– wara li kkunsidra l-Artikolu 192, paragrafu 2, tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-Regoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' l-Istituzzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u, b'mod partikolari, għall-ewwel rapport trijennali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 17(2) ta' dak ir-Regolament,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0052/2006),
A. billi mir-ratifika tat-Trattat ta' Amsterdam u d-dħul fis-seħħ ta' l-Artikolu 255 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TEC), it-trasparenza saret prinċipju fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, li l-għanijiet tagħha għandhom isaħħu n-natura demokratika ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, jippermettu ċ-ċittadini biex jipparteċipaw iżjed mill-qrib fil-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, jippermettu li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jgawdu leġittimità ikbar billi jkunu iżjed effettivi u jagħtu kont ikbar liċ-ċittadini, u finalment, jagħtu lok għal problemi u żbalji biex jiġu identifikati f'manjiera iżjed f'waqtha,
B. billi Regolament (KE) Nru 1049/2001 jimplimenta biss parzjalment l-Artikolu 255TEC, f'dak li għandu x'jaqsam ma':
-id-definizzjoni impliċita tiegħu ta' l-attività leġiżlattiva (l-Artikolu 12) hija ġenerali wisq u tista' toħloq konfużjoni b'attivitajiet ta' natura amministrattiva; barra minn hekk, ir-Regolament ma jipprevedix li leġiżlazzjoni għandha tkun dibattibbli u adottata fil-pubbliku mill-Kunsill u l-Parlament jew li, flimkien ma' inizjattivi leġiżlattivi, emendi li jiġu ppreżentati lill-Istati Membri għandhom ukoll ikunu immedjatament aċċessibbli; bl-istess mod, kull dokument leġiżlattiv preparatorju għandu wkoll ikun aċċessibbli (mingħajr ma jingħata kas jekk kienx imħejji mis-servizzi legali ta' l-istituzzjonijiet) sabiex id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu b'mod ugwali u b'koperazzjoni leali mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni bl-għarfien sħiħ tal-qasam li jrid jiġi rregolat; barra minn hekk, għad m'hemmx għarfien komuni tal-ħtiġijiet rigward il-pubblikazzjoni ta' testi leġiżlattivi fil-Ġurnal Uffiċjali jew fil-mod kif il-Ġurnal għandu jiġi organizzat (per eżempju, fejn jikkonċerna l-edizzjoni elettronika),
-m'hemmx regoli ċari dwar: aċċess għad-dokumenti ta' natura amministrattiva; l-hekk imsemmi "żmien għal riflessjoni"; abbozzar aħjar; l-għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini tal-proċedura li trid tiġi segwita minn kull istituzzjoni involuta; regoli komuni għall-arkivjar ta' dokumenti, jew aċċess privileġġjat minn persuni b'drittijiet speċifiċi għal aċċess,
-huwa ċar li hemm bżonn li jiġu definiti ċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jiġu klassifikati dokumenti speċifiċi, kompletament jew parti minnhom, bħala kunfidenzjali u għal regoli li jkollhom bżonn klassifikazzjonijiet bħal dawn biex jiġu riveduti regolarment; barra minn hekk, li l-Parlament Ewropew m'għandux bażi legali ċara għall-aċċess ta' informazzjoni kklassifikata ta' l-UE, l-aktar fejn aċċess bħal dan huwa wkoll ipprojbit jew limitat għall-parlamenti nazzjonali, imur kontra l-prinċipju demokratiku li fuqu twaqqfet l-Unjoni; għandha wkoll issir dispożizzjoni biex pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali ma jkunux jistgħu jipprojbixxu l-Kunsill jew il-Kummissjoni milli jagħtu aċċess lill-Parlament għal informazzjoni klassifikata,
-is-sistema amministrattiva (ir-reġistri ta' l-Istituzzjonijiet, id-'databases' u applikazzjonijiet oħra ta' l-IT) għadha f'fażi esperimentali u m'hemmx approċċ komuni mit-tliet istituzzjonijiet; anki rigward proċeduri interistituzzjonali, għad m'hemmx għarfien komuni fost l-Istituzzjonijiet dwar kif jimmaniġjaw, jaqsmu bejniethom, u jarkivjaw it-tipi varji ta' dokumenti; għalkemm sar xi titjib, xorta hemm nuqqas ċar ta' koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, l-aktar fir-rigward ta' dokumenti li għandhom x'jaqsmu ma' proċeduri interistituzzjonali, li b'riżultat ta' dan mhumiex biss iċ-ċittadini normali li jħossuhom mitlufa imma wkoll il-professjonisti, ir-riċerkaturi u l-parlamenti nazzjonali,
C. billi, anki jekk saret dispożizzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għar-reviżjoni tiegħu wara tliet snin, u minbarra l-fatt li l-Parlament talab ħafna drabi lill-Kummissjoni biex ittejjeb u ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar it-trasparenza, mhi qed issir l-ebda proposta skond l-Artikolu 39(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
D. billi l-problemi fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/01 ġew sa ċertu punt marbuta ma' implimentazzjoni mhux adegwata; filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wriet ukoll il-bżonn li jiġu żviluppati u ċċarati ftit mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw dokumenti magħmula mill-Istati Membri u partijiet terzi u l-eċċezzjonijiet għal investigazzjonijiet, parir legali u "ż-żmien għal riflessjoni",
E. billi negozjati trasparenti u miftuħa u kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet huma mezz aħjar min-negozjati sigrieta fil-Kunsill, biex tiġi żgurata l-effettività tal-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 207 tat-Trattat KE; għalhekk, b'dispjaċir li, fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill għażel li ma jemendax ir-regoli ta' proċedura tiegħu u ma jkollux dibattiti trasparenti f'livell ministerjali waqt il-proċedura leġiżlattiva,
1. Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2006 tippreżenta lill-Parlament, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 255 TEC, proposta leġiżlattiva dwar "id-dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, u prinċipji ġenerali u limiti fuq il-bażi ta' interessi pubbliċi jew privati li jirregolaw dan id-dritt għal aċċess", li għandha tiġi ppreparata fid-diskussjonijiet interistituzzjonali u ssegwi r-rakkomandazzjonijiet iddettaljati mniżżla hawn taħt;
2. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet t'hawn taħt jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-ġurisprudenza ta' l-ECHR, b'mod partikolari dik dwar l-Artikolu 8, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali;
3. Jikkunsidra li l-implikazzjonijiet tal-proposta rikjesta trid tkun koperta mill-baġits għat-tħaddim ta' l-istituzzjonijiet għax l-eżiġenzi tat-trasparenza li ma jkunux maqsumin minn dik relatata mal-formazzjoni l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tat-testi fejn l-istituzzjonijiet huma l-awturi jew id-destinatarji".
4. Jisħaq li kwalunkwe regola ġdida dwar l-aċċess għad-dokumenti għandu japplika sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament emendat u għalhekk m'għandux ikollu effetti retroattivi
5. Jagħti struzzjonijiet lill-President biex iressaq din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jiġu magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi fil-proċess ta' adeżjoni u dawk kandidati.
ANNESS MAL-MOZZJONI GĦAL RIZOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Rakkomandazzjoni 1 (dwar l-Artikolu 255 TEC u Regolament (KE) Nru 1049/2001 minn perspettiva kostituzzjonali)
Il-Kummissjoni trid ittejjeb iċ-ċarezza taċ-ċitazzjonijiet u tal-premessi fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 sabiex tagħmilha ċara li l-Artikolu 255 TEC(1), li hija l-bażi legali għar-Regolament stess:
(a) huwa l-bażi legali ewlenija fit-Trattati għall-implimentazzjoni tal-prinċipji fundamentali ta' l-Unjoni, imsemmija fl-Artikolu 1 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea (TEU), li skond dan "...jittieħdu d-deċiżjonijiet b'mod miftuħ kemm jista' jkun possibbli u mill-viċin kemm jista' jkun possibbli taċ-ċittadin", u fl-Artikolu 6 TEU, li skond dan "l-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji ta' ... demokrazija ... u l-istat tad-dritt";
(b) huwa l-bażi legali ċentrali, safejn jikkonċerna t-trasparenza u l-kunfidenzjalità, għall-attivitajiet kollha tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament (it-"triangolu leġiżlattiv") meta dan jaġixxi taħt it-TEC u t-TEU;
(c) jrid jiġi implimentat b'mod leali u sħiħ fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew(2), tal-Kummissjoni(3) u tal-Kunsill(4);
(d) irid jiġi applikat b'mod konsistenti meta l-Istituzzjonijiet jaġixxu f'kapaċità leġiżlattiva (kif imsemmi fl-Artikolu 207 TEC) jew jimplimentaw leġiżlazzjoni ta' l-UE u tal-KE (l-Artikolu 202 TEC), irrispettivament liema istituzzjoni timplimenta l-leġiżlazzjoni jew teżerċita s-setgħat implimentattivi;
Rakkomandazzjoni 2 (dwar il-kunċetti tad-dokumenti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi)
Il-Kummissjoni, wara diskussjoni fil-kumitat interistituzzjonali li jipprovdi għaliha l-Artikolu 15 tar-Regolament u bi qbil mal-prinċipji msemmija fir-Rakkomandazzjoni 1, għandha temenda Regolament (KE) Nru 1049/2001 : (a) billi tingħata definizzjoni ġdida għall-kunċett ta' "dokumenti leġiżlattivi", preżentament definiti fl-Artikolu 12(2) ta' dak ir-Regolament, għal dokumenti "...magħmula jew irċevuti fil-proċess tal-proċeduri għall-adozzjoni ta' atti li jorbtu legalment fl-Istati Membri u lill-Istati Membri", billi tiżdied referenza għall-fatt li l-kunċett ta' att (leġiżlattiv) għandu jkun irriservat għal-liġi sekondarja biss (b'bażi legali diretta fit-Trattati); Għal dak li għandu x'jaqsam mad-dokumenti leġiżlattivi, għandu jingħata l-aċċess:
-għad-dokumenti preparatorji kollha li huma marbuta ma' proċedura ta' deċiżjoni identifikata; għandu jingħata l-aċċess hekk kif dawk id-dokumenti jiġu formalment ippreżentati minn kull istituzzjoni li tkun qed tieħu sehem fid-deċiżjoni;
-għar-reġistrazzjoni tad-dibattiti tal-Parlament jew tal-Kunsill, fejn dawk l-istituzzjonijiet qed jaġixxu fil-kapaċità leġiżlattiva, u għad-dokumenti diskussi (jekk mhux klassifikati, ara r-Rakkomandazzjoni 3 t'hawn taħt);
-għall-identità ta' l-awtur ta' kull inizjattiva jew emenda formali;
-għal informazzjoni kumplimetarja relevanti jew dokumenti relatati mal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma ta' l-istituzzjonijiet, u għall-kontribuzzjonijiet ippreżentati mis-segretarjati ta' l-istituzzjonijiet (inklużi s-servizzi legali), fejn dokumenti bħal dawn mhumiex sempliċiment ta' natura amministrattiva.
Ir-Regolament emendat għandu jkun ukoll il-bażi legali għall-istabbiliment ta' regoli, prattika tajba u ftehimiet interistituzzjonali magħmula biex itejbu l-abbozzar ta' testi leġiżlattivi u biex jiżguraw li t-testi leġiżlattivi finali huma aċċessibbli, bħal ma huma r-regoli li jridu jiġu segwiti għal
-abbozzar ta' atti leġiżlattivi,
-pubblikazzjoni tagħhom f'format elettroniku fil-Ġurnal Uffiċjali,
-konsolidazzjoni ta' testi bażiċi bl-atti li jemendaw tagħhom, u
-determinazzjoni tal-format tal-Ġurnal Uffiċjali, implimentazzjoni tal-multilingwiżmu u definizzjoni tal-ħidmiet ta' l-OPOCE;
(b) billi jiġi definit il-kunċett tad-"dokumenti mhux leġiżlattivi" bħala dokumenti marbutin mal-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' l-atti leġiżlattivi (kwalunkwe istituzzjoni tkun involuta) u d-dokumenti marbuta mal-proċeduri għall-adozzjoni ta' atti li ma jorbtux; għandu jkun possibbli li, minħabba n-natura amministrattiva tagħhom, jiġu applikati regoli ta' trasparenza inqas stretti għal dokumenti bħal dawn;
Għalhekk l-Istituzzjonijiet:
- għandhom jagħmlu pubbliku l-proċedura li trid tiġi segwita għal dokumenti mhux leġiżlattivi u jistipulaw b'mod ċar meta u kif partijiet interessati jistgħu jieħdu sehem fil-proċedura kkonċernata u meta u kif il-pubbliku jkun jista' jkollu aċċess għad-dokumenti;
- għandhom jindikaw ukoll b'mod ċar l-unitajiet organizzattivi involuti fi proċeduri amministrattivi, il-mod li bih jinħażnu d-dokumenti, kemm b'mod temporanju u permanenti, u kif dawn jistgħu jiġu aċċessati.
(c) billi jiġi definit il-kunċett tad-"dokumenti regolatorji"((5)) bħala dokumenti marbuta ma' proċeduri għall-adozzjoni ta' atti li jtemmu jew jemendaw elementi mhux essenzjali ta' atti leġiżlattivi (kif inhu definit f'punt (a)) irrispettivament jekk dokumenti regolatorji bħal dawn humiex adottati mill-Kunsill jew delegati lill-Kummissjoni; dokumenti bħal dawn għandhom ikunu aċċessibbli "mutatis mutandis" taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal dokumenti leġiżlattivi (eż. fi proċeduri ta' komitoloġija , aċċess għandu jingħata hekk kif l-abbozz ta' miżura tiġi ppreżentata formalment lil kumitat); bl-istess mod, għandu wkoll jingħata aċċess lid-dokumenti kumplimentari relevanti (eż. l-aġendi, il-minuti u r-riżultati tal-voti tal-kumitat).
Rakkomandazzjoni 3 (għal dokumenti li jridu jiġu trattati bħala kunfidenzjali)
- Billi jitqiesu l-aħjar prattiċi fl-Istati Membri, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu wkoll jiġi emendat b'tali mod li jiddefinixxi b'mod ċar il-"...limiti skond l-interess pubbliku jew privat", kif imsemmi fl-Artikolu 255 TEC, li jista' jwassal għad-dewmien jew għall-prevenzjoni ta' aċċess għad-dokumenti ta' l-Istituzzjonijiet (jew partijiet relevanti minnhom); ir-Regolament għandu għalhekk ikollu regoli biex:
(a) - jiġi żgurat li, irrispettivament mill-qasam ta' l-azzjoni ta' l-UE, li fuqha jittieħdu d-deċiżjonijiet bażiċi ta' politika u tiġi adottata l-leġiżlazzjoni huma fil-qasam pubbliku; hemm bżonn ukoll għal kjarifika tad-distinzjoni bejn, fuq naħa l-bżonn għal kunfidenzjalità fir-rigward ta', per eżempju, operazzjonijiet ippjanati jew fil-proċess minn servizzi ta' sigurtà u, fuq in-naħa l-oħra l-ħtiġijiet għal responsabilità u kontroll a posteriori,
(b) - jiġi żgurat li d-dokumenti ma jiġux ikklassifikati kunfidenzjali bħala rutina, sempliċiment għax jirreferu għal kwistjoni li hija jew tista' tkun relevanti mill-aspett ta' sigurtà u
(c) - jiġi żgurat kontroll adegwat mill-Parlament Ewropew (skrutinju parlamentari demokratiku);
Ir-Regolament għandu wkoll jipprovdi b'mod ċar li ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux iżommu l-Kunsill jew il-Kummissjoni milli jaqsmu informazzjoni kunfidenzjali mal-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, fejn id-dokumenti relevanti mhumiex aċċessibbli għall-parlamenti nazzjonali, ladarba huma dokumenti ta' l-UE).
Rakkomandazzjoni 4(dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri fir-rigward tal-qsim ta' informazzjoni/dokumenti)
Billi jitqies il-prinċipju msemmi fl-Artikolu 296 TEC li skond dan "l-ebda Stat Membru m'għandu jkun obbligat li jippreżenta informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa meqjus kuntrarju għall-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha", ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu jiġi emendat b'tali mod sabiex
(a) jillimita d-dritt ta' l-Istati Membri sabiex jillimitaw l-aċċess għall-kontribuzzjonijiet/emendi tagħhom fi proċeduri leġiżlattivi/regolatorji;
(b) jagħtu aċċess sħiħ għal informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni meta taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-KE jew ta' l-UE saż-żmien qabel ikun beda kwalunkwe proċediment fil-Qorti;
Rakkomandazzjoni 5 (dwar l-aspetti prattiċi sabiex ikun żgurat l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti)
Billi titqies l-esperjenza ta' l-ewwel perjodu ta' erba' snin tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, il-Kummissjoni għandha temenda r-Regolament billi tagħmel proposta koerenti biex:
(a) jiġi żgurat punt wieħed ta' aċċess b'mod ċar u struttrat għad-dokumenti preparatorji kollha b'proċedura leġiżlattiva jew regolatorja (ara Rakkomandazzjoni 2);
(b) jiġu rijorganizzati r-reġistri ta' l-Istituzzjonijiet billi jiżdied 'interface' komuni sabiex iċ-ċittadin/utent ikun kapaċi jsib l-istess funzjonalitajiet fit-tliet reġistri;
(c) jiġu definiti regoli komuni biex jiġu arkivjati d-dokumenti, tiġi evitata d-dupplikazzjoni u tiġi żgurata l-awtentiċità tal-verżjonijiet varji;
(d) jiġi ppreżentat b'mod ċar u komprensibbli l-'work-flow' ta' l-istituzzjonijiet u, fejn hu relevanti, il-punt ta' aċċess għad-dokumenti.
Artikolu 255. TEC. 1. Kwalunkwe ċittadin ta' l-Unjoni, u kwalunkwe persuna fiżika jew legali li tgħix jew għandha l-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, għandhom id-dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, suġġetti għall-prinċipji u l-kundizzjonijiet li jridu jiġu definiti skond paragrafu 2 u 3.2. Prinċipji ġenerali u limiti minħabba interess pubbliku jew privat li jirregolaw dan id-dritt għal aċċess għad-dokumenti għandhom jiġi ddeterminati mill-Kunsill, isiru bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 sa sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam.3. Kull istituzzjoni msemmija hawn fuq għandha telabora, fir-Regoli ta' Proċedura tagħha stess, dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tagħha.
Art. 218.2 TEC "Il-Kummissjoni għandha tadotta r-Regoli ta' Proċedura tagħha sabiex tiżgura li kemm hi kif ukoll id-dipartimenti tagħha jaħdmu bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat. Għandha tiżgura li dawn ir-Regoli jiġu ppubblikati."
Art. 207 TEC. 3. Il-Kunsill għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Għar-raġuni biex jiġi applikat l-Artikolu 255(3), f'dawn ir-Regoli, il-Kunsill għandu jelabora fuq il-kundizzjonijiet, li taħthom il-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill. Għar-raġuni ta' dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jiddefinixxi l-każijiet li fihom irid jitqies bħala qed jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, bil-għan li jiġi aċċettat aċċess ikbar għad-dokumenti f'dawk il-każijiet, filwaqt li fl-istess ħin iżomm l-effettività tal-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu. F'kwalunkwe każ, meta l-Kunsill jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, ir-riżultati tal-votazzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet tal-votazzjoni kif ukoll l-istqarrijiet fil-minuti għandhom isiru pubbliċi.
L-Artikolu 2 b) tad-deċiżjoni tal-Komitoloġija ta' l-1999 jistipula li: "…. b) il-miżuri ta' obbligi leġiżlattivi maħsuba biex japplikaw id-dispożizzjoni essenzjali ta' att bażiku, flimkien mal-miżuri li jikkonċernaw il-protezzjoni tas-saħħa jew tas-sikurezza tan-nies, ta' l-annimali jew tal-pjanti, iridu jiġi adottati skond il-proċedura ta' regolamentazzjoni. Meta att bażiku jistipula li ċertu elementi mhux essenzjali ta' dan l-att jistgħu jiġu adottati jew aġġornati bil-proċeduri ta' eżekuzzjoni, dawn il-miżuri jridu jiġu adottati skond il-proċedura ta' regolamentazzjoni."
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni(jiet) Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
Mhux ser jagħtu opinjoni/jiet Data tad-deċiżjoni
Koperazzjoni aktar mill-qrib Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
Mozzjoni(jiet) għal riżoluzzjoni inkluża(i) fir-rapport
'Rapporteur(s)' Data tal-ħatra
Michael Cashman
31.8.2004
Rapporteur(s) preċedenti
Eżaminazzjoni fil-kumitat
16.3.2005
12.7.2005
14.9.2005
5.10.2005
Data ta' l-adozzjoni
22.2.2006
Riżultat tal-votazzjoni finali
favur:
kontra:
astensjonijiet:
47
0
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Alexander Nuno Alvaro, Roberta Angelilli, Edit Bauer, Mihael Brejc, Kathalijne Maria Buitenweg, Michael Cashman, Giusto Catania, Jean-Marie Cavada, Charlotte Cederschiöld, Carlos Coelho, Fausto Correia, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Rosa Díez González, Antoine Duquesne, Kinga Gál, Patrick Gaubert, Elly de Groen-Kouwenhoven, Lilli Gruber, Adeline Hazan, Lívia Járóka, Timothy Kirkhope, Ewa Klamt, Barbara Kudrycka, Stavros Lambrinidis, Romano Maria La Russa, Henrik Lax, Sarah Ludford, Jaime Mayor Oreja, Claude Moraes, Hartmut Nassauer, Martine Roure, Inger Segelström, Ioannis Varvitsiotis, Manfred Weber, Stefano Zappalà, Tatjana Ždanoka
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali
Gérard Deprez, Camiel Eurlings, Evelyne Gebhardt, Ignasi Guardans Cambó, Sophia in 't Veld, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Bill Newton Dunn, Herbert Reul, Marie-Line Reynaud, Kyriacos Triantaphyllides, Rainer Wieland, Jan Zahradil
Sostituti skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali