– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2004)0654)(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat KE, skond liema trattat il-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta lill-Parlament (C6-0147/2004),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0410/2005),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk għandha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ieħor;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Il-proposta attwali għal direttiva dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port għandha l-għan li tistabbilixxi l-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat UE u r-regoli tal-kompetizzjoni kif stipulati mit-Trattat UE f'portijiet ta' mal-baħar individwali kif ukoll bejn portijiet ta' mal-baħar u, biex b'hekk, anke tissaħħah l-effiċjenza tal-portijiet ta' mal-baħar. Il-portijiet ta' mal-baħar huma punti ta' importanza kumplessi għal diversi mezzi ta' trasport u b'diversi interessi kemm mis-settur pubbliku u minn dak privat - u għaldaqstant huma ta' importanza partikulari għall-funzjonalità u l-effiċjenza tal-qafas trans-Ewropew tat-trasport kif ukoll għall-kummerċ intern u estern ta' l-Unjoni.
I. Proċedura leġiżlattiva li tirrigwarda l-proposta tal-Kummissjoni ta' l-2001
Il-proposta attwali għal direttiva ssegwi mill-proposta inizjali għal direttiva dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port imressqa mill-Kummissjoni fit-13 ta' Frar 2001 bħala parti mill-Komunikazzjoni bit-titlu 'It-Tisħiħ ta' servizz ta' kwalità fil-portijiet ta' mal-baħar: il-qofol għal sistema ta' trasport fl-Ewropa (magħrufa bħala l-Pakkett dwar il-Portijiet)(1). Madankollu, din il-proposta għal direttiva preċedenti ma kellhiex dispożizzjonijiet dwar kompetizzjoni bejn il-portijiet, u dawn ġew biss proposti u miżjuda mill-Parlament matul il-proċeduri leġiżlattivi.
Il-proposta għal direttiva preċedenti kienet qajmet kontroversja u dibattitu mqanqal bejn il-Parlament u l-Kunsill waqt żewġ qarjiet u waqt proċedura ta' konċiljazzjoni sussegwenti. Il-Parlament u l-Kunsill fl-ebda stadju tal-proċedura leġiżlattiva ma kkontestaw il-ħtieġa tad-direttiva, iżda sempliċement ħarġu b'opinjonijiet differenti, l-aktar fil-punti li ġejjin: applikabilità anke għal servizzi ta' pilotaġġ, il-ħtieġa ta' awtorizzazzjoni għal servizzi tal-port, żmien ta' awtorizzazzjonijiet, kumpens għal fornituri ta' servizz ta' qabel, 'handling' minn operaturi lilhom infushom, miżuri tranżitorji, u regoli għat-trasparenza għal kompetizzjoni bejn portijiet ta' fuq il-baħar.
Fl-aħħar nett, fid-29 ta' Settembru 2003 ir-rappreżentanti tal-parlament (b'maġġoranza żgħira) u tal-Kunsill (unanimament) waslu għal qbil waqt Kumitat ta' Konċiljazzjoni, b'kompromess dwar abbozz ta' test komuni għad-direttiva(2) Il-punti ewlenin tal-qbil kienu:
·Ħtieġa ta' awtorizzazzjoni: Il-Parlament aċċetta li d-deċiżjoni dwar jekk l-awtorizzazzjoni għandhiex tkun rekwiżit statutorju għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri.
·'Handling' minn operaturi lilhom infushom: il-Kunsill aċċetta li 'handling' minn operaturi lilhom infushom għandu jitħalla biss f'każijiet fejn kumpaniji ta' tbaħħir jimpjegaw baħħara tagħhom stess.
·Servizzi ta' pilotaġġ: Il-Parlament aċċetta li l-pilotaġġ jibqa' fl-iskop tad-direttiva u saħaq fuq l-importanza speċjali tiegħu għas-sikurezza tat-trasport marittimu u għall-protezzjoni ta' l-ambjent.
·Kompetizzjoni bejn il-portijiet u trasparenza ta' rapporti finanzjarji: il-Kunsill aċċetta li jwessa' l-għanijiet tad-direttiva sabiex jinkludu dawn il-kwistjonijiet.
·Tip u żmien ta' awtorizzazzjonijiet, miżuri tranżitorji u ħlasijiet ta' kumpens lil fornituri ta' servizz preċedenti: intlaħaq ukoll ftehim dwar dawn il-punti.
Madankollu, fis-seduta tal-20 ta' Novembru 2003 il-Parlament irrifjuta dan il-kompromess b'maġġoranza żgħira (b'209 voti favur, 229 kontra u b'16-il astensjoni). Dan wassal għall-għeluq definittiv ta' l-ewwel proċedura leġiżlattiva.
II. Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni tal-2004
Fit-13 ta' Ottubru 2004 il-Kummissjoni ressqet il-proposta attwali għal direttiva dwar l-aċċess għas-suq ta' servizzi tal-port, li f'dak li huma struttura u dispożizzjonijiet, hija identika għat-test ta' kompromess li ħareġ mill-proċedura ta' konċiljazzjoni preċedenti. Il-Kummissjoni tenfasizza li għadu essenzjali li jkun hemm qafas legali Komunitarju u li ħafna mill-argumenti u opinjonijiet espressi fir-rigward tal-proposta ta' l-2001 għadhom jgħoddu u validi sal-lum.
Madankollu, fejn għandhom x'jaqsmu kwistjonijiet individwali importanti, il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni titbiegħed mill-abbozz ta' konċiljazzjoni, pereżempju, fir-rigward ta' awtorizzazzjoni li llum hija obbligatorja għas-servizzi kollha tal-port, it-tul ta' żmien ta' validità imnaqqas għall-awtorizzazzjonijiet, arranġamenti li għadhom rudimentali għall-kumpens lill-fornituri tas-servizzi preċedenti, it-tkabbir biex jirrifletti ċ-ċirkustanzi ġodda ta' 'handling' minn operaturi lilhom infushom, u t-tneħħija ta' arranġamenti tranżitorji għall-fornituri ta' servizz eżistenti.
III. Deliberazzjonijiet fil-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Sa mill-bidu kienet l-intenzjoni tar-rapporteur li jagħti lill-kumitat l-opportunità biex jeżamina l-proposta tal-Kummissjoni bir-reqqa kemm jista' jkun u li jiddiskuti l-aspetti varji tagħha b'mod komplet.
1. Dokument ta' ħidma
Bħala preparazzjoni għad-diskussjonijiet fil-kumitat ir-rapporteur l-ewwel issottometta quddiem il-kumitat dokument ta' ħidma(3)li jitratta dwar il-punti ewlenin li jirrigwardaw il-proposta tal-Kummissjoni. Wara sar dibattitu inizjali estensiv li fih il-membri tal-kumitat ġew infurmati bil-punti kontroversjali tal-proposta.
2. Seduta ta' smigħ
Fuq proposta tar-rapporteur ġiet organizzata mill-kumitat seduta pubblika ta' smigħ nhar l-14 ta' Ġunju 2005 fil-Parlament, li għaliha ġew mistiedna rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet kollha li huma kkonċernati bil-proposta, sabiex jesprimu l-pożizzjoni tagħhom, b'mod partikulari rigward il-kwistjonijiet li ħarġu mid-dokument ta' ħidma.
