RAPPORT dwar id-dokument tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar l-istrateġija tat-tkabbir

3.2.2006 - (2005/2206)(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Elmar Brok


Proċedura : 2005/2206(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0025/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar id-dokument tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar l-istrateġija tat-tkabbir

(2005/2206)(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar l-istrateġija tat-tkabbir (COM(2005)0561,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Prinċipji, il-Prijoritajiet u l-Kundizzjonijiet inklużi fis-Sħubija ta' Adeżjoni mal-Kroazja (COM(2005)0556),

   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Prinċipji, il-Prijoritajiet u l-Kundizzjonijiet inklużi fis-Sħubija ta' Adeżjoni mat-Turkija (COM(2005)0559),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni mill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għal sħubija ma' l-Unjoni Ewropea (COM(2005)0562) u l-proposta relatata tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Prinċipji, il-Prijoritajiet u l-Kundizzjonijiet inklużi fis-Sħubija Ewropea ma' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (COM(2005)0557,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-progress magħmul mill-Bożnja u l-Ħerżegovina fl-implimentar tal-prijoritajiet identifikati fl-"Istudju ta' Fattibilità dwar kemm il-Bożnja u l-Ħerżegovina hija lesta biex tinnegozja Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea (COM(2003) 692 finali)" (COM(2005)0529),

–   wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Progress tal-Kummissjoni dwar l-Albanija (SEC(2005)1421), il-Kosovo (SEC(2005)1423), il-Bożnja u l-Ħerżegovina (SEC(2005)1422), is-Serbja u l-Montenegro (SEC(2005)1428), it-Turkija (SEC(2005)1426) u l-Kroazja (SEC(2005)1424),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-bidu tan-negozjati mat-Turkija[1]

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0025/2006).

1.  Jilqa' l-fatt li d-Dokument ta' Strateġija tal-Kummissjoni jitkellem favur Unjoni li tħares lil hinn mill-fruntieri tagħha u li tkompli tippreżenta ruħha lill-pajjiżi ġirien bħala sieħba li wieħed jista' joqgħod fuqha, impenjata li tippromwovi demokraziji stabbli u ekonomiji f'saħħithom;

2.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu b'koperazzjoni fit-tfassil ta' strateġija ta' komunikazzjoni sabiex jindirizzaw it-tħassib leġittimu tal-pubbliku Ewropew dwar it-tkabbir Ewropew u l-integrazzjoni Ewropea;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-inċentiv offrut mill-istrateġija ta' tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea bla dubju kkontribwixxa għall-bidu ta' riformi fit-Turkija, fil-Kroazja u l-pajjiżi kollha tal-Punent tal-Balkani;

4.  Japprova u jappoġġja l-enfasi magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kundizzjonalità ġusta u stretta, li permezz tagħha l-Kummissjoni tfassal ħtiġijiet ċari u oġġettivi għal kull fażi tal-proċess ta' sħubija u tippermetti biss li n-negozjati jkomplu jekk tkun sodisfatta bis-sħiħ li tħarsu l-kundizzjonijiet rilevanti kollha; għalhekk, jerġa' jisħaq li l-progress magħmul minn kull pajjiż kandidat se jiddependi fuq il-merti ta' dak il-pajjiż stess;

5.  Ifakkar li l-kapaċità ta' assorbiment ta' l-Unjoni, kif stabbilit fis-Samit ta' Kopenħagen ta' l-1993, tibqa' waħda mill-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta' pajjiżi ġodda; jemmen li l-fatt li n-natura ta' l-Unjoni Ewropea tkun definita, inklużi l-fruntieri ġeografiċi tagħha, huwa fundamentali biex jinftiehem il-kunċett ta' kapaċità ta' assorbiment; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta rapport li jfassal il-prinċipji li jsaħħu dan il-kunċett sal-31 ta' Diċembru 2006; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dan l-element fl-iskeda ta' negozjati globali; jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, flimkien mal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu, biex ikunu awtorizzati biex ifasslu rapport dwar il-kwistjoni fuq inizjattiva tagħhom stess;

6.  Huwa ta' l-opinjoni li l-waqfa fir-ratifikazzjoni tat-Trattat li jistabilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa mhux qed tħalli lill-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċità ta' assorbiment;

7.  Ifakkar lill-Kunsill li, qabel ma jieħu deċiżjoni finali dwar kwalunkwe Stat Membru li se jissieħeb ma' l-Unjoni, irid jiżgura li hemm riżorsi baġitarji xierqa sabiex il-politika ta' l-Unjoni tkun tista' tiġi ffinanzjata kif suppost;

