Rapport - A6-0266/2006Rapport
A6-0266/2006

RAPPORT dwar "it-titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd"

12.9.2006 - (2006/2110(INI)

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Pedro Guerreiro


Proċedura : 2006/2110(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A6-0266/2006
Testi mressqa :
A6-0266/2006
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar "it-titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd"

(2006/2110(INI)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-politika komuni ta' l-industrija tas-sajd, ta' Diċembru 2002 u speċjalment ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2002 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-futur tal-politika komuni tas-sajd[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tas-6 ta' Lulju 2005 dwar il-proposta għar-Regolament tal-Kunsill dwar il-Fondi Ewropej għall-industrija tas-sajd[2],

-    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2006 bit-titolu "It-Titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd". (COM(2006)0103),

–   wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku organizzat fit-3 ta' Mejju 2006 mill-Kumitat għas-sajd dwar l-inċidenza ta' l-għoli tal-prezz taż-żejt fuq l-industrija tas-sajd Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A6‑0266/2006),

A. billi l-industrija tas-sajd hija ta' importanza strateġika għas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, għall-provvista pubblika tal-ħut u għall-ekwilibriju tal-bilanċ ta' l-ikel f'diversi Stati Membri u fl-Unjoni Ewropea stess, u billi tagħti kontribuzzjoni konsiderevoli għall-benesseri soċjo-ekonomiċi tal-Komunitajiet li jgħixu madwar il-kosta għall-iżvilupp lokali għax-xogħol, għall-manutenzjoni u/jew għall-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi u ta' opportunitajiet ta' xogħol; għall-provvista ta' ħut frisk u għaż-żamma tat-tradizzjonijiet kulturali lokali,

B. billi teżisti Politika Komuni għas-Sajd (PKS) li għandha ġġorr ir-responsabiltà ta' l-ispejjeż għall-iffinanzjar tagħha u speċjalment tad-deċiżjonijiet u tal-miżuri adottati f'dan is-settur,

C. billi l-limitu massimu previst fil-qafas finanzjarju 2007-2013, jeħtieġ li jiġi rispettat għalkemm kien mixtieq li s-settur tas-sajd jibbenefika minn allokazzjoni baġitarja aktar xierqa,

D. billi l-flotot differenti ta' l-Istati Membri fl-2004 ammontaw għal madwar 90,000 bastiment darba u impjegaw direttament madwar 190,000 sajjied,

E. billi l-PKS għandu jikkunsidra d-differenzi konsiderevoli bejn il-flotot, it-taqsimiet differenti tal-flotot, l-ispeċijiet immirati, it-tagħmir għas-sajd, il-produttività, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-kwantità ta' ħut li kull ras tikkonsma fl-Istati Membri differenti, kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi ta' l-attività tas-sajd li ġejjin mill-istruttura soċjali ta' din l-attività u d-differenzi strutturali u naturali taz-zoni għas-sajd differenti,

F. billi sostenibbiltà tar-riżorsi ta' l-industrija tas-sajd huma bżonnjuzi jekk wieħed irid jiggarantixxi s-sajd u l-vijabbiltà tas-settur tas-sajd għal tul ta' żmien,

G. billi l-industrija tas-sajd hija fuq kollox ikkonċentrata f'reġjuni li għandhom ekonomija dgħajfa - li ħafna minnhom huma reġjuni ta' l-Objective 1, u li l-kriżi li għaddej minnha dan is-settur għandha impatt konsiderevoli fuq il-livell tal-koeżjoni ekonomika u soċjali f'dawn ir-reġjuni,

H. billi l-PKS għandha tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli ta' l-industrija tas-sajd,

I. billi f'ċerti industriji tas-sajd, l-ammont ta' dħul tal-popolazzjoni li tgħix mis-sajd huwa ħafna inqas minn dak ta' setturi oħra tal-popolazzjoni u minħabba li din id-diżugwaljanza qed taggrava minħabba l-fatt li dan l-ammont hu marbut ma' l-inċertezzi ta' l-industrija tas-sajd, mal-valur li jvarja tal-ħut u ma' spejjeż ta' ċerti fatturi tal-produzzjoni; billi għalhekk li l-politiki Komunitarji għandhom jiggarantixxu livell ta' għixien ugwali għall-popolazzjoni li tgħix mis-sajd speċjalment billi jitjib il-bilanċ bejn id-dħul u n-nefqa ta' l-intrapriżi,

J. billi minħabba li d-dħul u s-salarji ta' sajjieda professjonali ma għandhomx sigurtà minħabba l-mod kif il-ħut huwa rriklamat, minħabba l-mod kif jiġi stabbilit il-prezz ta' l-ewwel bejgħ u minħabba n-natura irregolari ta' l-attività, dan jimplika li ċertu għajnuniet pubbliċi, nazzjonali u Komunitarji għandhom bilfors jinżammu,

K. billi ż-żieda fil-prezz taż-żejt għandu riperkussjonijiet diretti u negattivi fuq id-dħul ta' l-ekwipaġġi minħabba r-rabta bejn is-salarji u d-dħul mill-ewwel bejgħ tas-sajdiet li tista' twassal għal telf ta' 25%,

.L. billi s-sitwazzjoni ekonomika ta' numru kbir ta' intrapriżi tas-sajd iddeterjorat matul dawn l-aħħar snin, sal-punt li wassal għall-għeluq ta' numru kbir minnhom, minħabba t-telf kbir tad-dħul flimkien mar-riperkussjonijiet soċjo-ekonomiċi li jirriżultaw minnha

M.billi n-nuqqas ta' dħul jispjega ruħu minn naħa waħda minħabba r-restrizjonijiet imposti fuq l-industrija tas-sajd (tnaqqis tal-produzzjoni, TAC, kwoti, zoni li fihom ma jistax isir sajd pjanijiet għar-rikostruzzjoni ta' l-istokk u t-tnaqqis ta' l-istaġun tas-sajd u minn naħa l-oħra minħabba li l-ewwel bejgħ baqa' jżomm prezz baxx, marbuta ma' l-istruttura tas-settur (provvista baxxa, domonda għolja, distribuzzjoni ħażina tal-valur miżjud, żieda kontinwa fl-importazzjoni tal-prodotti tal-ħut, żieda fil-produzzjoni ta' l-akwakultura).