Attendew għas-seduta rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet li ġejjin:
- European Sea Ports Organisation (ESPO)
- Federation of European Private Port Operators (FEPORT)
- European Freight Forwarders (CLECAT)
- European Maritime Pilots’ Association (EMPA)
- European Boatmen’s Association (EBA)
- European Tugowners’ Association (ETA)
- European Shippers Council (ESC)
- European Community Shipowners Association (ECSA)
- European Transportworkers Federation (ETF)
Is-Sur François Lamoureux, Direttur Ġenerali tad-DĠ għall-Enerġija u t-Trasport fil-Kummissjoni, ħa l-opportunità waqt is-seduta ta' smigħ biex jippreżenta l-proposta tal-Kummissjoni u biex iwieġeb xi mistoqsijiet mill-membri tal-kumitat.
IV. Il-pożizzjoni tar-rapporteur fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni
Fid-dawl tas-seduta ta' smigħ fil-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kif ukoll ta' sottomissjonijiet bil-miktub minn organizzazzjonijiet oħra u ta' ħafna konverżazzjonijiet individwali, ir-rapporteur adotta din il-pożizzjoni fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni, flimkien ma' tibdiliet strutturali importanti
1.Dispożizzjonijiet dwar kompetizzjoni bejn il-portijiet
Ġie aċċettat unanimament mill-partijiet kollha li hemm ħtieġa għal qafas regolatorju Ewropew għal regoli għat-trasparenza u linji gwida ta' għajnuna sabiex jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni bejn il-portijiet ġo l-Unjoni.
L-ebda emendi importanti ma tressqu għad-dispożizzjonijiet individwali proposti f'dawn l-oqsma.
Għal din ir-raġuni u fid-dawl ta' evalwazzjoni individwali, ġiet affermata b'mod ċar il-ħtieġa ta' qafas regolatorju, u ma tressqu l-ebda emendi importanti għad-dispożizzjonijiet. Minħabba l-importanza primarja tagħha qiegħed jiġi ppropost li dawn ir-regoli li jimmiraw li jintlaħqu kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni jiddaħħlu fl-għan ta' din id-direttiva expressis verbis u li t-titolu ta' din id-direttiva jiġi emendat għal 'Direttiva dwar il-portijiet ta' mal-baħar'.
2.Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw kompetizzjoni u aċċess għas-suq f'portijiet individwali
Il-ħtieġa ta' qafas regolatorju Ewropew għall-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port hija - b'mod li jiddependi fuq l-interessi u kif dawn se jintlaqtu - appoġġjata mill-utilizzaturi tas-servizzi tal-port bħal kumpaniji ta' tbaħħir, ta' ġarr ta' merkanzija u dawk li jagħtu servizz ta' tmexxija u mmaniġġjar ta' merkanzija, u mhix milqugħa mill-fornituri tas-servizzi tal-port bħal operaturi ta' trażbord ta' merkanzija marittima, u mit-trejdjunjins. Madankollu anke l-European Sea Ports Organisation (ESPO) waslet li taqbel ma' regoli li jikkontrollaw l-aċċess għas-suq, sakemm il-kontenut tagħhom jiġi rregolat fil-fehma tagħhom.
Wara li qies l-interessi tas-setturi ekonomiċi u trejdjunjonisti relevanti, ir-rapporteur huwa tal-fehma li fl-interess primarju ta' l-Unjoni - it-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll kompetizzjoni ġusta f'portijiet individwali - hemm ħtieġa urġenti għal dispożizzjonijiet regolatorji Ewropej għall-aċċess għas-suq ta' servizzi tal-port f'portijiet individwali wkoll. Din il-pożizzjoni fundamentali ġiet adottata mill-Kummissjoni, mill-Parlament u mill-Kunsill waqt il-proċedura leġiżlattiva preċedenti.(4)
Għal dawk li huma d-dispożizzjonijiet tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għas-suq, is-seduta ta' smigħ u d-diskussjonijiet sussegwenti wrew li ħafna dispożizzjonijiet fit-test komuni tal-proċedura ta' konċiljazzjoni fil-proċedura leġiżlattiva preċedenti(5)kien fihom soluzzjonijiet aħjar f'termini oġġettivi għall-partijiet kollha. Għaldaqstant ir-rapporteur ippropona li dawn id-dispożizzjonijiet jiġi adottati, l-aktar f'dawn l-oqsma li ġejjin:
·awtorizzazzjoni mandatorja li għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għalkemm ġie stipulat b'emenda ta' kompromess li fornituri ta' servizz għandhom f'kull każ jidħlu f'kuntratt ma' l-awtorità kompetenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni;
·żmien itwal għal kemm iddum valida awtorizzazzjoni;
·definizzjoni aktar ċara tal-proċedura tal-għażla meta n-numru ta' fornituri ta' servizzi tal-port huwa illimitat, għalkemm ġie stipulat b'emenda ta' kompromess li l-proċedura ta' għażla għandha sseħħ f'kull każ jekk fornitur ta' servizz jirċievi jew ikun se jirċievi, direttament jew indirettament, għajnuna mill-Istat;
·regoli separati - estiżi minn emenda ta' kompromess - dwar kumpens;
·regoli separati dwar miżuri tranżizzjonali għal żmien fit-tul.
Meta l-organizzazzjonijiet ta' l-irmiġġ u ta' l-irmonk fakkru li flimkien mas-servizzi ta' pilotaġġ, l-attivitajiet tagħhom huma ta' importanza speċjali għas-sikurezza tat-trasport marittimu u tal-port, dan ġie inserit mir-rapporteur fl-emendi proposti għall-Premessa 38 u Artikolu 14. Madankollu ir-rapporteur ma kienx f'pożizzjoni li jakkomoda t-talba tal-piloti li l-attività tagħhom tiġi esluża mill-iskop tad-direttiva peress li s-servizzi ta' pilotaġġ huma ta' importanza partikulari fit-trasport marittimu u tal-port u li l-aspetti distinti tas-servizzi ta' pilotaġġ huma diġà rregolati adegwatament bl-Artikolu 14 (din kienet ukoll il-fehma tal-maġġoranza ta' l-organizzazzjonijiet Ewropej li attendew għas-seduta ta' smigħ).
Għal dawk li huma r-regoli Ewropej dwar operaturi li jfornu 'handling' lilhom nfushom, ir-rapporteur issa huwa tal-konvinzjoni, partikolarment wara l-qbil fl-opinjonijiet tal-European Sea Ports Organisation u tal-European Shipowners Association, li dan mhux essenzjali f'termini oġġettivi (ara ġustifikazzjoni dettaljata għall-Emenda 47)
B'dawn il-proposti r-rapporteur jittama li se jkun adotta s-suġġerimenti ewlenin mis-seduta ta' smigħ u li bir-rapport tiegħu qiegħed jippreżenta bażi bilanċjata għad-dibattiti sussegwenti fil-Parlament.