8.  Jerġa' jisħaq it-talba tiegħu għal żieda ta' EUR 2.5 biljuni u t-tqassim mill-ġdid ta' EUR 1.2 biljuni skond l-Intestatura 4 (L-Unjoni Ewropea bħala sieħba globali) kif imqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni rilevanti b'mod partikulari għall-istrumenti ta' qabel is-sħubija (IPA) u ta' Viċinanza u Sħubija (ENPI);

9.  Jerġa' jfakkar li l-perspettiva Ewropea għat-tul jibqa' l-objettiv li jrid jintlaħaq fuq il-bażi tal-kriterji u l-kundizzjonijiet diġà msemmija, inkluża l-kapaċità ta' assorbiment ta' l-Unjoni, kif ukoll fuq il-bażi ta' l-impennji meħuda mill-Unjoni, li kollha jridu jkunu parti minn skeda ta' negozjati li hija possibbli;

10. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, f'każ li din il-perspettiva teħtieġ spettru usa' ta' possibilitajiet operattivi, jippreżentaw, għal dawk il-pajjiżi Ewropej kollha li bħalissa m'għandhomx perspettiva ta' sħubija, proposti għal relazzjoni multilaterali mill-qrib ma' l-UE; jenfasizza li huwa d-dmir tal-pajjiżi kollha li għandhom perspettiva ta' sħubija rikonoxxuta li jissieħbu ma' dan il-qafas multilaterali bħala pass intermedjarju lejn sħubija sħiħa;

11. Huwa ta' l-opinjoni li għażla bħal din toffri wkoll il-perspettiva Ewropea meħtieġa sabiex tippromwovi l-ħafna riformi interni meħtieġa fil-pajjiżi msemmija;

12. Jerġa' jsostni li l-proċess ta' integrazzjoni ta' l-UE ma jistax jitmexxa biss minn kriterji teknokratiċi iżda jeħtieġ impenn dedikat għall-prinċipji fundamentali tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt; se jikkunsidra l-konformità ma' dawn il-valuri bħala fattur deċiżiv fl-evalwazzjoni ta' kemm pajjiż huwa lest li jissieħeb fl-Unjoni;

13. Jitlob lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex iżommu l-impennji tagħhom fir-rigward tas-sħubija possibbli tal-pajjiżi konċernati; jirrimarka li l-applikazzjoni effettiva tal-kundizzjonalità politika tiddependi wkoll fuq it-twemmin li l-Unjoni Ewropea se ssostni bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tagħha dwar il-prospetti Ewropej għal dawn il-pajjiżi;

14. Madankollu, ifakkar lill-istati kandidati u l-istati kandidati potenzjali li l-implimentazzjoni stretta u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni adotatta biex tikkonforma mal-liġi tal-KE huma kruċjali; f'dan il-kuntest, huwa konvint li amministrazzjoni pubblika u sistema ġudizzjarja li huma verament indipendenti, li jaħdmu sew, u li jingħataw ir-riżorsi loġistiċi u finanzjarji meħtieġa, huma pre-rekwiżiti essenzjali; għalhekk, bl-assistenza tal-Kummissjoni, jitlob lil dawn il-pajjiżi biex jieħdu miżuri konkreti f'din id-direzzjoni;

15. Iqis li l-pajjiżi kandidati jridu juru l-kapaċità tagħhom li jipproteġu l-fruntieri esterni ta' l-Unjoni meta jkunu ssieħbu mal-Ftehima ta' Schengen.

16. Jerġa' jisħaq il-ħtieġa biex tkun promossa l-koperazzjoni reġjonali fuq kwistjonijiet kruċjali li jaffettwaw il-Balkani tal-Punent, bħar-rikonċiljazzjoni etnika u reliġjuża, il-koperazzjoni bejn il-fruntieri u l-moviment ħieles tal-persuni, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, t-tħaffif tar-ritorn tar-refuġjati, l-istabbiliment ta' zona ta' kummerċ ħieles li kapaċi tattira investiment barrani, it-tqassim tar-riżorsi ambjentali u l-iżvilupp ta' netwerks bejn il-fruntieri integrati; jemmen li, fil-fora tan-negozjati differenti u permezz tal-programmi ta' assistenza differenti li tista' tuża, il-Kummissjoni għandha tipprova tilħaq dan l-objettiv b'mod attiv billi tipprovdi inċentivi veri; ifakkar fil-kontribut mogħti mill-Patt għall-Istabilità f'dan ir-rigward u jappoġġja l-isforzi tiegħu biex jippromwovi kontroll akbar tal-proċess ta' integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani;

17. Iqis li programmi ta' żvilupp reġjonali u ta' investiment, inizjattivi konġunti ta' edukazzjoni u ta' impjiegi, u proġetti ta' trasport u ta' turiżmu komuni għandhom isarrfu fl-istabbiliment ta' mekkaniżmi konġunti, bħal Unjoni Doganali tal-Punent tal-Balkani, ħafna qabel ma l-pajjiżi konċernati kollha jissieħbu ma' l-UE.

18. Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani biex jiżguraw id-drittijiet tal-minoranzi u d-dritt tagħhom li jirritornaw fil-post ta' oriġini tagħhom.

19. Jilqa' l-ftehima ffirmata ftit taż-żmien ilu bejn il-Kroazja, il-Bożnja u l-Ħerżegovina u s-Serbja u l-Montenegro dwar ir-ritorn tar-refuġjati u l-kumpensi ta' propjetà, bħala pass importanti biex tkun solvuta l-konsegwenza ta' xi tliet miljun refuġjat u persuni spustati internament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ma jkomplux inaqqsu l-kontributi tagħhom għar-rikostruzzjoni ta' djar u għal proġetti ta' tisħiħ ekonomiku u, fejn ikun possibbli, jikkundizzjonaw id-donazzjonijiet, is-self u l-investimenti għall-opportunitajiet ta' impjiegi għal dawk li jirritornaw;

20. Jinnota li minkejja t-tkabbir ekonomiku, ir-rata ta' qgħad fil-Balkani tal-Punent għadha m'hijiex aċċettabbli; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi l-ħolqien tax-xogħol bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha fil-politika globali tagħha li tikkonċerna r-reġjun;

It-Turkija

21. Jemmen li Turkija demokratika u sekulari jista' jkollha rwol kostruttiv fil-promozzjoni tal-ftehim bejn iċ-ċivilizzazzjonijiet;

22. Jinnota li, filwaqt li għaddej il-proċess ta' tranżizzjoini politika tat-Turkija, il-pass tal-bidla naqas fl-2005 u l-implimentazzjoni tar-riformi għadha m'hijiex uniformi; jittama li l-bidu tan-negozjati jagħti spinta għal riformi oħra neċessarji li t-Turkija għandha twettaq sabiex tissodisfa bis-sħiħ il-kriterji kollha politiċi u ekonomiċi; tistenna li l-Kummissjoni teżamina b'mod strett u bir-reqqa l-iżviluppi li qed isiru fir-rigward ta' l-implimentazzjoni effettiva mit-Turkija ta' dispożizzjonijiet legali, b'mod parikulari, dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

23. Tħeġġeġ lit-Turkija biex tneħħi l-ostakli attwali kollha leġiżlattivi u prattiċi għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali u għal-libertajiet taċ-ċittadini Torok kollha, b'mod partikulari l-libertà ta' l-espressjoni, il-libertà reliġjuża, id-drittijiet kulturali, id-drittijiet tal-minoranzi b'mod ġenerali u b'mod partikulari, id-drittijiet tal-Patrijarka ekumeniku kif ukoll id-drittijiet tal-minoranza Griega f'Istanbul, f'Imbros u f'Tenedos;

24. Jistenna li t-Turkija tiżgura l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u l-operat xieraq tagħha, li telimina t-tortura u l-moħqrija minnufih, li tagħmel sforzi qawwija biex tippromwovi d-drittijiet tan-nisa u biex tieħu passi bil-qorti kontra l-vjolenza fuq in-nisa; iħeġġeġ lit-Turkija biex tipprovdi kenn għal nisa li hemm riskju li ssir vjolenza fuqhom;

25. Jilqa' r-rimarki pożittivi tal-Prim Ministru Erdogan dwar il-ħtieġa li tkun solvuta l-kwistjoni Kurda b'mezzi demokratiċi; jilmenta l-fatt li bħalissa s-sitwazzjoni tas-sigurtà fix-xlokk tal-pajjiż marret għall-agħar, b'mod partikulari minħabba li żdiedet il-vjolenza wara li reġgħu bdew l-attakki terroristiċi; ifakkar lill-partijiet konċernati kollha li aktar provokazzjoni jew żieda fil-vjolenza mhux biss jaffettwaw lin-nies tar-reġjun serjament, iżda jistgħu jkunu wkoll ta' ostaklu fil-proċess tan-negozjati;

26. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti biex ma tħarrikx aktar lil Orhan Pamuk, iżda jikkundanna t-tħarrik ta' nies oħra għall-espressjoni ta' l-opinjoni b'mod li m'huwiex vjolenti; għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex jirrevedu d-dispożizzjonijiet legali li xi drabi huma applikati mill-ġudikatura anki fuq il-bażi tal-Kodiċi Penali adottat riċentement, biex individwi jitħarrku u f'xi każi, jinstabu ħatja minkejja l-fatt li esprimew l-opinjonijiet tagħhom b'mod li m'huwiex vjolenti;

27. Juri dispjaċir għad-Dikjarazzjoni unilaterali li t-Turkija wettqet fl-okkażjoni ta' l-iffirmar tal-Protokoll Anċillari għall-Ftehima ta' Ankara; ifakkar lit-Turkija li r-rikonoxximent ta' l-Istati Membri kollha huwa parti meħtieġa tal-proċess ta' adeżjoni;

28. Jitlob lill-awtoritajiet Torok biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-Ftehima ta' l-Unjoni Doganali u l-prijoritajiet fis-Sħubija ta' Adeżjoni u biex ineħħu minnufih ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment ħieles tal-merkanzija li jaffettwaw, inter alia, bastimenti li jtajru l-bandiera tar-Repubblika ta' Ċipru jew vapuri resqin lejn portijiet Torok minn portijiet fir-Repubblika ta' Ċipru, jew ajruplani Ċiprijotti; jitlob lill-gvern Tork biex jiddikjara b'mod ċar fl-Assemblea Nazzjonali Għolja Torka li d-Dikjarazzjoni m'hijiex parti mill-proċess ta' ratifikazzjoni, u għalhekk il-Parlament Ewropew ikun jista' jirratifika l-Protokoll Anċillari;

29. Jitlob lill-Kunsill biex jagħmel sforzi ġodda biex jilħaq ftehim dwar il-pakkett ta' għajnuna finanzjarja u dwar regoli għat-tħaffif tal-kummerċ li jikkonċernaw il-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru;

30. Jerġa' jisħaq il-pożizzjoni tiegħu li dawk il-prijoritajiet fis-Sħubija ta' Adeżjoni li jirrelataw mal-kriterji politiċi jridu jitwettqu fl-ewwel fażi tan-negozjati; jinnota b'sodisfazzjon li issa l-Kumissjoni wkoll tappoġġja din il-fehma billi ddikjarat li dawk il-kriterji għandhom jitwettqu fi żmien sena jew sentejn; jitlob lit-Turkija biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta pjan li jinkludi skeda u miżuri speċifiċi biex jinżammu dawn l-iskadenzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaraw li l-progress tan-negozjati jsir biss jekk dawk il-prijoritajiet jitwettqu saż-żmien miftiehem;

31. Jistenna li t-Turkija ma tostakolax l-applikazzjoni tal-Ftehima ta' Berlin man-NATO;

Il-Kroazja

32. Jilqa' d-deċiżjoni ta' l-UE li tibda negozjati ta' adeżjoni mal-Kroazja f'Ottubru ta' l-2005, wara l-evalwazzjoni tal-Prosekutur Ġenerali ta' l-ICTY li issa l-Kroazja qed tikkopera bis-sħiħ, u jfaħħarha għall-progress xieraq li wettqet s'issa; iħeġġeġ lill-aworitajiet Kroati biex ikomplu jimplimentaw il-programm ta' riformi, biex jibqgħu jikkoperaw bis-sħiħ ma' l-ICTY u biex isaħħu b'mod globali il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja;

33. Jilqa' l-arrest tal-Ġeneral Gotovina mill-awtoritajiet Spanjoli; jittama li dan iżid il-pressjoni fuq is-Serbja u r-Repubblika Srpska biex jikkoperaw bis-sħiħ ma' l-ICTY u li l-ġuri jikkontribwixxi għal diskussjoni wiesgħa dwar dak li seħħ fil-gwerra fl-ex-Repubblika Jugoslava li fiha kien involut il-Ġeneral Gotovina;

