal kbir bħala mezz ta’ trasport, b’mod speċjali fiż-żoni urbani; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-ħidma għall-iżvilupp ta’ standards Ewropej komuni għall-iċċarġjar, u jisħaq li l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti huwa kruċjali għas-suċċess tal-karozzi elettriċi;

20. Jirrikonoxxi li l-industrija ferrovjarja Ewropea qed tkun dejjem iżjed vulnerabbli għall-kompetizzjoni fis-suq tal-UE minn fornituri ta’ pajjiżi terzi; jesprimi tħassib dwar l-ostakli sostanzjali eżistenti li jwaqqfu lill-fornituri tal-UE milli jagħmlu offerti għal kuntratti pubbliċi f’pajjiżi li mhux membri fl-UE;

21. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tal-karozzi elettriċi fl-iżvilupp ta’ trasport effiċjenti mil-lat tal-enerġija, u jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jimplimentaw id-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, fil-kuntest tat-trasport pubbliku;

22. Jindika l-bżonn li jinħoloq, fil-livell Ewropew, ambjent saħansitra iktar b’saħħtu u inċentivi għad-dikarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Pierre Audy, Ivo Belet, Bendt Bendtsen, Jan Březina, Maria Da Graça Carvalho, Giles Chichester, Ioan Enciu, Vicky Ford, Gaston Franco, Adam Gierek, Norbert Glante, Fiona Hall, Jacky Hénin, Edit Herczog, Romana Jordan Cizelj, Krišjānis Kariņš, Lena Kolarska-Bobińska, Béla Kovács, Bogdan Kazimierz Marcinkiewicz, Marisa Matias, Judith A. Merkies, Jaroslav Paška, Miloslav Ransdorf, Herbert Reul, Jens Rohde, Paul Rübig, Amalia Sartori, Francisco Sosa Wagner, Konrad Szymański, Michael Theurer, Evžen Tošenovský, Ioannis A. Tsoukalas, Claude Turmes, Niki Tzavela, Marita Ulvskog, Vladimir Urutchev, Alejo Vidal-Quadras, Henri Weber

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Antonio Cancian, Jolanta Emilia Hibner, Yannick Jadot, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Vladko Todorov Panayotov, Catherine Trautmann

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Werner Schulz

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (20.10.2011)

għall-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti
(2011/2096(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Wojciech Michał Olejniczak

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li jeżistu diverġenzi kbar f’dawk li huma infrastruttura tat-trasport u aċċessibilità ġeografika bejn il-parti tal-Lvant u dik tal-Punent tal-UE, bejn ir-reġjuni tat-Tramuntana u dawk tan-Nofsinhar tal-UE, u bejn ir-reġjuni ċentrali, dawk tal-periferija u dawk ultraperiferiċi; hu tal-fehma li s-sistema tat-trasport ġewwa l-UE għandha, f'konformità mal-prinċipju tal-kontinwità territorjali, tappoġġja l-iżvilupp reġjonali bbilanċjat u l-koeżjoni territorjali, u tirrispetta l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli, li kollha kemm huma se jwasslu għall-ħolqien ta' żona unika Ewropea tat-trasport; jenfasizza l-ħtiġijiet speċjali li għandhom il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u dawk ultraperiferiċi f’dawk li huma aċċessibilità u konnessjonijiet effiċjenti mal-art kontinentali, f’dawk li huma t-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tagħhom u l-isfruttament tal-potenzjal offrut mill-ajruporti reġjonali u mir-rotot marittimi intra-Ewropej u extra-Ewropej; jenfasizza l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-‘ekwivalenti għat-trasport’, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni muntanjużi u tar-reġjuni ultraperiferiċi;

2.  Ifakkar fir-rwol kruċjali li twettaq il-politika reġjonali fl-aġġustament meħtieġ għall-iżvilupp ibbilanċjat tat-trasport fl-Ewropa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament biżżejjed fl-ippjanar baġitarju tagħhom u biżżejjed ippjanar ta’ proġetti u kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni, imma biex ma jagħmlux dan b’detriment tal-għanijiet u r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li ż-żieda fil-kofinanzjamenti tal-UE għal proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport fir-reġjuni ta’ konverġenza tikkontribwixxi għat-titjib tal-assorbiment tal-appoġġ Komunitarju; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-flejjes mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni jintużaw b’mod li jkun aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u li jiġu pprijoritizzati proġetti tat-trasport li jsaħħu s-sostenibilità u li jkunu parti minn strateġiji eżistenti ta’ trasport integrat; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li netwerk tat-trasport Ewropew effiċjenti jirrikjedi finanzjament sostanzjali, u li hemm disponibbli varjetà wiesgħa ta’ għejun, kemm pubbliċi kif ukoll privati;

3.  Jirrimarka li s-servizzi tat-trasport urban huma koperti mill-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza, madankollu, li l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-finanzjament Ewropej ikunu jippermettu lill-awtoritajiet lokali jikkonfrontaw l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fl-isforzi tagħhom biex jilħqu stat ta' tkabbir inklussiv u koeżjoni soċjali aħjar; jinnota li ż-żoni urbani l-aktar li jsofru mill-konġestjoni tat-traffiku, mill-emissjonijiet u mit-tniġġis tal-istorbju; jemmen, f’dan il-kuntest, li l-awtoritajiet lokali jistgħu jagħtu kontribut maġġuri għall-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima permezz ta’ sistemi tat-trasport pubbliku lokali intelliġenti u ppjanar sostenibbli tad-distretti tal-ibliet, inklużi mogħdijiet għar-roti; jitlob, bil-għan li dawn l-isfidi kollha jiġu indirizzati b’mod effikaċi, li t-trasport urban, tas-subborgi u dak rurali jiġi mmaniġġjat b’mod integrat;