Anness: 13-il emenda ta' kompromess
Kompromess 1
Artikolu 2, paragrafu 3 b (ġdid)
3 b. L-artikoli 7 u 12 ta' din id-direttiva ma japplikawx
a. lil fornituri tas-servizz li daħlu jew jinsabu deħlin fis-suq b'riżultat ta' dritt ta' proprjetà jew titlu ekwivalenti ta' art ġewwa port sakemm dan id-dritt jew titlu huwa ġeneralment disponibbli u li dak li jakkwista ma jibbenefikax minn għajnuna mingħand l-Istat skond it-Trattat dwar l-iffinanzjar ta' l-akkwist u/jew
b. f'każijiet fejn fuq talba ġustifikata ta' Stat Membru il-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi li tingħata għajnuna anti-kompetittiva mill-Istat jew li jittieħdu miżuri oħrajn diskriminatorji jittieħdu minn Stati mhux membri tal-UE favur portijiet fis-suq ġeografiku rilevanti.
Kompromess 2
Artikolu 3, paragrafu 5
5. "korp ta' tmexxija tal-port" jew "awtorità tal-port" (minn hawn il quddiem irreferuta bħala "korp tat-tmexxija tal-port") tfisser korp li, flimkien ma', jew b'mod separat minn attivitajiet oħrajn, għandu bħala l-oġġettiv u r-responsabiltà tiegħu skond il-liġi jew regolamenti nazzjonali l-amministrazzjoni u t-tmexxija ta' l-infrastrutturi tal-port, u l-koordinament u, fejn ikun loku, il-kontroll ta' l-attivitajiet ta' l-operaturi preżenti fil-port jew fis-sistema tal-port ikkonċernata. Il-korp jista' jkun magħmul minn diversi korpi separati jew ikun responsabbli ta' aktar minn port wieħed. Il-korp ta' tmexxija tal-port għandu jiffunzjona wkoll bħala l-awtorità kompetenti għal servizzi fornuti fuq rotot ta' aċċess marittimu minn u lejn il-port, sakemm l-Istati Membri ma jaħtrux awtorità kompetenti oħra.
Kompromess 3
Artikolu 3, paragrafu 12
12. "awtorizzazzjoni" tfisser kull permess maħruġ mill-awtorità kompetenti, inkluż liċenzja jew kuntratt, li jippermetti persuna naturali jew legali li tipprovdi xi kategorija jew aktar ta' servizzi tal-port; li bih kuntratt ifisser kull ftehima, kemm jekk kuntratt ta' kera jew konċessjoni, milħuqa bejn l-awtorità kompetenti u l-persuna fiżika jew legali;
Kompromess 4
Artikolu 3, paragrafu 13
13. "limitazzjoni tan-numru ta' fornituri" tfisser sitwazzjoni fejn l-awtorità kompetenti qed tillimita n-numru ta' fornituri ta' servizzi tal-port minħabba raġunijiet ta' spazju disponibbli jew kapaċità, sikurezza marittima, sigurtà jew politika ta' żvilupp tal-port. Is-sitwazzjoni li biha l-awtorità kompetenti, jekk ikun xieraq, tiddetermina l-firxa ta' attivitajiet kummerċjali li jitwettqu fil-port jew f'partijiet mill-port, b'mod partikulari l-kategoriji ta' merkanzija li titmexxa, u l-allokazzjoni ta' spazju fil-port jew il-kapaċità lil attivitajiet ta' dan it-tip, skond il-politika ppubblikata ta' l-iżvilupp tal-port, ma tikkostitwixxix "limitazzjoni tan-numru ta' fornituri".
Kompromess 5
Artikolu 7
Prinċipji ġenerali dwar l-aċċess fis-suq għal fornituri ta' servizzi
1. L-Istati Membri jistgħu jassiguraw li l-awtorità kompetenti tirrikjedi li fornitur ta' operazzjonijiet ta' servizzi tal-port iġib awtorizzazzjoni minn qabel skond il-kundizzjonijiet kif imniżżla fil-paragrafi 2 u 4. F'kull każ fornituri ta' servizzi jeħtieġu kuntratt li jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. L-awtorizzazzjoni tista' titqies mogħtija lil fornituri ta' servizzi magħżula skond Artikolu 8.
2. Il-kriterji għall-għoti ta' awtorizzazzjonijiet mill-awtorità kompetenti għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, oġġettivi, relevanti u proporzjonali. Apparti minn kull element kummerċjali involut, il-kriterji għandhom jirrelataw biss, fejn applikabbli:
għall-kwalifiċi professjonali tal-fornitur tas-servizz u tal-impjegati tiegħu, għal pjan ta' negozju adekwat li jinkludi impenji ċari li jirrigwardaw il-forniment tas-servizz, għas-sitwazzjoni finanzjarja soda tiegħu u għall-kopertura ta' assigurazzjoni suffiċjenti,
għas-sikurezza marittima jew is-sikurezza u s-sigurtà tal-port jew ta' l-aċċess għalih, installazzjonijiet tiegħu, apparat u persuni,
għall-osservanza ta' regolamenti ta' impjieg u dawk soċjali, inkluż dawk imniżżla fi ftehim kollettiv, sakemm huma konsistenti mal-Liġi Komunitarja, u f'kull każ, dawk ir-rikjesti minimi kif imniżżla fil-liġi soċjali Ewropea jkunu mħarsa,
għall-osservanza ta' kundizzjonijiet lokali, nazzjonali u internazzjonali ta' rilevanza fil-qasam tas-sikurezza, sigurtà u ta' l-ambjent,
għall-politika ta' żvilupp u investiment tal-port
L-awtorizzazzjoni tista' wkoll tinkludi rekwiżiti tas-servizz pubbliku li jirrigwardaw sikurezza, regolarità, kontinwità, kwalità u prezz u l-kundizzjonijiet li fuqhom is-servizz jista' jingħata.
3. Il-kriterji msemmija f'paragrafu 2 għandhom jsiru pubbliċi u l-fornituri tas-servizzi tal-port, kif ukoll dawk kandidati biex isiru fornituri, għandhom jiġu infurmati minn qabel bil-proċedura biex jakkwistaw awtorizzazzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu japplika bl-istess mod fejn awtorizzazzjoni tgħaqqad il-forniment ta' servizz ma' investiment f'assi immobbli.
4. L-Istati Membri jistgħu jadottaw regolamenti dwar l-aċċess għall-okkupazzjoni u dwar iċ-ċertifikati ta' kompetenza li jinkisbu b'eżami.
Aktar minn hekk, meta l-kwalifiki tekniċi professjonali rikjesti jinkludu għarfien lokali speċifiku jew esperjenza ta' kundizzjonijiet lokali, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li jkun jeżisti aċċess adegwat għall-informazzjoni rekwiżita u għal taħriġ rilevanti għal dawk li applikaw biex ikunu fornituri ta' servizz skond kundizzjonijiet trasparenti u mhux diskriminatorji, u fejn hu f'loku, bi ħlas.
5. Il-fornitur tas-servizzi tal-port li jkun qed jagħti servizz kopert mill-awtorizzazzjoni għandu jkollu d-dritt li jimpjega ħaddiema li jagħżel hu, sakemm jissodisfa l-kriterji li huma konformi ma' paragrafu 2 u mal-leġiżlazzjoni fl-Istat Membru li fih il-fornitur tas-servizz qiegħed jagħti s-servizzi msemmija, sakemm din il-leġiżlazzjoni hija konformi mal-liġi Komunitarja.
6. L-awtorità kompetenti għandha tbiddel jew tirrevoka awtorizzazzjoni meta, b'mod konsiderevoli, il-kriterji msemmija f'paragrafu 2 ma jiġux segwiti, jew ma jkunux għadhom segwiti, jew fejn il-leġiżlazzjoni soċjali ta' Stat Membru ma tiġix segwita, jew ma tkunx għadha segwita.
Kompromess 6
Artikolu 8
Proċedura ta' għażla
1. Meta l-awtorità kompetenti jkollha tillimita n-numru ta' fornituri tas-servizzi tal-port minħabba raġunijiet ta' spazju disponibbli jew kapaċità, sikurezza marittima, sigurtà jew politika ta' żvilupp tal-port, il-proċedura ta' l-għażla għandha ssir b'konformità mal-prinċipji li ġejjin. Proċedura ta' għażla għandha f'kull każ isseħħ jekk fornitur ta' servizz jirċievi jew se jirċievi, kemm direttament jew indirettament, għajnuna mill-Istat skond it-tifsira tat-Trattat. Il-proċedura tal-għażla għandha tkun trasparenti u oġġettiva u bbażata fuq kriterji proporzjonali, mhux diskriminatorji u rilevanti.
2. L-Istati membri għandhom jassiguraw li fil-każ fejn tkun qiegħda ssir limitazzjoni tan-numru ta' fornituri, l-awtorità kompetenti jkollha l-obbligu li:
(a) tinforma lil partijiet interessati bil-kategorija jew kategoriji ta' servizzi tal-port u, fejn adattat, il-parti speċifika tal-port fejn japplikaw ir-restrizzjonijiet, kif ukoll ir-raġunijiet għal dawn ir-restrizzjonijiet;
(b) tħalli l-ogħla numru ta' fornituri ta' servizz li huwa adattat għaċ-ċirkustanzi.
3. L-awtorità kompetenti tista', jekk ikun f'loku, tiddetermina l-firxa ta' attivitajiet kummerċjali li jitwettqu fil-port jew f'partijiet mill-port, b'mod partikulari l-kategoriji ta' merkanzija li titmexxa, u l-allokazzjoni ta' spazju fil-port jew kapaċità lil attivitajiet ta' dan it-tip, skond il-politika ppubblikata ta' l-iżvilupp tal-port, mingħajr ma dan ikun jikkostitwixxi limitazzjoni tan-numru ta' fornituri.
4. Meta l-awtorità kompetenti li tkun qiegħda tiddeċiedi dwar limitazzjonijiet li jirrigwardaw servizz jew servizzi tal-port f'port speċifiku hija nnifisha fornitur ta' dan l-istess servizz jew servizzi jew ta' servizz jew servizzi simili f'dak il-port, l-Istati Membri għandhom mingħajr ebda dewmien jinnominaw awtorità kompetenti independenti oħra biex tiddeċiedi dwar kull appell jew ilment kontra l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-korp ta' tmexxija tal-port fir-rigward ta' fornituri ta' servizz terzi.
5. Għall-informazzjoni ġenerali tas-setturi kkonċernati fil-Komunità, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-pubbliku b'invit lill-partijiet interessati biex jieħdu sehem fil-proċess ta' l- għażla.
Din il-publikazzjoni għandha ssir fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-.
awtorizzazzjonijiet li jirrigwardaw Artikolu 12(2)(b) u għall-awtorizzazzjonijiet l-oħra kollha b'kull mod adattat li jagħmel disponibbli l-informazzjoni neċessarja f'waqtha lil kull persuna li hija interessata fil-proċess.
6. L-awtorità kompetenti għandha tassigura li d-dokumentazzjoni kollha tiġi kkomunikata lill-partijiet interessati li jitolbuha. Id-dokumentazzjoni mogħtija lil fornituri potenzjali għandha minn l-anqas tinkludi l-elementi li ġejjin:
kriterji ta' awtorizzazzjoni adottati b'konformità ma' l-Artikolu 7(2) kif ukoll kriterji ta' għażla;
kriterji ta' assenjazzjoni li jiddefinixxu l-fatturi li fuqhom l-awtorità se tagħmel l-għażla minn fost il-proposti li jissodisfaw il-kriterji ta' l-għażla;
kundizzjonijiet regolatorji u ta' organizzazzjoni għall-forniment tas-servizz, inkluż ir-rekwiżiti koperti mill-awtorizzazzjoni u dawk li jidentifikaw kull assi tanġibbli u intanġibbli li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-fornitur ta' servizz magħżul flimkien mat-termini rilevanti u r-regoli applikabbli;
il-penali u t-termini li jirregolaw il-kanċellazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' osservanza; u
l-perjodu ta' awtorizzazzjoni.
7. Il-proċedura għandha tipprovdi għal intervall ta' minn l-anqas 52 ġurnata bejn it-tnedija tas-sejħa għal proposti u l-aħħar data biex dawn jintlaqgħu.
8. Għal kull proċedura, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel pubblika d-deċiżjoni li tirriżulta mill-proċedura tal-għażla.
9. Meta b'riżultat tal-proċedura tal-għażla ma jkun instab l-ebda fornitur ta' servizz adattat għas-servizz tal-port speċifiku, il-korp ta' tmexxija tal-port jista', skond il-kundizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 19, jirriserva għalih innifsu l-forniment ta' dan is-servizz għal żmien li ma jaqbiżx il-ħames snin, u wara għandha tinħareġ proċedura ġdida ta' għażla biex tingħata awtorizzazzjoni. Il-korp tat-tmexxija tal-port għandu jiġi kkompensat mill-fornitur il-ġded tas-servizz li jiġi magħżul għal kull investimenti relevanti li jkun għamel waqt dan iż-żmien, li jkunu għadhom ma ġewx mifdijin u li l-fornitur il-ġdid tas-servizz se jieħu kontroll tagħhom, filwaqt li jiġi meqjus il-bilanċ ekonomiku totali tas-servizz fornut waqt iż-żmien ta' qabel, skond kriterji ċari u stabbiliti minn qabel.
Kompromess 7
Artikolu 9
Kumpens
L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet li bihom il-fornituri l-ġodda tas-servizz li jiġu awtorizzati ikun jinħtiġilhom li jħallsu kumpens lill-fornitur ta' servizz preċedenti, li jikkorrispondi mal-valur ġust fis-suq tal-intrapriża tal-fornitur ta' servizz ta' qabel, jew mill-anqas tal-valur fis-suq fil-mument ta' l-assi immobbli u l-assi kapitali mobbli komparabbli, jekk dan huwa ogħla mill-valur fis-suq ta' l-intrapriża. Jekk il-fornitur tas-servizz li jkun għadu kif ġie awtorizzat jimpjega ftit jew xejn mill-impjegati tal-fornitur tas-servizz preċedenti, huwa għandu jipparteċipa fl-ispiża tal-pjan soċjali tal-fornitur tas-servizz preċedenti. Artikolu 15(3) għandu japplika mutatis mutandis.