34. Għandu l-pjaċir jinnota li l-Kroazja għandha l-kriterji politiċi neċessarji iżda jinnota li trid tindirizza numru ta' sfidi ewlenin fil-qasam tar-riforma ġudizzjarja, b'mod partikulari fir-rigward ta' ħafna każijiet li għadhom lura u fir-rigward ta' sentenzi li juru preġudizzju etniku kontra l-akkużati Serbi fil-prosekuzzjoni ta' krimini tal-gwerra; aktar minn hekk, jenfasizza li jridu jiżdiedu l-isforzi biex titnaqqas il-korruzzjoni, u li, minkejja li diġà hemm Liġi Kostituzzjonali dwar il-Minoranzi Nazzjonali, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex tittejjeb aktar is-sitwazzjoni tar-Roma;

35. Jirrikonoxxi li sar progress fil-qasam tal-koperazzjoni reġjonali kemm fir-rigward ta' relazzjonijiet mal-ġirien tal-Kroazja u ta' inizjattivi reġjonali, u jilqa' d-deċiżjoni riċenti tal-Gvern Kroat li jibgħat l-abbozz ta' Ftehima dwar il-fruntiera ta' l-Istat bejn ir-Repubblika Kroata u l-Bożnja u l-Ħerżegovina għar-ratifika tal-Parlament, iżda jqis li għad hemm il-ħtieġa ta' spinta kbira biex ikunu solvuti kwistjonijiet bilaterali li għadhom sejrin, b'mod partikulari kwistjonijiet dwar fruntiera u proprjetà; jitlob lill-Kroazja u lis-Slovenja biex isolvu l-problemi bilaterali tagħhom bħala ġirien tajba u b'rispett lejn xulxin;

36. Jenfasizza li hemm aktar x'isir biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippromwovu r-ritorn sostenibbli ta' refuġjati fil-qafas tad-Dikjarazzjoni ta' Sarajevo dwar ir-ritorn tar-Refuġjati; f'dan ir-rigward jilqa' l-inizjattiva konġunta mill-Missjoni ta' l-OCSE fil-Kroazja, mill-Gvern Kroat, mill-UNHCR u mid-Delegazzjoni tal-KE għall-Kroazja biex tinbeda Kampanja għall-Għarfien Pubbliku dwar ir-Ritorn tar-Refuġjati; jemmen li inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu b'mod attiv ir-rikonċiljazzjoni fost il-gruppi etniċi differenti huma essenzjali għall-istabilità fil-futur tal-pajjiż u tar-reġjun kollu kemm hu;

37. Jilqa' l-fatt li l-Kroazja tista' titqies bħala ekonomija tas-suq li tiffunzjona u li tkun tista' tlaħħaq mal-kompetizzjoni sakemm tibqa' timplimenta r-riformi tagħha; jiġbed l-attenzjoni tal-Kroazja għad-dgħufijiet li baqa' bħall-indħil eċċessiv ta' l-istat fl-ekonomija, u r-regoli kumplessi u n-nuqqasijiet fl-amministrazzjoni pubblika li qed ifixklu l-iżvilupp fis-settur privat u fil-qasam ta' l-investiment dirett barrani;

38. Jilqa' l-iffirmar tal-Memorandum ta' Ftehim dwar it-Twaqqif tal-Fond Nazzjonali, li jipprovdi bażi legali għall-introduzzjoni ta' sistema ta' implimentazzjoni deċentralizzata għall-assistenza ta' l-UE għal qabel l-adeżjoni;

L-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

39. Jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat; iqis dan bħala rikonoxximent mistħoqq għall-isforzi ta' dak il-pajiż biex jimplimenta l-Ftehima Ohrid bis-sħiħ u biex joħloq stat u soċjetà stabbli, demokratiċi u multi-etniċi, biex jirriforma l-istrutturi tal-ġudikatura u tal-pulizija u biex iwaqqaf ekonomija tas-suq effiċjenti;

40. Iqis li trid tingħata attenzjoni partikulari għall-iżvilupp ta' aktar strateġiji għat-tisħiħ tal-Ftehima Orhid u ma' dan għall-istabilità fil-futur tal-pajjiż;

41. Jinnota b'sodisfazzjon il-progress imwettaq mill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex tkun konformi ma' standards ta' l-UE u mal-liġi ta' l-UE; huwa mħasseb minħabba d-dewmien f'oqsma bħall-moviment ħieles tal-merkanzija, il-liġi tal-proprjetà intellettwali, il-politika tal-kompetizzjoni u l-kontroll finanzjarju; jissieħeb mal-Kummissjoni biex iħeġġeġ lill-awtoritajiet ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw leġiżlazzjoni f'diversi oqsma importanti, inklużi l-affarijiet tal-ġustizzja u intern, u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet imwettqa mill-OSCE/ODHIR qabel l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss;