4.  Jirrimarka li n-netwerks tat-trasport iwettqu rwol ewlieni fil-politiki tal-ippjanar tal-ispazji; jenfasizza l-importanza partikolari li għandhom l-infrastrutturi maġġuri tat-trasport, bħalma huma l-linji ferrovjarji ta’ veloċità kbira, biex jagħtu spinta lill-iżvilupp lokali; iqis li l-makroreġjuni u l-istrateġiji għall-iżvilupp tagħhom għandhom il-potenzjal li jwettqu rwol aktar attiv fl-implimentazzjoni ta' politika tat-trasport ikkoordinata, effikaċi u sostenibbli; ifakkar kemm hu importanti li jiġu mfassla, ippjanati u implimentati strateġiji konġunti tal-infrastrutturi tat-trasport, kif ukoll fil-ħtieġa li jitferrxu l-aħjar prattiki fil-qasam tat-trasport; jenfasizza li ċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-UE se jkunu l-benefiċjarji diretti ta’ żona unika Ewropea tat-trasport li jkollha, bħala l-għan tagħha, it-tnaqqis fil-ħin u r-riżorsi allokati għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, u l-integrazzjoni aktar mill-qrib tas-swieq;

5.  Ifakkar kemm hu importanti li jiġu mfassla, ippjanati u implimentati strateġiji konġunti tal-infrastruttura tat-trasport fil-livell transkonfinali; jenfasizza kemm hi importanti l-kooperazzjoni territorjali Ewropea biex jirnexxilna jkollna dawn l-istrateġiji kkoordinati, u l-urġenza ta’ ċerti investimenti transkonfinali;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-White Paper;

7.  Jenfasizza li bil-fatt li jiġu stabbiliti infrastruttura tajba tat-trasport u aċċess tajjeb ir-reġjuni kollha se jsiru ekonomikament aktar b’saħħithom u aktar attraenti għall-investiment dirett, u b’hekk fuq żmien aktar fit-tul dan kollu jsaħħaħ kemm il-kompetittività tagħhom stess u kemm il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fit-totalità tagħha, filwaqt li jiġi żgurat l-iżvilupp solidu tas-suq intern u jintlaħaq il-għan tal-koeżjoni territorjali;

8.  Jenfasizza l-importanza ċentrali tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra u tal-ilmijiet navigabbli interni, li jgħaqqdu bejniethom reġjuni u ibħra Ewropej differenti imma li l-potenzjal tagħhom għadu jrid jiġi sfruttat kollu kemm hu, filwaqt li jqishom bħala oqsma biex ikompli jiġi żviluppat aktar is-suq intern u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni; iqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti pjanijiet interreġjonali alternattivi għall-ġarr tal-merkanzija u għall-passiġġieri fil-każ li jseħħu diżastri naturali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.10.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

François Alfonsi, Luís Paulo Alves, Charalampos Angourakis, Catherine Bearder, Jean-Paul Besset, Victor Boştinaru, Philip Bradbourn, Zuzana Brzobohatá, John Bufton, Alain Cadec, Salvatore Caronna, Tamás Deutsch, Rosa Estaràs Ferragut, Brice Hortefeux, Danuta Maria Hübner, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Juozas Imbrasas, María Irigoyen Pérez, Seán Kelly, Mojca Kleva, Ramona Nicole Mănescu, Riikka Manner, Iosif Matula, Erminia Mazzoni, Jan Olbrycht, Monika Smolková, Georgios Stavrakakis, Nuno Teixeira, Michail Tremopoulos, Viktor Uspaskich, Lambert van Nistelrooij, Oldřich Vlasák, Kerstin Westphal, Joachim Zeller, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Jens Geier, Lena Kolarska-Bobińska, Maurice Ponga, Elisabeth Schroedter, Patrice Tirolien, Giommaria Uggias, Derek Vaughan, Sabine Verheyen

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.11.2011

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Antonio Cancian, Michael Cramer, Philippe De Backer, Saïd El Khadraoui, Ismail Ertug, Carlo Fidanza, Knut Fleckenstein, Jacqueline Foster, Mathieu Grosch, Jim Higgins, Dieter-Lebrecht Koch, Georgios Koumoutsakos, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Marian-Jean Marinescu, Gesine Meissner, Hubert Pirker, David-Maria Sassoli, Vilja Savisaar-Toomast, Olga Sehnalová, Debora Serracchiani, Brian Simpson, Keith Taylor, Silvia-Adriana Ţicău, Thomas Ulmer, Peter van Dalen, Dominique Vlasto, Artur Zasada, Roberts Zīle

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Philip Bradbourn, Michel Dantin, Dominique Riquet, Alfreds Rubiks, Laurence J.A.J. Stassen, Sabine Wils

Sostitut(i) (skont l-Artikolu 187(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Mulder