Kompromess 8
Artikolu 10
Miżuri tranżitorji
1. Dan l-artikolu għandu japplika għal kull awtorizzazzjoni li tkun teżisti fid-data li fiha din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.
2. Meta n-numru ta' fornituri tas-servizzi tal-port ġewwa port ma jkunx limitat skond l-Artikolu 8, awtorizzazzjonijiet eżistenti jistgħu jibqgħu fis-seħħ bla tibdil sakemm jiġi ż-żmien meta dan in-numru jsir limitat.
3. Meta n-numru ta' fornituri ta' servizzi fil-port ġewwa port isir limitat, awtorizzazzjonijiet eżistenti jistgħu jibqgħu fis-seħħ bla tibdil sakemm jiskadu, iżda fil-perjodi maħsuba għalihom fl-Artikolu 12 li jgħoddu mid-data ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva.
Meta n-numru ta' fornituri ta' servizzi fil-port ġo port isir limitat wara d-data meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, awtorizzazzjonijiet eżistenti jistgħu jibqgħu fis-seħħ bla tibdil sakemm jiskadu, iżda fil-perjodi maħsuba għalihom fl-Artikolu 12 li jgħoddu mid-data ta' meta tidher din il-limitazzjoni.
4. L-awtorità kompetenti għandha fi żmien sena mit-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva, tlesti evalwazzjoni ta' kull awtorizzazzjoni eżistenti ġewwa l-port u fuq kull rotta marittima ta' aċċess taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.
Kompromess 9
Artikolu 11 paragrafu 4
Servizzi tekniko-nawtiċi kif definiti fl-Artikolu 3 paragrafu 6 huma esklużi mid-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu minħabba raġunijiet ta' sigurtà tal-port u ta' sikurezza u ta' ħtiġijiet tas-servizz pubbliku.
Kompromess 10
Artikolu 12
Tul ta' żmien
Awtorizzazzjonijiet jiġu mogħtija u konklużi għal żmien limitat iżda li jista jiġġedded, liema żmien huwa proporzjonali ma' l-investimenti magħmula mill-fornituri tas-servizz u li jagħti lok għal profitt normali minn dawn l-investimenti. It-tulijiet massimi ta' żmien hawn imsemmija għandhom japplikaw:
1. F'każijiet fejn mhumiex involuti investimenti li huma kkunsidrati bħala sinifikanti mill-awtorità kompetenti sabiex isir l-forniment tas-servizz, it-tul taż-żmien massimu tal-awtorizzazzjoni tagħha għandu jkun 10 snin.
2. F'każijiet fejn investimenti li huma kkunsidrati bħala sinifikanti mill-awtorità kompetenti jinvolvu:
(a) beni mobbli, iż-żmien massimu għandu jkun 15-il sena;
(b) assi immobbli u assi kapitali mobbli komparabbli, bħalma huma pontijiet tal-kontejners, krejnijiet armati fuq strutturi għolja tal-metall li jittrasferixxu merkanzija mill-vapuri għal fuq l-art, iż-żmien massimu għandu jkun 36 sena, mingħajr ma jingħata kas jekk id-dritt ta' proprjetà fuqhom jirritornax jew le fuq il-korp ta' tmexxija tal-port.
Jekk l-investiment magħmul mill-fornitur tas-servizz jinkludi kemm assi mobbli u immobli, iż-żmien massimu jkun dak li jkun l-itwal miż-żminijiet massimi involuti.
3. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proċeduri li jippermettu fornitur ta' servizz li għandu intenzjoni jagħmel jew li jimpenja ruħu b'mod irrevokabbli li jagħmel investimenti sinifikanti f'assi immobbli matul l-aħħar 10 snin qabel ma tiskadi l-awtorizzazzjoni eżistenti u li jista' juri li dawn l-investimenti se jwasslu għal titjib fl-effiċjenza globali tas-servizz ikkonċernat, li jitlob lill-awtorità kompetenti biex tibda proċedura ta' għażla b'konformità ma' l-Artikolu 8 għal awtorizzazzjoni ġdida qabel ma l-awtorizzazzjoni eżistenti tiskadi jew li testendi l-awtorizzazzjoni eżistenti għal żmien ta' 10 snin għal darba waħda matul l-aħħar 10 snin taż-żmien ta' validità ta' l-awtorizzazzjoni.
4. Għall-informazzjoni ġenerali tas-setturi kkonċernati fil-Komunità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku bl-awtorizzazzjonijiet li jkunu se jiskadu, mill-anqas sena qabel id-data ta' l-iskadenza tagħhom.
Kompromess 11
Artikolu 14
Servizzi tekniko-nawtiċi
1. Fejn għandhom x'jaqsmu servizzi tekniko-nawtiċi, l-Istati membri jistgħu jgħaddu l-għoti ta' l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 minn kriterji partikolarment rigorużi li jirrigwardaw is-sigurtà marittima u l-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku.
2. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jirrikonoxxu n-natura obbligatorja tal-pilotaġġ u jippreskrivu għas-servizz ir-regolamenti organizzattivi li huma jqisu adattati minħabba raġunijiet ta' sigurtà u ħtiġijiet tas-servizz pubbliku, inkluż il-possibilità, meta ċirkustanzi f'port jew grupp ta' portijiet u/jew l-aċċess għalih jew għalihom hekk jitolbu, li jirriservaw għalihom stess dan is-servizz jew li jittrasferuh, direttament jekk ikun f'loku, lil fornitur waħdieni. Huma jistgħu b'mod partikolari jesiġu li dan is-servizz jingħata minn persuni kompetenti li jissodisfaw kundizzjonijiet ekwi u mhux diskriminatorji stabbiliti mil-liġi nazzjonali.
Meta eżenzjoni minn pilotaġġ obbligatorju jew l-eżenzjoni ta' ċertu kategoriji ta' bastimenti minn pilotaġġ obbligatorju, li tista' tkun minħabba ċertifikati ta' eżenzjoni ta' pilotaġġ, hija suġġetta għal awtorizzazzjoni speċjali, il-kundizzjonijiet għal din l-awtorizzazzjoni għandhom ikunu adatti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, u li jqisu d-diversi kundizzjonijiet u l-obbligi speċjali tal-portijiet differenti li fuqhom jingħataw l-awtorizzazzjonijiet.
3. L-Istati membri għandhom jgħaddu rapport lill-Kumissjoni dwar miżuri biex titjieb l-effettività tas-servizzi tekniko-nawtiċi, mhux aktar tard minn ħames snin minn meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva.