N. billi l-kriżi ekonomika u soċjali li l-industrija tas-sajd għaddejja minnha taffetwa l-flotot tas-sajd kollha għalkemm bi gradi differenti,

O. billi matul dawn l-aħħar għaxar snin l-industrija tas-sajd sabet ruħħa taffaċja tnaqqis ta' 35% ta' l-impjiegi, tnaqqis ta' 20% tal-bastimenti u tnaqqis ta' 28% tal-qabdiet tal-ħut minkejja l-isforzi magħmula fil-qafas tar-revizjoni tal-PKS ta' l-2002 bil-għan li tinbidel din it-tendenza,

P. billi sabiex tkun garantita l-vijabbiltà ekonomika ta' l-industrija tas-sajd, l-adattament tagħha għall-miżuri soċjo-ekonomiċi speċjalment dawk maħsuba sabiex jiżguraw il-livelli l-aktar għolja ta' sigurtà permezz ta' l-immodernizzar tal-flotta sabiex jintlaħaq livell għoli ta' taħriġ professjonali fis-settur u t-titjib tal-livell ta' l-għixien u tax-xogħol tas-sajjieda,

Q. billi d-defiċit tal-bilanċ kummerċjali tal-prodotti tas-sajd mal-pajjiżi terzi qiegħed wara diversi, snin jiżdied kontinwament u minħabba li minn issa 'l quddiem l-UE qed timporta aktar minn 40% tal-prodotti tal-ħut li hi timporta,

R. billi d-dinamika tal-bejgħ iżżomm lura l-varjazzjoni ta' l-ispejjeż milli jkollhom riperkusjonijiet fuq il-prezz tal-ħut u li l-medja tal-prezz ta' l-ewwel bejgħ stagna jew baxxa l-prezz mill-2000 mingħajr ma rrifletta ruħu fil-prezz finali tal-ħut frisk lill-konsumatur,

S. billi f'ċerti każijiet, l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tas-Sajd (OKSS) tal-prodotti tal-ħut ma kkontribwixxitx biżżejjed biex ittejjeb il-prezz ta' l-ewwel bejgħ u lanqas biex itejjeb id-distribuzzjoni tal-valur miżjud permezz tal-katina tal-valur ta' l-industrija,

T.   T. billi l-promozzjoni sabiex jiġu skartati bastimenti mingħajr ma jiġu kkunsidrati karatteristiċi speċifiċi tal-flotot rispettivi, tar-riżorsi għas-sajd u tal-bżonnijiet tal-konsumaturi tal-ħut f'kull pajjiż kienet il-forza sabiex jiġi adattat id-daqs tal-flotta mar-riżorsi tas-sajd eżistenti b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali konsiderevoli,

U. billi t-tnaqqis fl-isforz għas-sajd affetwa xi Stati Membri aktar minn oħrajn, u hemm xi flotot ta' xi stati Membri li għamlu tnaqqis globali akbar mill-medja tal-Komunità filwaqt li għall-kuntrarju kien hemm oħrajn li żiedu l-isforz tagħhom għas-sajd,

V. billi t-twaqqif ta' ċertu metodi tas-sajd awtomatikament se jwasslu sabiex jintilfu ċertu snajja' marbuta mas-sajd, b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kbar,

W. billi ż-żieda fil-prezz taż-żejt fl-aħħar tliet snin kellha impatt partikolarment negattiv fuq l-industrija tas-sajd, li aggravat konsiderevolment il-kriżi li diġà kienet teżisti, il-marġni ta' l-operat tagħha u l-vijabbiltà ekonomika tagħha u li waslet għal tnaqqis serju mid-dħul tas-sajjieda,

X billi bejn l-2004 u l-2006 il-prezz taż-żejt għola bi kważi 100% u li dan ta' l-aħħar minn issa 'l quddiem jirrapreżenta f'ċertu partijiet ta' l-industrija, kważi n-nofs ta' l-ispejjeż totali ta' l-operat ta' l-intrapriżi tas-sajd,

Y. billi ċerti studji jistmaw li l-għoli tal-prezz taż-żejt jistgħu jipprovokaw l-għeluq ta' eluf ta' industriji tas-sajd u t-telf ta' eluf ta' impjiegi,

Z.billi diversi Stati Membri ta' l-UE implimentaw miżuri speċifiċi mmirati biex jagħmlu tajjeb għaż-żieda fil-prezz taż-żejt għall-flotot tagħhom, speċjalment bil-ħolqien ta' fondi ta' garanzija u limiti ta' kreditu sussidjati,

AA. billi t-tendenza lejn prezz taż-żejt għoli hija fin-natura tagħha strutturali,

AB. billi f'dak li jirrigwardja l-eżenzjoni minn notifikazzjoni għall-għajnuna ta' l-Istat, il-Kummissjoni pproponiet li r-regolament "de minimis" għall-industrija tas-sajd jogħla għal madwar EUR30 000 kull benifiċjarju fuq perjodu ta' tliet snin, ammont inqas minn dak allokat għal industriji oħra

AC. billi rigward il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005 ddeċieda li jbaxxi għas-snin 2007-2013 l-għotjiet ta' Fondi Ewropej għas-sajd minn madwar 4.9 miljardi EUR għal madwar 3.8 miljardi EUR, bl-liema mod aggrava n-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji tal-Komunità allokati għall-industrija tas-sajd,

AD billi l-ftehima politika dwar il-Fondi Ewropej għas-Sajd konkluża fid-19 ta' Ġunju 2006 ma kkunsidratx l-aspetti importanti tar-riżoluzzjoni tagħha tas-6 ta' Lulju 2005 u tinkludi proposti tal-Kummissjoni stabbiliti fil-komunikazzjoni msemmija hawn fuq,

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

1.  Jiddeplora d-dewmien għal preżentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll in-nuqqas ta' viżjoni li ntweriet. jikkunsidra li fil-verità, il-proposti magħmula mhumiex biżżejjed u fl-istess waqt f'ċerti każijiet mhumiex xierqa meta wieħed iqis l-iskala u l-gravità tal-kriżi li għaddejja minnha bħalissa l-industrija, sitwazzjoni li l-Kummissjoni nnifisha tinnota u tiddeskrivi,

2.  Jiddeplora li l-politika li tieħu vantaġġ mid-deterjorazzjoni soċjo-ekonomika fl-industrija minħabba ż-żieda kbira fil-prezz taż-żejt, qed tfittex li tiskarta bastimenti u l-waqfien għal kollox ta' l-attività;

3.  jiddeplora li l-miżuri proposti ma għandhom l-ebda dimensjoni soċio ekonomika u li għal kuntrarju huma miżuri li ma jqisux il-konsegwenzi ta' l-implimentazzjoni tagħhom fuq l-ekwipaġġi tal-bastimenti;

4.  jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tinkludix analiżi koerenti ta' l-istat preżenti ta' l-industrija tas-sajd, partikolarment l-isforz għas-sajd;

5.  jenfasizza li numru kbir ta' proposti mressqa se jkollhom l-aktar impatt għal tul ta' żmien medju jew twil fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tas-sajd;

Miżuri immedjati

6.  Jiddeplora l-fatt li fil-qafas ta' l-għajnuniet u r-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni tippersisti li topponi l-possibiltà li tagħti ħlasijiet ta' kumpens u għajnuna għall-operat; għalhekk jenfasizza l-bżonn li jiġu adottati miżuri konkreti u immedjati maħsuba biex inaqqsu l-instabbiltà għolja tal-prezz taż-żejt għall-industrija; jitlob f'dan il-kuntest il-ħolqien ta' fondi ta' garanzija, bil-parteċipazzjoni tal-Komunità sabiex tiggarantixxi l-istabbiltà tal-prezz taż-żejt u l-għoti ta' ħlas ta' kumpens tranżitorju għall-intrapriżi tas-sajd affetwati;

7.  Iqis li huwa neċessarju li jsir użu mill-possibiltajiet u l-marġni finanzjarji kollha fi ħdan il-qafas tal-baġit tal-Komunità għall-2006 sabiex jiġu ffinanzjati miżuri ta' appoġġ straordinarji għall-industrija, li jgħinuha tegħleb id-diffikultajiet imposti miż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt, sakemm l-ebda miżura oħra ma tiġi implimentata;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiggarantixxi l-kompetitività tal-flotta ta' l-UE li topera barra mill-ibħra tal-Komunità li qed tikkompeti fl-istess swieq ma' flotot ta' pajjiżi terzi li l-ispejjeż tagħhom jistgħu jkunu aktar minn 300% inqas minn tal-bastimenti tal-Komunità, biex jistudja l-proposti ta' l-industrija sabiex jinħoloq qafas li jista' joffri krediti ta' taxxi;

9.  Iħeġġeġ biex immedjatament tinħoloq sistema ta' assikurazzjoni pubblika fuq livell nazzjonali u komunitarju li tagħmel tajjeb għal ċirkostanzi mhux previsti fl-industrija tas-sajd;

10. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kriżi attwali marbuta mal-prezz taż-żejt bħala ċirkustanza mhux mistennija bi qbil mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16 tar-Regoli ta' Proċedura (KE) nru 279/1999 tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 1999 li jistabbilixxi l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' l-azzjonijiet strutturali tal-Komunità fl-industrija tas-sajd[3] li jmexxi l-Istrument Finanzjarju għall-Orjentazzjoni dwar is-Sajd (IFOS) sabiex tingħata l-istess għajnuna għal tul qasir ta' żmien bħal f'każ ta' waqfien temporanju ta' l-attivitajiet, mingħajr kriterji tat-tnaqqis ta' kapaċità jew tnaqqis ta' kriterji bijoloġiċi; ifakkar fid-diversi impenji li ilhom ħafna li saru f'dan il-kuntest;

11. Jitlob immedjatament lill-Kummissjoni biex iżżid il-perjodu tal-validità ta' l-għajnuna ta' emerġenza għal 12 -il xahar;

12. Jenfasizza li l-għajnuniet pubbliċi għandhom bl-istess mod ikollhom bħala obbjettiv il-ħarsien ta' l-interessi, ir-risposta għall-bżonnijiet u s-soluzzjoni għall-problemi li qed jaffetwaw l-ekwipaġġi tal-bastimenti;

13. Jesprimi d-diżappunt tiegħu għar-regoli li l-Kummissjoni ħabbret riċentiment meta għolliet , il-limitu massimu ta' l-għajnuna għall-industrija tas-sajd, "id-de minimis" għal 30 000EUR għal tliet snin; ifakkar fit-talbiet insistenti mill-industija u mill-amministrazzjonijiet ta' ħafna Stati Membri li l-ammont ta' għajnuna bħal din tiżdied għal 100 000EUR, u tqabbel din il-figura mal-limitu massimu miftiehem riċentiment għal setturi produttivi oħra li huwa ta 200 000EUR; jiġbed l-attenzjoni fuq l-impenji mogħtija biex jiżdied il-valur tar-regola "de minimis" għall-industrija tas-sajd u jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi b'urġenza l-ftehima adottata riċentiment;

14. jitlob lill-Kummissjoni tantiċipa l-għajnuniet rilevanti ma' l-IFOP jew mal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) futura sabiex jiġu stabbiliti linji finanzjarji li jagħmlu tajjeb għaż-żieda fl-ispejjeż ta' l-operat;

Miżuri b'impatt għal tul ta' żmien medju jew fit-tul

Tibdil u mmodernizzar tal-flotta

15. Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi kkunsidrat fil-qafas ta' programmi futuri għar-ristrutturazzjoni ta' l-investimenti relatati mat-tibdil tat-tagħmir tas-sajd, ix-xiri ta' tagħmir u t-tibdil ta' magni bil-għan li jikkontribwixxu għall-konverzjoni, l-effiċjenza u l-iffrankar ta' l-enerġija;

16. Jikkunsidra li l-pjanijiet għar-ristrutturazzjoni nazzjonali ta' ċertu Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu parti fundamentali mir-ristrutturazzjoni ta' l-industrija tas-sajd;

17. Jiddeplora n-nuqqas ta' viżjoni fl-approċċ il-ġdid tal-Fond Ewropew għas-Sajd biex jgħin fit-tibdil tal-magni; iqis li miżuri bħall-irbit ta' l-għajnuna biex jinbidlu l-magni għall-bastimenti itwal minn 12 -il metru mat-tnaqqis ta' 20% mill-qawwa tagħhom se jagħmlu uħud mill-prattiki tas-sajd prattikament mhux vijabbli u jistgħu jaffetwaw is-sikurezza filwaqt li jistgħu jagħtu lok għal żieda fil-frodi billi l-qawwa tal-magna ma tiġix dikjarata;

18. Jinsisti fuq il-ħtieġa għall-FES li jkompli jagħti għajnuniet għat-tiġdid u l-immodernizzar tal-flotta tas-sajd - b'mod partikolari għat-tibdil ta' magni, għal raġunijiet ta' sikurezza, ħarsien ta' l-ambjent jew għall-effiċjenza taż-żejt - fuq kollox għas-sajd fuq skala żgħira viċin il-kosta u sajd artiġjanali, u għat-tibdil ta' bastimenti li għandhom iktar minn 20 sena, li ma għadhomx joperaw minħabba raġunijiet ta' sikurezza;

Sajd viċin il-kosta

19. Jitlob lill-Kummissjoni tagħraf in-natura speċifika tas- sajd fuq skala żgħira viċin il-kosta u tas-sajd artiġjanali fil-qafas tal-PKS u sabiex tanalizza safejn l-istrumenti attwali huma adegwati biex ilaħħqu mal-bżonnijiet ta' l-industrija, u jadattaw ruħhom għalihom skond il-bżonn;

20. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta maħsuba biex toħloq programm Komunitarju ta' appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira viċin il-kosta u għas-sajd artiġjanali, li jgħin biex jikkorordina azzjonijiet u biex jgħaddi fondi minn strumenti oħra eżistenti sabiex ilaħħqu mal-problemi speċifiċi li din it-taqsima ta' l-industrija qed taffaċja;

Kummerċjalizzazzjoni

21. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni mistennija tniedi evalwazzjoni komprensiva ta' l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tas-Sajd(OKSS) għall-prodotti tal-ħut; jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni ambizjuża ta' l-OKSS jekk wieħed irid itejjeb il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut filwaqt li jsaħħaħ il-valur miżjud;

22. Iqis li huwa bżonnjuż li s-sajjieda jkunu involuti b'mod aktar dirett fit-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni sabiex ikabbru l-bażi tad-dħul tagħhom u jtejjbu l-livell ta' l-għixien tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tippreżnta għal dan il-għan proposti għar-reviżjoni ta' l-OKSS tal-prodotti tal-ħut filwaqt li tintroduċi mekkaniżmi li jippermettu t-titjib tal-prezz ta' l-ewwel bejgħ u sabiex tippromwovi distribuzzjoni ġusta u xierqa tal-valur miżjud fuq il-katina tal-valur;

23. Jiddeplora l-fatt li f'numru ta' każi, il-possibiltajiet offruti mill-OKSS attwali biex jinforzaw il-kompetittività ma kinux użati biżżejjed mill-industrija u jitlob lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni ma' l-amministrazzjonijiet nazzjonali u ma' l-organizzazzjonijiet varji li jirrapreżentaw lill-produtturi, sabiex jagħtu pubbliċità massima li dawn il-possibiltajiet u lill-possibiltajiet ġodda li jistgħu joħorġu minn reviżjoni futura ta' l-OKSS;

24. Iqis importanti li wieħed jikkunsidra li jintroduċi forom oħra ta' intervenzjonijiet simili biex jiggarantixxi l-prezzijiet jew jimmassimizza r-rati tal-profit bħala mezz kif itejjeb id-distribuzzjoni tal-valur miżjud, filwaqt li jnaqqas marġni intermedjarji;

25. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali għandhom jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni u l-ħolqien ta' infrastrutturi għall-kummerċjalizzazzjoni għall-industrija tas-sajd;

26. Jappoġġja l-inizjattiva li tintroduċi kodiċi ta' etika fuq il-kummerċ tal-prodotti tal-ħut fl-Unjoni Ewropea;

27. Japporova l-opinjoni skond liema l-etika ekoloġika tista tiffaċilta d-divrenzjar tal-prodotti u tikkontribwixxi għall-kummerċ sostenibbli tal-prodotti tal-ħut;

28. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-mekkaniżmi - l-għajnuna għall-konsumaturi, per eżempju - mekkaniżmi adattati biex jippromwovu l-prodotti ta' ħut ipproċessat b'valur miżjud ikbar, speċjalment ħut tal-bott, bl-istess mod ta' ċertu prodotti agrikoli;

29. Jitlob immedjatament lill-Kummissjoni tistenna l-promozzjoni esterna tal-prodotti tal--ħut komunitarji bħal ħut tal-bott, filwaqt li tiffinanzja speċjalment il-preżentazzjoni tagħhom f'espożizzjonijiet u fieri internazzjonali;

30. Iqis li hu importanti li l-Kummissjoni tippreżenta studju dwar l-impatt tal-produzzjoni ta' l-akwakultura tal-Komunità u ta' l-importazzjoni fuq il-prezz tal-ħut u b'mod partikolari fuq il-prezz ta' l-ewwel bejgħ;

31. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta miżuri li permezz tagħhom, il-prodotti tal-ħut importati u kkummerċjalizzati fis-suq intern ikunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet bħal prodotti tal-ħut tal-Komunità;

32. Iqis għaqli li wieħed jinvesti fit-titjib tal-'handling' tal-ħut abbord speċjalment permezz ta' għajnuna għal investimenti f'sistemi ta' tkessiħ li jista' jgħolli l-prezz ta' l-ewwel bejgħ;

Mistoqsijiet finanzjarji

33. Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji allokati għall-industrija tas-sajd fil-qafas finanzjarju 2007-2013 u speċjalment għall-FES u jqis li huwa indispensabbli li jżid dawn ir-riżorsi jekk wieħed irid jirrispondi għall-krisi li attwalment qed jaffaċċja dan is-settur;

Sostenibbiltà tar-riżorsi

34. Jitlob għal darba oħra lill-Kummissjoni tadotta approċċ aktar globali tal-miżuri għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu u għar-rikostruzzjoni ta' l-istokks tal-ħut filwaqt li jikkunsidra u jeżamina fatturi oħra li għandhom impatt konsiderevoli fuq l-ambjent marittimu u l-istat tar-riżorsi tas-sajd (it-tniġġiż tal-kosta u tal-baħar, id-drenaġġ industrijali u tal-biedja, il-ħama f'qiegħ il-baħar jew it-trasport marittimu), filwaqt li jtemm is-sistemi amministrattivi preżenti; jitlob lill-Kummissjoni tieħu inizjattiva komunitarja f'dan il-qasam;

35. Josserva l-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u s-sostenibbiltà ambjentali u li bl-istess mod hemm bżonn li jiġi attivat mekkaniżmu li jissussidja jew li jikkumpensa s-sajjieda li ġew affetwati mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-programmi għar-rikostruzzjoni ta' l-istokks tal-ħut u miżuri oħra filwaqt li jinforza l-ħarsien ta' l-ekosistemi fir-reġjuni l-aktar żvantaġġati;

36. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu normi ġuridiċi li jsolvu l-problema tal-qbid tal-ħut f'zoni tas-sajd żgħar minn bastimenti kbar b'tagħmir tas-sajd ikbar milli suppost;

37. Jenfasizza li t-tnaqqis ta' l-isforz u tal-kapaċità tas-sajd għandhom jinbdew mingħajr ma jintilef il-bżonn li nippreżervaw l-industrija tas-sajd għal żmien twil;

38. Huwa persważ li l-problemi soċjali u ekonomiċi li qed tiltaqa' magħhom l-industrija tas-sajd Ewropea ma jistgħux jissolvew mingħajr tmexxija aħjar ta' l-attivitajiet tas-sajd li jippermettu r-rikostruzzjoni ta' l-istokk tal-ħut, minħabba li mingħajr ħut ma jistax ikun hemm sajd;

39. Jenfasizza li l-adattament tal-flotot nazzjonali għar-riżorsi eżistenti għandhom jikkunsidraw it-tnaqqis fl-isforz għas-sajd li diġà sar;

40. Ifakkar li l-miżuri kollha għar-rikostruzzjoni tar-riżorsi tas-sajd għandhom ikunu adottati flimkien ma' konsultazzjoni mas-sajjieda u bbażata fuq riċerka xjentifika dwar is-sajd;

41. Jitlob lill-Kummissjoni tiddistingwi bejn it-tekniki tas-sajd u l-użi tagħhom; jenfasizza li l-prattika ta' ċerti tekniki tas-sajd meqjusa bħala li jagħmlu ħsara lill-industrija jistgħu jkunu inklużi fil-qafas ta' sajd artiġjanali sostenibbli kif ukoll jippermettu li l-komunitajiet tas-sajjieda li tant naqqsu mill-attività tagħhom li kważi sparixxew, ikomplu jeżistu;

42. Jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-attivitajiet tas-sajd mhumiex iżolati waħda mill-oħra iżda jiffurmaw parti minn sistema wiesa' fuq livell reġjonali ta' l-użu massimu tar-riżorsi; jenfasizza li l-miżuri restrittivi (projbizzjoni jew limitazzjoni) imposti fuq kategorija waħda ta' l-attivitajiet joħolqu żbilanċ u r-riżultat ikun li l-isforz għas-sajd jitrasferixxi ruħu fuq speċi oħra, b'konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji għall-komunitajiet tas-sajjieda u għal ċerti speċi li tagħhom kien diġà qed isir sajd iktar milli suppost;

Sajd Illegali

43. Iqis li huwa fundamentali li jiġu adottati miżuri maħsuba biex jiġġieldu s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolatorju; jistieden immedjatament lill-Istati Membri jinfurzaw il-mekkaniżmi għall-kontroll tagħhom f'dan il-qasam; iqis li l-infurzar tal-kontrolli fuq il-fruntieri ta' l-Unjoni huma indispensabbli jekk wieħed irid jipprevjeni d-dħul fl-Unjoni ta' ħut li nqabad illegalment;

44. Jitlob lill-Kummissjoni tivverifika d-dispożizzjonijiet eżistenti tal-PKS relatati mas-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolatorju; jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu elaborati r-regolamenti li jipprevjenu li persentaġġ sinifikanti tal-qabdiet tal-ħut ikunu skartati;

Riċerka

45. Jenfasizza l-bżonn li jiġi promoss l-investiment permezz ta' l-FES u tas-7 Programm Qafas tal-Komunità fil-qasam tar-riċerka, fl-żvilupp teknoloġiku u fl-attivitajiet ta' dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-intensità ta' l-enerġija ta' l-industrija tas-sajd żieda fl-effiċjenza ta' l-enerġija;

46. Iqis importanti li jiġu eżaminati l-possibiltajiet għat-tibdil ta' ċertu tipu ta' żejt kif ukoll tas-sinerġiji li jitgħu jinsabu fil-biedja għas-settur ta' l-enerġija;

L-amministrazzjoni tal-PKS

47. Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni rigward l-amministrazzjoni ekomonika tas-sajd, iżda jfakkar li d-distribuzzjoni tal-kwoti u d-drittijiet tas-sajd huma kompetenzi esklussivi ta' l-Istati Membri;

Parteċipazzjoni fit-tmexxija tal-PKS

48. Jenfasizza li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali jista' jkollhom irwol importanti fil-parteċipazzjoni tas-sajjieda fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-politika komuni tas-sajd; Jenfasizza li huwa importanti li dawn il-Kunsilli jirċievu għajnuna Komunitarja biex ikunu jistgħu joperaw li għandha tiġi evalwata mill-ġdid fi żmien ħames snin;

49. Jinsisti fuq il-bżonn li s-sajjieda jiġu appoġġjati u li l-organizzazzjonijiet professjonali huma lesti li jaqsmu r-responsabbiltà fl-implimentazzjoni tal-PKS (ko-amministrazzjoni);

50. Jitlob li l-PKS tkun aktar deċentralizzata sabiex tiggarantixxi l-parteċipazzjoni ikbar tas-sajjieda, ta' l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentawhom u tal-komunitajiet tas-sajjieda fil-PKS u t-titjib ta' l-amministrazzjoni tas-sajd; t-titjib ta' l-amministrazzjoni tas-sajd;

51. Jenfasizza li bżonn li jiġu regolamentati aħjar is-swieq tal-ħut permezz ta' sistema ta' kontroll effikaċi, ta' programm ta' etikett ekoloġiku u l-ħolqien ta' kodiċi ġuridika speċifika għall-industrija tas-sajd;

***

52. Jitlob lill-President tiegħu iwassal din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta; l-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 271ºE tas-7 11.2002, p.º401.
  • [2]  ĠU C 157ºE tas-6.7.2006, p.º324.
  • [3]  ĠU L 83 ta' l-4.4.2000, p.35

NOTA SPJEGATTIVA

L-Industrija tas-Sajd

L-industrija tas-sajd hija ta' importanza strateġika għas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika, għall-provvista pubblika tal-ħut u għall-ekwilibriju tal-bilanċ ta' l-ikel f'diversi Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (UE). L-industrija tagħti kontribuzzjoni konsiderevoli għall-iżvilupp lokali tal-komunitajiet li jgħixu madwar il-kosta, għax-xogħol, għall-manutenzjoni u/jew għall-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi, għall-provvista ta' ħut frisk u għaż-żamma tat-tradizzjonijiet kulturali lokali.

Fl-2004, il-flotot differenti ta' l-UE kienu jammontaw għal madwar 90,000 bastiment u kienu jimpjegaw direttament madwar 190,000 sajjied. Hemm differenzi konsiderevoli bejn il-flotot, bejn it-taqsimiet tal-flotot, l-ispeċijiet immirati, it-tagħmir għas-sajd, il-produttività, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-kwantità ta' ħut li kull persuna tikkonsma fl-Istati Membri differenti.

Madanakollu, l-industrija tas-sajd hija fuq kollox ikkonċentrata f'reġjuni li għandhom ekonomija dgħajfa li jiddependu ħafna fuq l-industrija, li ħafna minnhom huma reġjuni żvantaġġati (reġjuni ta' l-Objective 1). Fl-2003, madwar 63% tas-sajjieda, 25% ta' l-impjiegi relatati ma' l-industrija u 45% ta' l-impjiegi ġenerati mill-akwakultura kienu lokalizzati f'reġjuni żvantaġġati li jiddependu fuq is-sajd.

L-industrija hija wkoll ikkaratterizzata mill-insigurtà tad-dħul u tas-salarji li jirriżultaw mill-karatteristiċi irregolari ta' l-attività u mill-mod kif il-ħut huwa rriklamat, speċjalment mill-mod kif il-prezz ta' l-ewwel bejgħ huwa stabbilit.

F'dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni ekonomika ta' ħafna intrpriżi tas-sajd marret lura minħabba nuqqas ta' dħul, b'riperkussjonijiet soċjali preokkupanti.

In-nuqqas konsiderevoli ta' dħul huwa parzjalment ikkawżat mir-restrizzjonijiet fuq l-industrija tas-sajd u mill-istagnar/tnaqqis tal-prezzijiet ta' l-ewwel bejgħ li huwa r-riżultat ta' l-industrija u l-kundizzjonijiet ħżiena tas-suq. Madanakollu, d-dinamika tas-suq tipprevjeni varjazzjonijiet fl-ispejjeż (speċjalment tal-prezz taż-żejt) milli jkollhom impatt fuq il-prezzijiet tal-ħut.

Il-prezz medju ta' l-ewwel bejgħ stagna jew niżel mis-sena 2000, mingħajr ma rrifletta ruħu fi tnaqqis tal-prezz finali tal-ħut frisk għall- konsumatur.

L-Organizzazzjoni Komuni għas-Suq tas-Sajd (OKSS) ma għenitx biex titjib id-distribuzzjoni tal-valur miżjud permezz tal-katina tal-valur ta' l-industrija.

Fl-aħħar għaxar snin, l-industrija tas-sajd rat telf ta' 35% ta' l-impjiegi, 20% telf fin-numru ta' bastimenti u telf ta' 28% tas-sajdiet. Ir-reviżjoni tal-Politika Komuni għas-Sajd ta' l-2002 mhux talli ma bidlitx din it-tendenza talli s-sitwazzjoni ħżienet.

Ir-riżultat hu li l-UE diġà timporta 40% tal-prodotti tal-ħut li tikkonsma, u li d-deficit tal-bilanċ tal-kummerċ tal-prodotti tal-ħut mal-pajiżi terzi qed jikber f'dawn l-aħħar snin.

Il-promozzjoni ta' l-iskartar ta' bastimenti irrispettivament mill-karatteristiċi speċifiċi tal-flotot u mill-bżonnijiet tal-konsum f'kull Stat Membru, kienet il-forza sabiex jiġi adattat id-daqs tal-flotta mar-riżorsi tas-sajd eżistenti b'konsegwenzi ekonomiċi u soċjali konsiderevoli.

Madanakollu, it-tnaqqis tat-tunnellaġġ gross u s-saħħa tal-magna ma laħqitx ma' l-intensità tat-tnaqqis tan-numru ta' bastimenti. Għal kuntrarju, t-tunnellaġġ gross u s-saħħa medja ta' kull bastiment żdiedet f'dawn l-aħħar snin.

Ċerti Stati Membri sabu ruħhom aktar affetwati minn oħrajn mit-tnaqqis fl-attività tas-sajd; flotot ta' xi Stati Membri raw tnaqqis fl-attività tas-sajd globali għola mill-medja tal-Komunità, filwaqt li flotot oħra żiedu l-isforz tagħhom għas-sajd.

Il-krisi li qed tolqot lill-industrija tas-sajd ħżienet biż-żieda fil-prezz taż-żejt f'dawn l-aħħar tliet snin, sitwazzjoni li hija maħsuba li hi strutturali fin-natura tagħha u li kellha impatt partikolari fuq l-industrija tas-sajd, li qed taggravata l-kriżi eżistenti u li qed taffetwa l-marġni ta' l-operat tagħha u l-vijabbiltà ekonomika.

Bejn l-2004 u l-2006, il-prezz taż-żejt għola b'100% u dan jirrapreżenta madwar 40% ta' l-ispejjeż totali għall-operat ta' l-industriji tas-sajd.

Il-Kummissjoni tistma li t-telf mid-dħul ta' l-ekwipaġġi tela' għal madwar 25% , meta wieħed iqis li s-salarji tagħhom jirrapreżentaw persentaġġ mill-valur tal-qabdiet. Jirriżulta minn ċerti studji li jeżisti riskju li minħabba ż-żieda fil-prezz taż-żejt, se jintilfu madwar 30% ta' l-industriji tas-sajd u aktar minn 16 000 imjieg .

Kummenti tar-'rapporteur'

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "it-titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd", tipprovdi stampa relattivament ċara tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija, iżda s-soluzzjonijiet proposti mhumiex biżżejjed u għandhom jiġu kkunsidrati bħala inadegwati jekk wieħed iżomm f'moħħu l-bżonn li jiġu adottati miżuri ta' emerġenza sabiex tiġi appogġata l-industrija quddiem sitwazzjoni soċjo-ekonomika serja li hija qed tiġġieled biex tlaħħaq magħha. Il-Kummissjoni stess tinnota u tiddeskrivi din is-sitwazzjoni serja.

Għalkemm uħud mill-miżuri proposti mill-Kummissjoni jistgħu jkunu raġonevoli, dawn mhumiex miżuri ta' emerġenza u ċertament ma għandhomx effetti immedjati jew fuq ta' żmien qasir, . Għalhekk, dawn il-miżuri ma jirrispondux għall-bżonnijiet kurrenti ta' l-industrija.

Dawn il-miżuri waslu tard wisq u ma jissodisfawx l-impenji li ħadet il-Kummissjoni f'laqgħa mar-rappreżentanti ta' l-industrija fid-29 ta' Lulju 2005.

Dawn il-miżuri ma jagħmlu l-ebda proposta sabiex jinfurzaw l-approprjazzjonijiet għall-industrija fil-baġit tal-Komunità u ma jipproponi l-ebda strument ġdid, li jqajjem dubji mhux biss rigward l-effettività tagħhom iżda wkoll fuq il-livell ta' viżjoni u impatt attwali li jista' jkollhom fuq "it-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika" fl-industrija.

Id-diffikultajiet li qed taffaċja l-industrija essenzjalment huma ġejjin mill-problemi marbuta ma' l-ispejjeż strutturali, li huma għoljin b'mod eseġerat meta mqabbla mar-riżultat miksub. Barra minn hekk, dawn l-ispejjeż gravaw f'daqqa waħda minħabba ż-żieda drastika tal-prezz taż-żejt.

Dan ifisser li s-soluzzjoni ta' "sforz inqas tas-sajd" u "l-adattament tal-flotta", jiġifieri, il-promozzjoni tal-waqfien permanenti ta' l-attività tal-bastimenti, ma tistax titqies bħala soluzzjoni ġenwina għall-problema, speċjalment meta l-iskop hu li "titjib is-sitwazzjoni ekonomika fl-industrija", Sakemm l-idea mhijiex li l-provvista tal-ħut tkun daqshekk baxxa (sakemm il-ħut frisk mhux qed teħodlu postu provvista ta' ħut impurtat jew ħut ta' l-akwakultura) li s-suq, affaċjat minn nuqqas ta' prodotti tal-ħut, jiġġenera qabża drammatika 'l fuq fil-prezz tal-ħut.

Ir-'rapporteur' jiddeplora l-politika li billi tieħu vantaġġ mid-deterjorazzjoni soċjo-ekonomika ta' l-industrija, li ħżienet miż-żieda qawwija fil-prezz taż-żejt, tippromwovi l-iskartar tal-basimenti u t-twaqqif permanenti ta' l-attività. Fl-opinjoni tar-'rapporteur' tagħkom, riferenzi għal "l-adattament tal-flotta" mhumiex xierqa meta l-għan huwa li "titjib is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija". Din il-kwistjoni fuq kollox hija marbuta mal-problema tal-bilanċ bejn id-dħul (li qed jonqos) u l-ispejjeż għall-operat (li qed jiżdiedu) ta' l-industrija.

Din hija r-raġuni għalfejn il-konkluzjoni tal-Kummissjoni, skond liema, "huwa partikolarment importanti li titneħħa l-kapaċità eċċessiva", ma ssolvix il-problema.

Bl-istess mod, jekk nibdew mill-prinċipju li restrizzjonijiet suċċessivi fuq is-sajd li ġew implimentati, għalkemm mhumiex l-unika kawża, ikkontribwew biex ikomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni ta' l-industrija, ma jiġix jagħmel sens li dawn għandhom jiġu aċċettati jew meqjusa bħala miżuri għat-'titjib tas-sitwazzjoni ekonomika' ta' din ta' l-aħħar.

Titjib effettiv tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tas-sajd, jeħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri ta' emerġenza li jipprovdu rispons immedjat u effettiv għall-bżonnijiet soċjo-ekonomiċi ta' l-industrija, flimkien ma' l-adozzjoni ta' miżuri li l-implimentazzjoni u l-impatt tagħhom huma għal tul ta' żmien medju jew twil. Minħabba li qed nittrattaw politika komuni tal-Komunità -il-Politika Komuni għas-Sajd, din għandha tassumi b'mod koerenti, l-iffinanzjar ta' l-ispejjeż.

Jidher b'mod ċar li r-reviżjoni tal-PKS fl-2002 mhux biss falliet milli tpoġġi l-flotot differenti ta' l-UE fit-triq lejn sostenibbiltà talli ħażżnet is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-industrija, b'attenzjoni partikolari fuq in-nuqqas ta' l-impjiegi u tas-sajdiet.

Il-Proposti tar-Rapporteur

Bil-proposti tal-Kummissjoni f'moħħu, ir-'rapporteur' fittex li jinkludi f'dan ir-rapport il-proposti mressqa mill-organizzazzjonijiet rappreżentanti ta' l-industrija tas-sajd u li jistabbilixxi mill-ġdid l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew rigward il-Fond Ewropew għas-Sajd.

Ir-'rapporteur' iqis li l-proposti mressqa ma jistgħux ikunu limitati biss għall-qafas dejjaq kif inhu l-approċċ tal-Kummissjoni. Jekk l-obbjettiv hu li tinstab l-aħjar soluzzjoni sabiex 'titjib is-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija', ikollna nressqu l-proposti kollha possibbli sabiex jitlaħaq dan il-ftehim kemm għal futur immedjat u kemm għal tul ta' żmien medju u twil.

Rigward il-miżuri immedjati, ir-'rapporteur' jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni qed tkompli timblokka l-possibbiltà ta' l-għajnuna għall-operat u l-miżuri konkreti li għandhom inaqqsu l-instabbiltà għolja tal-prezz taż-żejt għall-industrija. Għalhekk ir-'rapporteur' jitlob f'dan il-kuntest il-ħolqien ta' fondi ta' garanzija, bil-parteċipazzjoni tal-Komunità sabiex jiggarantixxu l-istabbiltà tal-prezz taż-żejt u l-għoti ta' ħlas ta' kumpens tranżitorju għall-intrapriżi tas-sajd affetwati; ir-'rapporteur' iqis indispensabbli l-ħolqien ta' sistema ta' assikurazzjoni pubblika garantita fuq livelli nazzjonali u Komunitarji maħsuba biex tagħmel tajjeb għaċ-ċirkostanzi imprevisti fl-industrija tas-sajd bħal fil-każ ta' setturi oħra.

Rigward il-baġit tal-Komunità għas-sena finanzjarja kurrenti, ir-'rapporteur' iqis neċessarju li jsir użu mill-possibiltajiet u mill-marġni finanzjarji kollha sabiex ikun jistgħu jiġu ffinanzjati miżuri ta' appoġġ straordinarji għall-industrija. Rigward l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS), ikun xieraq li wieħed janalizza l-possibilitajiet ta' għajnuna kollha speċjalment għajnuna minn qabel, (bil-ħsieb li jiġu stabbiliti linji finanzjarji li jagħmlu tajjeb għaż-żieda ta' l-ispejjeż ta' l-operat) u/jew filwaqt li tkun ikkunsidrata l-kriżi taż-żejt kurrenti bħala ċirkustanza mhux prevista koperta minn l-Artikolu 16 tar-Regolamnet 2792/1999. Minkejja dan, ir-'rapporteur' jinnota l-marġni ta' l-SFGS jista' jkun żgħir, jekk wieħed iżomm f'moħħu li ġie rrappurtat li xi Stati Membri diġà użaw l-approprjazzjonijiet awtorizzati.

F'dak li jirrigwarda l-għajnuna ta' emerġenza proposta mill-Kummissjoni, ir-'rapporteur' jikkunsidra li ż-żmien għal din l-għajnuna għandu jiżdied għal 12 -il xahar. Ir-'rapporteur' jipproponi wkoll żieda fil-valur tad-'de minimis' għall-industrija tas-sajd u jenfasizza li dan il-pass għandu jittieħed b'urġenza filwaqt li l-valur isir l-istess bħal dak ta' setturi produttivi oħra, jiġifieri, jitla' sa 100 000 EUR.

Flimkien ma' dawn il-miżuri, huwa importanti ukoll li jiġu enfasizzati miżuri b'impatt għal tul ta' żmien medju jew twil. Sakemm ikun meqjus meħtieġ li jkunu garantiti riżorsi finanzjarji adegwati, ir-'rapporteur' huwa ta' l-opinjoni li l-approprjazzjonijiet destinati għall-Fond Ewropew għas-Sajd, jeħtieġ li jiżdiedu.

Fil-qasam tar-riċerka, hemm bżonn li jkun garantit investiment biżżejjed tas-7 Programm Qafas tal-Komunità għar-riċerka fl-industrija tas-sajd, speċjalment bil-ħsieb li tkun imtejba l-effiċjenza ta' l-enerġija.

Rigward l-immodernizzar u l-irrinovar tal-flotta, ir-'rapporteur' jilqa' l-investiment ibbażat fuq tibdil tal-magni għas-sajd, fuq ix-xiri ta' tagħmir u t-tibdil ta' muturi bil-għan li jikkontribwixxu għall-konverzjoni, l-effiċjenza u l-iffrankar ta' l-enerġija; Minkejja dan jinsisti fuq il-proposta tal-Parlament Ewropew li l-Fond Ewropew għas-Sajd għandu jkompli jagħti għajnuniet għat-tiġdid u l-immodernizzar tal-flotot tas-sajd, speċjalment sabiex jinbidlu l-magni għal raġunijiet ta' sikurezza, għall-ħarsien ta' l-ambjent u għall-effiċjenza taż-żejt.

Bi qbil mar-rapport tal-Kumitat għas-Sajd dwar is-sajd madwar il-kosta, ir-'rapporteur' jinsisti fuq il-bżonn li jiġu rikonoxxuti l-karatteristiċi tas-sajd fuq skala żgħira madwar il-kosta u tas-sajd artiġjanali fil-qafas tal-PKS, u sabiex jipproċedi biex jagħmel it-tibdiliet neċessarji sabiex l-istrumenti attwali jkunu jistgħu jlaħħqu mal-bżonnijiet tas-settur. Ir-'rapporteur' fl-istess waqt jipproponi l-adozjoni ta' inizjattiva Komunitarja għal din it-taqsima tal-flotta, speċjalment permezz tal-ħolqien ta' programm Komunitaju li jappoġġja s-sajd fuq skala żgħira madwar il-kosta u s-sajd artiġjanali.

Rigward is-sostenibbiltà tar-riżorsi, ir-'rapporteur' jitlob li tittieħed inizjattiva Komunitarja sabiex tistudja l-fatturi li għandhom impatt konsiderevoli fuq l-ambjent marittimu u fuq ir-riżorsi tas-sajd (it-tniġġiż tal-kosta u tal-baħar, id-drenaġġ industrijali u tal-biedja, il-ħama f'qiegħ il-baħar jew it-trasport marittimu) filwaqt li jtemm is-sistemi amministrattivi preżenti.

Għandha tinġibed l-attenzjoni f'dan ir-rigward għall-proposta tal-Parlament Ewropew stabbilita f'riżoluzzjoni tiegħu fuq metodi tas-sajd li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, li ddeskrivitu bħala essenzjali sabiex jinkiseb bilanċ bejn is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika u s-sostenibbiltà ambjentali, li timplika l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' sussidju jew ta' kumpens għas-sajjieda sabiex jagħmlu tajjeb għall-effetti negattivi li sajd li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent jista' jkollu, speċjalment għal min japplika din l-attività f'reġjuni inqas żviluppati.

Billi huwa daqshekk ieħor importanti li l-adattament tal-flottot għar-riżorsi eżistenti għandu jikkunsidra t-tnaqqis ta' l-isforz għas-sajd li diġà seħħ u l-bżonnijiet tal-konsum rispettivi fl-Istati Membri kkonċernati, ir-'rapporteur tagħkom ifakkar li l-miżuri kollha għandhom ikunu adottati flimkien mas-sajjieda u jkunu bbażati fuq riċerka xjentifika dwar is-settur tas-sajd.

Rigward il-kummerċjalizzazzjoni, ir-'rapporteur' huwa ta' l-opinjoni li hemm bżonn ta' evalwazzjoni fil-dettall ta' l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tas-Sajd (OKSS) attwali tal-prodotti tal-ħut, sabiex titjib il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd, kif ukoll il-prezz ta' l-ewwel bejgħ u l-infurzar tal-valur miżjud.

Ir-'rapporteur' ifakkar fil-proposta tal-Parlament Ewropew għal ħolqien ta' mekkaniżmi li jippromwovu l-konċentrazzjoni tal-provvista, speċjalment billi jkun appoġġjat it-twaqqif u t-tmexxija ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) nru 3759/1992.

Bil-ħsieb li jitnaqqsu l-marġni ta' intermedjazzjoni u t-tijib ta' l-ewwel bejgħ, ir-'rapporteur' huwa ta' l-opinjoni li għandha ssir evalwazzjoni ta' forom oħra ta' intervenzjoni tas-suq (per eżempju dwar prezz garantit jew dwar l-impozizzjoni ta' rati massimi tal-profit).

Ir-'rapporteur'jenfasizza l-bżonn li jitwaqqfu organi 'inter-trade' bejn proprjetarji u ħaddiema fl-industrija tas-sajd, li għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu bejn id-diversi partijiet involuti fl-industrija. Għalhekk jappoġjġa inizjattiva ta' l-industrija li tintroduċi kodiċi ta' etika dwar il-kummerċ tal-prodotti tal-ħut fl-UE.

Huwa daqshekk ieħor importanti li jiġu studjati mekkaniżmi - bħal għajnuna għall-konsum - għar-riklamar ta' prodotti ta' ħut ipproċessat b'valur miżjud akbar, kif ukoll bħala miżuri li jiżguraw il-promozzjoni esterna ta' prodotti tal-ħut tal-Komunità, bħall-ħut tal-bott, speċjalment billi jkun iffinanzjat ir-riklamar tagħhom f'espożizzjonijiet u fieri internazzjonali.

Rigward il-prezzijiet il-Kummissjoni għandha tippreżenta studju dwar l-impatt tal-produzzjoni ta' l-akwakultura tal-Komunità u ta' l-importazzjoni fuq il-prezz tal-ħut u b'mod partikolari fuq il-prezz ta' l-ewwel bejgħ; Sabiex tiġi evita kompetizzjoni inġusta, ir-'rapporteur' jenfasizza l-bżonn li jiġu applikati l-istess rekwiżiti tal-prodotti tal-ħut tal-Komunità riklamati fis-suq intern għall-prodotti tal-ħut impurtati.

Rigward l-amministrazzjoni, ir-'rapporteur' ifakkar li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali jistgħu jkollhom irwol importanti fil-parteċipazzjoni tas-sajjieda fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-PKS, u li huwa importanti li dawn il-Kunsilli jirċievu għajnuna Komunitarja permanenti biex ikunu jistgħu jkomplu joperaw. Ir-'rapporteur' jinsisti wkoll fuq il-bżonn li jkunu appoġġjati gruppi ta' sajjieda u l-organizzazzjonijiet professjonali li huma lesti li jaqsmu r-responsabbiltà għall-applikazzjoni tal-PKS (ko-amministrazzjoni) kif enfasizza l-Parlament Ewropew rigward il-Fond Ewropew għas-Sajd. Fl-aħħar, ir-'rapporteur ' huwa ta' l-opinjoni li tkun biss deċentralizzazzjoni ikbar tal-PKS li tiggarantixxi parteċipazzjoni ikbar tas-sajjieda, ta' l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentawhom u tal-komunitajiet tas-sajjieda fil-Politika Komuni għas-Sajd u fit-titjib tat-tmexxija ta' l-industrija tas-sajd.

PROĊEDURA

Titolu

It-titjib tal-qagħda ekonomika ta' l-industrija tas-sajd

Numru tal-Proċedura

2006/2110(INI)

Kumitat Responsabbli
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

PECH
18.5.2006

Kumitat(i) mitlub(a) jagħti/u opinjoni
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ENVI
14.6.2006

 

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija
  Data tad-deċiżjoni

ENVI
14.6.2006

 

 

 

 

Koperazzjoni aktar mill-qrib
  Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

 

 

 

 

 

Rapporteur(s)
  Data tal-ħatra

Pedro Guerreiro
19.4.2006

 

Rapporteur(s) preċedenti

 

 

Eżami fil-kumitat

2.5.2006

21.6.2006

 

 

 

Data ta' l-adozzjoni

28.8.2006

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Iles Braghetto, Luis Manuel Capoulas Santos, Paulo Casaca, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Carmen Fraga Estévez, Alfred Gomolka, Pedro Guerreiro, Heinz Kindermann, Henrik Dam Kristensen, Albert Jan Maat, Philippe Morillon, Willi Piecyk, Dirk Sterckx, Struan Stevenson, Margie Sudre

Sostitut(i) preżenti għall-votazzjoni finali

Dorette Corbey, Carl Schlyter

Sostitut(i) (skond l-Artikolu 178(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Alfonso Andria, Kyriacos Triantaphyllides

Data tat-tressiq 

12.9.2006

Kummenti (informazzjoni disponibbli b'lingwa waħda biss

...