42. Huwa konvint li l-pass li bih qed ikun adottat l-aquis communautaire għandu jimxi id f'id ma' l-iżvilupp ta' l-implimentazzjoni meħtieġa u mal-kapaċitajiet ta' infurzar, sakemm il-kredibilità tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE ma tkunx kompromessa mal-pubbliku; f'dan il-kuntest ifaħħar il-koperazzjoni li qed tikber bejn ir-Repubblika tal-Kroazja u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bl-iskop li jaqsmu l-esperjenza u l-ħila;

43. Jitlob lil dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex flimkien mal-Greċja, issib soluzzjoni aċċettabli għat-tnejn għall-problema ta' l-isem tal-pajjiż, b'mod kostruttiv u flessibbli; huwa tal-fehma li l-kwistjoni dwar l-isem tar-repubblika m'hijiex ostaklu għat-tkomplija ta' l-integrazzjoni fil-kamp Ewropew;

Pajjiżi oħra tal-Punent tal-Balkani

44. Jerga' jfakkar u jaqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tas-Samit Ewropew ta' Thessaloniki f'Ġunju ta' l-2003, meta l-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern reġgħu saħqu d-determinazzjoni tagħhom li jappoġġjaw bis-sħiħ u b'mod effettiv il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani, li se ssir parti integrali mill-UE, ladarba jkollhom il-kriterji stabbiliti.

45. Jemmen li l-istrateġija ta' integrazzjoni Ewropea, bil-prospett tagħhom ta' sħubija ma' l-UE, hija l-inċentiv fundamentali biex jintlaħqu r-riformi li huma meħtieġa biex tinħoloq paċi dejjiema u stabilità fil-Balkani tal-Punent, reġjun Ewropew li dalwaqt ikun imdawwar kompletament minn Stati Membri ta' l-UE;

46. Iqis li l-adeżjoni futura tal-Balkani tal-Punent għandha titqies bħala fażi oħra tar-rijunifikazzjoni ta' l-Ewropa wara l-Gwerra l-Bierda;

47. Jinnota li r-'Road Map' ta' Qabel l-Adeżjoni għall-Balkani tal-Punent għandha bżonn kemm ta' approċċ dettaljat u konkret, kif ukoll ta' approċċ iktar imsejjes fuq politika u bbażata fuq inċentivi liema approċċ huwa mfassal għall-pajjiżi konċernati, li għandhom istituzzjonijiet ta' stat-ċentrali dgħifa, u li kapaċi jżomm il-momentum għal riforma fuq perjodu twil ta' żmien li jista' jitbassar;

48. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-orjentazzjoni mill-ġdid tagħha ta' assistenza tal-Komunità f'dan ir-reġjun u biex tiffoka l-appoġġ ta' l-UE fuq l-iżvilupp ta' amministrazzjoni u ġudikatura ta' l-istat effiċjenti, it-twaqqif ta' sistemi ta' edukazzjoni moderni u li ma joħolqux segregazzzjoni u, fl-aħħarnett, il-promozzjoni ta' miżuri inklużivi soċjali u ekonomiċi għal dawk li jirritornaw; jemmen li din l-assistenza għandha tintuża wkoll biex issir politika tal-viża akar orjentata għall-futur għal dawn il-pajjiżi, li l-iskop tagħha huwa li tgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata iżda li ma tostakolax skambji bejn il-fruntieri bejn il-komunità tan-negozju, l-imsieħba soċjali, il-personal akkademiku u l-istudenti;

49. Jinnota l-fatt li l-Albanija dalwaqt ittemm in-negozjati għal Ftehima għall-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni (SAA), li jixhed l-isforzi ta' dan il-pajjiż biex jilħaq l-istandards Ewropej, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet politiċi biex jimplimentaw il-liġijiet adottati u jistenna li jiksbu riżultati tanġibbli fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fil-promozzjoni ta' midja ħielsa u indipendenti qabel dik id-data; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament biex ibiddlu l-liġi elettorali qabel l-elezzjonijiet li jmiss sabiex jiggarantixxu rappreżentazzjoni ġusta fil-Parlament tal-qawwiet politiċi appoġġjati miċ-ċittadin Albaniż u biex iwaqqfu l-prattiċi preżenti ta' votazzjoni bit-tattika;

50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Albanija twaqqaf il-ġlieda mdemmija li għaddejja u li fost affarijiet oħra, tostakola lit-tfal milli jmorru l-iskola u nies oħra milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw;

51. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni biex jibda negozjati għal Ftehima ta' l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni (SAA) mal-Bożnja u l-Ħerżegovina, iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-BiH, biex bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant l-Għoli l-ġdid, jirrevedu l-arranġamenti kostituzzjonali ta' Dayton billi jkomplu jikkonsolidaw l-istituzzjonijiet f'livell ta' l-Istat filwaqt li jiżguraw li t-trasferimenti ta' ħiliet fis-setturi tal-ġustizzja, tad-difiża u tal-pulizija jkunu jaqblu ma' trasferimenti finanzjarji proporzjonati; jenfasizza li riformi kostituzzjonali bħal dawn iridu jgħaqqdu d-demokrazija u l-effikaċja mal-kwalità rappreżentattiva u l-multi-etniċità; ifakkar lill-awtoritajiet tal-BiH li koperazzjoni sħiħa ma' l-ICTY tibqa' ħtieġa fundamentali għal negozjati SAA ma' l-Unjoni;

52. F'dan ir-rigward jilqa' stqarrijiet riċenti tar-Rappreżentant l-Għoli li fl-aħħar il-BiH qed tinsa lil Dayton u riesqa b'determinazzjoni lejn l-Ewropa; jemmen li, f'din il-fażi kruċjali, programmi ta' assistenza mill-Komunità u missjonijiet tas-CFSP għandhom ikunu koordinati mill-qrib; għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu l-passi xierqa biex jiżgura li l-Unjoni Ewropea titkellem b'vuċi waħda;

53. Iqis li fil-qafas tan-negozjati għall-konklużjoni ta' Ftehima ta' l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni (SAA), trid tingħata prijorità biex tibqa' titnaqqas il-ħtieġa għall-indħil internazzjonali fil-gvern tal-Bożnja u l-Ħerżegovina; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwittu t-triq b'attenzjoni biex titnaqqas l-importanza ta' l-Uffiċċju tar-Rappreżentant l-Għoli;

54. Jirrispetta x-xewqa ta' l-awtoritajiet tal-Montenegro biex jippreżentaw il-kwistjoni dwar l-istat tal-Montenegro fi ħdan l-Unjoni Stat għal votazzjoni popolari, skond id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tas-Serbja u l-Montenegro u skond l-istandards Ewropej; ikun xi jkun ir-riżultat finali, iħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-żewġ repubbliki biex jikkoperaw mill-qrib u b'mod kostruttiv fil-kuntest tan-negozjati għal Ftehima ta' l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni biex jadottaw il-miżuri meħtieġa biex tintlaħaq integrazzjoni ekonomika sħiħa tas-swieq rispettivi tagħhom;

55. Għandu l-pjaċir li jirreġistra l-progress sinifikanti magħmul mill-awtoritajiet ta' Belgrad ma' l-ICTY; iżda jfakkarhom li huwa vitali li jiżguraw li l-politika tal-gvern għall-ICTY għandha l-appoġġ sħiħ, fil-livelli kollha, ta' l-amministrazzjoni, tal-pulizija, tal-ġudikatura u ta' l-armata;

56. Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet tal-Mibgħuta Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li n-negozjati dwar l-istat tal-Kosovo għandhom jibdew minnufih; madankollu, huwa mħasseb mill-fatt li r-rapport tal-Mibgħuta Speċjali jiddeskrivi s-sitwazzjoni tar-relazzjonijiet interetniċi, b'mod partikulari fir-rigward tal-minoranzi Serbi u Roma, bħala "kerha" u jitlob lill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern tagħhom innifshom biex jieħdu azzjoni immedjata biex dan jitwaqqaf;

57. Jissieħeb mal-Kummissjoni biex jenfasizza l-progress magħmul mill-Kosovo iżda wkoll il-ħafna nuqqasijiet fl-implimentar ta' l-Istandards tan-NU;

58. Ifakkar li l-konklużjoni tan-negozjati ta' l-istat tassumi konformità sħiħa ma' l-Istandards tan-NU u jaqbel mal-Kunsill li s-soluzzjoni għall-kwistjoni ta' l-istat tista' tkun biss Kosovo multi-etnika fejn iċ-ċittadini kollha huma liberi li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw, Kosovo li l-integrità territorjali tagħha hija mħarsa min-NU u mill-Unjoni Ewropea; huwa tal-fehma li l-kwistjoni għandha titqies skond l-integrazzjoni tal-Kosovo fl-UE u għandha tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-paċi, is-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun;

59. Aktar minn hekk, jemmen li d-deċiżjoni dwar l-istat aħħari għandha tingħata flimkien ma' 'roadmap' għall-implimentazzjoni tagħha, li tagħti dettalji tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun evitata d-destabilizzazzjoni fir-reġjun;

60. Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-irwol ta' tmexxija, b'koperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u l-membri kollha tal-Grupp ta' Kuntatt, fin-negozjati dwar l-istat futur tal-Kosovo; jemmen li dawn in-negozjati huma sfida għar-reġjun kollu u li huwa d-dmir tal-pajjiżi kollha konċernati li jappoġġjaw il-proċess u li japprovaw ir-riżultat aħħari tiegħu;

°

°         °

61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tat-Turkija, tal-Kroazja, ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ta' l-Albanija, tal-Bożnja u l-Ħerżegovina, tas-Serbja u l-Montenegro, lill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern tagħhom innifshom fil-Kosovo u lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kosovo (UNMIK).

PROĊEDURA

Titolu

Id-dokument tal-Kummissjoni ta' l-2005 dwar l-istrateġija tat-tkabbir

Numru tal-proċedura

2005/2206(INI)

Bażi fir-Regoli ta' Proċedura

Regola 45

Kumitat responsabbli
  L-awtorizzazzjoni tad-data mħabbra fis-seduta plenarja

AFET17.11.2005

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni(jiet)
  Data mħabbra fis-seduta plenarja

DEVE
17.11.2005

INTA
17.11.2005

BUDG

17.11.2005

IKOMPLI

17.11.2005

ECON

17.11.2005

EMPL

17.11.2005

ENVI

17.11.2005

ITRE

17.11.2005

IMCO

17.11.2005

TRAN

17.11.2005

REGI

17.11.2005

AGRI

17.11.2005

PECH

17.11.2005

CULT

17.11.2005

JURI

17.11.2005

LIBE

17.11.2005

AFCO

17.11.2005

FEMM

17.11.2005

PETI

17.11.2005

Opinjoni mhix mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

DEVE

14.11.2005

INTA

23.11.2005

BUDG

15.11.2005

IKOMPLI

14.11.2005

ECON

30.11.2005

EMPL

15.11.2005

ENVI

27.10.2005

ITRE

23.11.2005

IMCO

21.11.2005

TRAN

22.11.2005

REGI

21.11.2005

AGRI

14.11.2005

PECH

21.11.2005

CULT

23.11.2005

JURI

24.10.2005

LIBE

14.11.2005

AFCO

16.11.2005

FEMM

24.11.2005

PETI

23.11.2005

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data mħabbra fis-seduta plenarja

 

 

 

 

Mozzjoni(jiet) għal riżoluzzjoni inkluża(i) fir-rapport

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Elmar Brok
19.10.2005

 

Diskussjoni fil-kumitat

28.11.2005

12.12.2005

25.1.2006

 

 

Data ta' l-adozzjoni

26.1.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

favur:

kontra:

astensjonijiet:

36

3

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Elmar Brok, Simon Coveney, Giorgos Dimitrakopoulos, Camiel Eurlings, Jas Gawronski, Maciej Marian Giertych, Ana Maria Gomes, Alfred Gomolka, Klaus Hänsch, Anna Ibrisagic, Toomas Hendrik Ilves, Georgios Karatzaferis, Ioannis Kasoulides, Bogdan Klich, Vytautas Landsbergis, Cecilia Malmström, Emilio Menéndez del Valle, Francisco José Millán Mon, Philippe Morillon, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Raimon Obiols i Germà, Cem Özdemir, Mirosław Mariusz Piotrowski, Paweł Bartłomiej Piskorski, Bernd Posselt, Michel Rocard, Raül Romeva i Rueda, Libor Rouček, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jacek Emil Saryusz-Wolski, György Schöpflin, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Konrad Szymański, Charles Tannock, Inese Vaidere, Jan Marinus Wiersma, Karl von Wogau, Luis Yañez-Barnuevo García, Josef Zieleniec

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Árpád Duka-Zólyomi, Marie Anne Isler Béguin, Erik Meijer, Janusz Onyszkiewicz, Rihards Pīks, Frédérique Ries, Aloyzas Sakalas, Inger Segelström

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali skond ir-Regola 178(2)

Lena Ek, Jules Maaten

Data tat-tressiq - A6

3.2.2006

A6-0025/2006