Kompromess 12
Artikolu 17
Trasparenza fl-iffinanzjar mill-Istat
Il-Kummissjoni għandha twaqqaf, mhux aktar tard minn xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, linji gwida komuni dwar l-iffinanzjar mogħti lill-portijiet minn Stati Membri jew minn fondi pubbliċi u għandha tindika liema iffinanzjar ta' portijiet huwa kompatibbli mas-suq intern.
Il-linji gwida jkunu suġġetti għal evalwazzjoni 3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva.
Kompromess 13
Premessa 34
Ir-regolazzjoni ta' 'handling' minn operaturi lilhom infushom għandha titħalla għal regolamenti u arranġamenti nazzjonali.« F'każijiet fejn l-Istat Mebru diġà qies opportun jew iqis opportun li jawtorizza 'handling' minn operaturi lilhom infushom, dan m'għandux iservi biex idgħajjef il-livell ta' protezzjoni mitlub mir-regolamenti ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, jew li jnaqqas il-livell ta' taħriġ tal-impjegati.
19.9.2005
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda rifjut tal-proposta għal direttiva u biex jitlob lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 39, biex tissottometti proposta għal direttiva dwar it-trasparenza u l-kundizzjonijiet tas-suq ekwi bejn il-portijiet.
Justification
The European Commission does not make clear that there is insufficient access to the market of port services.The Commission proposal undermines national rules and brings more legal insecurity for all concerned.The proposal shall not lead to more equal competition conditions between ports.
Furthermore, the Commission reintroduces this new proposal for a Port Services Directive without taking into account the reasons why the Parliament on November 20, 2003 rejected the result of the conciliation committee on the former Commission proposal. The Parliament expressed serious concerns about the possible social and environmental consequences of the proposals on self handling and pilotage. As the Commission has not taken into account these concerns and has not organised a consultation with the most important stakeholders, we propose to reject this new proposal giving a clear signal to the Commission that serious consultation with all stakeholders has to be organised before adopting a proposal.
As stated by the European Parliament the main objective of the Directive should concentrate on competition between the ports rather than within ports.
PROCEDURE
Title
Proposal for a directive of the European Parliament and of the Council on market access to port services
Committee asked for its opinion Date announced in plenary
EMPL 1.12.2004
Enhanced cooperation
Draftsman Date appointed
Stephen Hughes 15.3.2005
Discussed in committee
14.6.2005
12.7.2005
14.9.2005
Date amendments adopted
15.9.2005
Result of final vote
for:
against:
abstentions:
18
10
1
Members present for the final vote
Jan Andersson, Iles Braghetto, Philip Bushill-Matthews, Milan Cabrnoch, Alejandro Cercas, Ole Christensen, Derek Roland Clark, Luigi Cocilovo, Proinsias De Rossa, Harald Ettl, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Joel Hasse Ferreira, Roger Helmer, Stephen Hughes, Karin Jöns, Sepp Kusstatscher, Thomas Mann, Mario Mantovani, Ana Mato Adrover, Ria Oomen-Ruijten, Anne Van Lancker
Substitutes present for the final vote
Mihael Brejc, Udo Bullmann, Gintaras Didžiokas, Marian Harkin, Leopold Józef Rutowicz, Elisabeth Schroedter, Marc Tarabella, Georgios Toussas
Substitutes under Rule 178(2) present for the final vote
Vittorio Agnoletto, Bairbre de Brún, Eva Lichtenberger, Erik Meijer
16.9.2005
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦAS-SUQ INTERN U L-ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR
lil-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port
Ir-rapporteur titlob għar-rifjut/irtirar tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-aċċess fis-suq għas-servizzi tal-port. L-argument ċentrali hu li l-għanijiet tal-Kummissjoni mhumiex se jiġu milħuqa b'din il-proposta. Inħolqot ukoll sitwazzjoni mhux tas-soltu f'dik li hija l-oppożizzjoni għad-direttiva dwar il-portijiet peress li l-oppożizzjoni u x-xettiċiżmu jinsabu mifruxa fost il-partijiet politiċi kollha kif ukoll fost il-partijiet varji li għandhom x'jaqsmu mas-servizzi tal-port - ibda mill-EPSO sal-IDC u l-FEPORT(6) Bi qbil mas-Sur Stephen Hughes, ir-'rapporteur' għal opinjoni għall-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, ir-'rapporteur' għal opinjoni tixtieq turi d-diżappunt tagħha għall-fatt li l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni hija essenzjalment ibbażata fuq it-test ta' konċiljazzjoni li kien ġie rrifjutat u li l-proposta ġiet imfassla mingħajr ebda djalogu soċjali, ħaġa li hi kontra l-Artikoli 136, 138 u 140 tat-Trattat UE. Ta' min anke wieħed jinnota l-ħeffa li biha l-Kummissjoni reġgħet ġiet bi proposta ġdida wara li kienet irrifjutata dik preċedenti. Hemm riskju li l-proċess demokratiku jiġi mtebba' jekk proposti li ma ntlaqgħux jerġgħu jiġu preżentati b'dehra ġdida. Il-Kummissjoni tgħid li hi għamlet il-proposta/proposti tagħha dwar l-aċċess għas-suq għas-servizzi tal-port għax ħasset 'bżonn' fl-UE għal dan. Ir-'rapporteur' għal opinjoni fissret id-dubju tagħha fir-rigward ta' dan il-'bżonn', u l-argumenti li fuqhom huma bbażati l-fehmiet tal-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur huma ppreżentati taħt dawn it-tliet titoli li ġejjin: Deregolazzjoni, Qafas legali komuni u l-Liġi tax-xogħol.
1. Deregolazzjoni
Il-kompetizzjoni bħala l-enfasi primarja
Wieħed mill-argumenti ewlenin tal-Kummissjoni favur direttiva għall-portijiet hu li l-kompetizzjoni ġewwa u bejn il-portijiet Ewropej għandha tiġi intensifikata sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jibbenefikaw aktar. Madankollu, wieħed għandu jżomm f'moħħu li l-portijiet Ewropej huma fost l-aktar effiċjenti fid-dinja(7). Il-kompetizzjoni diġà teżisti bejn portijiet individwali fl-UE, bir-riżultat li dawk il-portijiet li huma effiċjenti biżżejjed u li jagħtu valur għall-flus biss jirnexxilhom ifendu. Għaldaqstant ikun kontroproduċenti jekk jiġu applikati regoli komuni meta d-diversità li hemm fil-preżent diġà wriet il-vantaġġi tagħha f'dawk li huma profitt u effiċjenza tal-port. L-investituri u l-kumpaniji tal-port ukoll ma laqgħux il-proposta attwali peress li ż-żminijiet tranżizzjonali huma qosra wisq. L-ebda kumpanija tal-port jew investitur ma jista' jirrijorganizza l-operat tan-negozju tiegħu f'perjodu ta' ħames snin, kif propost. Bl-istess mod, iż-żmien għal kuntratti ta' kera huwa qasir wisq. L-investituri jridu li jkunu jistgħu jaraw fit-tul sabiex ikunu jistgħu jqisu kull investiment importanti fin-negozju. Il-portijiet m'humiex eċċezzjoni. Dan ir-riskju ta' l-investiment joħloq klima mhux favorevoli għall-investituri li jkollha konsegwenzi diżastrużi għall-portijiet Ewropej u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-klijenti tagħhom. L-opinjoni tar-'rapporteur' għal opinjoni hi li l-kompetizzjoni bejn il-portijiet mhix l-aktar ħaġa fundamentali li tiddetermina l-irwol ta' port bħala ċentru ta' forom diversi ta' trasport. Fundamentali huma l-flussi ta' prodotti li l-port imexxi u t-tip ta' prodotti li huma mmexxija. Flussi tajbin huma determinati mil-lok ġeografiku u l-infrastruttura bħalma huma kanali, ferroviji u toroq lejn u ‘l hinn mill-port. L-infrastruttura ta’ ġol-port ovvjament għandha parti importanti hekk kif bastiment jorbot fil-port, iżda l-għażla tal-port mhix neċessarjament magħmula skond il-kwalitajiet u l-faċilitajiet ta’ ġol-port. Dan ifisser li l-fattur deċiżiv mhux daqstant il-kompetizzjoni ta’ ġol-port iżda l-kompetizzjoni ta’ bejn il-portijiet.
L-artikoli 13 u 14 għandhom jiġu eżaminati b’aktar reqqa fir-rigward tad-deregolazzjoni, u l- kompetizzjoni li għaliha l-Kummissjoni tixtieq tiftaħ dawn is-servizzi. Fil-bażi ta’ dawn l-artikoli kontroversjali hemm l-aspetti tal-‘handling’ minn operaturi lilhom infushom u l-pilotaġġ. L-idea tal-‘handling’ minn operaturi lilhom infushom fil-portijiet hija meħuda mid-direttiva ta’ ‘handling’ minn operaturi lilhom infushom fl-ajruportijiet. Tista’ titqies żejda li tinġibed l-attenzjoni li l-portijiet ta’ mal-baħar huma kompletament differenti mill-ajruporti iżda madankollu l-Kummissjoni xorta waħda applikat l-‘handling’ minn operaturi lilhom infushom maħsub għall-ajruporti, għall-portijiet ta’ mal-baħar. Il-‘handling’ minn operaturi lilhom infushom ifisser li kull klijent tal-port jista’ jagħmel ‘handling’ tal-prodotti u tax-xogħol tiegħu. Jekk dan it-tip ta’ ‘handling’ jitħalla jsir mingħajr ebda restrizzjoni, hemm riskju kbir li tinħoloq konfużjoni fl-operazzjoni. Huwa impossibbli li jkun hemm regolazzjoni ta’ min għandu prijorità biex juża żoni komuni, krejnijiet u mollijiet komuni, ferroviji għat-tagħbija, eċċ. Fir-rigward tal-pilotaġġ, il-konoxxenza mill-pilota ta' l-ibħra ta’ l-inħawi u l-esperjenza tiegħu fl-immanuvrar tal-ħafna tipi diversi ta’ bastimenti jikkontribwixxu biex tinżamm is-sikurezza marittima u ambjentali, u l-aċċessibiltà, meta bastimenti jkunu għaddejjin minn ibħra/kanali interni/esterni. Il-pilotaġġ m’għandux jitqies bħala servizz kummerċjali. Fi kliem ieħor, is-sikurezza m’għandhiex tiġi suġġetta għall-kompetizzjoni!
2. Qafas legali komuni
Nuqqas ta’ ġustifikazzjoni konvinċenti
F’diversi okkażjonijiet, ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni ppreżentaw l-argument tagħhom billi sostnew li s-servizzi tal-port huma l-uniċi servizzi fis-settur tat-trasport li mhumiex deregolarizzati. Fid-dawl tas-sitwazzjoni msemmija hawn fuq li tirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ portijiet Ewropej meta mqabbla ma’ portijiet mhux Ewropej, dan l-argument mhuwiex konvinċenti. Il-Kummissjoni qed turi attitudni dogmatika għal regolazzjoni ‘biex tkun saret’ minflok jittieħed każ ta’ x’hemm bżonn isir. Il-Kummissjoni għadha ma għamlitx analiżi tal-impatt li ħafna mill-partijiet ikkonċernati talbu li ssir. Għaldaqstant m’hemm l-ebda analiżi li tindika ħtiġijiet jew problemi speċifiċi fis-settur tal-portijiet fl-UE li wieħed jista’ jikkonsulta. Sett ta’ dispożizzjonijiet li jpoġġu ’l kulħadd fl-istess keffa jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà tat-Trattat KE. Il-Kummissjoni għandha ssolvi kull problema ta’ aċċess għas-suq fuq bażi ta’ kull każ, b’konsultazzjoni ma’ dawk kollha kkonċernati fl-industrija. Bl-istess mod, it-test tal-Kummissjoni huwa diffiċli biex wieħed jinterpretah mill-perspettiva legali u jinkludi numru ta’ kunċetti vagi u saħansitra mċajprin, li ’l quddiem joħolqu diffikultajiet ta’ interpretazzjoni – u b’riżultat – tilwim legali. Fil-forma attwali, hemm riskju li d-direttiva tal-portijiet se toħloq aktar problemi legali milli se ssolvi, u twassal għall-konklużjoni li għandha tiġi rtirata. Bħala rekwiżit minimu, madankollu, partijiet sostanzjali mid-direttiva għandhom jiġu mibdula/emendati.
3. Liġi tax-xogħol
Il-qofol huma l-persuni – mhux in-numri
Ir-‘rapporteur’ għal opinjoni rrimarkat li l-proposta attwali għal direttiva – issa aktar minn qabel – tenfasizza li ftehimiet kollettivi diġà miftiehma ma jistgħux jiġu mwarrba u ħadd ma jista’ jdur madwarhom, u li t-terminu ‘protezzjoni soċjali’ ngħata aktar prominenza minn qabel. Madankollu wieħed jistenna aktar mill-perspettiva tal-liġi tax-xogħol. Il-proposta kontroversjali dwar il-‘handling’ minn operaturi lilhom nfushom, jiġifieri li sidien ta’ portijiet jistgħu jimpjegaw lin-nies tagħhom biex jgħabbu jew iħottu minflok jużaw ħaddiema tal-port tradizzjonali hija wkoll inkluża f’din il-proposta, u din id-darba b’termini riferenzjali aktar wesgħin. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-‘handling’ minn operaturi lilhom infushom huwa sitwazzjoni li la hija mixtieqa mit-trejdjunjins u lanqas minn min iħaddem. Hija sitwazzjoni unika fejn min jaħdem u min iħaddem ħadu pożizzjonikomuni, jiġifieri li din titneħħa mill-proposta, kif wara kollox, ħadet ukoll ir-rapporteur għal opinjoni. Ta’ min wieħed jinnota li r-rapporteur tal-Parlament, is-Sur Georg Jarzembowski, waqt is-seduta ta’ smigħ tal-Kumitat għat-Trasport ta' l-14 ta’ Ġunju, qal li l-Artikolu 13 li jikkonċerna ‘handling’ minn operaturi lilhom infushom jista’ jitneħħa mill-proposta fil-verżjoni finali tiegħu. Mill-perspettiva tat-trejdjunjins, ma kien hemm ebda djalogu soċjali kif sanzjonat fl-Artikoli 136, 138 u 140 tat-Trattat KE. Huwa rraportat, pereżempju, li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda kuntatt mal-IDC f’dan ir-rigward. L-Artikolu 7, paragrafu 6, li jikkonċerna awtorizzazzjoni jgħid li fornituri ta’ servizz tal-port għandhom id-dritt li liberament jagħżlu ‘l min iħaddmu. B’hekk il-mistoqsija – għalfejn tispjega dan id-dritt ovvju? X’inhu l-għan warajha? It-trejdjunjins jibżgħu li l-għan hu li jittieħdu l-impjiegi mill-ħaddiema attwali fil-port biex igawdu oħrajn. Il-Kummissjoni għandha tiċċara l-għan ta’ Artikolu 7, paragrafu 6.
Fil-konklużjoni tagħha, ir-rapporteur tisħaq li l-portijiet jistgħu jikkompetu f’dawk li huma prezzijiet u kwalità, iżda ma jkun qatt li tiġi aċċettata l-kompetizzjoni u d-deregolarizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, tal-leġiżlazzjoni ambjentali, tal-għajnuna ta' l-istat u tal-provvedimenti tas-sikurezza.
EMENDI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u għall-Ħarsien tal-Konsumatur jitlob lill-Kummissjoni dwar it-Trasport u t-Turiżmu, bħala l-kumitat risponsabbli, biex jirrifjuta l-proposta tal-Kummissjoni.
PROCEDURE
Title
Proposal for a directive of the European Parliament and of the Council on Market Access to Port Services
Committee asked for its opinion Date announced in plenary
IMCO 1.12.2004
Enhanced cooperation
No
Draftsman Date appointed
Eva-Britt Svensson 30.11.2004
Discussed in committee
19.4.2005
13.6.2005
13.7.2005
Date amendments adopted
14.9.2005
Result of final vote
for:
against:
abstentions:
23
3
0
Members present for the final vote
Bert Doorn, Janelly Fourtou, Evelyne Gebhardt, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Christopher Heaton-Harris, Anna Hedh, Anneli Jäätteenmäki, Pierre Jonckheer, Henrik Dam Kristensen, Kurt Lechner, Toine Manders, Zita Pleštinská, Guido Podestà, Zuzana Roithová, Heide Rühle, Luisa Fernanda Rudi Ubeda, Leopold Józef Rutowicz, Eva-Britt Svensson, Marianne Thyssen, Jacques Toubon, Bernadette Vergnaud, Barbara Weiler, Phillip Whitehead, Joachim Wuermeling
Substitutes present for the final vote
Charlotte Cederschiöld
Substitutes under Rule 178(2) present for the final vote
PROCEDURE
Title
Vorschlag für eine Richtlinie des Europäischen Parlaments und des Rates über den Zugang zum Markt für Hafendienste
Committee(s) asked for opinion(s) Date announced in plenary
ECON 1.12.2004
EMPL 1.12.2004
IMCO 1.12.2004
Not delivering opinion(s) Date of decision
ECON 10.11.2004
Enhanced cooperation Date announced in plenary
Rapporteur(s) Date appointed
Georg Jarzembowski 22.11.2004
Previous rapporteur(s)
Simplified procedure – date of decision
Legal basis disputed Date of JURI opinion
/
Financial endowment amended Date of BUDG opinion
/
European Economic and Social Committee consulted – date of decision in plenary
Committee of the Regions consulted – date of decision in plenary
Discussed in committee
19.4.2005
14.6.2005
29.8.2005
11.10.2005
Date adopted
22.11.2005
Result of final vote
+:
–:
0:
23
24
2
Members present for the final vote
Inés Ayala Sender, Etelka Barsi-Pataky, Philip Bradbourn, Michael Cramer, Arūnas Degutis, Christine De Veyrac, Armando Dionisi, Petr Duchoň, Saïd El Khadraoui, Robert Evans, Roland Gewalt, Mathieu Grosch, Ewa Hedkvist Petersen, Jeanine Hennis-Plasschaert, Georg Jarzembowski, Dieter-Lebrecht Koch, Jaromír Kohlíček, Jörg Leichtfried, Fernand Le Rachinel, Bogusław Liberadzki, Eva Lichtenberger, Patrick Louis, Erik Meijer, Ashley Mote, Michael Henry Nattrass, Seán Ó Neachtain, Janusz Onyszkiewicz, Josu Ortuondo Larrea, Willi Piecyk, Luís Queiró, Reinhard Rack, Luca Romagnoli, Gilles Savary, Renate Sommer, Dirk Sterckx, Ulrich Stockmann, Gary Titley, Georgios Toussas, Marta Vincenzi, Corien Wortmann-Kool, Roberts Zīle
Substitute(s) present for the final vote
Markus Ferber, Jas Gawronski, Zita Gurmai, Elisabeth Jeggle, Joost Lagendijk, Rosa Miguélez Ramos, Willem Schuth
Substitute(s) under Rule 178(2) present for the final vote
Ioannis Gklavakis
Date tabled
15.12.2005
Comments (available in one language only)
Vote on the legislative resolution in TRAN Committee: 26:24.
Komunikazzjoni bit-titlu 'It-Tisħiħ ta' servizzi ta' kwalità fil-portijiet ta' mal-baħar: il-qofol għal sistema ta' trasport fl-Ewropa' u proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port - COM(2001)0035 - COD 2001/0047.
Test komuni 3670/2003 - C5-0461/2003 u rapport dwar it-test komuni approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għal direttiva tal-Paralament Ewropew u tal-Kunsill dwar aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port - delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni - A5-0364/2003.
U mill-kapijiet ta' l-istat u tal-gvern ta' l-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew sal-15-16 ta' Marzu 2002 (paragrafu 38 tal-konklużjonijiet) u tal-21-22 ta' Marzu 2003 (paragrafu 29 tal-konklużjonijiet).
Test komuni 3670/2003 - C5-0461/2003 u rapport dwar it-test komuni approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni għal direttiva tal-Paralament Ewropew u tal-Kunsill dwar aċċess għas-suq tas-servizzi tal-port - delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni - A5-0364/2003.
Skond il-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport, it-tariffa normali biex jitgħabba u jinħatt kontejner ta' 40 pied, per eżempju, hi:
US$ 100 f'portijiet Ewropej
US$ 200 f'portijiet fl-Amerika ta' Fuq
US$ 300 f'portijiet Ażjatiċi
Apparti minn hekk, il-kumpaniji tal-portijiet Ewropej jistgħu jiġu mfittxija għal danni konsiderevoli jekk dawn ma jgħabbux u jħottux il-vapuri fl-inqas żmien realistiku, filwaqt li ħinijiet twal ta' stennija huma aktar in-norma milli l-eċċezzjoni fejn jidħlu vapuri f'portijiet Ażjatiċi jew Amerikani.