– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-21 ta' Mejju 2003 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, bit-titolu "L-Immodernizzar tal-Liġi tal-Kumpaniji u t-Tisħiħ tat-Tmexxija Korporattiva fl-Unjoni Ewropea - Pjan għall-Avvanz" (COM(2003)0284 – C5-0378/2003),
–wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa: Naħdmu flimkien għat-tkabbir u l-impjiegi - Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona (COM(2005)0024),
–wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu “Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u x-Xogħol: il-programm Komunitarju ta' Liżbona”(COM(2005)0330),
–wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "Ir-riżultat ta' l-eżaminazzjoni tal-proposti leġiżlattivi pendenti quddiem il-Leġiżlatur" (COM(2005)0462),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li ġġib l-isem "L-Implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Liżbona: strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju" (COM(2005)0535),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li ġġib l-isem "L-Implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Liżbona: politika SME moderna għat-tkabbir u l-impjieg" (COM(2005)0551),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' April 2004 dwar l-immodernizzar tal-liġi tal-kumpaniji u t-tisħiħ tat-tmexxija korporattiva(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0229/2006),
A billi l-Pjan ta' Azzjoni propost fil-komunikazzjoni tal-21 ta' Mejju 2003 tal-Kummissjoni, hawn fuq imsemmija ("il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-2003"), jiddefinixxi għanijiet importanti għall-immodernizzar tal-liġi tal-kumpaniji u tat-tmexxija korporattiva,
B. billi diġà sar progress importanti biex jintlaħqu dawk l-għanijiet,
C. billi, minħabba li l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-2003 għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona, jridu jittieħdu miżuri biex jipprovdu għal mekkaniżmi fil-liġi tal-kumpaniji li jtejbu l-effiċjenza u l-kompetittivita` tan-negozju fl-Ewropa,
D. billi t-titjib tal-kompetittività tan-negozju Ewropew jirrikjedi metodu integrat fuq livell ta' l-UE,
E. billi huwa essenzjali li jitjieb l-ambjent regolatorju għall-kumpaniji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Aġenda ta' Liżbona,
F. billi sistema statutorjalment regolata ta’ parteċipazzjoni ta’ l-impjegat fuq livell ta’ intrapriżi, kif tinsab fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, għandha titqies li qed tifforma parti integrali mat-tmexxija Ewropea korporattiva li tagħti kontribuzzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona;
G. billi regolamentazzjoni aħjar hija ta' importanza partikolari għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju ("SMEs"),
H. billi s-simplifikazzjoni ta' l-acquis tal-liġi tal-kumpaniji tista' tkun għodda effiċjenti għat-titjib ta' l-effettività tal-qafas leġiżlattiv; billi, pero`, simplifikazzjoni ma tfissirx deregolazzjoni,
Aspetti ġenerali
1. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-miżuri mmirati lejn immodernizzar fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji u t-tmexxija korporattiva jkunu konsistenti mal-miżuri fis-setturi relatati, bħas-servizzi finanzjarji, il-politika industrijali, il-politika soċjali u r-responsabilita` soċjali korporattiva,
2. Jenfasizza l-importanza li titqies il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-prinċipju tal-liberta` ta' l-istabiliment;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-mudell soċjali Ewropew meta tiddeċiedi fuq miżuri oħra għall-iżvilupp tal-liġi tal-kumpaniji, dan jkun jinvolvi wkoll l-parteċipazzjoni ta' l-impjegati;
Regolamentazzjoni aħjar u simplifikazzjoni
4. Jenfasizza l-importanza ta' regolamentazzjoni aħjar biex tipprovdi qafas leġiżlattiv aktar effettiv; jenfasizza li huwa importanti li titjieb il-kwalita` tal-leġiżlazzjoni permezz ta' konsultazzjonijiet sistematiċi mal-parteċipanti dwar l-inizjattivi kollha fil-futur, konformita` stretta mal-prinċipju tas-sussidjarjeta`, għażla ta' strumenti li jkunu ta' inqas piż fuq il-kumpaniji u li jħallulhom l-ikbar flessibilita` possibbli, u evalwazzjoni komprensiva ta' l-impatt rigward kwalunkwe inizjattiva leġislattiva ġdida;
5. Jenfasizza li d-direttivi tal-KE dwar il-liġi tal-kumpaniji, li huma fis-seħħ, m'għandhomx jiġu diskussi: għandhom ikunu ssimplifikati biss f'każijiet ta' eċċezzjoni u ġustifikati b'mod xieraq, meta ma jkunux jitrattaw kwistjonijiet sensittivi ħafna jew meta ma jkunux riżultat ta' kompromessi diffiċli, biex ma jkunx hemm effett negattiv fuq il-kumpaniji kkonċernati;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tispjega fid-dettall il-pjanijiet biex tippreżenta konsolidazzjoni kompleta tad-direttivi dwar il-liġi tal-kumpaniji f'att wieħed, jenfasizza f'dan il-kuntest li għandha tingħata prijorita` lill-għan li tinkiseb ċarezza u konsistenza fl-acquis tal-liġi tal-kumpaniji fl-oqsma differenti tal-liġi tal-kumpaniji; jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika, partikolarment, liema direttivi se jkunu riformulati, liema se jkunu revokati, liema se jkunu kodifikati u liema se jkunu modifikati;
