RAPPORT fuq il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2007 - Taqsimiet II, IV, V, VI, VII, VIII (A) u VIII (B) u fuq l-abbozz preliminari ta' l-estimi (Taqsima I) tal-Parlament Ewropew għall-proċedura tal-baġit 2007

8.3.2006 - (2006/2021(BUD))

Taqsima I               –    Parlament Ewropew
Taqsima II             –    Kunsill
Taqsima IV            –    Qorti tal-Ġustizzja
Taqsima V             –    Qorti ta' l-Awdituri
Taqsima VI            –    Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Taqsima VII           –    Kumitat tar-Reġjuni
Taqsima VIII (A)   –    Ombudsman Ewropew
Taqsima VIII (B)   –    Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni ta’ l-                            Informazzjoni
Kumitat għall-Baġit
Rapporteur: Louis Grech
PR_BUD_others


Proċedura : 2006/2021(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0058/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

fuq il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2007 - Taqsimiet II, IV, V, VI, VII, VIII (A) u VIII (B) u fuq l-abbozz preliminari ta' l-estimi (Taqsima I) tal-Parlament Ewropew għall-proċedura tal-baġit 2007

(2006/2021(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 272 tiegħu,

–   wara li kkunisdra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet Ewropej infushom[1],

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[2],

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u t-titjib tal-proċedura baġitarja[3], u b'mod partikolari l-punt 26 tagħha,

–   wara li kkunsidra r-raba' rapport tas-Segretarji-Ġenerali ta' l-Istituzzjonijiet ta' Mejju 2005 dwar l-evoluzzjoni ta' intestatura 5,

–   wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2006,

–   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004 dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, flimkien mar-risposti ta' l-istituzzjonijiet[4],

-    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġit (A6-0058/2006),

A. filwaqt li l-baġit 2007 jinizjala l-ewwel sena tal-qafas finanzjarju l-ġdid u n-negozjati fuq il-Prospettiva Finanzjarja 2007-2013 il-ġdida u fuq il-Ftehima Interistituzzjonali għadhom ma ġewx konklużi s'issa,

B.  filwaqt li t-tkabbir ta' l-2004 jrid jiġi kkonsolidat u t-tħejjijiet għat-tkabbir li jmiss komplew jassiguraw li kollox ikun lest sa l-1 ta' Jannar 2007,

C. filwaqt li, f'dan l-istadju tal-proċedura annwali l-awtorità baġitarja qed tistenna l-abbozz ta' l-estimi ta' l-istituzzjonijiet l-oħra dwar il-ħtiġijiet amministrattivi tagħhom,

Qafas Ġenerali

1.      Jinnota li, fin-nuqqas ta' ftehim dwar Ftehima Interistituzzjonali (IIA) ġdida bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għall-perjodu 2007-2013, l-Artikolu 26 ta' l-IIA kurrenti għandu japplika fil-prinċipju; fil-każ li xi waħda mill-Istituzzjonijiet tirrifjuta l-IIA kurrenti, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' l-UE (l-Art. 272) japplikaw;

2.      Jistenna rapport dettaljat mis-Segretarji-Ġenerali f'Marzu 2006 fuq l-iżviluppi fl-intestatura 5, li għandu jservi ta' bażi għal konsiderazzjoni ta' l-abbozz preliminari tal-baġit 2007;

3.      Jenfasizza li l-abbozz tal-baġit 2007 għandu jikkunsidra s-sħubija tar-Rumanija u l-Bulgarija sa mill-1 ta' Jannar 2007;

4.      Jinnota li bdiet tkun implimentata l-Accrual Based Accounting fl-istituzzjonijiet kollha mir-rapporti finanzjarji għas-sena finanzjarja 2005; jikkunsidra li dan il-proċess ser jassigura metodu iktar sempliċi u koordinat għal skopijiet ta' paragun;

5.      Jilqa' l-implimentazzjoni tan-nomenklatura l-ġdida mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Ombudsman; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra kollha biex jadottaw l-istess nomenklatura, għal skopijiet ta' ċarezza u paragun; jistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jindikaw jekk jaħsbux li għandhom isiru xi bidliet jew xi adattamenti fir-rigward tan-nomenklatura l-ġdida biex jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet amministrattivi speċifiċi tagħhom;

6.      Jiddispjaċih mid-dewmien fir-reklutaġġ sħiħ ta' staff mill-10 Stati Membri l-ġodda u jistenna li r-reklutaġġ li fadal ikun finalizzat kemm jista' jkun malajr, u mhux iktar tard minn Diċembru 2006;

7.      Jinnota li, tul is-snin, l-istaff kollu tad-diversi istituzzjonijiet żdied permezz tal-ħolqien ta' ħafna impjiegi addizzjonali; jikkunsidra li konsolidazzjoni tal-pjani ta' l-istaff, flimkien ma' eżerċizzju ta' rijorganizzazzjoni ta' l-istaff, hi essenzjali qabel ma' tkun ippreżentata talba għal reklutaġġ li m'għandux x'jaqsam direttament mal-proċess tat-tkabbir; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jikkoordinaw il-politiki tagħhom ta' reklutaġġ;

8.      Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jippreżentaw talbiet realistiċi li għandhom ikunu bbażati fuq ħtiġijiet iġġustifikati filwaqt li jikkunsidraw il-qagħda finanzjarja diffiċli; jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet biex jaħdmu bl-inqas spejjeż possibbli mingħajr ma jikkompromettu l-istandards;

9.      Jikkunsidra li fl-istituzzjonijiet li huma iżgħar jista' jkun hemm nuqqas ta' ħela sustanzjali billi jkun hemm tlaqqigħ flimkien ta' riżorsi amministrattivi u umani magħmula b'mod razzjonali;

10.    Jerġa' jafferma li l-politika tax-xiri tal-bini għandha tkun segwita mill-istituzzjonijiet kollha; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jissottomettu pjani għal perjodu medju ta' żmien għall-politika tal-bini filwaqt li jikkunsidraw l-aspetti finanzjarji kollha, kif ukoll ir-regolamenti statutorji, u jżommu f'moħħhom il-bżonnijiet futuri ta' l-istituzzjonijiet li huma iżgħar u l-possibilità eventwali ta' tlaqqigħ flimkien tas-servizzi u tar-riżorsi;

11.    Jitlob li, kull meta jkun possibbli, l-istituzzjonijiet għandhom jippreżentaw pjani plurijennali iktar komprensivi li jirriflettu l-ħtiġijiet futuri tal-politika, tar-riżorsi umani u ta' l-infrastruttura;

12.    Jinnota li tul is-snin l-istituzzjonijiet Ewropej ma rnexxilhomx jikkonvinċu liċ-ċittadini Ewropej li huma verament jirrappreżentaw l-interessi u l-aspirazzjonijiet tagħhom; tagħrif insuffiċjenti flimkien ma' perċezzjoni fqira jagħmluha diffiċli biex wieħed jifhem il-politiki ta' l-UE; hu ta' l-opinjoni li s-servizzi ta' informazzjoni li jeżistu għandhom jitjiebu u li, bħala prijorità għall-istituzzjonijiet kollha, għandha tiġi implimentata strateġija effettiva, aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej kollha;

13.    Jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha biex jistudjaw il-fattibilità li jitwaqqaf Ċentru ta' Djar Ewropej fi Brussell, billi jintużaw riżorsi eżistenti mingħajr ma ssir spiża sinifikanti żejda; f'din il-"Qalba Ewropea", iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jieħdu sehem b'mod liberu f'diversi oqsma, li jinkludu attivitajiet kulturali u tekniċi, laqgħat ta' taħriġ u wirjiet fuq temi speċifiċi; f'tali xenarju qasam iżjed wiesa' ta' ċittadini Ewropej jista' jidentifika ruħu mad-diversità intellettwali u kulturali ta' l-Istati Membri Ewropej kollha;

Parlament Ewropew

14.    Jafferma l-impenn tal-Parlament biex iwettaq dak li jwiegħed liċ-ċittadini ta' l-UE b'mod effiċjenti, tanġibbli u responsabbli u b'hekk isaħħaħ l-impressjoni u l-kredibilità ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej;

15.    Jimpenja ruħu biex iwettaq ir-responsabilitajiet tiegħu bħala l-unika rappreżentazzjoni tal-poplu ta' l-UE eletta b'mod demokratiku;

16.    Jikkonsidra li, minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji li qed ikunu ffaċċjati fil-mument, il-Parlament għandu jżomm il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-limitu ta' 20% tan-nefqa imponut minnu stess taħt l-intestatura 5; jerġa' jinsisti li l-estimi tiegħu għandhom jirriflettu l-ħtiġijiet finanzjarji reali biex jassiguraw li l-istituzzjonijiet jaħdmu b'mod xieraq u effiċjenti;

Dixxiplina baġitarja u valur miżjud

17.    Iħeġġeġ lill-Amministrazzjoni biex tagħmel użu aħjar u iktar effiċjenti tar-riżorsi u biex tevita xogħol doppju u biex tnaqqas l-attivitajiet li ma jżidux valur lill-objettivi ġenerali; jistenna iktar kontroll intern fuq l-infiq;

18.    Juri dispjaċir dwar l-ispejjeż żejda u eżorbitanti minħabba ħidma mifruxa u doppja fi tliet postijiet tax-xogħol differenti, li jikkontribwixxu għal struttura ta' spiża għolja u ineffiċjenti; jikkonsidra li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata mill-ġdid fi sforz biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jistieden lill-Amministrazzjoni biex tippreżenta proposti speċifiċi sat-30 ta' Ġunju 2006;

19.    Jistieden lill-Amministrazzjoni biex tqabbel il-kuntratti ma' l-istandards użati f'kumpaniji privati ewlenin, biex tassigura l-ogħla proporzjon ta' spiża/benefiċċju għal min jużahom, b'referenza partikolari għal fornituri tat-telekom, għal servizzi tal-kompjuter, għal fornituri tal-ħardwer u tas-softwer, għal kejtering, għal faċilitajiet ta' l-isports, għal servizzi tal-karozzi u għal servizzi ta' l-ivvjaġġar,

20.    Jistenna rapport fuq il-progress reġistrat fil-qasam tal-koperazzjoni interistituzzjonali u jitlob lis-Segretarju-Ġenerali biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-possibilitajiet u l-limiti għal iktar koperazzjoni tanġibbli bejn l-istituzzjonijiet;

21.    Isostni li l-approprjazzjonijiet għandhom ikunu relatati ma' attivitajiet speċifiċi b'hekk jiġi evitat li jitħassru approprjazzjonijiet fl-aħħar tas-sena; jirrikkomanda li għandhom jiġu allokati biżżejjed fondi f'oqsma fejn deċiżjonijiet politiċi joħolqu l-bżonn ta' finanzjament ikbar, bħal fil-każ tad-WTO; jenfasizza li, kull fejn hu possibbli, għandhom ikunu evitati baġits li jemendaw u trasferimenti;

22.    Jenfasizza, għal darba oħra, l-importanza li jkunu mħaddma l-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja tajba u juri l-importanza ta' l-implimentazzjoni sħiħa ta' l-Ibbaġittjar Ibbażat fuq l-Attività li għandu jwassal għal stimi iktar effettivi, trasparenti, razzjonali u analitiċi;

23.    Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jagħmel il-baġit iktar komprensiv; jinnota l-introduzzjoni tan-nomenklatura rreveduta u jitlob lill-Amministrazzjoni biex tipprovdi preżentazzjoni lill-kumitat relevanti tagħha għall-baġit 2007 li tagħmilha possibbli li jkun hemm paragun bejn il-baġits 2006 u 2007;

24.    Jitlob lill-Amministrazzjoni biex tidentifika attivitajiet li ma jżidux valur lill-ħidmiet tagħha u biex iżżid l-effiċjenza billi tirrazzjonalizza l-metodi ta' ħidma, b'hekk tassigura valur għall-flus għall-Ewropej li jħallsu t-taxxa;

Tkabbir

25.    Jerġa' jinsisti li t-tkabbir jibqa' prijorità politika ewlenija u jenfasizza l-impenn tiegħu biex jagħmel it-tkabbir suċċess reali; jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Istituzzjonijiet fl-aħħar tkabbir u jitlobhom biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isolvu kwalunkwe kwistjoni amministrattiva pendenti sa l-aħħar ta' l-2006;

26.    Jinnota li kien allokat ammont ta' EUR 23 526 000 fil-baġit 2006 għat-tħejjija ta' qabel it-tkabbir għar-Rumanija u għall-Bulgarija; jistieden lill-Amministrazzjoni biex tkun lesta li toffri programmi ta' taħriġ adegwati għall-istaff li ġej mir-Rumanija u mill-Bulgarija;

27.    Jistieden lill-Bureau, fil-każ ta' posponiment tas-sħubija tar-Rumanija u tal-Bulgarija, biex jikkonsidra jekk aġenti kuntrattwali Bulgari u Rumeni, diġà reklutati mill-Parlament, għandhomx jingħataw ir-responsabilità li jaġixxu bħala uffiċjali ta' komunikazzjoni, billi jgħinu lill-osservaturi Bulgari u Rumeni f'dan ir-rigward;

Tagħrif

28.    Jaqbel mas-Segretarju-Ġenerali li l-Parlament Ewropew jeħtieġ strateġija ta' informazzjoni qawwija u effettiva li tindirizza l-għan tal-Parlament li jressaq lill-Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha; għodod u strateġiji ta' informazzjoni li m'humiex qed jagħtu r-riżultati mistennija għandhom jitwaqqfu; jikkonsidra li iżjed infiq mhux bilfors ifisser riżultati aħjar; jirrakkomanda li l-Membri kollha, il-gruppi politiċi u l-Amministrazzjoni għandhom ikunu involuti u għandhom jassumu responsabilità għall-irwolijiet rispettivi tagħhom fl-oqsma ta' informazzjoni;

29.    Jikkunsidraha urġenti ħafna li, flimkien ma' diskussjonijiet fuq preżenza aħjar fil-midja, tkun eżaminata l-istruttura tad-dibattiti;

30.    Jilqa' l-format il-ġdid tal-websajt EUROPARL, li hija iktar faċli biex tintuża, speċjalment għal min mhux professjonali; xorta waħda, għandha tiġi żviluppata preżentazzjoni iktar b'saħħita u strutturata għall-użu intern biex tiffaċilita x-xogħol ta' kuljum tal-Membri Parlamentari Ewropew (MEPs) u ta' l-istaff tagħhom;

31.    Jirrimarka li persentaġġ sinifikanti taċ-ċittadini ta' l-UE m'għandhomx aċċess għall-Internet u mhux bilfors jużawh biex jiġbru informazzjoni fuq il-politiki ta' l-UE, u li għalhekk l-irwol ta' l-Uffiċċji ta' Informazzjoni għandu jkun definit b'mod adegwat u t-tmexxija tagħhom għandha tkun koerenti meta wieħed jikkunsidra l-għodod ta' informazzjoni tal-Parlament; għandha tingħata attenzjoni għal modi ta' kif tiġi evitata informazzjoni doppja minn diversi istituzzjonijiet;

32.    Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil kwalunkwe proġett ta' informazzjoni, mhux biss għall-istruttura ta' spiża tiegħu, iżda wkoll għall-valur tal-kontenut tiegħu; jirrakkomanda li l-pubblikazzjonijiet ewlenin kollha u l-proġetti relatati ma' informazzjoni jkunu preparati u ċċekkjati kontinwament permezz ta' laqgħat regolari bil-parteċipazzjoni u l-koperazzjoni ta' gruppi politiċi biex jinħolqu programmi bbilanċjati li jirrispettaw il-pluraliżmu ta' opinjonijiet; il-livell ta' suċċess ta' kwalunkwe proġett għandu jitqies f'termini ta' l-impatt pożittiv tiegħu fuq iċ-ċittadini ta' l-UE;

Viżitaturi

33.    Jikkunsidra li s-servizz tal-viżitaturi tal-Parlament huwa ta' l-ikbar importanza għall-MEPs; il-gruppi ta' viżitaturi huma l-uniku mod effiċjenti għall-Membri biex iġibu lil individwi li jsawru l-opinjonijiet minn fost il-kostitwenzi tagħhom fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament; jiddispjaċih, għalhekk, dawr in-numru għoli ta' lmenti dwar il-programm tal-viżitaturi, partikolarment fir-rigward tan-nuqqas ta' ħinijiet allokati u d-differenzi bejn l-għotjiet u l-ispejjeż reali; jenfasizza li programm tal-viżitaturi attraenti u ta' valur għoli huwa wieħed mill-ogħla prijoritajiet għas-sena 2007;

34.    Jiddispjaċih li għadda ħafna żmien biex isir titjib fil-programm tal-viżitaturi u jikkunsidra li m'għandux jitħalla għal iktar tard; ifakkar li fil-baġit ta' l-2006 EUR 5 miljuni kienu allokati biex jiżdied in-numru ta' viżitaturi u biex jitħallsu lura l-ispejjeż li jkopru l-ispiża proprja tan-nefqa fuq l-ivvjaġġar;

35.    Jitlob li jkun hemm servizz aħjar biex jilqa' lill-viżitaturi fid-diversi postijiet tas-seduti plenarji tal-PE u biex jiżdiedu n-numru tal-postijiet għal-laqgħat li jkunu mgħammra b'tagħmir modern ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni; ifakkar li l-programm tal-viżitaturi hu wieħed mill-iżjed modi ta' kif iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Parlament u b'hekk tissaħħaħ il-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar il-PE;

36.    Jikkonsidra li kuntatt dirett maċ-ċittadini Ewropej permezz ta' servizz aħjar tal-viżitaturi jkollu effett multiplikatur li jsaħħaħ il-perċezzjoni tal-Parlament Ewropew f'għajnejn iċ-ċittadini;

Għajnuna lill-Membri - Ngħollu l-Miri

37.    Jirrikonoxxi li issa jeżistu l-istrutturi neċessarji għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' l-eżerċizzju "Ngħollu l-miri";

38.    Jilqa' l-proposti tas-Segretarju-Ġenerali biex tkun ikkonsolidata r-riforma "Ngħollu l-Miri" ta' l-Amministrazzjoni tal-Parlament sabiex jitjiebu s-servizzi lill-Membri;

39.    Jinnota li sa llum intlaħqu numru limitat biss ta' l-objettivi u li l-Parlament għadu ma esperjenzax l-impatt sħiħ ta' dan l-eżerċizzju;

40.    Jistenna li sa l-2007 l-għanijiet ta' dan l-eżerċizzju jkunu ntlaħqu kollha u li r-riforma neċessarja tkun implimentata, b'hekk il-Membri jkollhom servizz prattiku u effiċjenti, speċjalment fi kwistjonijiet leġiżlattivi, fir-riċerka u fil-faċilitajiet tal-lingwi;

41.    Jappoġġa l-intenzjoni tas-Segretarju-Ġenerali li jagħmel evalwazzjoni ta' l-istat ta' l-implimentazzjoni tal-proġett;

42.    Jenfasizza li huwa importanti ħafna li tingħata iktar għajnuna lill-Membri meta jiġu biex jirrispondu għat-talbiet minn ċittadini mħassba dwar kwistjonijiet ta' kuljum;

43.    Jirrakkomanda iktar promozzjoni tas-sezzjoni tal-"Korrispondenza maċ-Ċittadini" biex il-Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar minn dan is-servizz;

44.    Hu ta' l-opinjoni li ż-żieda fir-responsabilitajiet tal-Parlament fit-teħid ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi titlob li jiġu allokati iktar riżorsi f'għajnuna lil din l-attività ewlenija, speċjalment fil-qasam tar-riċerka, tal-librerija u tal-kompetenza speċifika;

45.    Jinkoraġġixxi lill-Amministrazzjoni biex twettaq stħarriġ ta' kwalità fuq is-servizz u l-għajnuna li qed tingħata lill-Membri u biex ir-riżultati ta' l-istħarriġ ikunu disponibbli għall-Membri kollha ma' l-ewwel qari tal-baġit 2007; jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex ikunu involuti l-Membri kollha fl-istħarriġ biex ikunu evitati riżultati ħżiena; jistenna proposti immedjati għal titjib bi tweġiba għal kwalunkwe nuqqas ewlieni li joħroġ mill-istħarriġ;

46. Jitlob li jsir studju tal-fattibilità dwar il-possibilitajiet li jintuża softwer b'xejn u 'open source' u dwar l-istaff u t-taħriġ professjonali meħtieġ għall-manutenzjoni u s-sigurtà ta' tali softwer;

Statut ta' l-Assistenti tal-Membri

47.    Jenfasizza l-importanza ta' assistenti personali għall-ħidma tal-Membri u jerġa' jinsisti fuq il-pożizzjoni tiegħu favur l-adozzjoni ta' statut reali u komprensiv għall-assistenti tal-Membri; jiddispjaċih li ftit li xejn sar progress fuq din il-kwistjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu deċiżjoni fuq ir-Regolament ta' l-Istaff tal-KE: l-istatut ta' l-assistenti tal-Membri tal-PE (COM(1998)0312), li idealment għandu jidħol fis-seħħ sa l-2009;

Taħriġ u żvilupp

48.    Jinnota n-nuqqas ta' disponibilità immedjata ta' taħriġ offrut lill-assistenti u lill-istaff mal-wasla tagħhom fil-Parlament Ewropew; jikkunsidra li għandu jibda jintuża metodu iktar olistiku għat-taħriġ fl-iżvillup professjonali u għall-bidu ta' xogħol ġdid biex jgħin lill-assistenti u lill-istaff biex iwettqu dmirhom b'mod professjonali u jilħqu standards għoljin tax-xogħol, u biex ikun iktar żviluppat l-iskop ta' l-Iskola Ewropea ta' l-Amministrazzjoni;

49. Jissuġerixxi li jitfassal programm ta' taħriġ favur persuni b'diżabilità biex jagħmilha iktar faċli li dawn jintegraw ruħhom fl-ambjent tax-xogħol Ewropew; jistieden l-istituzzjonijiet l-oħra biex ifasslu programm simili;

Proprjetà

50.    Jirrimarka li l-politikà dwar ix-xiri tal-proprjetajiet u tal-bini tat riżultati pożittivi u tanġibbli u pprovdiet lill-Parlament bażi qawwija ta' assi kif ukoll iġġenerat qligħ, li mbagħad ippermettielu juża dawn il-fondi għal proġetti oħra;

51.      Jistieden lill-Bureau biex jassigura li l-bini kollu tal-Parlament ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li jkun ukoll faċilment aċċessibbli, speċjalment għal persuni b'diżabilitajiet;

52.    Iħeġġeġ lill-Bureau biex jassigura li sejħa għal offerti ppublikata b'mod estensiv fil-midja lokali tkun parti integrali mill-proċedura ta' akkwist għax-xiri ta' Djar Ewropej u li l-offerti kollha li jkunu waslu jkunu inklużi f'dokumentazzjoni ppreżentata lill-kumitat relevanti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali;

53.    Jistieden lill-Bureau, fid-dawl tal-limitazzjonijiet finanzjarji mistennija fis-snin li ġejjin, biex jikkunsidra pjan plurijennali ta' investiment fil-proprjetà minflok pjan annwali u biex ikompli bil-politika ta' ħlasijiet aċċellerati;

Impjieg

54.    Jistieden lill-Amministrazzjoni biex tassigura li l-ispejjeż tar-riżorsi umani jkunu skond il-ħtiġijiet tax-xogħol u skond is-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-istituzzjoni u effettivament biex teżamina l-possibilità li tirrijorganizza l-istaff eżistenti minflok ma tiddependi fuq aġenti kuntrattwali;

55.    Jikkunsidra li l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kamra għall-futur imbiegħed għandha tkun imwettqa minn staff b'impenn għall-futur imbiegħed lejn il-Parlament iktar milli li jintużaw aġenti kuntrattwali;

56.    Jagħti istruzzjonijiet lill-Amministrazzjoni biex tindirizza l-problema tan-nuqqas ta' staff f'numru ta' Djar Ewropej, inkluż uffiċjal għall-istampa għal kull uffiċċju; kienet magħmula tajba identika mir-rapporteur ta' qabel iżda ma kinitx implimentata kompletament;

57.    Jitlob lill-Amministrazzjoni biex tidentifika s-sitwazzjonijiet anomali kollha relatati ma' l-impjieg u biex tieħu l-passi neċessarji biex tirrisolvihom kemm jista' jkun malajr;

58.    Jinnota li hu probabbli li jkun hemm problemi minħabba li l-istaff qed jikber fiż-żmien u minħabba n-numru dejjem jikber ta' individwi li jħallu s-servizz bħala riżultat (b'xi 180 membru ta' l-istaff iħalli s-servizz kull sena mill-2009 'l quddiem); jitlob lill-Amministrazzjoni biex tagħmel tħejjijiet ta' approprjazzjonijiet għaż-żieda possibbli fil-ħtiġijiet ta' fondi;

59.    Ifakkar li s-softwer il-ġdid Streamline għandu jkun qed jaħdem sa l-aħħar kwart ta' l-2006; dan għandu jirriżulta f'numru inqas ta' postijiet tax-xogħol fis-snin li ġejjin; isostni li, bl-eċċezzjoni tat-tkabbir u ta' reklutaġġ limitat ħafna ta' staff speċjalizzat, m'għandux ikun hemm reklutaġġ ġdid, li għandu jsarraf fi ffrankar reali fil-futur;

Inventarju

60.    Jinnota li fl-2007 l-Parlament mhux ser jibda proġetti ġodda kbar; għalhekk jikkunsidra li issa hu l-aħjar żmien biex jeżamina, jevalwa u jagħmel eżerċizzju ta' inventarju komprensiv; jinkoraġġixxi lis-Segretarju-Ġenerali biex jimplimenta l-bidliet neċessarji li jirriżultaw minn dan l-eżerċizzju;

Rapporti u informazzjoni mitluba qabel l-ewwel qari tal-baġit tal-Parlament

61.    Jistieden lis-Segretarju-Ġenerali biex jipprovdi l-informazzjoni li ġejja sa l-aħħar ta' Ġunju 2006 biex jippermetti proċess ta' teħid ta' deċiżjoni effettiv:

- Rapport fuq "ibbaġittjar iktar effettiv", li ntalab wara l-Linji Gwida 2006 u li għadu ma ġiex ippreżentat;

- Studju ta' l-impatt finanzjarju ta' l-introduzzjoni tal-lingwa Irlandiża bħala l-wieħed u għoxrin lingwa tax-xogħol tal-Parlament Ewropew;

- Rapport fuq l-istat ta' tħejjija għat-tkabbir għar-Rumanija u għall-Bulgarija fuq bażi regolari, u għall-inqas f'Mejju u f'Settembru fuq l-evoluzzjoni tar-reklutaġġ ta' staff mir-Rumanija u mill-Bulgarija;

- Rapport aġġornat fuq is-sitwazzjoni tar-reklutaġġ li għandu x'jaqsam mat-tkabbir ta' l-2004, b'mod partikolari fis-settur lingwistiku b'informazzjoni fuq l-uffiċjali, it-temporanji u l-impjegati kuntrattwali;

- Proposti ta' kif il-Parlament għandu jiġi f'kuntatt ma' dawk iċ-ċittadini ta' l-UE li ma jużawx l-internet jew li m'għandhomx aċċess għalih;

- Rapport komprensiv fuq is-sitwazzjoni kurrenti f'dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ u l-iżvilupp fl-Istituzzjoni;

- Rapport aġġornat fuq l-akkwist ta' proprjetà mill-Parlament fl-aħħar sentejn flimkien ma' l-informazzjoni finanzjarja relevanti u l-ħtiġijiet ta' uffiċini fir-rigward tat-tkabbir ta' l-2004 u tat-tkabbir li jmiss;

- Rapport aġġornat fuq l-allokazzjoni ta' spejjeż kurrenti bejn il-Kummissjoni u l-Parlament, li jirrifletti n-nefqa kurrenti taż-żewġ istituzzjonijiet;

- Inventarju li jidentifika l-ħtiġijiet ta' investimenti għall-futur qrib u għal perjodu medju ta' żmien relatat ma' l-Iskema Komunitarja ta' l-Eco-Management u l-Verifika (EMAS) biex jintlaħqu l-aħjar riżultati possibbli għall-futur imbiegħed;

62.    Jitlob sa l-1 ta' Settembru 2006

Ø Rapport fuq evalwazzjoni baġitarja ta' nofs it-term dwar l-istat ta' implimentazzjoni tas-sena kurrenti; dan jgħin lill-Parlament biex ikun f'pożizzjoni aħjar biex jeżamina l-estimi ppreżentati għall-2007;

Ø Preżentazzjoni tal-proġetti ta' informazzjoni proposti flimkien ma' l-ispejjeż u l-benefiċċji tagħhom kif ukoll ta' kwalunkwe informazzjoni relevanti;

Ø Rapport fuq l-eżerċizzju ta' inventarju u b'mod partikolari:

§ fuq attivitajiet li ma jżidux valur lill-ħidmiet tagħha u fuq kif iżżid l-effiċjenza billi tirrazzjonalizza l-metodi ta' ħidma, b'hekk tassigura valur għall-flus għall-Ewropej li jħallsu t-taxxa;

§ fuq il-progress reġistrat fuq ir-rapport ta' Ruma tal-PE u evalwazzjoni komprensiva, li tiffoka fuq il-progress reali reġistrat tul is-snin fl-eżerċizzju "Ngħollu l-Miri" li jinkludi l-konklużjoni ta' l-istħarriġ;

§ fuq koperazzjoni interistituzzjonali u fuq il-possibilitajiet għal iktar koperazzjoni interistituzzjonali tanġibbli bħal fil-qasam ta' l-informazzjoni fejn metodu iktar olistiku mill-istituzzjonijiet jista' jevita xogħol doppju;

Istituzzjonijiet oħra

Kunsill

63.    Ifakkar li l-ftehim informali japplika biss fuq in-nefqa amministrattiva; konsegwentement, jikkunsidra li d-dixxiplina baġitarja għandha wkoll tapplika għall-approprjazzjoni allokata biex tkopri n-nefqa fuq is-CFSP;

Qorti tal-Ġustizzja

64.    Ifakkar li, f'Diċembru 2005, l-awtorità baġitarja awtorizzat l-Emenda għall-Baġit Nru 6/2005 biex jitwaqqaf it-Tribunal tas-Servizz Ċivili; hu mistenni li x-xogħol tal-Qorti ser jonqos b'mod sinifikanti bħala riżultat ta' dan ir-ristrutturar;

Qorti ta' l-Awdituri

65.    Jilqa' l-isforzi tal-Qorti ta' l-Awdituri biex itejbu s-servizzi provduti kif ukoll l-adozzjoni ta' l-Accrual Based Accounting, żviluppat flimkien mal-Kunsill u mal-Qorti tal-Ġustizzja;

66.    Jikkunsidra li żieda fil-pjan ta' l-istaff għandha tkun ikkunsidrata biss f'perspettiva ta' perjodu medju ta' żmien u biss wara li jkun assigurat li jkunu mistħarrġa l-possibilitajiet kollha għal rijorganizzazzjoni ta' l-istaff eżistenti;

Kumitat tar-Reġjuni

67.    Filwaqt li jammetti l-fatt li l-Kumitat tar-Reġjuni kellu jiffaċċja sitwazzjoni diffiċli fis-servizz lingwistiku; jirrikkomanda li l-Kumitat ifittex bilanċ aħjar fl-istaff disponibbli bejn il-funzjonijiet ta' appoġġ u dawk politiċi;

68.    Jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Kumitat tar-Reġjuni fil-qasam ta' l-informazzjoni u l-koperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, b'mod partikolari id-DG PRESS u d-DG REGIO, kif ukoll man-netwerks reġjonali eżistenti bħas-Circom Regional; jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni biex jaqsam l-esperjenza tiegħu fil-qasam tal-komunikazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra;

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

69.    Jieħu nota tat-tiġdid tal-ftehima ta' koperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kummissjoni; jilqa' l-inizjattiva meħuda mill-Kumitat biex jevalwa, f'termini kwalitattivi, l-opinjonijiet li huwa jipprovdi lill-Kummissjoni; jissuġġerixxi li l-Kumitat jesplora l-possibilitià li jilħaq ftehima simili ta' koperazzjoni mal-Parlament;

Sinerġija bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-

Kumitat tar-Reġjuni

70.    Jikkunsidra li l-ħolqien tas-servizz konġunt kien ta' benefiċċju għaż-żewġ Kumitati; Jikkunsidra dan is-servizz konġunt bħala mod effettiv u dinamiku biex jiġi evitat xogħol doppju, biex inaqqas l-ispejjeż u biex jiżviluppa spirtu ta' tim mingħajr ma jnaqqas il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizz provdut; jistieden liż-żewġ Kumitati biex jevalwaw liema servizzi oħra jistgħu jkunu maqsuma bl-istess mod; jistenna li ż-żewġ partijiet jissottomettu rapport dettaljat konġunt fuq din il-kwistjoni, li jkun fih rakkomandazzjoniijiet speċifiċi, qabel l-ewwel qari tal-baġit 2007;

71.    Jieħu nota tal-ħtiġijiet li ż-żewġ Istituzzjonijiet qed jiffaċċjaw waqt il-laqgħat plenarji tagħhom; jistieden liż-żewġ Kumitati biex jevalwaw il-ħtiġijiet tagħhom għal perjodu medju ta' żmien għal faċilitajiet kbar għal-laqgħat bil-għan li jkun hemm użu aħjar mill-faċilitajiet tal-Parlament; dawn il-ħtiġijiet ser ikunu ppreżentati kemm jista' jkun malajr lill-Parlament biex jikkunsidrahom;

Ombudsman Ewropew

72.    Jinnota li r-reklutaġġ ta' staff addizzjonali kien approvat fil-baġit 2006; jistenna għalhekk li ma jkunx hemm iktar talbiet għal iktar reklutaġġ u li eżerċizzju ta' konsolidazzjoni għall-pjan ta' l-istaff tiegħu jkun sottomess għall-baġit 2007;

73.    Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex jippreżenta l-prijoritajiet tiegħu għal perjodu medju ta' żmien, flimkien ma' l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, biex il-Parlament ikun jista' jikkunsidrahom fl-estimi ta' l-2007;

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni ta’ l-Informazzjoni

74.    Jinnota li l-ftehima amministrattiva għal koperazzjoni bejn is-Segretarji-Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, bejn id-Deputat Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill u bejn il-Kontrollur għall-Protezzjoni ta’ l-Informazzjoni ser tiskadi fis-16 ta' Jannar 2007; jikkunsidra li din l-għajnuna amministrattiva għandha partikolarment tintlaqa' f'sitwazzjoni ta' dixxiplina baġitarja; jirrimarka li din il-koperazzjoni tista' tissaħħaħ iktar b'mod partikolari billi jkun faċilitat l-aċċess għal faċilitajiet tal-kompjuter li jinsabu f'bini differenti; jistieden lill-istituzzjonijiet involuti biex iħejju qabel l-aħħar tas-sena l-qafas għall-ftehima li jmiss li għandha tkun għal perjodu itwal;

75.    Jistieden lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni ta’ l-Informazzjoni biex jippreżenta lill-Parlament il-prijoritajiet tiegħu għal perjodu medju ta' żmien, li jinkludi l-implikazzjonijiet finanzjarji kollha, biex il-Parlament ikun jista' jevalwa dawn il-prijoritajiet, speċjalment jekk ikollhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet fejn hi meħtieġa għajnuna f'termini ta' bini u loġistika;

*

* *

76.    Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni ta' l-Informazzjoni.

PROĊEDURA

Titolu

Linji gwida għall-proċedura tal-baġit 2007, Taqsima I - Parlament Ewropew, Taqsima II - Kunsill, Taqsima IV - Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V - Qorti ta' l-Awdituri, Taqsima VI - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII - Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII(A) - Ombudsman Ewropew, Taqsima VIII(B) - Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni ta' l-Informazzjoni

Numru tal-proċedura

2006/2021(BUD)

Bażi legali

Artikolu 272 KE

Kumitat responsabbli

BUDG

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/jagħtu opinjoni(jiet)

KOLLHA

 

 

 

 

Rapporteur
  Data tal-ħatra

Louis Grech11.1.2006

Rapporteur(s) preċedenti

Valdis Dombrovskis

Data tad-deċiżjoni li jsir rapport

3.2.2006

Eżaminazzjonijiet fil-kumitat

20.2.2006

6.3.2006

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

6.3.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

favur: 27

kontra: 0

astensjonijiet: 0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Herbert Bösch, Simon Busuttil, Paulo Casaca, Brigitte Douay, Bárbara Dührkop Dührkop, James Elles, Szabolcs Fazakas, Salvador Garriga Polledo, Neena Gill, Ingeborg Gräßle, Louis Grech, Catherine Guy-Quint, Ville Itälä, Anne E. Jensen, Wiesław Stefan Kuc, Janusz Lewandowski, Vladimír Maňka, Jan Mulder, Gérard Onesta, Wojciech Roszkowski, Antonis Samaras, Nina Škottová, László Surján, Ralf Walter

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

José Albino Silva Peneda, Margarita Starkevičiūtė

Sostituti skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali

 

Data tat-tressiq - A6

8.3.2006

A6-0058/2006

Kummenti

...

  • [1]  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.
  • [2]  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
  • [3]  ĠU C 172, 18.6.1999, p. 1. Ftehima kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni 2005/708/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 269, 14.10.2005, p. 24).
  • [4]  ĠU C 301, 30.11.2005, p.1.