Intrapriżi żgħar u ta' daqs medju
7. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq ambjent regolatorju aħjar għall-SMEs;
8. Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina d-dimensjoni ta' l-SME meta tevalwa l-impatt tal-proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji u biex tiżgura li l-bżonnijiet ta' l-SMEs ikunu meqjusa kif xieraq u sistematikament;
10. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkonsidra aktar l-bżonnijiet ta’ l-SMEs fi proposti leġiżlattivi futuri jew reviżjonijiet futuri ta’ leġiżlazzjoni eżistenti; ifakkar li l-SMEs joħolqu x-xogħol u huma l-mutur tat-tkabbir ekonomiku;
Tmexxija korporattiva
11. Jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati l-aħjar prattiki li jirrispettaw it-tradizzjonijiet u s-sistemi differenti fl-Istati Membri;
12. Jinnota li l-Forum Ewropew dwar it-Tmexxija Korporattiva u l-Grupp Konsultattiv dwar it-Tmexxija Korporattiva ġew stabbiliti, u jitlob lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament infurmat regolarment dwar ir-riżultati tax-xogħol ta' dawn il-korpi u dwar id-deċiżjonijiet meħuda fuq il-bażi ta' dawn ir-riżultati;
13. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma żviluppatx viżjoni ċara tat-tmexxija tan-neġozji Ewropej imma tidher li qed tieħu miżuri fuq aspetti dispari fuq bażi ad hoc; itenni l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tagħha hawn fuq imsemmija tal-21 ta’ April 2004 u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwarhom;
14. Jenfasizza li tmexxija korporattiva mhix biss dwar ir-relazzjoni bejn azzjonisti u maniġment, imma li parteċipanti oħra fi ħdan il-kumpanija huma importanti għal proċess ibbilanċjat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u għandhom ikunu kapaċi jikkontribwixxu għad-deċiżjonijiet dwar strateġija tal-kumpanija; Jirrimarka, b’mod partikolari, li għandu jkun hemm spazju għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni lill-impjegati kif ukoll jiġu kkonsultati;
15. Jesprimi dubji dwar il-bżonn ta’ inizzjattiva Ewropea fil-qasam tad-dritt speċjali ta’ investigazzjoni ta’ azzjonisti, peress li dan jaffettwa direttament is-separazzjoni tal-kompetenzi bejn diretturi , li jmexxu l-kumpanija, u azzjonisti, li hu tema tipikament indirizzat mill-liġijiet nazzjonali korporattivi; jikkonsidra wkoll li kull inizjattiva oħra għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-proċess leġiżlattiv li jkun qed iseħħ; jirrimarka li l-proposta riċenti għal direttiva dwar id-drittijiet ta’ l-azzjonisti diġà tipprovdi għad-dritt li wieħed iżid punti fuq l-aġenda tal-laqgħa ġenerali u tressiq ta’ riżoluzzjonijiet;
Il-liġi tal-kumpaniji
16. Jilqa' l-proposta, hawn fuq imsemmija, tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot mill-azzjonisti ta' kumpaniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom huma aċċettati għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2004/109/KE (2005/0265(COD));
17. Jilqa' l-ftehimiet li ntlaħqu dwar il-proposti li ġejjin:
(a) proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, fir-rigward tal-formazzjoni tal-kumpaniji pubbliċi b’responsabilità limitata u l-manteniment u l-bdil tal-kapital tagħhom (2004/0256(COD));
(b) proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE li jikkonċernaw il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji u kontijiet konsolidati (2004/0250(COD));
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri li jtejbu d-disponibiltà ta’informazzjoni transkonfinali rigward l-iskwalifikazzjoni ta’ diretturi;
19. Jistqarr li m’hemmx il-bżonn għal inizjattiva Ewropea fil-qasam ta’ kummerċ ħażin peress li diġà hemm regolamenti rilevanti fl-Istati Membri; għalkemm dawn ir-regolamenti fl-Istati Membri jistgħu jvarjaw, id-differenżi nazzjonali ma jikkonstitwixxux ostaklu għas-suq intern;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għad-divrenzjar ta' l-obbligi ta' żvelar tal-livelli ta' proprjetà ta' ishma; kieku jilqa' divrenzjar li jipprovdi għall-passi ta' perċentaġġ li ġejjin: 3%, 5%, 10%, 15%, u 20%, kif ukoll obbligu ta' notifika għal kull punt ta' perċentaġġ 'l fuq minn 20%; jinnota li d-divrenzjar ta' obbligi ta' żvelar kieku jtejjeb it-trasparenza rigward il-proprjetà ta' ishma;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq regoli ċar għall-governanza ta' perjodu ta' tranżizzjoni, jiġifieri "l-intervall diċenti" li meta jintemm, il-membri attivi tal-bord tal-maniġment li jixtiequ, wara li jkunu telqu minn dan il-bord, li jittrasferixxu ruħhom għall-bord superviżorju (f'sistema dualistika) jew għall-bord non-eżekuttiv (fis-sistema monistika), ikunu jistgħu jagħmlu dan; jinnota li dawn il-perjodi tranżizzjonali jridu jkunu ta' l-anqas sentejn; jenfasizza l-importanza ta’ perjodi tranżizzjonali bħal dawn minħabba l-ħarsien ta’ l-indipendenza ta’ bords superviżorji;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex issolvi kwistjonijiet leġiżlattivi, bħall-indipendenza tad-diretturi, permezz ta' mezzi leġiżlattivi (direttivi) aktar milli b'rakkomandazzjonijiet, biex il-pubbliku u l-leġiżlatura jkunu involuti u biex ir-regoli riżultanti jirriflettu l-prattika attwali;
23. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toqgħod attenta minn kunflitti ta' interessi u l-akkumulazzjoni mhux proporzjonata ta' informazzjoni u influwenza ma' wħud mill-akbar protagonisti fil-katina ta' intermedjarji u konsulenti li huma involuti fl-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot ta' l-azzjonisti f'kumpaniji, u jenfasizza l-bżonn tat-trasparenza u opportunitajiet ġusti għal dawk li jagħmlu l-ħruġ ta' ishma, biex jiddefendu lilhom infushom mill-konċentrazzjoni żejda u azzjoni koordinata ta' gruppi ta' azzjonisti;
24. Jitlob għal reġim regulatorju ċar għall-iżvelar u l-ħila tat-tqabbil ta' informazzjoni dwar remunerazzjoni individwali u l-politika ta' remunerazzjoni tad-diretturi, inklużi elementi bħalma huma skemi ta' pensjonijiet u skemi li joffru għażla għal xiri ta' ishma;
25. Jistieden lill-Kummisjoni biex tiżġura li kumpaniji jingħataw għażla bejn sistemi ta’ tmexxija differenti, inkluż is-sistemi ta’ fuq livell wieħed jew ta’ fuq żewġ livelli, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġu adottati dispożizzjonijiet li jiddefenixxu il-poteri u l-obbligazzjonijiet tal-korpi ta’ tmexxija tal-kumpanija;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibilitajiet għal reviżjoni tar-regoli fl-Istatut għal kumpanija Ewropea (SE) dwar il-formazzjoni ta' dawn it-tip ta' kumpaniji, bil-ħsieb li tissimplifika dawk ir-regoli u tirranġahom biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet tas-suq;
27. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta dwar il-kumpanija privata Ewropea sabiex taqdi l-bżonnijiet ta' l-SMEs;
28. Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-Kummissjoni diġa` ddeċidiet li tirtira ż-żewġ proposti għal regolament dwar Statut għal assoċjazzjoni Ewropea (1991/0386(COD)) u għal regolament dwar Statut għal soċjeta` komuni Ewropea (1991/0390(COD)) u ż-żewġ proposti għal direttivi li jissuplimentaw dawk l-Istatuti fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati (1991/0387(COD) u 1991/0391(COD));
29. Jinnota, madanakollu, li fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha għall-2003, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tappoġġja attivament il-proċess leġiżlattiv b'relazzjoni ma' dawk l-istatuti, b'rispons għax-xenqa li esprima l-Parlament biex tingħata attenzjoni sinifikanti għall-iżvilupp ta' forom legali ġodda ta' intrapriżi; iqis dawk il-proposti bħala strumenti utli għall-iżvilupp ta' l-attività ekonomika f'kull parti ta' l-Ewropa min-naħa ta' l-assoċjazzjonijiet u tas-soċjetajiet komuni;
30. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti ġodda għal statuti għal soċjetajiet komuni Ewropej u assoċjazzjonijiet Ewropej;
31. Jisħaq li t-trasferiment ta' uffiċċju rreġistrat illum huwa jew impossibbli jew imxekkel mir-rekwiżiti imposti fuq il-livell nazzjonali, tant li direttiva f'dan il-qasam hija kruċjali għal-libertà ta' l-istabiliment, u li l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji, li ilha ħafna mistennija, timla vojt fis-sistema tas-suq intern għall-kumpaniji;
32. Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta, fil-ġejjieni qrib, proposta rigward l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment bejn il-fruntieri ta' l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpaniji ta' responsabilità limitata; jisħaq li t-trasferiment ta' uffiċċju rreġistrati m'għandux jintuża biex ħażin, pereżempju biex jirrestrinġi d-drittijiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' l-impjegati fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija, jew biex titnaqqas il-protezzjoni tal-kredituri; jikkonsidra, b’mod partikolari, li s-salvagwardja tad-drittijiet akkwistati ta’ l-impjegati fir-rigward ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet tal-kumpanija jridu jkuni għan ddikjarat tad-direttiva;
33. Jitlob lill-Kummissjoni biex tissokta bit-tħejjija tagħha ta' leġiżlazzjoni Komunitarja li tipprovdi għal forom legali oħra ta' organizzazzjoni intraprenditorjali, bħalma hi l-fondazzjoni Ewropea.
34. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina aktar jekk hemmx il-ħtieġa li tindirizza l-problemi li jikkonċernaw lill-gruppi u lill-piramidi, speċjalment rigward il-qafas għat-trasparenza ta' l-istrutturi ta' gruppi u għall-problemi speċjali relatati ma' strutturi piramida;
35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni lill-kwistjoni tat-tneħħija mir-reġistri, u li jippreżentaw proposta leġiżlattiva għall-armonizzazzjoni futura fuq livell ta' l-UE; jinnota li, filwaqt li t-tneħħija mill-kwotazzjoni fuq il-borża (delisting) hija possibbli fl-Istati Membri, din tinvolvi spejjeż burokratiċi u legali kbar għan-negozji konċernati; jistieden, għalhekk, li l-privatizzazzjoni ssir possibbli, fil-futur, bl-inqas sforz burokratiku possibbli, filwaqt li jingħata qies partikulari lill-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji ta' l-azzjonisti;
36. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Parlament b'mod aħjar fid-diskussjonijiet dwar standards tal-kontabilità internazzjonali u Ewropej, u biex tirrinforza d-definizzjoni ta' approċċ Ewropew ibbażat fuq l-aħjar prattiki u tradizzjonijiet fl-Istati Membri, minflok ma' ssewgi b'għajnejn magħluqa t-tradizzjonijiet tal-verifika fl-Istati Uniti; jerġa jisħaq dwar il-bżonn ta' aktar rappreżentanti bi sfond Ewropew fil-korpi internazzjonali ta' l-issettjar ta' l-istandards, biex jilleġitimaw approċċ li jkun verament internazzjonali; jenfasizza li r-regolamenti dwar l-istandards tal-kontabilità għandhom impatt fuq il-liġi tat-taxxa u l-istrutturi tan-negozju;
37. Jiddeplora l-fatt li l-‘International Accounting Standard Board’ (IASB) huwa nieqes mill-kontroll demokratiku, u għaldaqstant jieħu deċiżjoniiet li ma jirriflettux b'mod adegwat ir-realtà ta' kumpaniji Ewropej u jonqsu, pereżempju, milli jirrispondu għall-bżonnijiet ta' kumpaniji żgħar jew medji; bħala eżempju, jikkwota r-rekwiżit, stipulat fl-IAS 32, li għandu jkun hemm distinzjoni fuq il-karti tal-bilanċ, bejn il-kapital tal-kumpanija u l-kapital li joriġina mis-self. Fil-każ ta' sħubiji, dan ir-rekwiżit wassal għal problemi materjali sinifikanti, bħal stampa mhux reali tal-kwalità tal-kreditu tagħhom; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li aktar piż jingħata lid-deċiżjonijiet tal-Parlament fi ħdan l-IASB;
38. Jagħmel kjarifika dwar il-fatt li l-Kummissjoni m'għandha l-ebda awtorità biex tapprova l-Istandards Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju għall-SMEs;
39. Jirtob lill-Kummissjoni biex tieħu aktar passi sabiex l-acquis tal-liġi tal-kumpaniji tibqa' tiġi eżaminata l-ħin kollu;
40. Jitlob lill-Kummissjoni biex timmoniterja bl-akbar reqqa t-traspożizzjoni ta' l-acquis tal-liġi tal-kumpaniji fil-pajjiżi li se jissieħbu, waqt il-perjodu ta' qabel is-sħubija, u biex tirrapporta dwar ir-riżultati ta' dak il-monitoraġġ;
41. Jistenna b'ħerqa r-riżultati ta' l-istudju estern ikkummissjonat mill-Kummissjoni dwar il-proporzjonalità bejn il-proprjetà u l-kontroll ta' kumpaniji fl-UE li huma kkwotati fil-Borża, sakemm dan jagħmel analiżi oġġettiva ta' l-evidenza empirika u teoretika dwar l-effetti ta' mudelli differenti ta' proprjetà fl-Istati Membri fuq l-effiċjenza ekonomika, il-kontroll tas-sidien tal-kumpaniji, u l-possibilitajiet ta' tranzazzjonijiet transkonfinali, iżda wkoll analiżi soda tal-liġi korporattiva, f'dak li jirrigwarda il-kuntest usa' ekonomiku u legali fl-Istati Membri u mudelli differenti ta' governanza tal-kumpaniji; jisħaq li għandu jittieħed qies kif xieraq għal trasparenza fl-istruttura tad-drittijiet ta' kontroll;
42. Jistenna li l-Kummissjoni, jekk huwa xieraq, tagħmel proposta leġiżlattiva dwar il-prinċipju ta' "sehem wieħed vot wieħed" biss wara r-riżultat tar-reviżjoni u ta' l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar Attentati ta’ Akkwiżizzjonijiet(2), kif previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva, u evalwazzjoni tad-Direttiva;
43. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għal aktar trasparenza fir-rigward ta' investituri istituzzjonali; ifakkar li t-trasparenza hija bżonjuża fir-rigward tal-politika ta' investiment u ta' vvutar, u l-proprjetà ta' l-ishma, u li din it-trasparenza m'għandhiex tkun limitata għar-relazzjoni bejn il-fondi u l-investituri individwali; ifakkar li għandu jkun hemm ukoll ċerti obbligi ta' żvelar min-naħa ta' l-investituri istituzzjonali lejn il-kumpaniji li huma nvoluti fihom, pereżempju fir-rigward ta' l-intenzjonijiet tagħhom u t-tul propost ta' l-involviment tagħhom;
44. Jitlob lill-Kummissjoni biex tgħarraf lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-prijoritajiet futuri għall-Pjan ta' Azzjoni 2003, li nidiet il-Kummissjoni f'Diċembru 2005, u biex tispjega fid-dettall id-deċiżjonijiet li ħadet il-Kummissjoni b'riżultat ta' dak li rriżulta minn dik il-konsultazzjoni;
45. Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-problemi relatati ma' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali bil-għan li tqis ir-riżultati ta' dik l-analiżi meta tkun qed tikkunsidra proposti leġiżlattivi ġodda;
46. Jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji biex jsegwu x-xogħol tal-Kummissjoni;
°
° °
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Bil-Komunikazzjoni tagħha dwar "L-Immodernizzar tal-Liġi tal-Kumpaniji u t-Tisħiħ tat-Tmexxija Korporattiva fl-Unjoni Ewropea - Pjan għall-Avvanz" (COM(2003)0284) tal-21 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni Ewropea spjegat għalfejn il-qafas regolatorju Ewropew għal-liġi tal-kumpaniji u għat-tmexxija korporattiva għandha bżonn tiġi mmodernizzata u ddefinixxiet l-għanijiet tal-politika importanti li għandhom jispiraw kull azzjoni futura li tittieħed fuq livell ta’ Unjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.
Fi tmiem l-ewwel fażi ta' l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni Ewropea nidiet, f’Diċembru 2005, konsultazzjoni dwar prijoritajiet futuri għall-Pjan ta’ Azzjoni bi l-għan li jiġi rifless x'suppost isir fit-tieni fażi. Il-konsultazzjoni ingħalqet fil-31 ta’ Marzu 2006. Il-Kummissjoni avżat li se tippreżenta analiżi tar-riżultati tal-konsultazzjoni. Il-Kummissjoni avżat ukoll biex torganizza seduta ta' smiegħ pubblika fuq prioritajiet futuri għall-Pjan ta’ Azzjoni.
Aktar minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea bil-Komunikazzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2005 dwar “L-Implimentazzjoni tal-programm Komunitarju ta' Liżbonà: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju" (COM(2005)0535) avżat bil-kodifikazzjoni sħiħa jew riformulazzjoni tad-direttivi tal-liġi tal-kumpaniji għas-sena 2006/2007.
Apparti dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira erba’ proposti fil-qasam tal-ligi tal-kumpaniji li jikkonċernaw regolamnet dwar l-Istatut għal assoċjazzjoni Ewropea kif ukoll bħala regolament għal soċjetà komuni Ewropea u d-direttivi dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li jiġu magħhom. Għalkemm il-Parlament esprima l-opinjoni li dawn il-proposti kienu ta’ importanza għas-setturi ikkonċernati u espliċitament ipprotesta kontra l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tirtira dawn il-proposti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira dawn l-erba’ proposti.
Pożizzjoni tar-Rapporteur
Ir-rapport ta’ inizjattiva proprja dwar żviluppi riċenti u għanijiet prospettivi tal-liġi tal-kumpaniji, fuq naħa biex jirreaġixxi għal dawn l-attivitajiet tal-Kummissjoni Ewropea u fuq in-naħa l-oħra biex tkun żviluppata perspettiva strateġika tal-Parlament għal aktar azzjonijiet fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji.
Sar progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2003. L-għanijiet originali tal-Pjan ta’ Azzjoni li jħaddnu l-effiċċjenza u l-kompetittività tan-negozju u li jsaħħu d-drittijiet ta' l-azzjonisti jibqgħu importanti.
Minkejjadan, aktar azzjonijiet huma neċessarji, li għandhom jkunu gwidati minn objettivi stipulati fl-istrateġija ta’ Liżbona mġedda, l-impenn li jittejjeb it-tkabbir u l-impjieg, biex tissaħħaħ u tiżdied il-kompetittività industrijali u biex jitjieb l-ambjent tan-negozju, kif ukoll bl-impenn li tiġi promossa Ewropa Soċjali.
Regolamentazzjoni aħjar u simplifikazzjoni
Regolamentazzjoni aħjar u simplificazzjoni huma importanti ħafna sabiex tittejjeb il-koerenza u ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, b'mod partikulari fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji. Mandankollu, dan m’għandux ikun l-uniku objettiv. Għandha tingħata prijorità għall-identifikazzjoni ta’ dawk l-oqsma fejn aktar inizjattivi fuq livell ta’ l-UE huma neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi hawn fuq imsemmija.
Għandu jsir eżami jekk hemmx il-bżonn għal konsolidazzjoni komprensiva tal-liġi tal-kumpaniji f’att legali waħdieni, jew jekk bħala l-ewwel pass biss ċertu oqsma tal-liġi tal-kumpaniji għandhom jiġu kkonsolidati. Meta jiġi ssimplifikat l-ambjent regolatorju, il-Kummissjoni għandha tispeċifika liema direttivi għandhom jkunu suġġetti għal revokazzjoni, kodifikazzjoni u liema għandhom jkunu modifikati.
L-irtirar ta’ proposti f’oqsma fejn l-Kummissjoni diġà identifikat interess tal-Kumpaniji f’oqsma kkonċernati ma jistgħux ikunu ġustifikati b’regolamentazzjoni aħjar.
Aktar proposti leġizlattivi għandhom jkunu bbażati fuq approċċ wiesa’ u koerenti bbażat fuq reviżjoni dettalljata tal-leġiżlazzjoni eżistenti u assessjar ta’ l-impatt fid-dettall.
IL-Parlament Ewropew għandhu kontinwament ikun involut matul il-proċess ta’ żvilupp, determinazzjoni u adozzjoni ta' miżuri ta' simplifikazzjoni.
Tmexxija korporattiva
Qafas Ewropew gat-tmexxija korporattiva għandu jistipula kundizzjonijiet proprji istituzzjonali għal kumpaniji biex jippromwovu profittabilità u prospetti ta’ impjieg fit-tul, jiddefenixxu mekkaniżmi li jipprevjenu mmaniġġjar ħażin u jiggarantixxu trasparenza u responsabiltà fir-rigward ta’ investimenti u ta’ dħul tagħhom.
Mudelli ta' l-azzjonist huma kkuntrastati ma mudelli tal-parteċipant. Iċċekjar u bilanċi huma bżonjużi biex kumpanija tkun tista’ tilħaq massimu fil-profitti tagħha fit-tul ta' żmien u taħdem bl-aħjar mod f'termini soċjali u ekonomiċi.
Wieħed m’għandux jinsa li l-ħaddiema jikkonstitwixxu l-'kapital uman’ ta’ kumpanija. Aktar minn hekk, il-ħaddiema m’humiex biss partijiet għal kuntratt ta' impjieg, imma fl-istess ħin huma investituri u ċittadini. Il-ħaddiema għandhom jitqiesu bħala parteċipanti fil-kumpanija, bħala azzjonisti, fis-sens li huma jġarbu riskji minn għażliet li tagħmel il-kumpanija.
Kodiċi ta’ tmexxija għandu jkun ibbażat fuq ftehim komuni mill-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-parteċipanti kollha tas-swieq finanzjarji u tax-xogħol rispettivi. Dawn il-kodiċi ta’ tmexxija għandhom jkunu msejsin fil-liġi permezz ta’ dispożizzjoni mandatorja ta’ 'aqbel jew spjega' ('comply or explain').
Responsabiltà korporali soċjali m’għandiex tkun ikkonsidrata aktar bħala sempliċi riżultat ta' tmexxija imma għandha tkun parti integrali fil-proċess tat-tmexxija.
Il-prinċipji ta’ l-OECD għandhom iservu bħala standard minimu li għandu jitħaddan fuq livell ta’ l-UE fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-liġi tal-kumpaniji u tmexxija korporattiva.
Il-liġi tal-kumpaniji
Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra d-diversità tas-sistemi nazzjonali legali, u b’mod partikulari d-differenzi bejn pajjiżi b’sistemi ta’ bord b'livell wieħed jew b’żewġ livelli.
Il-Kummissjoni m’għandiex tibqa’ lura aktar biex tressaq l-14-id Direttiva tal-liġi tal-kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali ta' l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpaniji b’responsabilità limitata . Madankollu, it-trasferiment ta’ uffiċċji rreġistrati ma jridux jintużaw biex jiġu ristretti d-drittijiet tal-ħaddiema, b’mod partikulari l-parteċipazzjoni ta' l-impjegat.
Id-diskussjoni ta’ “demokrazija ta’ l-azzjonisti” għandha titpoġġa fi ħdan objettiv aktar wiesa’ li għandu jiġi definit bħala twaqqif ta' ambjent regolatorju li jagħmel konformi l-interessi finanzjarji ta' azzjonisti b’interess fit-tul tal-kumpanija u l-konstitwenti principali tagħha, bħal l-impjegati.
Il-Parlament għandu kontinwament ikun involut f'dibattitu dwar aktar prijoritajiet fil-liġi tal-kumpaniji u fit-tmexxija korporattiva. Dan jinkludi li l-Parlament ikun regolarment infurmat dwar ir-riżultat tad-diskussjoni fil-gruppi esperti, bħall-Forum tat-Tmexxija Korporattiva u l-Grupp Konsultattiv u dwar deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bħala riżultat tax-xogħol ta’ dawn il-gruppi.
OPINJONI TAL-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (20.6.2006)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar Żviluppi riċenti u prospettivi fil-liġi tal-kumpaniji
'Rapporteur' għal opinjoni (*): Klaus-Heiner Lehne
(*) Koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-kumitati - Artikolu 47 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarjiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni tiegħu għal riżoluzzjoni:
1. Jistenna b'ħerqa r-riżultati ta' l-istudju estern ikkummissjonat mill-Kummissjoni dwar il-proporzjonalità bejn il-proprjetà u l-kontroll ta' kumpaniji fl-UE li huma kkwotati fil-Borża, sakemm dan jagħmel analiżi oġġettiva ta' l-evidenza empirika u teoretika dwar l-effetti ta' mudelli differenti ta' proprjetà fl-Istati Membri fuq l-effiċjenza ekonomika, il-kontroll tas-sidien tal-kumpaniji, u l-possibilitajiet ta' tranzazzjonijiet transkonfinali, iżda wkoll analiżi soda tal-liġi korporattiva, f'dak li jirrigwarda il-kuntest usa' ekonomiku u legali fl-Istati Membri u mudelli differenti ta' governanza tal-kumpaniji; jisħaq li għandu jittieħed qies kif xieraq għal trasparenza fl-istruttura tad-drittijiet ta' kontroll;
2. Jistenna li l-Kummissjoni, jekk huwa xieraq, tagħmel proposta leġiżlattiva dwar il-prinċipju ta' "sehem wieħed vot wieħed" biss wara r-riżultat tar-reviżjoni u ta' l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2004/25/KE tal-21 ta' April 2004, kif previst fl-Artikolu 20 tad-Direttiva;
3. Jenfasizza li, biex tiġi promossa l-governanza korporattiva li hija effettiva u sostenibbli fit-tul, huwa importanti li tintrebaħ il-lealtà ta' l-azzjonisti;
4. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma żviluppatx viżjoni ċara tat-tmexxija tan-neġozji Ewropej imma tidher li qed tieħu miżuri fuq aspetti dispari fuq bażi ad hoc; itenni l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tagħha hawn fuq imsemmija tal-21 ta’ April 2004(1) u jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni dwarhom;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi lill-Parlament b'mod aħjar fid-diskussjonijiet dwar standards tal-kontabilità internazzjonali u Ewropej, u biex tirrinforza d-definizzjoni ta' approċċ Ewropew ibbażat fuq l-aħjar prattiki u tradizzjonijiet fl-Istati Membri, minflok ma' ssewgi b'għajnejn magħluqa t-tradizzjonijiet tal-verifika fl-Istati Uniti; jerġa jisħaq dwar il-bżonn ta' aktar rappreżentanti bi sfond Ewropew fil-korpi internazzjonali ta' l-issettjar ta' l-istandards, biex jilleġitimaw approċċ li jkun verament internazzjonali; jerġa jisħaq dwar il-bżonn ta' aktar rappreżentanti bi sfond Ewropew fil-korpi internazzjonali ta' l-issettjar ta' l-istandards, biex jilleġitimaw approċċ li jkun verament internazzjonali; jenfasizza li r-regolamenti dwar l-istandards tal-kontabilità għandhom impatt fuq il-liġi tat-taxxa u l-istrutturi tan-negozju;
6. Jiddeplora l-fatt li l-International Accounting Standard Board (IASB) huwa nieqes mill-kontroll demokratiku, u għaldaqstant jieħu deċiżjoniiet li ma jirriflettux b'mod adegwat ir-realtà ta' kumpaniji Ewropej u jonqsu, pereżempju, milli jirrispondu għall-bżonnijiet ta' kumpaniji żgħar jew medji; Bħala eżempju, jikkwota r-rekwiżit, stipulat fl-IAS 32, li għandu jkun hemm distinzjoni fuq il-karti tal-bilanċ, bejn il-kapital tal-kumpanija u l-kapital li joriġina mis-self. Fil-każ ta' sħubiji, dan ir-rekwiżit wassal għal problemi materjali sinifikanti, bħal stampa mhux reali tal-kwalità tal-kreditu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Parlament ikunu meqjusa aħjar fl-IASB;
7. Jagħmel kjarifika dwar il-fatt li l-Kummissjoni m'għandha l-ebda awtorità biex tapprova l-Istandards Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju għall-SMEs;
8. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri għal aktar trasparenza fir-rigward ta' investituri istituzzjonali; ifakkar li t-trasparenza hija bżonjuża fir-rigward tal-politika ta' investiment u ta' vvutar, u l-proprjetà ta' l-ishma, u li din it-trasparenza m'għandhiex tkun limitata għar-relazzjoni bejn il-fondi u l-investituri individwali; ifakkar li għandu jkun hemm ukoll ċerti obbligi ta' żvelar min-naħa ta' l-investituri istituzzjonali lejn il-kumpaniji li huma nvoluti fihom, pereżempju fir-rigward ta' l-intenzjonijiet tagħhom u t-tul propost ta' l-involviment tagħhom, jinnota li l-pressjonijiet tas-suq qed iwasslu lill-investituri istituzzjonali biex jiżvelaw informazzjoni; u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel monitoraġġ u tqis l-iżvilupp tal-prattika tas-suq;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex iżżid id-disponibilità transkonfinali ta' informazzjoni dwar l-iskwalifika ta' diretturi;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għad-divrenzjar ta' l-obbligi ta' żvelar tal-livelli ta' proprjetà ta' ishma; kieku jilqa' divrenzjar li jipprovdi għall-passi ta' perċentaġġ li ġejjin: 3, 5, 10, 15, u 20%, kif ukoll obbligu ta' notifika għal kull punt ta' perċentaġġ 'l fuq minn 20%; jinnota li d-divrenzjar ta' obbligi ta' żvelar kieku jtejjeb it-trasparenza rigward il-proprjetà ta' ishma;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq regoli ċar għall-governanza ta' perjodu ta' tranżizzjoni, jiġifieri "l-intervall diċenti" li meta jintemm, il-membri attivi tal-bord tal-maniġment li jixtiequ, wara li jkunu telqu minn dan il-bord, li jittrasferixxu ruħhom għall-bord superviżorju (f'sistema duwalistika) jew għall-bord non-eżekuttiv (fis-sistema monistika), ikunu jistgħu jagħmlu dan; jinnota li dawn il-perjodi ta' tranżizzjoni għandhom ikunu mill-inqas ta' sentejn, u jisħaq fuq l-importanza ta' tali perjodi ta' tranżizzjoni għall-preservazzjoni ta' l-indipendenza tal-bords ta' superviżjoni;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex issolvi kwistjonijiet leġiżlattivi, bħall-indipendenza tad-diretturi, permezz ta' mezzi leġiżlattivi (direttivi) aktar milli b'rakkomandazzjonijiet, biex il-pubbliku u l-leġiżlatura jkunu involuti u biex ir-regoli riżultanti jirriflettu l-prattika attwali;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toqgħod attenta minn kunflitti ta' interessi u l-akkumulazzjoni mhux proporzjonata ta' informazzjoni u influwenza ma' wħud mill-akbar protagonisti fil-katina ta' intermedjarji u konsulenti li huma involuti fl-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot ta' l-azzjonisti f'kumpaniji, u jenfasizza l-bżonn tat-trasparenza u opportunitajiet ġusti għal dawk li jagħmlu l-ħruġ ta' ishma, biex jiddefendu lilhom infushom mill-konċentrazzjoni żejda u azzjoni koordinata ta' gruppi ta' azzjonisti;
14. Jisħaq li l-governanza korporattiva ma tinvolvix biss ir-relazzjoni bejn l-azzjonisti u l-maniġment, iżda wkoll li partijiet interessati oħra fi ħdan il-kumpanija huma wkoll importanti għal proċess bilanċjat tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għandhom ikunu jistgħu jagħtu kontribut għad-deċiżjonijiet dwar l-istrateġija tal-kumpaniji; b'mod partikulari, għandu jkun hemm lok li l-impjegati jiġu infurmati u kkonsultati;
15. Jitlob għal reġim regulatorju ċar għall-iżvelar u l-ħila tat-tqabbil ta' informazzjoni dwar remunerazzjoni individwali u l-politika ta' remunerazzjoni tad-diretturi, inklużi elementi bħalma huma skemi ta' pensjonijiet u skemi li joffru għażla għal xiri ta' ishma;
16. Jisħaq dwar il-bżonn ta' involviment tar-regulaturi u s-superviżuri tas-suq finanzjarju fl-iżvilupp ta' regoli u rakkomandazzjonijiet ċari ta' governanza korporattiva, u għal koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki fil-qasam tar-regolazzjoni tas-suq finanzjarju fuq in-naħa l-waħda, u l-liġi korporattiva fuq in-naħa l-oħra;
17. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu aktar qies tal-bżonnijiet ta' l-SMEs fi proposti leġiżlattivi futuri, jew fir-reviżjoni futura ta' leġiżlazzjoni eżistenti; ifakkar li l-SMEs joħolqu l-impjiegi u huma mutur tat-tkabbir ekonomiku;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni lill-kwistjoni tat-tneħħija mir-reġistri, u li jippreżentaw proposta leġiżlattiva għall-armonizzazzjoni futura fuq livell ta' l-UE; jinnota li, filwaqt li t-tneħħija mill-kwotazzjoni fuq il-borża (delisting) hija possibbli fl-Istati Membri, din tinvolvi spejjeż burokratiċi u legali kbar għan-negozji konċernati; jistieden, għalhekk, li l-privatizzazzjoni ssir possibbli, fil-futur, bl-inqas sforz burokratiku possibbli, filwaqt li jingħata qies partikulari lill-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji ta' l-azzjonisti;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis is-sitwazzjoni speċjali ta' l-SMEs fl-Ewropa, meta jevalwaw l-impatt ta' leġislazzjoni futura.
PROĊEDURA
Titolu
Żviluppi riċenti u prospettivi fil-liġi tal-kumpaniji
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
ECON
16.3.2006
Koperazzjoni aktar mill-qrib - data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
16.3.2006
Rapporteur Data tal-ħatra
Klaus-Heiner Lehne
3.4.2006
Rapporteur preċedenti
Eżami fil-kumitat
15.5.2006
30.5.2006
Data ta' l-adozzjoni
20.6.2006
Riżultat tal-votazzjoni finali
+:
–:
0:
30
1
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Pervenche Berès, Sharon Bowles, Ieke van den Burg, David Casa, Jan Christian Ehler, Elisa Ferreira, Jean-Paul Gauzès, Donata Gottardi, Benoît Hamon, Joseph Muscat, Karsten Friedrich Hoppenstedt, Othmar Karas, Christoph Konrad, Cristobal Montoro Romero, John Purvis, Alexander Radwan, Bernhard Rapkay, Dariusz Rosati, Manuel António dos Santos, Margarita Starkevičiūtė, Lars Wohlin.
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Werner Langen, Klaus-Heiner Lehne, Alain Lipietz, Vladimír Maňka, Thomas Mann, Giovanni Pittella, Gilles Savary, Corien Wortmann-Kool.
Sostitut(i) skond l-Artikolu 178(2) preżenti għall-votazzjoni finali
Elspeth Attwooll, Willem Schuth.
Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss)
Data ta' l-awtorizzazzjoni mħabbra fis-seduta plenarja (Artikolu 45)
16.3.2006
Data ta' l-awtorizzazzjoni mħabbra fis-seduta plenarja (Artikolu 39)
Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
ECON 16.3.2006
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni
Koperazzjoni aktar mill-qrib Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja
ECON 16.3.2006
Rapporteur(s) Data tal-ħatra
Andrzej Jan Szejna
24.11.2004
Rapporteur(s) preċedenti
Eżami fil-kumitat
4.5.2006
Data ta' l-adozzjoni
22.6.2006
Riżultat tal-votazzjoni finali
+ - 0
19
0
0
Membri preżenti għall-votazzjoni finali
Maria Berger, Rosa Díez González, Bert Doorn, Giuseppe Gargani, Klaus-Heiner Lehne, Antonio López-Istúriz White, Aloyzas Sakalas, Francesco Enrico Speroni, Daniel Strož, Andrzej Jan Szejna, Rainer Wieland, Jaroslav Zvěřina
Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali
Jean-Paul Gauzès, Othmar Karas, Toine Manders, Manuel Medina Ortega, Michel Rocard
Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali